Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Plovdiv (il-Bulgarija) fit-8 ta’ Diċembru 2023 – “EVN Bulgaria Toplofikatsia” EAD vs OZ

(Kawża C-760/23, Shanov 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Rayonen sad Plovdiv

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “EVN Bulgaria Toplofikatsia” EAD

Konvenut: OZ

Domandi preliminari

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE 1 u l-Artikolu 169 TFUE jippermettu l-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-enerġija għas-sħana, mormija mill-installazzjoni tal-bini, f’sitwazzjoni fejn it-taraġ u l-kurituri tal-bini ma jkunux mgħammra b’radjaturi?

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2012/27 u l-Artikolu 169 TFUE jippermettu l-possibbiltà għall-kumpannija li tipprovdi t-tisħin li, abbażi ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali, titlob il-ħlas għall-kwantità ta’ enerġija għas-sħana użata minn installazzjoni ta’ bini fejn il-kwantità ta’ enerġija għas-sħana tiġi ddeterminata abbażi ta’ formula mħejjija mill-amministrazzjoni f’sitwazzjoni fejn din il-formula:

tintroduċi koeffiċjent li jieħu inkunsiderazzjoni l-proporzjon tal-kapaċità installata tal-installazzjoni tal-bini meta mqabbla mal-kapaċità totali tal-installazzjoni tat-tisħin, mingħajr ma huwa indikat b’mod ċar kif ġie kkalkolat dan il-koeffiċjent;

tuża l-kapaċità installata tal-installazzjoni tal-bini, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet installati reali;

ma tiħux inkunsiderazzjoni t-temperatura tat-tagħmir li jiċċirkola s-sħana fl-installazzjoni tal-bini;

tassumi li l-installazzjoni topera bil-kapaċità massima tagħha l-ħin kollu;

ma tiħux inkunsiderazzjoni l-operat speċifiku ta’ tipi differenti ta’ sistemi ta’ tisħin (f’dan il-każ “Tichelmann”) u tikkunsidrahom kollha ugwali f’termini ta’ operat;

tikkunsidra awtomatikament li t-temperatura medja ta’ bini b’diversi appartamenti hija ta’ 19 °C.

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2012/27 u l-Artikolu 169 TFUE jippermettu l-possibbiltà għall-kumpannija li tipprovdi t-tisħin li, abbażi ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali, titlob il-ħlas għall-kwantità ta’ enerġija għas-sħana użata għall-ilma sħun għal użu domestiku fejn il-kwantità ta’ enerġija għas-sħana tiġi ddeterminata abbażi ta’ formula mħejjija mill-amministrazzjoni f’sitwazzjoni fejn din il-formula, f’din l-enerġija għas-sħana meħtieġa għal dan it-tisħin, ma tiħux inkunsiderazzjoni t-temperatura li għandha tintlaħaq mill-ilma sħun għal użu domestiku msaħħan u kkunsinnat lill-abbonati, jew, rispettivament, il-volum f’metri kubiki ta’ ilma sħun għal użu domestiku użat mill-abbonati, u f’sitwazzjoni fejn fl-applikazzjoni [tagħha] dejjem jiġi ggarantit volum doppju ta’ ilma sħun għal użu domestiku fl-istaġun ta’ tisħin tax-xitwa meta mqabbel mal-volum ikkalkolat għall-istaġun tas-sajf?

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE 1 , ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2012/27 u mal-Artikolu 169 TFUE, jippermetti l-possibbiltà għall-kumpannija li tipprovdi t-tisħin li, abbażi ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali, titlob il-ħlas għall-kwantità ta’ enerġija għas-sħana użata mill-installazzjoni tal-bini f’bini b’diversi appartamenti diviża proporzjonalment abbażi tal-volum imsaħħan skont il-pjanta, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità reali ta’ enerġija għas-sħana pprovduta lil kull appartament skont il-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-installazzjonijiet tat-tisħin?

Għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti l-fatt li d-dispożizzjoni legali nazzjonali tipprevedi li l-enerġija għas-sħana intiża għall-installazzjoni ta’ bini hija wieħed mill-komponenti, li tagħmel parti mill-algoritmu għall-kalkolu tal-ammont finali li l-konsumatur għandu jħallas għall-enerġija għas-sħana totali (jiġifieri t-total tal-kwantità ta’ enerġija għas-sħana, użata mill-installazzjoni tal-bini, it-tisħin u l-ilma sħun għal użu domestiku), fejn l-ammont li għandu jitħallas mill-konsumatur għat-tisħin tal-appartament tiegħu huwa ugwali għad-differenza bejn l-enerġija totali għat-tisħin (bħala l-ammont li minnu għandu jsir tnaqqis) u ammont ugwali għat-total tal-enerġija għas-sħana użata mill-installazzjoni tal-bini, tal-enerġija għas-sħana użata mir-radjaturi tat-tisħin fil-partijiet komuni tal-bini u tal-enerġija għas-sħana użata għall-ilma sħun għall użu domestiku (bħala l-ammont li bih għandu jsir it-tnaqqis)?

Dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li l-konsumaturi għandhom iħallsu għall-kunsinna ta’ enerġija għas-sħana, ipprovduta mill-installazzjoni tal-bini, b’mod proporzjonali mal-volum tal-appartamenti tagħhom skont il-pjanta, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità reali ta’ enerġija għas-sħana pprovduta fir-rigward ta’ kull appartament, imorru kontra r-rekwiżiti tal-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-projbizzjoni ta’ għoti ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2012, L 315, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 113, p. 24.

1     ĠU 2006, L 114, p. 64.