Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija) fil-5 ta’ Mejju 2021 – FC vs FTI Touristik GmbH

(Kawża C-287/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Salzburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FC

Konvenut: FTI Touristik GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li rtirar mill-pakkett ta’ vjaġġar, min-naħa tal-vjaġġatur, abbażi ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” huwa ġeneralment permissibbli biss immedjatament qabel il-bidu tal-vjaġġ jew fis-sens li dan l-irtirar jista’ wkoll isir bejn tlieta u erba’ xhur qabel f’każijiet individwali?

Fil-każ li dikjarazzjoni ta’ rtirar hija bħala prinċipju permissibbli mingħajr ebda restrizzjoni ta’ żmien, għandha tiġi magħmula d-domanda li ġejja:

a)    huwa biżżejjed, għall-finijiet tal-eżami li jsir mill-perspettiva ta’ vjaġġatur fir-rigward tal-perijodu ta’ vvjaġġar ippjanat fil-kuntest ta’ kunsiderazzjoni ex ante, li ċ-ċirkustanzi msemmija preċedentement u li l-effetti ħżiena li jirriżultaw jistgħu diġà jiġu stmati b’ċerta probabbiltà u, fil-każ ta’ sitwazzjoni perikoluża li tkun diġà seħħet, li bi probabbiltà kbira ma jistax ikun mistenni titjib sinjifikattiv, u

b)    jekk irtirar iddikjarat qabel iż-żmien huwiex għad-detriment tal-vjaġġatur jekk ċirkustanzi li diġà jeżistu fil-mument tad-dikjarazzjoni ta’ rtirar isiru evidenti biss immedjatament qabel il-bidu ppjanat tal-vjaġġ b’tali mod li l-vjaġġ fl-aħħar mill-aħħar ma jistax isir mill-operatur turistiku jew ma kienx ikun raġonevoli għall-vjaġġatur li jipparteċipa fih?

Fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fid-destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tagħha u l-effetti ħżiena kunsiderevoli li jirriżultaw fl-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ vjaġġar,

a)    hija biss kwistjoni ta’ ċirkustanzi oġġettivi jew huma wkoll ċirkustanzi suġġettivi min-naħa tal-vjaġġatur li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, pereżempju, l-iskop partikolari tal-vjaġġ u l-fatt li żewġt itfal jivvjaġġaw miegħu, u

b)    fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni probabbli ta’ riskju matul il-perijodu tal-vjaġġ, id-destinazzjoni tal-ivvjaġġar, Sardegna u mhux il-bqija tal-Italja, hija ta’ prijorità, minbarra l-vjaġġ tal-wasla u r-ritorn?

Hemm dritt ta’ rtirar mingħajr ħlas jekk iċ-ċirkustanzi li fuqhom jistrieħ il-vjaġġatur diġà kienu jeżistu fil-mument tal-prenotazzjoni jew kienu għall-inqas prevedibbli jew dan jista’ għall-inqas iwassal għall-applikazzjoni ta’ kriterju iktar strett meta tiġi evalwata n-natura raġonevoli tal-effetti ħżiena?

Jekk il-kundizzjonijiet għal kanċellazzjoni ta’ vvjaġġar mingħajr ħlas ma jiġux issodisfatti, tqum il-kwistjoni dwar jekk “tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli” fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2015/2302, għandhiex tkun biss fil-limiti tal-perċentwali normalment użati fis-settur, ibbażati fuq rati empiriċi, jew jekk huwiex dejjem neċessarju li jiġu eżaminati l-ispejjeż u d-dħul iffrankati mistennija minn użi oħra tas-servizzi tal-ivvjaġġar fil-każ individwali speċifiku, billi tiġi żvelata l-bażi ta’ kalkolu tal-operatur turistiku?

Jista’ jsir użu mid-dritt nazzjonali fl-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli ta’ tariffi ta’ kanċellazzjoni b’rata fissa, jekk dan jippermetti li l-ammont jiġi ddeterminat fid-diskrezzjoni tal-qorti fil-każ li tkun mistennija spiża proċedurali sproporzjonata?

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2015/2302, li tgħid li l-operatur turistiku għandu jiġġustifika l-ammont tat-tariffa ta’ kanċellazzjoni fuq talba tal-vjaġġatur, tirreferi wkoll għal tariffa ta’ kanċellazzjoni miftiehma b’rata perċentwali fissa u liema konsegwenzi legali jirriżultaw min-nuqqas tal-operatur turistiku li jikkonforma ma’ dan l-obbligu jew li jikkonforma miegħu b’mod adegwat?

L-operatur turistiku għandu jġorr il-piż tal-invokazzjoni u l-oneru tal-prova tan-natura adegwata ta’ tariffa ta’ kanċellazzjoni miftiehma b’rata perċentwali fissa jew hija dejjem ir-responsabbiltà tal-vjaġġatur li joġġezzjona u jipprova dak li l-operatur turistiku normalment jiffranka skont il-mument tal-kanċellazzjoni u dak li jista’ jakkwista billi jbiegħ is-servizzi tal-ivvjaġġar lil ħaddieħor?

____________

1     ĠU 2015, L 326, p. 1.