Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' April 2011 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-205/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u J. Möller, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni C(2011)275 finali, adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2011 fil-proċedura "Għajnuna mill-Istat C 7/2010 - Skema dwar trasferiment fiskali ta' telf ('Sanierungsklausel');

sussidjarjament: tannulla parzjalment id-Deċiżjoni C(2011)275 finali adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2011 fil-proċedura "Għajnuna mill-Istat C 7/2010 - Skema dwar trasferiment fiskali ta' telf ('Sanierungsklausel'); sa fejn, fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna individwali mogħtija hija kompletament inkompatibbli mas-suq intern u għandha tiġi rkuprata kollha, fil-każ fejn l-ammont tagħha jeċċedi EUR 500 000;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi sussegwenti.

Motivi invokati insostenn tat-talba prinċipali:

1. L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE - nuqqas ta' selettività peress li l-klawżola li tawtorizza t-trasferiment ta' telf ("Sanierungsklausel") ma tikkostitwixxix eċċezzjoni għas-sistema ta' riferiment rilevanti

Il-Gvern Ġermaniż isostni li s-Sanierungsklausel ipprovduta fl-Artikolu 8c(1a) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftssteuergesetz, iktar 'il quddiem il-"KStG"), intiża li tippermetti lill-impriżi li nxtraw li jittrasferixxu t-telf fiskali, ma hijiex selettiva. Skont il-Gvern Ġermaniż, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix skema ta' għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li ma tipprovdi ebda eċċezzjoni għas-sistema ta' riferiment rilevanti.

2. It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE - żball manifest ta' evalwazzjoni tan-natura ġenerali tal-miżura.

Il-Gvern Ġermaniż iqis li l-Kummissjoni evalwat b'mod manifestament żbaljat il-kwistjoni dwar jekk is-Sanierungklausel ipprovduta fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG hijiex miżura ġenerali, inkwantu l-Kummissjoni applikat metodu ta' eżami li ma huwiex xieraq u ma eżaminatx jekk, fil-kuntest ta' evalwazzjoni ekonomika globali, is-Sanierungsklausel kinitx ibbażata fuq data "orizzontali" li kienet tapplika għall-impriżi kollha mingħajr distinzjoni; skont il-Gvern Ġermaniż, is-Sanierungsklausel tibbenefika għalhekk b'mod transversali għal kull impriża li tinsab fit-territorju Ġermaniż u tista' konsegwentement titqies li hija miżura ġenerali.

3. It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE - nuqqas ta' selettività minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura interna tas-sistema fiskali Ġermaniża

Skont il-Gvern Ġermaniż, is-Sanierungsklausel ipprovduta fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG ma hijiex selettiva u konsegwentement ma tikkostitwixxix skema ta' għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura interna tas-sistema fiskali Ġermaniża

Motiv invokat insostenn tat-talba sussidjarja

Ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE u tal-qafas temporanju Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat intiża li tiffavorixxi l-aċċess għall-finanzjament fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali

Il-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE u tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li temenda l-qafas temporanju tal-komunità għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, sa fejn tikkunsidra l-ammont ta' EUR 500 000 imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni bħala livell massimu ta' għajnuna legali li l-eċċess tiegħu jimplika l-irkupru kollu tal-għajnuna, u mhux bħala ammont ta' għajnuna awtorizzata li fir-rigward tiegħu tkun biss l-għajnuna żejda li tagħti lok għal irkupru.

____________