Language of document : ECLI:EU:T:2019:271

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

30 ta’ April 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji implimentata minn Franza favur il-portijiet tagħha – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Għajnuna eżistenti – Kunċett ta’ attività ekonomika – Obbligu ta’ motivazzjoni – Distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Fil-Kawża T‑747/17,

Union des ports de France – UPF, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn C. Vannini u E. Moraïtou, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2116 tas‑27 ta’ Lulju 2017 dwar skema ta’ għajnuna Nru SA.38398 (2016/C, ex 2015/E) implimentata minn Franza – Taxxa tal-portijiet fi Franza (ĠU 2017, L 332, p. 24),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, S. Papasavvas u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-sena 2013, id-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea bagħtu lill-Istati Membri kollha kwestjonarju dwar il-funzjonament u t-tassazzjoni tal-portijiet tagħhom sabiex ikollhom stampa globali u sabiex jiċċaraw is-sitwazzjoni tal-portijiet fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat. Sussegwentement, kien hemm diversi skambji ta’ korrispondenza bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

2        Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Lulju 2014, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 339), il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Franċiżi dwar l-evalwazzjoni preliminari tagħha tar-regoli dwar it-tassazzjoni tal-portijiet fid-dawl tal-klassifikazzjoni possibbli tagħhom bħala għajnuna mill-Istat u l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern. Bħala konklużjoni ta’ din l-ittra, hija qieset, b’mod preliminari, li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji (iktar ’il quddiem it-“TK”) għall-benefiċċju tal-portijiet Franċiżi kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat eżistenti inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u stiednet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-evalwazzjoni preliminari.

3        L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Novembru 2014. Fit‑12 ta’ Diċembru 2014, saret laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi. Fil‑15 ta’ Jannar 2015, dawn tal-aħħar bagħtu osservazzjonijiet supplimentari lill-Kummissjoni. Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ġunju 2015, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wieġbu għal din l-ittra billi ppreċiżaw li huma kienu ser iżommu l-istess opinjoni preliminari espressa fl-ittra tad‑9 ta’ Lulju 2014.

4        Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha u pproponiet li l-awtoritajiet Franċiżi, abbażi tal-Artikolu 108(1) TFUE u tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), ineħħu, permezz ta’ miżuri xierqa, l-eżenzjoni mit-TK għall-benefiċċju tal-portijiet għall-ammont tad-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom mill-bidu tas-sena fiskali 2017. L-awtoritajiet Franċiżi kienu mistiedna jagħtu opinjoni fi żmien xahrejn, inkundizzjonalment u mingħajr ambigwità, dwar il-proposta tal-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 2015/1589.

5        Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni. Fis‑27 ta’ Ġunju 2016, ġiet organizzata laqgħa bejn l-awtoritajiet Franċiżi u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

6        Peress li l-awtoritajiet Franċiżi ma aċċettawx, inkundizzjonalment u mingħajr ambigwità, il-miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni, din tal-aħħar iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 2015/1589. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 302, p. 23, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Il-Kummissjoni stiednet lil Franza tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kontenut tad-deċiżjoni. Hija stiednet ukoll lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni.

7        L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Settembru 2016. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand diversi partijiet interessati, fosthom ir-rikorrenti, l-Union des ports de France – UPF. Il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lir-Repubblika Franċiża, li ngħatat l-opportunità li twieġeb. Hija rċeviet l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Novembru 2016. Fis‑16 ta’ Novembru 2016, ġiet organizzata laqgħa bejn l-awtoritajiet Franċiżi u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

8        Fis‑27 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni (UE) 2017/2116 dwar skema ta’ għajnuna Nru SA.38398 (2016/C, ex 2015/E) implimentata minn Franza – Taxxa tal-portijiet fi Franza (ĠU 2017, L 332, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        Id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑14 ta’ Diċembru 2017. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ parti interessata li ppreżentat osservazzjonijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, permezz tal-ittra tas‑6 ta’ Settembru 2017.

10      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiddisponi dan li ġej:

“L-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-portijiet awtonomi (li uħud minnhom saru portijiet marittimi kbar), il-kmamar tal-kummerċ marittimi, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija li jimmaniġġaw il-faċilitajiet tal-portijiet, il-muniċipalitajiet konċessjonarji ta’ għodda pubblika li hija proprjetà tal-Istat fil-portijiet marittimi kif ukoll l-impriżi li huma setgħu jissostitwixxu għall-użu ta’ din l-għodda, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat eżistenti, li hija inkompatibbli mas-suq intern.”

11      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata:

“1.      Franza hija obbligata tneħħi l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva msemmija fl-ewwel artikolu u tissoġġetta lill-entitajiet għat-taxxa korporattiva li għalihom tapplika din l-eżenzjoni.

2.      Il-miżura li permezz tagħha Franza twettaq l-obbligi tagħha taħt il-paragrafu 1, għandha tiġi adottata qabel tmiem is-sena kalendarja attwali fid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Din il-miżura għandha tapplika għad-dħul iġġenerat minn attivitajiet ekonomiċi sa mhux aktar tard mill-bidu tas-sena fiskali wara l-adozzjoni tagħha.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

15      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Wara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), il-Kummissjoni ċċarat il-pożizzjoni tagħha waqt is-seduta billi sostniet li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolatorju, hija tinvolvi miżuri ta’ eżekuzzjoni fil-konfront tal-membri tar-rikorrenti, b’mod li dawn kellhom juru li huma direttament u individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni.

16      Sussegwentement, fir-rigward tal-inċidenza individwali fuq il-membri tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li dawn il-membri jappartjenu għal ċirku miftuħ ta’ entitajiet li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-TK u sempliċiment għandhom il-kwalità ta’ benefiċjarji potenzjali tal-iskema inkwistjoni. Barra minn hekk, hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma tibdilx id-drittijiet miksuba mill-imsemmija membri, sakemm ma jeżistix, bħala prinċipju, dritt miksub għaż-żamma ta’ sistema fiskali għall-futur. Għaldaqstant, dawn il-membri ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

17      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-missjonijiet ta’ difiża tagħha u r-rappreżentanza tal-interessi tal-membri tagħha quddiem il-qrati tal-Unjoni previsti mill-istatuti interni tagħha sabiex tipprova l-assenjazzjoni tal-interessi tagħha stess, sakemm dan l-att ma jkunx jikkostitwixxi dispożizzjoni legali tad-dritt tal-Unjoni li espressament tirrikonoxxi ċerti possibbiltajiet proċedurali. Bl-istess mod, hija tqis li s-sempliċi parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma hijiex ta’ natura li tagħtiha l-locus standi.

18      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti u ssostni li l-membri tagħha huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li hija stess għandha locus standi.

19      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att li ma hijiex destinatarja tiegħu. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan tal-aħħar ikun jirrigwardaha direttament (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rikorsi ppreżentati minn assoċjazzjonijiet, bħalma huma dawk tar-rikorrenti, huma ammissibbli fi tliet ċirkustanzi, jiġifieri meta jirrappreżentaw l-interessi ta’ membri tagħhom li jkollhom interess ġuridiku, jew meta jkunu individwati minħabba li jkunu ntlaqtu fl-interessi tagħhom inkwantu assoċjazzjoni, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħhom ta’ negozjatur tkun ġiet affettwata bl-att li jkun qed jintalab l-annullament tiegħu, jew inkella meta dispożizzjoni legali tirrikonoxxi lilhom espressament numru ta’ possibbiltajiet ta’ natura proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, T‑189/08, EU:T:2010:99, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas‑26 ta’ April 2016, EGBA u RGA vs Il‑Kummissjoni, T‑238/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:259, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-ebda dispożizzjoni legali tad-dritt tal-Unjoni ma tirrikonoxxi espliċitament possibbiltajiet ta’ natura proċedurali lir-rikorrenti. Is-sempliċi fatt li l-istatuti tagħha jagħtuha l-missjoni li tiddefendi l-interessi ġenerali tal-membri tagħha u li tirrappreżentahom quddiem il-qrati tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Barra minn hekk, il-locus standi tar-rikorrenti ma jistax jiġi inferit biss mill-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kwalità tagħha bħala parti interessata, anki jekk tali element jista’ jikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 56, u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il‑Kummissjoni, T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 53).

23      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnix li l-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi kienet ġiet affettwata mid-deċiżjoni kkontestata, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38).

24      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhiex locus standi sa fejn hija tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha li huma nnifishom ikollhom interess ġuridiku, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq.

25      Hemm lok li jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza, f’din l-ipoteżi, il-locus standi ta’ assoċjazzjoni huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li l-preżentata ta’ rikors minn assoċjazzjoni tirrappreżenta vantaġġi proċedurali billi tippermetti li jiġi evitat li numru kbir ta’ rikorsi differenti jiġu ppreżentati kontra l-istess atti, peress li l-assoċjazzjoni tissostitwixxi lil wieħed jew iktar mill-membri tagħha li tirrappreżenta l-interessi tagħhom, minkejja li dawn il-membri kienu huma stess fil-pożizzjoni li jippreżentaw rikors ammissibbli (sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punt 60, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill, T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punt 35).

26      Għaldaqstant, assoċjazzjoni ma tistax tinvoka l-fatt li hija tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha li ppreżentaw ir-rikors tagħhom innifishom, peress li dawn jirrappreżentaw l-interessi tagħhom stess (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill, T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li dan ir-rikors ma jistax jiġi ddikjarat ammissibbli abbażi tar-rappreżentanza mir-rikorrenti tax-Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-ouest (port de Brest) (il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija tal-Metropoli ta’ Bretagne-ouest (il-port ta’ Brest)), peress li din kienet ippreżentat ir-rikors tagħha stess kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑754/17, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-ouest (port de Brest) vs Il‑Kummissjoni, u dan mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Marzu 2012, Asociación Española de Banca vs Il‑Kummissjoni, T‑236/10, EU:T:2012:176, punt 30).

27      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tista’ validament tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha li ma jkunux huma stess ippreżentaw ir-rikorsi tagħhom innifishom, sakemm dawn ikollhom locus standi huma stess, li hija ħaġa li għandha tiġi eżaminata.

28      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-membri tar-rikorrenti ma humiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

29      Fit-tieni lok, peress li d-deċiżjoni kkontestata tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u tinvolvi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolamentari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484, punti 49 u 52).

30      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tistax tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ operaturi li huma attivi fis-settur tal-portijiet, bħall-membri tar-rikorrenti, mingħajr l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-awtoritajiet Franċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2014, Royal Scandinavian Casino Århus vs Il‑Kummissjoni, T‑615/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:838, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li “Franza hija obbligata tneħħi l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva msemmija fl-ewwel artikolu u tissoġġetta lill-entitajiet għat-taxxa korporattiva li għalihom tapplika din l-eżenzjoni”. Fl-assenza tal-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ eżekuzzjoni, tibqa’ tapplika s-sistema fiskali fis-seħħ, li tipprevedi l-eżenzjoni mit-TK favur, b’mod partikolari, il-portijiet awtonomi u l-Kmamar tal-Kummerċ u tal-Industrija (KKI) fdati bl-operazzjoni ta’ infrastrutturi tal-portijiet.

31      Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, it-tneħħija tal-eżenzjoni mit-TK, bl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tirriżulta, bħala prinċipju, għall-membri tar-rikorrenti, fl-adozzjoni ta’ avviż ta’ taxxa li jirrifletti dawn il-bidliet. Dawn l-avviżi jikkostitwixxu miżuri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti, li jistgħu, skont il-Kummissjoni, ikunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati nazzjonali, li jistgħu, jekk ikun il-każ, jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, f’każ ta’ dubji dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484, punti 55 u 61).

32      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tinvolvi miżuri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti, b’mod li dawn għandhom juru li huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

33      Fir-rigward, minn naħa, tal-inċidenza diretta tal-membri tar-rikorrenti, li ma hijiex ikkontestata f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi, hija ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni u torbothom sabiex ineħħu l-eżenzjoni mit-TK li jibbenefikaw minnha entitajiet bħall-membri tar-rikorrenti (Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata) fir-rigward tad-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, sa mhux iktar tard mill-bidu tas-sena fiskali wara l-adozzjoni tagħha (Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata). Il-membri tar-rikorrenti għalhekk huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Regione Autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il‑Kummissjoni, T‑288/97, EU:T:1999:125, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-inċidenza individwali tal-membri tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li dawn ma jissemmewx b’mod speċifiku jew individwalment fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi, b’mod ġenerali, il-portijiet awtonomi (li wħud minnhom saru portijiet marittimi kbar), il-kmamar tal-kummerċ marittimi, il-KKI li joperaw faċilitajiet tal-portijiet, il-muniċipalitajiet konċessjonarji ta’ għodda pubblika li hija proprjetà tal-Istat fil-portijiet marittimi kif ukoll l-impriżi li huma setgħu jissostitwixxu għall-użu ta’ din l-għodda.

35      Issa, skont il-ġurisprudenza, terzi li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati biss minn deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta, is-sempliċi possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura sa fejn huwa stabbilit li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, meta deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att sa fejn ikunu jifformaw parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi u li dan jista’ jsir b’mod partikolari meta d-deċiżjoni tbiddel id-drittijiet miksuba mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-membri tar-rikorrenti huma kollha portijiet jew portijiet marittimi kbar Franċiżi jew KKI li jamministraw tali portijiet li legalment ibbenefikaw mill-iskema ta’ eżenzjoni mit-TK sakemm din ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

39      It-tieni nett, kif fakkret ir-rikorrenti waqt is-seduta, il-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, stabbiliti permezz ta’ digriet, li l-ħolqien tagħhom ma jaqax taħt inizjattiva privata.

40      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-membri tar-rikorrenti jifformaw parti minn ċirku magħluq ta’ operaturi, li kienu identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

41      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, dan iċ-ċirku ma jistax jikber sussegwentement, għaliex, anki jekk jitqies li port ieħor jew KKI oħra jistgħu jiġu maħluqa b’digriet fil-futur, dan ma huwiex każ ta’ entitajiet li jistgħu jinvokaw il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għall-kuntrarju tal-membri tar-rikorrenti.

42      It-tielet nett, is-sitwazzjoni tal-membri tar-rikorrenti għandha tiġi distinta wkoll minn dik tal-membri tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għad-digriet tas‑26 ta’ April 2016, EGBA u RGA vs Il‑Kummissjoni (T‑238/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:259), iċċitata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, b’differenza minn din il-kawża, li tikkonċerna skema ta’ għajnuna eżistenti, id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża tirrigwarda skema ta’ għajnuna ġdida, dwar taxxa parafiskali fuq l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel permezz tal-internet bil-ħsieb li tiġi ffinanzjata missjoni ta’ servizz pubbliku fdata f’idejn il-kumpanniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-membri tar-rikorrenti, li kienu kollha operaturi fis-settur tal-logħob tal-flus, setgħu għalhekk jinvokaw biss il-kwalità tagħhom bħala kompetituri tal-benefiċjarji futuri ta’ din l-iskema, peress li din kienet għadha ma ġietx eżegwita fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li kienet qed tiġi kkontestata. Għaldaqstant, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali f’din il-kawża, din id-deċiżjoni taffettwa l-interessi tal-partijiet kollha attivi fis-settur tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel permezz tal-internet fi Franza: dawk li kienu attivi f’dan is-suq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dawk li kienu daħlu f’dan is-suq wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u dawk li ser jidħlu f’dan is-suq fil-futur. Il-membri tar-rikorrenti kienu jifformaw parti minn grupp indeterminat ta’ operaturi ekonomiċi li ċ-ċirku tagħhom seta’ jikber wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Huma ma kinux jagħmlu parti minn ċirku magħluq, jiġifieri minn grupp li ma setax jikber iktar wara l-adozzjoni tal-att ikkontestat. Għalhekk, il-membri tar-rikorrenti kienu kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata biss fil-kwalità oġġettiva tagħhom bħala persuni taxxabbli suġġetti għal taxxa parafiskali, bħal kwalunkwe kompetitur ieħor fis-settur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑26 ta’ April 2016, EGBA u RGA vs Il‑Kummissjoni, T‑238/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:259, punti 66 u 67).

43      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li jiġi konkluż li l-membri tar-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, peress li jagħmlu parti minn ċirku magħluq ta’ operaturi identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

44      Għaldaqstant, peress li l-membri tar-rikorrenti għandhom locus standi kontra d-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, ir-rikorrenti għandha, għaldaqstant, locus standi wkoll fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn hija tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha li ma jkunux huma stess ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni.

 Fuq il-mertu

45      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura fiskali fl-intier tagħha, it-tieni, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura ekonomika tal-attivitajiet imwettqa mill-portijiet Franċiżi, it-tielet, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet relatati mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u mal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri f’dak li jirrigwarda l-portijiet Franċiżi inġenerali u, b’mod partikolari, il-portijiet fil-gżejjer u l-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi u fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, ir-raba’, fuq żball ta’ liġi fit-tmexxija tal-proċedura għall-eżami tal-għajnuna eżistenti u fuq ksur tal-Artikolu 108(1) u (2) TFUE relatat mal-“proċedura ta’ miżuri xierqa”, flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, il-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat l-iskema ta’ eżenzjoni mit-TK favur il-portijiet Franċiżi bħala għajnuna mill-Istat fl-intier tagħha

46      Ir-rikorrenti tfakkar li entità li twettaq kemm attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika kif ukoll attivitajiet ekonomiċi hija suġġetta għall-osservanza tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biss f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma ppreċiżatx li l-kwalifika ta’ għajnuna użata kienet limitata biss għall-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet Franċiżi. Għaldaqstant, hija titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt jew, tal-inqas, timmodifika d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni sabiex jiġi eskluż b’mod espliċitu l-obbligu li l-attivitajiet mhux ekonomiċi mwettqa mill-portijiet Franċiżi jkunu suġġetti għat-TK.

47      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

48      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq) jirriżulta b’mod ċar li l-miżura ta’ għajnuna tikkonċerna l-eżenzjoni mit-TK tal-entitajiet benefiċjarji, għad-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom biss. L-ewwel motiv tar-rikorrenti huwa għalhekk ibbażat fuq qari żbaljat tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

49      Barra minn hekk, peress li l-miżura fiskali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għad-dħul tal-entitajiet benefiċjarji, indipendentement min-natura tal-attivitajiet tagħhom, il-Kummissjoni setgħet loġikament teżiġi t-tneħħija ta’ din l-iskema bħala tali, sabiex tiżgura li l-eżenzjoni mit-TK li jibbenefikaw minnha dawn l-entitajiet fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, li kienet ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, titneħħa.

50      Fit-tieni lok, hemm lok li jitfakkar li d-dispożittiv ta’ att huwa indissoċjabbli mill-motivazzjoni tiegħu, b’mod li għandu jiġi interpretat, jekk hemm bżonn, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il‑Kummissjoni, C‑355/95 P, EU:C:1997:241, punt 21, u tat‑2 ta’ Marzu 2012, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 146).

51      Issa, fil-premessi 42 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni hija impenjata li turi sa liema punt il-portijiet kienu jeżerċitaw, tal-inqas parzjalment, attivitajiet ekonomiċi u kienu, għalhekk, jikkostitwixxu impriżi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni.

52      Fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma tikkontestax li l-portijiet jistgħu jiddelegaw it-twettiq ta’ ċerti kompiti ta’ awtorità pubblika jew ta’ natura mhux ekonomika, bħall-kontroll u s-sigurtà tat-traffiku marittimu jew is-sorveljanza għall-kontroll tal-emissjonijiet, u lanqas li fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, il-portijiet ma humiex impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija tispeċifika li l-eżenzjoni mit-TK koperta minn din il-proċedura għalhekk setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat biss jekk din kienet tirrelata ma’ dħul iġġenerat minn attivitajiet ekonomiċi. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-fatt li entità twettaq attività waħda jew diversi attivitajiet sovrani jew mhux ekonomiċi ma huwiex biżżejjed sabiex din tiċċaħħad mill-klassifikazzjoni ta’ “impriża” b’mod ġenerali. Għalhekk, port jitqies bħala “impriża” jekk – u sakemm – dan iwettaq attività waħda jew diversi attivitajiet ekonomiċi b’mod effettiv.

53      Fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mbagħad esponiet diversi tipi ta’ attivitajiet ekonomiċi li jikkorrispondu għall-provvista ta’ servizzi differenti fuq diversi swieq, li jistgħu jiġu eżerċitati minn portijiet Franċiżi. L-ewwel nett, il-portijiet jipprovdu servizz ġenerali lill-bastimenti billi jagħtuhom aċċess għall-infrastruttura tal-portijiet bi ħlas. It-tieni nett, ċerti portijiet jipprovdu wkoll servizzi iktar speċifiċi lill-bastimenti, b’mod partikolari l-pilotaġġ, l-irfigħ, il-manutenzjoni, u l-irmiġġ, ukoll bi ħlas. F’dawn l-ewwel żewġ każijiet, il-ħlas li jirċievi l-port normalment huwa magħruf bħala t-“taxxi tal-port”. It-tielet nett, il-portijiet, bi ħlas, iqiegħdu ċerti infrastrutturi jew ċerti artijiet għad-dispożizzjoni ta’ impriżi li jużaw dawn l-ispazji għall-ħtiġijiet tagħhom stess jew li jipprovdu lill-vapuri xi wħud mis-servizzi msemmija hawn fuq.

54      Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “il-portijiet awtonomi […], il-kmamar tal-kummerċ marittimi, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija li jiġġestixxu l-faċilitajiet tal-portijiet, il-muniċipalitajiet konċessjonarji ta’ għodda pubblika li hija proprjetà tal-Istat fil-portijiet marittimi kif ukoll l-impriżi li huma [kienu] setgħu jissostitwixxu għall-użu ta’ din l-għodda, li [użaw] direttament l-infrastrutturi jew [ipprovdu] servizzi f’port, [kienu], fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom […] ‘impriżi’ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE”.

55      Għalhekk, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li huwa biss f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom li l-entitajiet benefiċjarji kienu ġew meqjusa bħala impriżi li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat.

56      Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali timmodifika d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata sabiex teskludi espliċitament l-obbligu li l-attivitajiet mhux ekonomiċi mwettqa mill-portijiet Franċiż ikunu suġġetti għat-TK, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li toħroġ ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li tissostitwixxihom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Hamr – Sport vs Il‑Kummissjoni, T‑693/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:292, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fi kwalunkwe każ, tali modifika tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata hija mingħajr bażi, peress li hija msejsa fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li din teżiġi biss li l-entitajiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni jkunu suġġetti għat-TK fir-rigward tal-benefiċċji li jirċievu mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

58      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura ekonomika tal-attivitajiet imwettqa mill-portijiet Franċiżi

59      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li l-Kummissjoni, minn naħa, ma wettqitx analiżi ddettaljata tal-attivitajiet tal-portijiet, sabiex tistabbilixxi liema tipi ta’ attivitajiet kienu jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi jew le u, min-naħa l-oħra, ikklassifikat ċerti attivitajiet ekonomiċi b’mod żbaljat meta dawn ma kellhomx tali natura.

60      F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jitfakkar li, f’każ ta’ deċiżjoni dwar skema ta’ għajnuna, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina, b’mod ġenerali u astratt, il-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-modalitajiet li dan il-programm jipprevedi, dan tal-aħħar jikkostitwixxix, bħala prinċipju, għajnuna mill-Istat għall-benefiċjarji tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63, u tas‑26 ta’ Novembru 2015, Navarra de Servicios y Tecnologías vs Il‑Kummissjoni, T‑487/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:899, punt 66).

61      Sussegwentement, għandu jitfakkar, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. F’dan ir-rigward, kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punti 74 u 75; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1987, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 118/85, EU:C:1987:283, punt 7, u tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21).

62      F’dan il-każ, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, b’mod ġenerali, li l-portijiet jistgħu jeżerċitaw kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll dawk mhux ekonomiċi. Ġie stabbilit ukoll li l-portijiet Franċiżi jistgħu jeżerċitaw diversi tipi ta’ attivitajiet ekonomiċi, li hija elenkat b’mod partikolari fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 51 sa 54 iktar ’il fuq).

63      Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax din id-deskrizzjoni, iżda tillimita ruħha li ssostni li ċerti attivitajiet tal-portijiet jistgħu jkunu ta’ natura mhux ekonomika jew li l-analiżi tal-Kummissjoni ma kinitx iddettaljata biżżejjed f’dan ir-rigward.

64      Min-naħa l-oħra, bħalma l-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, ma huwiex ikkontestat li l-portijiet jistgħu jiddelegaw it-twettiq ta’ ċerti kompiti ta’ awtorità pubblika jew ta’ natura mhux ekonomika, bħall-kontroll u s-sigurtà tat-traffiku marittimu jew is-sorveljanza għall-kontroll tal-emissjonijiet, u lanqas li, fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, il-portijiet ma humiex impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, il-fatt li entità twettaq attività waħda jew diversi attivitajiet sovrani jew mhux ekonomiċi ma huwiex biżżejjed sabiex din tiċċaħħad, b’mod ġenerali, mill-klassifikazzjoni ta’ “impriża”. Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet inkwistjoni humiex jew le dawk ta’ impriża fis-sens tat-Trattat FUE, għandha tiġi eżaminata n-natura ta’ dawn l-attivitajiet. Għalhekk, port jitqies bħala “impriża” jekk – u sakemm – dan iwettaq attività waħda jew diversi attivitajiet ekonomiċi b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punti 74 u 75, u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 37).

65      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li l-użu kummerċjali u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ajruporti jew tal-portijiet bil-ħsieb ta’ tali użu kummerċjali jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 78; tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punti 40 sa 43, u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il‑Kummissjoni, T‑108/16, taħt appell, EU:T:2018:145, punt 78).

66      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “il-portijiet awtonomi […], il-kmamar tal-kummerċ marittimi, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija li jiġġestixxu l-faċilitajiet tal-portijiet, il-muniċipalitajiet konċessjonarji ta’ għodda pubblika li hija proprjetà tal-Istat fil-portijiet marittimi kif ukoll l-impriżi li huma [kienu] setgħu jissostitwixxu għall-użu ta’ din l-għodda, li [użaw] direttament l-infrastrutturi jew [ipprovdu] servizzi f’port, [kienu], fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom […] ‘impriżi’ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE”.

67      L-ebda argument tar-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

68      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-infrastruttura tal-portijiet b’mod ġenerali, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq distinzjoni bejn l-infrastrutturi ta’ aċċess marittimi skont il-post tagħhom ġewwa jew barra l-portijiet sabiex tikkonkludi fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-kriterju deċiżiv ma huwiex dak tal-post ġeografiku tal-infrastruttura, iżda dak dwar jekk tibbenefikax minnha l-komunità marittima kollha jew, kuntrarjament, jibbenefikax operatur ekonomiku tal-port wieħed biss. Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni, minn naħa, talli warrbet, mingħajr motivazzjoni, id-deċiżjoni ta’ ftuħ li fiha hija kienet ikklassifikat l-investimenti pubbliċi f’rotot ta’ aċċess marittimi, f’faċilitajiet ta’ trasport bl-art ġewwa ż-żona tal-port u f’infrastrutturi oħra marittimi għall-benefiċċju tal-komunità kollha kemm hi bħala attivitajiet mhux ekonomiċi.

69      Għandu jiġi kkonstatat li tali argument huwa ineffettiv, peress li dan ma jikkonfutax il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq il-fatt li l-portijiet u l-entitajiet benefiċjarji oħra jeżerċitaw, tal-inqas parzjalment, attivitajiet ekonomiċi, kif inhuma identifikati fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, indipendentement mill-post ta’ tali attivitajiet.

70      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tbegħditx, fid-deċiżjoni kkontestata, mill-approċċ “tradizzjonali” tagħha li l-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, is-sostituzzjoni jew it-titjib ta’ infrastrutturi ta’ aċċess għall-portijiet huma normalment meqjusa bħala miżuri ġenerali ta’ natura mhux ekonomika, meta dawn ikunu disponibbli għall-utenti kollha mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr korrispettiv. Fil-fatt, kif fakkret il-Kummissjoni fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-ipoteżi tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn l-aċċess għall-infrastruttura jkun bla ħlas, mingħajr korrispettiv finanzjarju, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Għaldaqstant, l-analiżi tal-Kummissjoni li tinsab fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li, ħlief jekk ċerti partikolaritajiet tal-kawża jimponu kundizzjoni kuntrarja, l-infrastrutturi ta’ aċċess li jinsabu barra mill-portijiet għandhom ikunu għall-benefiċċju tal-komunità marittima kollha kemm hi, filwaqt li l-finanzjament pubbliku ta’ infrastrutturi ta’ aċċess li jinsabu ġewwa port, bħala prinċipju, għandu jkun ta’ benefiċċju speċifikament għall-operat tal-port innifsu, ma hijiex inkonsistenti ma’ dan l-approċċ u għaldaqstant ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi.

71      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma segwietx il-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u f’kawżi preċedenti li fihom hija qieset li l-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, is-sostituzzjoni jew it-titjib ta’ infrastrutturi li kienu disponibbli għall-utenti mingħajr ħlas u b’mod mhux diskriminatorju ma kinux jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi. Għaldaqstant, hija tqis li l-Kummissjoni kellha teskludi ċerti operazzjonijiet speċifiċi ta’ żvilupp mill-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet.

72      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar kawżi oħra ma tistax taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, li tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑295/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:675, punt 181, u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhallen et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punt 59).

73      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fil-paragrafu 21 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni qieset, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li ċerti attivitajiet imwettqa mill-portijiet (investimenti pubbliċi f’rotot ta’ aċċess marittimi – breakwaters, xtabi li jissakkru, kanali navigabbli, xogħlijiet ta’ tħammil – f’faċilitajiet ta’ trasport bl-art ġewwa ż-żona tal-port u f’infrastrutturi oħra marittimi għall-benefiċċju tal-komunità marittima kollha kemm hi) ma kinux jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi, billi rreferiet, f’dan ir-rigward, għall-paragrafu 35 tad-deċiżjoni tagħha tal‑20 ta’ Ottubru 2004 dwar il-każ tal-għajnuna mill-Istat Nru N 520/2003 – il-Belġju – Appoġġ finanzjarju għal xogħlijiet ta’ infrastruttura għal Portijiet Fjammingi (ĠU 2005, C 176, p. 11).

74      Fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, madankollu, il-Kummissjoni spjegat li, bħala tweġiba għall-osservazzjonijiet tal-port marittimu kbir ta’ Havre (Franza), li kienet tagħmel referenza għad-deċiżjoni ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq, il-prassi tagħha kienet evolviet mill‑2004 b’mod parallel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni wkoll irreferiet għad-deċiżjoni tagħha tat‑30 ta’ April 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39608 – Estensjoni tal-port ta’ Wismar (ĠU 2015, C 203, p. 1), u għal żewġ punti fit-tabella analitika tagħha għall-infrastrutturi tal-portijiet fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni”.

75      Issa, għandu jitfakkar li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa intiż preċiżament sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tikseb l-opinjonijiet kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tadotta deċiżjoni definittiva fuq il-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il‑Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, EU:T:2002:258, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ tali deċiżjoni huma neċessarjament ta’ natura provviżorja sabiex tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna u sabiex tesponi r-raġunijiet li għalihom tiddubita jekk il-miżura hijiex kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2015, Diputación Foral de Bizkaia vs Il‑Kummissjoni, T‑397/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:291, punt 58). Minn dan isegwi li d-deċiżjoni finali tista’ tippreżenta ċerti diverġenzi mad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni, mingħajr ma dawn jivvizzjaw għalhekk id-deċiżjoni finali (sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2009, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑424/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:49, punt 69, u tad‑19 ta’ Mejju 2015, Diputación Foral de Bizkaia vs Il‑Kummissjoni, T‑397/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:291, punt 59).

76      Huwa biss fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tinduna, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti, li hija għandu jkollha l-possibbiltà jew l-obbligu li taġġusta l-pożizzjoni tagħha, billi tadotta deċiżjoni ta’ rettifika jew deċiżjoni ta’ ftuħ ġdida, sabiex tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw effettivament l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il‑Kummissjoni, T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, EU:T:2011:493, punti 71 u 72).

77      Fil-fatt, huwa biss meta l-Kummissjoni tibdel ir-raġunament tagħha, wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, fuq fatti jew klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti li huma determinanti fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, li hija għandha tirrettifika d-deċiżjoni ta’ ftuħ jew testendiha, sabiex tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw effettivament l-osservazzjonijiet tagħhom.

78      Madankollu dan ma huwiex il-każ hawnhekk fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, jekk dawn l-evalwazzjonijiet juru ċerta evoluzzjoni tal-prassi tagħha fil-mod li tindirizza n-natura ekonomika jew le tal-aċċess għall-infrastruttura tal-portijiet inġenerali, dan ma huwiex punt determinanti fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna, u lanqas dwar il-klassifikazzjoni ta’ “impriżi” tal-portijiet benefiċjarji f’dan il-każ, peress li ma huwiex ikkontestat li dawn jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi li huma elenkati b’mod partikolari fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata.

79      Barra minn hekk, dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex fundamentalment differenti mill-approċċ segwit mill-Kummissjoni b’mod partikolari fil-punt 21 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ. Fil-fatt, kif spjegat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-kriterju ta’ distinzjoni li hija użat sabiex tagħmel distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomiċi, kif jirriżulta mill-premessi 53 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa dak dwar jekk l-infrastrutturi jistgħux jintużaw mill-utenti kollha mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr korrispettiv, bħala miżura ġenerali tat-teħid tar-responsabbiltà mill-Istat fil-kuntest tar-responsabbiltà tiegħu fl-iżvilupp tat-trasport marittimu. Din hija biss miżura ta’ simplifikazzjoni li ppreċiżat li l-kriterju ta’ lokalizzazzjoni, jiġifieri li l-infrastruttura kienet tinsab ġewwa jew barra l-port, kienet tippermetti, bħala prinċipju, ħlief għal partikolaritajiet, li tiġi ddeterminata n-natura ekonomika jew le ta’ din l-infrastruttura.

80      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni ma analizzatx b’mod iddettaljat biżżejjed in-natura ta’ kull attività mwettqa mill-portijiet Franċiżi, hija ma setgħetx tiddetermina l-karattru anċillari jew prinċipali tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, li hija kundizzjoni għall-applikabbiltà tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-preżenza ta’ infrastrutturi li huma s-suġġett ta’ użu mħallat, bħal f’dan il-każ.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li entità jkollha, għall-eżerċizzju ta’ parti mill-attivitajiet tagħha, prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma jipprekludix, minħabba dan il-fatt biss, li din tiġi kklassifikata bħala impriża fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni għall-bqija tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha (sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 74, u tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 25).

82      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, sa fejn entità pubblika teżerċita attività ekonomika li tista’ tinfired mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, din l-entità, fir-rigward ta’ din l-attività, taġixxi bħala impriża, filwaqt li jekk l-imsemmija attività ekonomika ma tistax tinfired mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, l-attivitajiet kollha mwettqa mill-imsemmija entità jibqgħu attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 38, u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418, punt 29; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punti 71 sa 80).

83      Madankollu, ma jeżisti l-ebda limitu li taħtu għandu jitqies li l-attivitajiet kollha ta’ entità huma attivitajiet mhux ekonomiċi, peress li l-attivitajiet ekonomiċi jkunu minoritarji. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, jekk l-attività ekonomika tal-entità kkonċernata tista’ tinfired mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, l-imsemmija entità għandha titqies bħala impriża fir-rigward tal-attivitajiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 44 sa 63).

84      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li turi li l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mill-portijiet, kif identifikati mill-Kummissjoni fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, b’mod partikolari, l-għoti ta’ aċċess għall-infrastruttura tal-portijiet bi ħlas, huma indissoċjabbli mill-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tal-portijiet, bħall-kontroll u s-sigurtà tat-traffiku marittimu jew is-sorveljanza għall-kontroll tal-emissjonijiet. Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, is-sempliċi fatt li jista’ jkun hemm rabta ekonomika bejn dawn l-attivitajiet, peress li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet jistgħu jiffinanzjaw, totalment jew parzjalment, l-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħhom, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata n-natura indissoċjabbli ta’ dawn l-attivitajiet, fis-sens tal-ġurisprudenza.

85      Peress li r-rikorrenti tinvoka l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU 2014, C 198, p. 1), li tipprevedi limitu minimu ta’ 80 % għall-attivitajiet tal-infrastrutturi ta’ riċerka, li lil hinn minnu dawn għandhom jitqiesu bħala mhux ekonomiċi kollha kemm huma, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, f’dan il-każ, ma hemm l-ebda għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp jew għall-innovazzjoni, b’tali mod li din il-komunikazzjoni ma hijiex applikabbli.

86      Fir-rigward, sussegwentement, tal-paragrafu 207 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1), dan jipprevedi li “[j]ekk, fil-każijiet ta’ użu mħallat, l-infrastruttura tkun użata kważi esklussivament għal attività mhux ekonomika, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-finanzjament tagħha tista’ taqa’ lil hinn mir-regoli tal-għajnuna tal-Istat kompletament, sakemm l attività ekonomika tibqa’ purament anċillari, jiġifieri attività li hija direttament relatata mal-operat tal-infrastruttura u meħtieġa għalih, jew tkun marbuta intrinsikament mal-użu ewlieni mhux ekonomiku tagħha”. Kif issostni l-Kummissjoni, dan il-paragrafu għalhekk isemmi l-finanzjament ta’ infrastrutturi li huma kważi esklużivament użati għal skopijiet mhux ekonomiċi. Madankollu, f’dan il-każ, il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hija eżenzjoni mit-taxxa mingħajr rabta diretta mal-finanzjament ta’ infrastrutturi u mingħajr ma jitqiesu l-attivitajiet – kemm jekk huma ekonomiċi jew le – li għalihom jintużaw dawn l-infrastrutturi.

87      Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet Franċiżi huma purament anċillari għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħhom. Għall-kuntrarju, min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 39 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sehem rispettiv tat-taxxi tal-portijiet u d-dħul mis-servizzi ta’ assistenza fuq l-art, jiġifieri l-maġġoranza tad-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet, kien jirrappreżenta 55 % tal-ispejjeż operatorji tal-port marittimu kbir ta’ Bordeaux. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat matul is-seduta li dawn iċ-ċifri kienu rappreżentattivi tas-settur kollu.

88      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet relatati mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u mal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

89      Ir-rikorrenti ssostni, prinċipalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diversi żbalji “ta’ liġi” fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet relatati mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u mal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

90      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

91      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ċerti impriżi meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ bejn Stati Membri. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, l-attività interna tista’ ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, bil-konsegwenza li jonqsu l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jidħlu fis-suq ta’ dan l-Istat Membru (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, ma jeżisti l-ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma huwiex affettwat. Fil-fatt, l-ammont relattivament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux, a priori, l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-kundizzjoni ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għoti ta’ għajnuna minn Stat Membru, fil-forma ta’ tnaqqis mit-taxxa, lil ċerti persuni taxxabbli, għandu jitqies bħala li jista’ jkollu effett fuq dan il-kummerċ u, konsegwentement, bħala li jissodisfa din il-kundizzjoni peress li l-imsemmija persuni taxxabbli jeżerċitaw attività ekonomika li hija s-suġġett ta’ dan il-kummerċ jew ma jistax jiġi eskluż li dawn huma f’kompetizzjoni ma’ operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Fir-rigward tal-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li, l-għajnuna intiża li tnaqqas lil impriża mill-ispejjeż li hija jkollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha, bħala prinċipju toħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat dawn iż-żewġ kundizzjonijiet fil-premessi 79 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-premessi 82 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata jiddisponu b’mod partikolari dan li ġej:

“[I]l-benefiċċju fuq it-taxxa li jibbenefikaw minnu l-portijiet ikkonċernati jeħlishom minn spiża komuni li normalment kien ikollhom iġarrbu. Dan x’aktarx se ikun ta’ vantaġġ għalihom meta mqabbla mal-portijiet Franċiżi u mal-portijiet barranin tal-Unjoni Ewropea li ma jibbenefikawx minn dan il-benefiċċju. Għalhekk, dan se jolqot il-kummerċ intra-Komunitarju u jxekkel il-kompetizzjoni.

Teżisti kompetizzjoni fis-settur tal-portijiet u din hija aggravata min-natura u l-karatteristiċi li huma speċifiċi għat-trasport, l-aktar dak marittimu u dak permezz tal-passaġġi interni. Għalkemm nistgħu nikkunsidraw li l-portijiet jibbenefikaw minn monopolju legali sabiex joffru s-servizzi tal-portijiet fil-port li jħaddmu, is-servizzi tat-trasport li joffru huma, għall-inqas sa ċertu punt, f’kompetizzjoni ma’ dawk offruti minn jew f’portijiet oħrajn kif ukoll minn entitajiet oħrajn li jipprovdu servizzi tat-trasport kemm fi Franza kif ukoll fi Stati Membri oħrajn.”

98      Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni ta’ portijiet fil-gżejjer u ta’ portijiet tat-territorji barranin Franċiżi, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkonstata, fil-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[s]akemm ma [kienet teżisti] jew tista’ teżisti l-ebda soluzzjoni oħra biex jinġarru oġġetti fir-reġjuni extra-Ewropej, il-miżura [setgħet] twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollha impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri, anke għal dawk il-portijiet li jinsabu ’l bogħod mill-metropoli jew minn portijiet Ewropej oħrajn”. Madankollu, il-Kummissjoni ħadet ħsieb tippreċiża, fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma teskludix li, “fil-każ partikolari ta’ ċerti portijiet – dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha, b’mod partikolari – il-miżura inkwistjoni tista’ titqies bħala li ma għandha l-ebda effett fuq il-kummerċ”. Madankollu, peress li din hija skema ta’ għajnuna, li tikkonċerna eżenzjoni ġenerali mit-TK għall-benefiċjarji kollha msemmija fid-deċiżjonijiet ministerjali tal‑1942 u tal‑1943, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-miżura kienet, bħala tali, tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni u taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

99      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti sussidjarjament, tali motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex tkun tista’ tifhem ir-raġunament adottat mill-Kummissjoni u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

100    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet relatati mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u mal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

101    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda prova li tippermettiha li ssostni l-argumenti tagħha dwar l-effetti tal-miżura fiskali inkwistjoni dwar il-kummerċ bejn Stati Membri u l-kompetizzjoni. Issa, skont il-ġurisprudenza, l-effett ta’ miżura jew skema ta’ għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri ma jistax ikun sempliċiment ipotetiku jew preżunt.

102    Issa, kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna, li tapplika għal portijiet differenti ħafna fir-rigward tad-daqs tagħhom, tas-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, tat-tip (port intern, port marittimu) tagħhom jew tal-attivitajiet tagħhom, sabiex jiġi stabbilit li l-miżura investigata hija għajnuna mill-Istat, ma hemmx għalfejn jintwera b’mod individwali li l-imsemmija miżura twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u għandha effett fuq il-kummerċ għal kull port. Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-modalitajiet previsti minn din l-iskema, dan jiżgurax vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbel mal-kompetituri tagħhom u jekk huwiex kapaċi li essenzjalment ikun ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri. Għalhekk, f’deċiżjoni dwar tali skema, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63, u tas‑26 ta’ Novembru 2015, Navarra de Servicios y Tecnologías vs Il‑Kummissjoni, T‑487/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:899, punt 66).

103    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, għalkemm, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tipprova li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ta’ natura li tipproduċi effett reali jew prevedibbli fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, kif issostni r-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-rigward tal-parti l-kbira tal-portijiet imsemmija, b’mod partikolari l-portijiet il-kbar bħal dawk ta’ Havre, ta’ Rouen jew ta’ Marseille, ma huwiex ikkontestat li dawn huma f’kompetizzjoni ma’ portijiet oħra tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li l-miżura għandha effett reali fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri (ara l-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward, ukoll, tal-portijiet iż-żgħar, speċjalment dawk li jinsabu qrib ta’ żona tal-fruntiera, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta setgħet tqis li dawn kienu wkoll suġġetti għal kompetizzjoni transkonfinali effettiva (ara l-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali investigazzjoni ġenerali tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għal ċerti kategoriji ta’ portijiet hija suffiċjenti fir-rigward tal-obbligi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-investigazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna (punt 102 iktar ’il fuq).

104    It-tieni nett, huwa żbaljat li r-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha turi li l-miżura fiskali inkwistjoni li jibbenefikaw minnha l-iżviluppaturi jew il-proprjetarji tal-infrastrutturi tal-portijiet kienet ukoll ipprovdiet vantaġġ ekonomiku lill-operaturi u lill-utenti finali ta’ dawn l-infrastrutturi.

105    Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tidentifika b’mod ċar il-benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni bħala “[l]-portijiet awtonomi (li uħud minnhom saru portijiet marittimi kbar), il-kmamar tal-kummerċ marittimi, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija li jimmaniġġaw il-faċilitajiet tal-portijiet, il-muniċipalitajiet konċessjonarji ta’ għodda pubblika li hija proprjetà tal-Istat fil-portijiet marittimi kif ukoll l-impriżi li huma setgħu jissostitwixxu għall-użu ta’ din l-għodda” (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament eżaminat jekk il-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ għajnuna, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, kinux issodisfatti għal dawn il-benefiċjarji u mhux għal kategoriji oħra ta’ operaturi, bħall-operaturi jew bħall-utenti finali tal-infrastrutturi tal-portijiet. Fi kwalunkwe każ, peress li r-rikorrenti tirrappreżenta l-portijiet Franċiżi u l-KKI responsabbli għall-operat tagħhom, huwa diffiċli li wieħed jara kif eventwali nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ eventwali għajnuna indiretta favur kategoriji oħra ta’ operaturi jista’ jaffettwa l-validità tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tal-membri tagħha.

106    It-tielet nett, ir-rikorrenti hija tal-fehma li, anki jekk il-miżura fiskali inkwistjoni setgħet teżerċita influwenza fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-portijiet Franċiżi, din ma tistax tkun ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, minħabba li l-prezz ma jikkostitwixxix element determinanti tal-attraenza tal-portijiet, li huwa fattur marbut ma’ diversi fatturi oħra, bħall-portata u bħall-kwalità tal-konnessjonijiet tagħhom mal-intern tal-pajjiż (hinterland), bħas-sitwazzjoni ġeografika tagħhom jew bħall-vantaġġi li dawn jistgħu jkollhom f’sistema loġistika iktar globali.

107    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma huwiex ikkontestat li l-livell tal-prezzijiet mitluba huwa element, fost oħrajn, tal-kompetittività tal-portijiet. Il-fatt li elementi oħra jkunu jistgħu jkollhom influwenza iktar jew inqas importanti fuq l-attraenza ta’ port ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma jeżisti l-ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma huwiex affettwat (punt 94 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-istatistika pprovduta mir-rikorrenti, dwar is-sehem mis-suq ta’ ċerti portijiet Franċiżi meta mqabbla ma’ portijiet oħra tal-Unjoni, ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

108    Ir-raba’ nett, skont ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ma humiex issodisfatti fir-rigward tal-portijiet fil-gżejjer u lanqas fir-rigward tal-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi. Fir-rigward tal-portijiet fil-gżejjer, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn il-portijiet, konformement mal-komunikazzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari peress li l-iskop prinċipali tagħhom huwa marbut maż-żamma tal-kontinwità bejn il-metropoli u l-gżira. Fir-rigward tal-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi, hija tinvoka, minn naħa, il-pożizzjoni ġeografika mbiegħda tat-territorji barranin Franċiżi mit-territorju tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ rwol sinjifikattiv ta’ dawn il-portijiet fis-sistema tat-trasport tal-Unjoni kif jirriżulta mill-possibbiltà prevista mir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU 2017, L 57, p. 1), li teskludi dawn il-portijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, hija tqis li l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, fil-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura fiskali inkwistjoni tista’ twassal lil ċerti impriżi li jiffavorixxu t-trasport bl-ilma iktar milli bl-ajru għall-ġarr tal-merkanzija tagħhom fir-reġjuni tat-territorji barranin Franċiżi u b’hekk twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u għal effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri f’dak li jirrigwarda l-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi.

109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tikkonċernax għajnuna individwali, intiża għas-sitwazzjoni konkreta tal-portijiet fil-gżejjer jew tal-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi, iżda skema ta’ għajnuna, li l-benefiċjarji tagħha huma identifikati b’mod ġenerali permezz ta’ deċiżjonijiet ministerjali tal‑1942 u tal‑1943, bħala “[l]-portijiet awtonomi (li uħud minnhom saru portijiet marittimi kbar), il-kmamar tal-kummerċ marittimi, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija li jimmaniġġaw il-faċilitajiet tal-portijiet, il-muniċipalitajiet konċessjonarji ta’ għodda pubblika li hija proprjetà tal-Istat fil-portijiet marittimi kif ukoll l-impriżi li huma setgħu jissostitwixxu għall-użu ta’ din l-għodda” (ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

110    Issa, f’dan ir-rigward, minħabba r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza (ara l-punti 91 sa 96 u 102 iktar ’il fuq), ir-raġunament li jinsab fil-premessi 82 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ huma ssodisfatti.

111    Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li l-eżami tas-sitwazzjoni individwali ta’ ċerti portijiet fil-gżejjer jew tat-territorji barranin Franċiżi jkun jista’ juri li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti fir-rigward tagħhom, fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti, bħal f’dan il-każ, dan l-eżami jkollu jsir mill-Istat Membru fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna jew fi stadju iktar tard, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 63 u 125).

112    Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti dwar is-sitwazzjoni individwali tal-portijiet fil-gżejjer u tal-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-analiżi li tinsab fl-aħħar sentenza tal-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li tali analiżi għandha natura superfluwa.

113    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement skont il-liġi u ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

114    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fit-tmexxija tal-proċedura għall-eżami tal-għajnuna eżistenti u fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità

115    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(1) u (3) TFUE, flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

116    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis, qabelxejn, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fit-tmexxija tal-proċedura għall-eżami tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. B’mod iktar preċiż, skont ir-rikorrenti, billi qieset li kien l-obbligu tal-awtoritajiet Franċiżi li juru l-kompatibbiltà tal-miżura fiskali inkwistjoni mas-suq intern, il-Kummissjoni aġixxiet daqslikieku hija kienet adita b’talba għall-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ġdida, filwaqt li din kienet għajnuna mill-Istat eżistenti, fejn l-oneru tal-prova ta’ nuqqas ta’ konformità skont l-Artikolu 108(1) u (2) TFUE kien l-obbligu tagħha.

117    Ir-rikorrenti ssostni, sussegwentement, li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ miżuri xierqa, prevista mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 2015/1589, il-Kummissjoni ma tistax titlob it-tneħħija ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti jekk is-sempliċi modifika ta’ ċerti karatteristiċi tkun suffiċjenti sabiex tirrimedja l-inkompatibbiltà kkonstatata. Għalhekk, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tneħħija ta’ skema ta’ għajnuna għandha titqies biss meta jkun kompletament eskluż li l-modifiki li jistgħu jsiru lil din l-iskema jistgħu jagħmluha konformi mar-regoli tat-Trattat. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kien ikollha teżamina jekk, b’ċerti modifiki tal-iskema inkwistjoni, l-eżenzjoni setgħetx tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar il-finanzjament ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) u għalhekk titqies bħala kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 106(2) TFUE.

118    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat l-Artikolu 93 TFUE b’mod żbaljat billi qieset li l-għajnuna awtorizzata abbażi tiegħu kellha tkun marbuta ma’ ċerti spejjeż u tiġi llimitata, u billi llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni għall-għajnuna għall-investiment, bl-esklużjoni tal-għajnuna għall-funzjonament. Insostenn ta’ dan l-argument, hija tinvoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.37402 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 dwar l-għajnuna mħallsa lill-port ta’ Budapest (l-Ungerija) (ĠU 2014, C 141, p. 1), kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2004) 43 – Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (ĠU 2004, C 13, p. 3).

119    Għall-istess raġunijiet, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ma applikatx l-Artikolu 107(3)(a) u (b) TFUE u l-Artikolu 349 TFUE għas-sempliċi raġuni li l-miżura fiskali la ma hija mmirata lejn it-twettiq ta’ proġett ta’ interess Ewropew u lanqas ma hija mmirata lejn il-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi.

120    Finalment, ir-rikorrenti ssostni li l-ksur tal-Artikolu 108(1) u (2) TFUE, flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa iktar evidenti peress li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet wara d-dħul fis-seħħ ta’ żewġ regolamenti dwar il-portijiet, jiġifieri r-Regolament 2017/352 u r-Regolament 2017/1084 tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna għal infrastruttura tal-port u tal-ajruport, livelli limitu ta’ notifika għal għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna għall-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali, u l-iskemi ta’ għajnuna operatorja reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli (ĠU 2017, L 156, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2018, L 26, p. 53), minkejja li dan tal-aħħar jipprevedi estensjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali ta’ Kategorija għall-infrastrutturi tal-portijiet kif ukoll il-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-funzjonament fir-reġjuni ultraperiferiċi.

121    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

122    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 108(1) TFUE jipprevedi li “[i]l-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma’ l-Istati Membri is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati” u li “[h]ija għandha tipproponi lil dawn ta’ l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq intern”. Sussegwentement, l-Artikolu 108(2) TFUE jipprevedi li “[j]ekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq intern skond l-Artikolu 107, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni”.

123    Ir-Regolament Nru 2015/1589 jistabbilixxi, fil-Kapitolu VI tiegħu, il-proċedura li tirrigwarda skemi ta’ għajnuna eżistenti. L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2015/1589 jippreċiża, qabelxejn, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, previst mill-Artikolu 108(1) TFUE. L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 2015/1589 jipprevedi, sussegwentement, it-tip ta’ miżuri xierqa li l-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Istat Membru meta din tqis li skema ta’ għajnuna eżistenti ma hijiex jew ma għadhiex kompatibbli mas-suq intern. Tali miżuri jistgħu jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-emenda sustantiva tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jew it-tneħħija tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2015/1589 jispjega l-konsegwenzi legali ta’ proposta għal miżuri xierqa. Huwa jipprevedi, għalhekk, li meta l-Istat Membru ma jaċċettax il-miżuri proposti u l-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat l-argumenti li ppreżenta, tibqa’ tqis li dawn il-miżuri huma meħtieġa, hija għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, huwa jippreċiża li l-artikoli li jikkonċernaw il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u t-tipi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni fi tmiem din il-proċedura għandhom japplikaw mutatis mutandis.

124    Fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok li jitqies, għaldaqstant, li l-Kummissjoni la ma kienet invertiet l-oneru tal-prova u lanqas ma kienet kisret il-proċedura li għandha tiġi segwita fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti.

125    Fil-fatt, f’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni l-ewwel eżaminat l-iskema ta’ għajnuna b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Franċiżi, imbagħad, wara li pproponiet miżuri xierqa, li ġew irrifjutati minn dawn l-awtoritajiet, iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 2015/1589 u l-Artikolu 108(2) TFUE (ara l-punti 2 sa 7 iktar ’il fuq).

126    Issa, għalkemm id-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 122 iktar ’il fuq jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni matul il-fażi ta’ informazzjoni u tal-proposta għal miżuri xierqa, dawn espressament jipprevedu li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-dispożizzjonijiet dwar l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura, li normalment japplikaw għal għajnuna ġdida, japplikaw ukoll mutatis mutandis fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda skema ta’ għajnuna eżistenti.

127    Għaldaqstant, kif issostni l-Kummissjoni, ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiddistingwi, fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bejn il-proċedura applikabbli għall-għajnuna ġdida u dik għall-għajnuna eżistenti.

128    A fortiori, ma hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jitqies li l-oneru tal-prova jinqaleb fir-rigward tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti mas-suq intern. Kif issostni l-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat u l-partijiet interessati huma ħielsa li jikkontestaw ir-raġunament provviżorju tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-Istat Membru u, sa ċertu punt, il-partijiet interessati huma ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali li kien imfittex matul l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, li jippermetti li din tiġi ddikjarata bħala totalment jew parzjalment kompatibbli.

129    Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni analizzat id-diversi raġunijiet ta’ kompatibbiltà invokati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fid-deċiżjoni kkontestata u li hija spjegat ir-raġunijiet għaliex l-ebda wieħed minnhom ma kien jippermetti li tiġi ddikjarata l-kompatibbiltà, anki parzjalment, tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

130    L-ewwel nett, fir-rigward tal-Artikolu 93 TFUE, dan jipprevedi li “[m]iżuri ta’ għajnuna meħtieġa għall-koordinament tat-trasport, jew li jikkorrispondu ma’ rimborżi dwar ċerti piżijiet li jeżistu fil-prinċipju ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati”.

131    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja li l-portijiet interni għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tat-trasport multimodali, l-investimenti kollha tal-portijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 93 TFUE, li huwa limitat għall-għajnuna li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-koordinazzjoni tat-trasport. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-eżenzjoni mit-TK ma tikkostitwixxix għajnuna għall-investiment iżda għajnuna operatorja li ma hijiex immirata lejn l-investiment. Il-miżura lanqas ma hija mmirata lejn ir-rimbors ta’ ċerti piżijiet inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku bħalma ġie rrilevat. Barra minn hekk, il-vantaġġ meħud minn eżenzjoni mit-taxxa pura u sempliċi ma huwiex limitat għall-ammont meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tat-trasport, u lanqas għar-rimbors ta’ ċerti piżijiet inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku u għalhekk lanqas ma jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan lanqas ma għandu l-effett ta’ inċentiv identifikat b’mod ċar, b’mod partikolari minħabba li l-eżenzjoni tibbenefika iktar lill-portijiet li jagħmlu l-iktar profitt u li għalhekk għandhom l-iktar mezzi – u l-inqas bżonn ta’ inċentivi. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 93 TFUE ma huwiex applikabbli.

132    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan ir-raġunament ma huwa vvizzjat bl-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tispjegax, b’mod partikolari, għaliex l-eżenzjoni mit-TK għall-portijiet hija intrinsikament marbuta u meħtieġa għall-koordinazzjoni tat-trasport.

133    Issa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara li għajnuna hija kompatibbli biss meta hija tkun tista’ tikkonstata li din l-għajnuna tikkontribwixxi fir-rigward tat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet iċċitati fil-bażi legali invokata għall-kompatibbiltà tagħha, peress li dawn l-għanijiet ikunu tali li l-impriża benefiċjarja ma tkunx tista’ tilħaqhom permezz tal-mezzi tagħha stess fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. Fi kliem ieħor, sabiex għajnuna tkun tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi previsti mit-Trattat, l-għajnuna mhux biss għandha tkun konformi ma’ wieħed mill-għanijiet previsti fih, iżda għandha wkoll tkun neċessarja sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑314/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:903, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li la l-Artikolu 93 TFUE u lanqas l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jiddistingwu l-għajnuna għall-funzjonament mill-għajnuna għall-investiment, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna għall-funzjonament, li hija intiża għaż-żamma ta’ status quo jew sabiex teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha, bħala prinċipju ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

135    Fil-fatt, għajnuna li hija limitata sabiex tnaqqas l-ispejjeż ta’ kuljum u normali tal-operat li l-impriżi xorta waħda jkollhom iħallsu fil-kuntest tal-attivitajiet normali tagħhom ma tistax titqies bħala għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 93 TFUE u tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Peress li tali għajnuna tiffavorixxi lil dawn l-impriżi meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, mingħajr ma dan kien iġġustifikat mit-twettiq ta’ għan ta’ interess pubbliku, hija ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑356/15, taħt appell, EU:T:2018:439, punt 581; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑459/93, EU:T:1995:100, punt 76).

136    Barra minn hekk, huwa inutli li r-rikorrenti tinvoka d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ SA.37402 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 dwar l-għajnuna mħallsa lill-port ta’ Budapest sabiex turi l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, minn naħa, il-prassi deċiżjonali tagħha ma tistax taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 72 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża kienet għajnuna għall-investiment fl-infrastrutturi tal-portijiet, li ssegwi għan ċar, b’differenza mill-miżura inkwistjoni f’dan il-każ.

137    Fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna għat-Trasport Marittimu, kif jindika l-isem stess, din tikkonċerna biss l-għajnuna għal trasport marittimu, u mhux l-għajnuna għall-portijiet jew għall-infrastrutturi tal-portijiet. Barra minn hekk, il-miżuri fiskali msemmija f’din il-komunikazzjoni ma jikkonċernawx eżenzjoni ġeneralizzata ta’ TK, bħal f’dan il-każ, iżda s-sostituzzjoni ta’ ċertu tip ta’ impożizzjoni b’ieħor ibbażat fuq it-tunnellaġġ, bl-għan li tiġi evitata d-delokalizzazzjoni. Ir-rikorrenti ma tistax, għalhekk, tislet prinċipju ġenerali minn din il-komunikazzjoni li l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi hija kompatibbli mas-suq intern. Din il-komunikazzjoni turi, l-iktar, li ċerta għajnuna għall-funzjonament fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxa, tista’, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑356/15, taħt appell, EU:T:2018:439, punt 583 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(a) u (b) TFUE u tal-Artikolu 349 TFUE, il-Kummissjoni eżaminat l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-premessi 98 sa 100 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax kif dan ir-raġunament huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda tillimita ruħha li tafferma li l-Artikolu 349 TFUE jikkostitwixxi, mingħajr dubju, bażi legali suffiċjenti sabiex jiġi meqjus li skema ta’ eżenzjoni fiskali tal-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi kienet kompatibbli mat-Trattat.

139    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat, minn naħa, li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni ma hijiex immirata lejn il-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi, iżda lejn il-portijiet u l-entitajiet benefiċjarji kollha, kif inhuma identifikati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 349 TFUE jipprevedi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jadotta miżuri speċifiċi bl-għan li, partikolarment, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tat-Trattat għar-reġjuni li huma previsti fih, fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni strutturali ekonomika u soċjali tagħhom hija aggravata minħabba ċerti fatturi li l-permanenza u l-kumbinazzjoni tagħhom jirrestrinġu serjament l-iżvilupp tagħhom (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Banco Comercial dos Açores vs Il‑Kummissjoni, T‑75/03, mhux ippubblikata, EU:T:2009:322, punt 3). It-tielet paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE madankollu jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta l-miżuri indikati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi u tal-limitazzjonijiet partikolari tar-reġjuni ultraperifiċi mingħajr ma jnaqqas l-integrità u l-koerenza tal-ordni legali tal-Unjoni, inklużi s-suq intern u l-politiki komuni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tinvoka l-ebda dispożizzjoni tad-dritt sekondarju li tindika li l-Kunsill iddeċieda li jawtorizza l-għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mit-TK għall-portijiet li jinsabu fit-territorji barranin Franċiżi.

140    Peress li r-rikorrenti tinvoka r-Regolament Nru 2017/352, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan ir-regolament ma għandux ikollu l-għan jew l-effett li jinfluwenza l-azzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikoli 107 u 108 TFUE. Għall-kuntrarju, dan ir-regolament, li għandu l-għan li jistabbilixxi qafas għall-provvista ta’ servizzi tal-portijiet u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet, jipprevedi li dan għandu jippermetti “kontroll ġust u effettiv tal-għajnuna mill-Istat” (premessa 6), li huwa “ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti milli jagħtu kumpens għal azzjonijiet meħuda għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku dment li dan il-kumpens jikkonforma mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat” (premessa 32) u li, “[f]i kwalunkwe każ, jenħtieġ li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat” (premessa 43).

141    Fir-rigward tar-Regolament 2017/1084, li huwa wkoll invokat mir-rikorrenti, dan jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1), u li jżid b’mod partikolari l-Artikolu 56b l-Artikolu 56c, li jipprevedu l-possibbiltà li tiġi eżentata ċerta għajnuna għal portijiet marittimi u għal portijiet interni. Issa, ir-Regolament Nru 651/2014, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 108(4) TFUE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas‑7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312), għandu l-għan li jippermetti li l-Istati Membri jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jinnotifikaw ċerti kategoriji ta’ għajnuna, taħt ċerti kundizzjonijiet. Kif issostni l-Kummissjoni, madankollu, dan ir-regolament ma jipprevedix ipoteżijiet ta’ kompatibbiltà oħra minbarra dawk previsti mit-Trattat. Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet, fil-premessi 95 sa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, mingħajr ma jitwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward (ara iktar ’il fuq), hija ma tistax, a fortiori, tiddikjaraha kompatibbli abbażi tar-Regolament Nru 651/2014. Barra minn hekk, l-Artikolu 56b u l-Artikolu 56c tar-Regolament Nru 651/2014 jipprevedu ċerti kundizzjonijiet fir-rigward b’mod partikolari tal-ispejjeż eliġibbli, tal-intensità tal-għajnuna jew ukoll tan-neċessità tal-għajnuna, mingħajr ma r-rikorrenti fittxet li turi li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ.

142    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-karatteristiċi tal-proċedura dwar l-għajnuna eżistenti, fuq inverżjoni tal-oneru tal-prova u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-analiżi ta’ kompatibbiltà tal-iskema inkwistjoni mas-suq intern.

143    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-Kummissjoni, talli talbet it-tneħħija pura u sempliċi tal-iskema inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, minflok talbet l-aġġustament tagħha jew li tiġi ddikjarata kompatibbli taħt ċerti kundizzjonijiet.

144    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tingħażel dik li hija l-inqas restrittiva (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni, T‑457/09, EU:T:2014:683, punt 346 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    F’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, peress li l-miżura eżaminata kienet manifestament inkompatibbli mas-suq intern, hija ma setgħetx taġġusta jew tadotta kundizzjonijiet li setgħu jagħmluha kompatibbli mas-suq intern. Hija ssostni wkoll li kull modifika tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni sabiex din issir kompatibbli mas-suq intern kienet partikolarment kumplessa, minħabba li n-natura stess tal-vantaġġ, eżenzjoni mit-TK marbuta mal-benefiċċju meħud, ma taqbilx mal-kriterji ta’ kompatibbiltà, b’mod partikolari l-proporzjonalità u t-trasparenza tal-miżura fid-dawl ta’ għan iddefinit.

146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 2015/1589 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tipproponi, bħala miżuri xierqa, jew emenda sustantiva tal-iskema ta’ għajnuna, jew li jiġu introdotti ħtiġijiet proċedurali, jew saħansitra t-tneħħija tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Il-possibbiltà ta’ tneħħija tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija għalhekk espressament prevista mill-proposta għal miżuri xierqa, li tiġi qabel il-fażi ta’ investigazzjoni formali.

147    Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li titlob it-tneħħija pura u sempliċi ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti, meta tikkonkludi, fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din ma hijiex kompatibbli mas-suq intern, ma għandha l-ebda rekwiżit addizzjonali meta mqabbla mal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna ġdida, fir-rigward tal-parallelliżmu tal-proċeduri eżistenti bejn dawn iż-żewġ proċeduri mill-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara l-punt 127 iktar ’il fuq).

148    Kif issostni r-rikorrenti, madankollu, din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li, jekk il-modifika jew ċerti aġġustamenti tal-iskema inkwistjoni jkunu possibbli u jagħmluha kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tal-inqas tesplora din l-għażla mal-Istat Membru kkonċernat fl-istadju tal-proposta tagħha għal miżuri xierqa.

149    Għandu jiġi rrilevat, madankollu, kif tagħmel il-Kummissjoni, li tali modifika tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li ma jidhirx li ġiet proposta mir-Repubblika Franċiża, tidher li hija kumplessa jekk mhux ukoll impossibbli f’dan il-każ. Fil-fatt, fir-rigward ta’ miżura li tipprevedi eżenzjoni inkundizzjonata tat-TK favur ċerti kategoriji ġenerali ta’ benefiċjarji, mingħajr ebda rabta ma’ għan ta’ interess ġenerali definit b’mod ċar, modifika għal din l-iskema kienet timplika li r-Repubblika Franċiża għandha tinnotifika skema oħra, li tkun fundamentalment differenti mill-iskema ta’ għajnuna eżistenti li qiegħda tiġi investigata mill-Kummissjoni. Għalhekk, kien ikun meħtieġ li jiġu llimitati u kkundizzjonati b’mod partikolari l-vantaġġ u l-ammont tiegħu tal-ispejjeż mhux koperti ta’ ċerti investimenti jew tal-kumpens ta’ spejjeż għal eventwali SIEĠ li n-natura u l-ambitu tagħhom kellhom jiġu ddefiniti skont il-kategoriji ta’ port, jew port b’port fuq bażi annwali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet finanzjarji ta’ xi 500 port Franċiż u tar-regoli potenzjalment differenti dwar il-kompatibbiltà li tapplika għal kull wieħed minnhom, b’mod partikolari għall-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi.

150    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ma eżaminatx jekk, b’ċerti modifiki tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, din setgħetx tissodisfa il-kundizzjonijiet relatati mal-finanzjament ta’ SIEĠ u titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

151    Ċertament, kif issostni r-rikorrenti, fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.14175 (ex E 2/2005 u N 642/2009) – il-Pajjiżi l-Baxxi – Existing and special projet aid to housing corporations (ĠU 2010, C 31, p. 4), u tat‑30 ta’ Awwissu 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat E/2005 – il-Pajjiżi l-Baxxi – Existing aid to housing corporations: decision amending paragraphs 2224 of the Commission Decision of 15 December 2009 (ĠU 2010, C 250, p. 1), il-Kummissjoni pproponiet lill-awtoritajiet Olandiżi li ma titneħħiex l-iskema ta’ għajnuna eżistenti, iżda li din tiġi emendata sabiex issir konformi mar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat.

152    Madankollu, fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 150 iktar ’il fuq dwar l-akkomodazzjoni soċjali Olandiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien ippropona impenji ta’ natura sabiex jissodisfaw il-miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni, sabiex l-iskema ssir kompatibbli mas-suq intern. Id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni kienet ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li kien jipprevedi l-konsegwenzi legali ta’ aċċettazzjoni, mill-Istat Membru, tal-miżuri xierqa tal-Kummissjoni.

153    F’dan il-każ, madankollu, peress li l-Istat Membru ma aċċettax il-miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni, u lanqas, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma ppropona impenji sabiex jiġu indirizzati l-oġġezzjonijiet imqajma minnhom, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 2015/1589. Għaldaqstant ma tista’ ssir l-ebda analoġija mad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 150 iktar ’il fuq.

154    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

155    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità oġġettiva li għandha l-Kummissjoni skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, żgurat mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod iktar partikolari, hija takkuża lill-Kummissjoni li ma intervenietx fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna li minnhom jibbenefikaw ċerti portijiet tal-Unjoni skont ir-regoli fiskali fis-seħħ fi Stati Membri oħra, u għalhekk ikkawżat iktar distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bi ksur dirett tar-rwol tagħha li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

156    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

157    Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, ksur eventwali tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jekk jiġi stabbilit, jikkostitwixxix difett fil-legalità awtonoma, li waħdu jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni tosserva, preliminarjament, li ksur ta’ dan il-prinċipju jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss flimkien mal-ksur ta’ dispożizzjoni legali oħra tal-Unjoni. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punt 43 tas-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Area Cova et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑196/99, EU:T:2001:281), li minnu jirriżulta li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma jagħmilx parti mid-dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu d-drittijiet lill-individwi, li l-ksur tiegħu jista’ jiġi invokat sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

158    Ta’ min jinnota, madankollu, li l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal amministrazzjoni tajba jikkostitwixxix dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti d-drittijiet lill-individwi, kwistjoni li hija rilevanti fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, imsemmi fl-Artikolu 268 TFUE, u mhux fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, bħal f’dan il-każ.

159    Fil-kuntest tal-motiv tagħha bbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ksur tad-dmir ta’ diliġenza u tal-obbligu ta’ imparzjalità.

160    Skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ diliġenza huwa inerenti fil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Huwa japplika b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku u jimplika li l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi b’kura u bi prudenza u li għandha teżamina l-elementi rilevanti kollha tal-każ b’attenzjoni u b’imparzjalità (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 92 u 93, u tal‑15 ta’ Jannar 2015, Ziegler u Ziegler Relocation vs Il‑Kummissjoni, T‑539/12 u T‑150/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:15, punt 97).

161    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Madankollu, l-obbligu ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni ma jistax jobbligaha, meta teżamina skemi ta’ għajnuna eżistenti f’diversi Stati Membri, li tmexxi dawn l-investigazzjonijiet simultanjament jew li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti fl-istess mument għall-Istati Membri kollha. F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li mill-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Lulju 2014 dwar eżenzjonijiet fiskali mogħtija lill-impriżi pubbliċi Olandiżi jirriżulta li, “f’ċerti Stati Membri, il-portijiet ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda għal sistema fiskali oħra li tista’ tkun iktar favorevoli”, filwaqt li “fi Stati Membri oħra l-portijiet ma jħallsu l-ebda taxxa fuq il-kumpanniji minħabba li jaħdmu b’telf”, ir-rikorrenti ma tistax tiddeduċi minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit ta’ imparzjalità billi ffokat l-ewwel fuq is-sistemi fiskali tal-Belġju, tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Franza u billi adottat deċiżjonijiet finali negattivi dwar dawn l-iskemi qabel ma eżaminat is-sistemi fiskali kollha ta’ Stati Membri oħra li eventwalment jinkludu wkoll għajnuna mill-Istat.

163    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li argumenti simili ġew eżaminati u miċħuda fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Seaports et vs Il‑Kummissjoni (T‑160/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:317), dwar ir-rikors ippreżentat minn ċerti portijiet Olandiżi kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/634 tal‑21 ta’ Jannar 2016 dwar il-miżura ta’ għajnuna Nru SA.25338 (2014/C) (ex E 3/2008 u ex CP 115/2004) implimentata min-Netherlands – Eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi (ĠU 2016, L 113, p. 148).

164    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’din il-kawża, li kwalunkwe ksur minn Stat Membru ta’ obbligu taħt it-Trattat, b’mod partikolari l-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma jistax ikun iġġustifikat mill-fatt li Stati Membri oħra wkoll qegħdin jonqsu milli jwettqu dan l-obbligu u li l-effetti ta’ diversi distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jħassrux lil xulxin, iżda, għall-kuntrarju, jakkumulaw, u l-konsegwenzi dannużi għas-suq intern ikomplu jiżdiedu (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Seaports et vs Il‑Kummissjoni, T‑160/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:317, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Għalhekk, anki jekk Stati Membri oħra jagħtu għajnuna mill-Istat lill-portijiet marittimi tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, meta ddikjarat l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern u ordnat li din titneħħa, kellha l-għan li terġa’ tintroduċi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-settur tal-portijiet u għaldaqstant li tissodisfa l-għanijiet tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Seaports et vs Il‑Kummissjoni, T‑160/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:317, punt 98).

166    Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka favur tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Groningen Seaports et vs Il‑Kummissjoni, T‑160/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:317, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167    Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi fetħet proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat kontra tliet Stati Membri biss, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li kien jirriżulta mir-risposti għall-kwestjonarju tagħha li nofs l-Istati Membri kienu ammettew li kienu żammew skemi fiskali derogatorji mid-dispożizzjonijiet legali komuni għall-portijiet tagħhom.

168    Fi kwalunkwe każ, tali argument huwa ineffettiv, peress li huwa ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata bħala tali, iżda pjuttost għandu l-għan sabiex juri eventwali nuqqas tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ skemi ta’ għajnuna simili li wkoll ikunu fis-seħħ fi Stati Membri oħra. Issa, kif issostni l-Kummissjoni, f’dan il-każ, huwa possibbli li r-rikorrenti tressaq ilment lill-Kummissjoni dwar l-iskemi ta’ għajnuna li jeżistu fi Stati Membri oħra u, f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni li ma huwiex iġġustifikat u li huwa estiż, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE.

169    Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud, u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

170    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Union des ports de France – UPF hija kkundannata għall-ispejjeż.

Berardis

Papasavvas

Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ April 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.