Language of document : ECLI:EU:F:2013:212

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑133/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni — Kumpens għad-dannu li jirriżulta minħabba l-fatt li l-istituzzjoni tibgħat lill-avukat tar-rikorrent ittra dwar l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mir-rikorrent — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat — Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu LMarcuccio, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu għal kumpens tad-dannu li allegatament irriżulta mill-fatt li ntbagħtet ittra lill-avukat li rrappreżentah minn Ġunju 2007 quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, l-“avukat tar-rikorrent” jew l-“avukat tiegħu”) rigward il-ħlas tal-ispejjeż marbuta ma’ 24 kawża li saru res judicata li fihom huwa ġie kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensah għad-danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, manifestament infondat. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea. L. Marcuccio huwa kkundannat iħallas lit-Tribunal is-somma ta’ EUR 2 000.


Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Talba għall-annullament tad-deċiżjoni prekontenzjuża li tiċħad talba għad-danni — Talba li ma hijiex awtonoma meta mqabbla mat-talbiet għal kumpens

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż legali — Spejjeż imposti fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minħabba r-rikors abbużiv ta’ uffiċjal — Kundanna tal-uffiċjal għar-rimbors tal-ispejjeż imsemmija

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 94)

1.      It-talbiet għal annullament diretti kontra l-att li jinkludi t-teħid ta’ pożizzjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-kumpens matul il-fażi prekontenzjuża ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu mit-talbiet għal kumpens għaliex dan l-att għandu biss l-effett li jippermetti li l-imsemmija talbiet jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punt 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Ottubru 2004, I vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑256/02, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk dan it-tribunal sostna spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari jekk ir-rikors huwa ta’ natura manifestament abbużiva, huwa jista’ jikkundanna lill-parti li kkawżathom tħallashom kollha jew tħallas parti minnhom mingħajr ma l-ammont ta’ dan ir-rimbors ikun jista’ jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 000.

Rikors huwa manifestament abbużiv fil-każ li rikorrent jagħżel l-azzjoni legali mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni valida u meta jkun diġà, f’diversi kawżi, qajjem motivi u lmenti simili, jew saħansitra identiċi, għal dawk imressqa insostenn tar-rikors inkwistjoni, u dawn il-motivi jkunu ġew miċħuda b’digriet, fil-kawżi kollha mressqa mir-rikorrent, bħala manifestament inammissibbli jew manifestament infondati fid-dritt.

(ara l-punti 52 sa 54)