Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka) fil-21 ta’ Ġunju 2023 – Anklagemyndigheden vs ILVA A/S

(Kawża C-383/23, ILVA)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Vestre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Anklagemyndigheden

Konvenut: ILVA A/S

Domandi preliminari

Il-kelma “impriża” li tinsab fl-Artikolu 83(4) sa (6) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE 1 , għandha tinftiehem bħala impriża fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, moqrija flimkien mal-premessa 150 tar-Regolament 2016/679, u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fis-sens li l-kelma “impriża” tkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħha u mill-mod kif inhi ffinanzjata?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv: l-Artikolu 83(4) sa (6) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-impożizzjoni ta’ multa fuq impriża, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ annwali totali tal-entità ekonomika li l-impriża tagħmel parti minnha, jew inkella d-dħul mill-bejgħ annwali totali tal-impriża nnifisha biss?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.