Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Mejju 2007 - Reno Schuhcentrum vs L-UASI - Payless ShoeSource Worldwide (Payless ShoeSource)

(Kawża T-173/07)

Lingwa tar-rikors: l-Inġliż

Partijiet

Rikorrenti: Reno Schuhcentrum GmbH (Thaleischweiler-Fröschen, il-Ġermanja) (rappreżentant: S. Schäffner, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti l-oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell: Payless ShoeSource Worldwide, Inc. (Topeka, l-Istati Uniti)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-28 ta' Frar 2007 (proċedura ta' appell R 1209/2005-1), li tiċħad l-appell fir-rigward tal-proċedura ta' revoka Nru 731C 0000 186 136-1 (Trade mark Komunitarja Nru 186 163 - Payless ShoeSource)

tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal revoka : trade mark figurattiva Komunitarja "Payless Shoesource", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 25, 35 u 42 - applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 186 163

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: Payless ShoeSource Worldwide, Inc.

Parti li qed titlob ir-revoka tat-trade mark Komunitarja: Reno Schuhcentrum GmbH

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: ċaħda parzjali tat-talba għal revoka, żamma fis-seħħ tar-reġistrazzjoni għal ċerti prodotti fil-klassi 25

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell: ċaħda ta' l-appell għal dak li jirrigwarda l-bqija tal-prodotti fil-klassi 25

Motivi invokati: Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali fir-rigward ta' l-Artikolu 74 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u ta' l-oneru tal-prova. Skond ir-rikorrenti, fil-kuntest ta' proċedura ta' revoka, l-oneru tal-prova ta' użu ġenwin jaqa' fuq il-proprjetarju tat-trade mark. Ir-rikorrenti ssostni li l-Uffiċċju ma jistax jipproċedi għal eżami uffiċjali tal-fatti u li l-eżami għandu jkun ristrett għal evalwazzjoni tal-fatti, l-elementi ta' prova u l-argumenti invokati mill-partijiet u t-talbiet imressqa minnhom. Konsegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-komunikazzjoni tal-Bord ta' l-Appell tat-18 ta' Ottubru 2006 li tistieden lill-proprjetarju tat-trade mark sabiex jipprovdi l-oriġinali ta' ċerti dikjarazzjonijiet magħmula għal dan l-iskop għandha tiġi ddikjarata bħala irregolari, b'mod partikolari fejn il-Bord ta' l-Appell kien sostna qabel li l-elementi ta' prova ppreżentati inizjalment mill-proprjetarju tat-trade mark ma kienux suffiċjenti sabiex juru użu ġenwin.

Ir-rikorrenti tafferma barra minn hekk li l-imsemmija oriġinali ma ġewx ippreżentati fit-terminu previst skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u għaldaqstant m'għandhomx jiġu aċċettati.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell wettaq żball ta' interpretazzjoni tal-kunċett ta' użu ġenwin, u b'hekk kiser l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

____________