Language of document : ECLI:EU:T:2014:1000

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

27 ta’ Novembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tat-transformers tal-elettriku — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Ftehim ta’ tqassim tas-suq — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 — Immunità minn multi — Aspettattivi leġittimi — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑521/09,

Alstom Grid SAS, li kienet Areva T&D SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza), inizjalment irrappreżentata minn A. Schild, C. Simphal u E. Estellon, sussegwentement minn J. Derenne, A. Müller‑Rappard u M. Domecq, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Bouquet, N. von Lingen u K. Mojzesowicz, sussegwentement minn M. Bouquet, K. Mojzesowicz u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni C (2009) 7601 finali tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Ottubru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.129 — Transformers tal-elettriku),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn D. Gratsias, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, O. Czúcz (Relatur) u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Is-settur ikkonċernat f’din il-kawża huwa dak tat-transformers tal-elettriku, tal-autotransformers u tax-shunt reactors b’firxa ta’ vultaġġ ta’ 380 kV u iktar. Transformer tal-elettriku huwa komponent elettriku essenzjali li l-funzjoni tiegħu hija li jnaqqas jew iżid il-vultaġġ f’ċirkwit elettriku. Dawn it-transformers jinbiegħu individwalment jew bħala element ta’ turnkey power substations.

2        Matul il-perijodu rilevanti għal din il-kawża, jiġifieri matul il-perijodu ta’ bejn id-9 ta’ Ġunju 1999 u l-15 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrenti, li dak iż-żmien kien jisimha Alstom T&D SA, kienet attiva fil-qasam tat-transformers tal-elettriku. Matul dan il-perijodu kollu, il-kumpannija holding finali Alstom kellha 100 % tal-kapital ta’ Alstom Franza SA (li f’Awwissu 1999 issemmiet mill-ġdid Alstom Holdings) li, min-naħa tagħha, kellha 100 % tal-kapital tar-rikorrenti.

3        Wara l-bejgħ tal-attività ta’ produzzjoni tat-transformers tal-elettriku tal-grupp Alstom lill-grupp Areva, fl-2004 ir-rikorrenti ġiet ittrasferita lill-grupp Areva, ikkontorollat minn Areva SA, u sussegwentement ġiet imsemmija mill-ġdid Areva T&D SA.

4        Fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet spezzjonijiet fil-kuntest tal-Każ COMP/38.899 — Switchgear Iżolat bil-Gass, b’mod partikolari fl-uffiċċji ta’ Hitachi Ltd, fejn hija kkonfiskat kopji ta’ dokumenti.

5        Fid-9 ta’ Settembru 2004, Hitachi ressqet talba għal immunità skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3 iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) f’dak li jirrigwarda s-switchgears iżolati bis-gass (iktar ’il quddiem l-“SIG”. Fil-kuntest ta’ din it-talba hija pproduċiet, fost l-oħrajn, kopji tad-dokumenti li l-Kummissjoni kienet sabet fl-uffiċċji tagħha waqt l-ispezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

6        Fit-22 ta’ Settembru 2004, Areva ressqet l-ewwel talba tagħha għal immunità. Din l-ewwel talba għal immunità kienet tirrigwarda prinċipalment prattiki antikompetittivi li jkopru diversi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea (b’mod partikolari l-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Awstrija). F’din it-talba Areva għamlet ukoll riferiment għall-“Aero Club”, akkordju internazzjonali fis-settur tat-transformers tal-elettriku. F’dan ir-rigward, hija indikat kemm l-ismijiet tal-impriżi Ewropej u Ġappuniżi li kienu pparteċipaw għalih kif ukoll il-mod ta’ kif dan l-akkordju kien jiffunzjona. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li dawn il-prattiki kienu waqfu fl-1998-1999. Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni ċaħdet din l-ewwel talba għal immunità billi indikat li kienet tikkunsidra li Areva ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-punt 8(a) jew (b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

7        Fil-15 ta’ Jannar 2005, Areva ppreżentat it-tieni talba għal immunità tagħha. F’din it-talba hija prinċipalment ipprovdiet informazzjoni dwar allegati prattiki antikompetittivi li jaffettwaw is-suq tat-transformers tal-elettriku fil-Ġermanja u fi Franza, filwaqt li indikat id-differenzi bejn dan l-ewwel allegat akkordju u l-akkordju li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kienet investigat fil-każ tas-SIG. Areva rtirat din it-talba għal immunità fil-21 ta’ Settembru 2006.

8        Fit-2 ta’ Mejju 2006, Areva ressqet it-tielet talba għal immunità tagħha, din tal-aħħar kienet fir-rigward ta’ allegat akkordju li jikkonċerna l-Ġermanja u Franza. Hija kkompletat l-informazzjoni pprovduta fit-8 ta’ Settembru 2006 billi reġgħet ipproduċiet informazzjoni dwar il-prattiki antikompetittivi li jikkonċernaw il-Ġermanja u Franza u billi indikat li l-pajjiżi l-oħra kkonċernati minn dawn il-prattiki kienu l-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Awstrija. F’dan il-kuntest, hija semmiet ukoll “gentlemen’s agreement”, li kien jikkonċerna, fl-opinjoni tagħha, is-swieq Ewropej “mhux domestiċi”, jiġifieri s-swieq Ewropej jew il-produtturi Ewropej li ma għandhomx unità ta’ produzzjoni, bħal Spanja jew l-Italja. Fl-aħħar nett, hija indikat li l-“gentlemen’s agreement” kien waqaf fl-1997 jew fl-1998. Fl-10 ta’ Ottubru 2006, Areva ppreċiżat li dan il-“gentlemen’s agreement” donnu kien biss aġir unilaterali u ċaħdet in-natura antikompetittiva ta’ dawn il-prattiki. B’ittra tal-31 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni tat lil Areva immunità kundizzjonali fir-rigward ta’ “allegat akkordju fis-settur tat-transformers tal-elettriku fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

9        Fis-7 u fit-8 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ kumpanniji fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fi Franza.

10      Fis-7 ta’ Frar 2007, il-grupp Siemens ressaq talba għal immunità. Fil-15 ta’ Frar 2007, Siemens ikkompletat din it-talba billi pproduċiet provi dwar akkordju verbali fis-settur tat-transformers tal-elettriku, imsemmi l-“gentlemen’s agreement (GA)”, li abbażi tiegħu l-produtturi Ewropej ma kellhomx ibigħu l-prodotti tagħhom fil-Ġappun u l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx ibigħu l-prodotti tagħhom fis-suq Ewropew. Fis-6 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni tat lil Siemens l-immunità kundizzjonali skont il-punt 8(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 talli kienet l-ewwel impriża li kienet ipproduċiet provi quddiemha li jistgħu jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-imsemmi akkordju.

11      Fl-14 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lir-rikorrenti u lil impriżi oħra. Ir-rikorrenti rrispondiet dan il-kwestjonarju fis-27 ta’ Marzu 2007.

12      Fid-29 ta’ Marzu 2007, inżammet laqgħa mar-rappreżentanti tar-rikorrenti li matulha l-Kummissjoni ppreżentat ċerti dokumenti u għamlet xi mistoqsijiet fir-rigward tagħhom.

13      Fl-1 ta’ Ġunju 2007, il-grupp Hitachi ressaq talba oħra għal klemenza li ġiet ikkompletata fl-1 ta’ Awwissu 2007.

14      Fit-18 ta’ Lulju 2007, il-grupp Fuji ressaq talba għal klemenza fir-rigward ta’ akkordju bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi tat-transformers tal-elettriku.

15      Fl-20 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni informat oralment lil Areva li hija kellha l-intenzjoni li titratta biss l-akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi u mhux l-akkordji dwar ċerti Stati Membri li għalihom ir-rikorrenti kienet kisbet l-immunità kundizzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informatha bil-fatt li l-immunità kundizzjonali li kienet ingħatatilha kienet tirrigwarda biss l-akkordji dwar ċerti swieq nazzjonali u ma kinitx tkopri l-akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi li fir-rigward tiegħu Areva ma kinitx ressqet talba għal klemenza.

16      Fit-30 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura dwar is-suq tat-transformers tal-elettriku kontra d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

17      Fid-19 ta’ Novembru 2008, qabel ma bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil Areva li fiha indikat fid-dettall il-kronoloġija tat-talbiet għal klemenza tagħha u fakkritha li fl-20 ta’ Awwissu 2007 kienet informatha li kienet ikkonkludiet li l-akkordji dwar ċerti Stati Membri (b’mod partikolari l-Ġermanja), minn naħa, u l-akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku, min-naħa l-oħra, kienu jikkostitwixxu żewġ ksur separati u li hija kellha l-intenzjoni li taġixxi biss kontra l-allegat akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku u mhux kontra l-allegat akkordju fil-Ġermanja. Hija informat ukoll lir-rikorrenti bil-fatt li l-provi relatati mal-akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv u li, f’dan ir-rigward, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tagħtiha tnaqqis fuq l-ammont tal-multa fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

18      Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata fl-20 ta’ Novembru 2008. Ir-rikorrenti rrispondiet għaliha fl-20 ta’ Jannar 2009. Is-smigħ orali seħħ fis-17 ta’ Frar 2009.

19      Fis-7 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 7601 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.129 — Transformers tal-elettriku) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li fiha hija kkonstatat li Alstom u r-rikorrenti kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) u imponiet multa ta’ EUR 16.5 miljun fuq Alstom, ir-rikorrenti nżammet responsabbli in solidum fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 13.53 miljun.

20      F’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat, minn tal-inqas mid-9 ta’ Ġunju 1999 sal-15 ta’ Mejju 2003 għall-“gentlemen’s agreement (GA)”, akkordju illegali li jkopri t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li kien jikkonsisti fi ftehim konkluż b’mod orali bejn il-produtturi ta’ transformers tal-elettriku Ewropej u Ġappuniżi u li bħala suġġett kellu l-osservanza tas-swieq interni ta’ kull waħda minnhom u l-astensjoni mit-twettiq ta’ bejgħ fihom.

21      Fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-gentlemen’s agreement, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-impriżi li kienu pparteċipaw fih kienu diviżi f’żewġ gruppi, wieħed Ewropew u l-ieħor Ġappuniż, li kull grupp kellu jaħtar impriża segretarja u li, għat-tul kollu tal-ksur, il-grupp Siemens kien qeda l-funzjoni ta’ segretarja tal-grupp Ewropew u Hitachi kienet is-segretarja tal-grupp Ġappuniż. Hija kkonstatat ukoll li l-ftehim ta’ tqassim tas-suq kien ġie kkompletat bi ftehim intiż għall-komunikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti (proġetti) li jkunu joriġinaw mit-territorju tal-grupp l-ieħor u li dawn il-proġetti kellhom jiġu nnotifikati lis-segretarja tal-grupp l-ieħor sabiex jitqassmu mill-ġdid.

22      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda s-suq tat-transformers tal-elettriku, kemm jekk jinbiegħu individwalment kif ukoll jekk jiġu integrati fi proġetti turnkey, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinbiegħu bħala element ta’ substation li tinkludi switchgears iżolati bis-gass, peress li dawn diġà kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni C (2006) 6762 final tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.899 — Switchgear Iżolat bil-Gass) (sommarju ppubblikat fil-ĠU 2008, C 5, p. 7).

23      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn, b’mod partikolari, il-gentlemen’s agreement u ż-żewġ l-akkordji l-oħra, jiġifieri, minn naħa, l-akkordji li jirrigwardaw swieq nazzjonali, b’mod partikolari s-suq Ġermaniż, u, min-naħa l-oħra, l-“Aero Club”, akkordju internazzjonali li ntemm fl-1997 jew fl-1998. Il-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna biss il-gentlemen’s agreement, u mhux iż-żewġ akkordji l-oħra.

24      Skont il-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni tat immunità minn multi lil Siemens AG u lil Siemens Aktiengesellschaft Österreich u tnaqqis ta’ 40 % fuq l-ammont tal-multa lil Fuji Electronics Holdings Co., Ltd.

25      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tatx immunità jew tnaqqis fuq l-ammont tal-multa lir-rikorrenti. Madankollu, fil-premessa 274 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tatha tnaqqis ta’ 18 % għal kooperazzjoni effettiva lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Id-differenza bejn l-ammont tal-multa imposta fuq Alstom u l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija spjegata bil-fatt li Alstom ma bbenefikatx minn tnaqqis tal-multa.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti msemmija Areva T&D SAS minħabba bdil fl-Istatut tagħha, ppreżentat dan ir-rikors.

27      Wara li nxtrat minn Alstom f’Jannar 2010, ir-rikorrenti ddeċidiet li tibdel isimha u li tadotta l-isem Alstom Grid SAS.

28      Peress li l-Imħallef relatur kien prekluż milli jippresedi fuq din il-kawża, il-kawża ġiet attribwita lill-Imħallef relatur ġdid.

29      Fuq rapport tal-imħallef relatur, fid-9 ta’ Novembru 2012, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tagħmel mistoqsijiet lill-partijiet u tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi xi dokumenti. Fis-7 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar id-dokumenti u l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni.

30      B’digriet tal-President tat-Tielet Awla tad-9 ta’ April 2013, il-Qorti Ġenerali ssospendiet il-proċeduri fl-ewwel kawża sa ma tingħata deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali li ttemm il-proċeduri fil-Kawża C‑231/11 P, Il-Kummissjoni vs Siemens Österreich et.

31      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

32      Wara l-qari, mill-Qorti Ġenerali, tas-sentenzi tagħha tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Siemens Österreich et (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, Ġabra EU:C:2014:256), u Areva vs Il-Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, Ġabra EU:C:2014:257), il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

33      B’ittra tal-14 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti rrinunzjat għal uħud mill-motivi invokati insostenn tar-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan.

34      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2014.

35      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

37      Il-partijiet ma jitolbux bidla fl-ammont tal-multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata.

 Id-dritt

38      Ir-rikors promotur kien ibbażat fuq erba’ motivi. Issa, kif imfakkar fil-punt 33 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti rrinunzjat għal parti mill-imsemmija motivi, jiġifieri għall-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-delega, mill-Kummissjoni, tas-setgħa ta’ sanzjoni tagħha, għat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE u, b’mod partikolari, tar-regoli dwar l-imputabbiltà tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, kif ukoll għat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE u, b’mod partikolari, tar-regoli dwar is-solidarjetà.

39      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati biss il-parti li fadal tal-ewwel motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti taż-żieda ta’ kundizzjoni addizzjonali għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli stabbiliti mill-imsemmija komunikazzjoni.

40      Il-Qorti Ġenerali tqis li r-raba’ motiv għandu jiġi eżaminat qabel il-parti li fadal tal-ewwel motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tar-regoli stabbiliti mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002

41      Ir-raba’ motiv huwa kompost minn żewġ partijiet, ibbażati fuq, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tal-punt 8(a) kif ukoll tal-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ osservanza tal-punt 8(a), kif ukoll tal-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002

42      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tagħtiha l-immunità skont il-punt 8(a) kif ukoll skont il-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. F’dan il-kuntest hija prinċipalment issostni li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Kummissjoni, hija ssodisfat ir-rekwiżiti imposti mill-imsemmija paragrafi. Sussidjarjament, hija ssostni li l-immunità minn multi prevista fl-imsemmija paragrafi għandha tingħata meta, bħal f’dan il-każ, teżisti rabta kawżali ċara u ċerta bejn talba għal immunità u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-punt 8(a) u tal-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002

43      Ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hija ssodisfat ir-rekwiżiti imposti mill-punt 8(a) kif ukoll mill-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tagħtiha immunità minn multi f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħha fil-gentlemen’s agreement.

44      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni ħolqot aspettattivi leġittimi, fatt li hija rrikonoxxiet fil-punt 29 tal-imsemmija komunikazzjoni. Fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni jistgħu jisiltu minn din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni hija għalhekk obbligata li tikkonforma ruħha magħha. Għaldaqstant, fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tkunx osservat il-linji gwida imposti mill-imsemmija komunikazzjoni, hija tkun kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra EU:T:2008:211, punt 510, u tat-13 ta’ Lulju 2011, Kone et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/07, Ġabra EU:T:2011:365, punt 127).

45      F’din il-kawża r-rikorrenti tallega li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rekwiżiti imposti mill-punt 8(a) kif ukoll mill-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-għoti ta’ immunità minn multi kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

46      Fir-rigward tal-punt 8(a) u tal-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandu jitfakkar li dawn jeżiġu, minn naħa, li impriża tkun l-ewwel waħda li tipproduċi provi quddiem il-Kummissjoni li jistgħu jippermettulha tadotta deċiżjoni li tordna verifiki fir-rigward ta’ allegat akkordju li jaffettwa l-Komunità Ewropea u, min-naħa l-oħra, li fil-mument tal-produzzjoni tal-imsemmija provi l-Kummissjoni ma kellhiex provi biżżejjed sabiex tadotta deċiżjoni li tordna verifiki fir-rigward tal-allegat akkordju.

47      Ir-rikorrenti ssostni li hija pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni li ppermettitilha tadotta deċiżjonijiet li jordnaw verifiki fil-mument fejn hija kien għad ma kellhiex provi suffiċjenti fir-rigward tas-settur tat-transformers tal-elettriku. Fil-fatt, kien biss bis-saħħa tal-informazzjoni li hija kkomunikat lil-Kummissjoni li din tal-aħħar setgħet twettaq l-ispezzjonijiet tagħha fi Frar 2007.

48      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni rċeviet l-ewwel talba għal immunità tar-rikorrenti fit-22 ta’ Settembru 2004. Issa, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, jiġifieri qabel din id-data, il-Kummissjoni kienet diġà wettqet spezzjonijiet fil-kuntest tal-każ dwar is-SIG u kienet issekwestrat dokumenti mill-uffiċċji ta’ Hitachi.

50      Ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dokumenti ma ppermettewx li l-Kummissjoni tipproċedi għat-twettiq ta’ verifiki. Ebda wieħed mill-imsemmija dokumenti ma ppermettielha li tiddikjara jew li turi l-eżistenza ta’ eventwali akkordju bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi fir-rigward tat-transformers tal-elettriku.

51      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk id-dokumenti li l-Kummissjoni ssekwestrat matul l-ispezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004 u li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fuq talba ta’ din tal-aħħar (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) ippermettewlhiex tadotta deċiżjoni li tordna verifiki fir-rigward tal-gentlemen’s agreement, jiġifieri akkordju bejn il-produtturi ta’ transformers tal-elettriku Ewropej u Ġappuniżi li bħala suġġett kellu l-osservanza tas-swieq interni ta’ kull waħda minnhom u l-astensjoni mit-twettiq ta’ bejgħ fihom.

52      F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, sabiex tkun tista’ tadotta deċiżjoni li tordna verifiki skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni għandha ssemmi ċirkustanzi fattwali li jistgħu jiġġustifikawhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, Ġabra EU:C:1980:169, punti 26 u 27).

53      It-tieni nett, għandu jiġi deċiż li sabiex verifiki jkunu ġġustifikati ma huwiex neċessarju li d-dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni kienu ta’ natura li jistabbilixxu mingħajr ebda dubju raġonevoli l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan il-livell ta’ prova huwa meħtieġ fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fihom hija tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u timputa multi. Min-naħa l-oħra, sabiex tadotta deċiżjoni ta’ verifika fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa biżżejjed li hija jkollha elementi u indizji materjali serji li jwassluha sabiex tissuspetta l-eżistenza ta’ ksur (ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/04, Ġabra EU:T:2007:81, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      It-tielet nett, għandu jitfakkar li, b’mod partikolari fil-qasam tal-akkordji illegali, id-diversi indizji għandhom jiġu evalwati fit-totalità tagħhom u mhux b’mod iżolat u li dawn jistgħu jsaħħu lil xulxin (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra EU:C:1972:70, punt 68, u tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra EU:T:2004:221, punt 275).

55      F’din il-kawża għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, abbażi tal-kontenut tad-dokumenti li l-Kummissjoni kienet issekwestrat fl-uffiċċji ta’ Hitachi, evalwati fit-totalità tagħhom, hija kellhiex elementi suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjoni li tordna verifika fir-rigward ta’ akkordju antikompetittiv bejn produtturi Ewropej u produtturi Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku, skont il-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq.

56      Fir-rigward tad-dokumenti li l-Kummissjoni ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali bi tweġiba għat-talba ta’ din tal-aħħar sabiex tipproduċi quddiemha d-dokumenti li hija kienet issekwestrat matul l-ispezzjoni mwettqa fl-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, għandu qabel kollox jiġi deċiż li fid-dokumenti li l-Kummissjoni semmiet “NB 2”, “NB 4”, “FP 4” u “FP 5”, hemm riferiment għal laqgħat dwar l-“AC” u l-“GA”. Mill-imsemmija dokumenti jirriżulta wkoll li kienu ntużaw kodiċi [pereżempju, “TA”, “TB”, “TS”, “TT” u “TX(B)”, “T2”, “T3”, “T4”, “T5” kif ukoll “E” u “J”] sabiex jiġu indikati impriżi jew gruppi ta’ impriżi li kienu jipparteċipaw għall-imsemmija laqgħat. Fid-dawl taċ-ċirkustanza, minn naħa, li dawn l-akronimi u dawn il-kodiċi ma kinux intużaw fil-kuntest tal-akkordju dwar is-SIG u, min-naħa l-oħra, li mill-pożizzjoni tal-persuni msemmija fid-dokument imsemmi “FP 4” seta jiġi dedott li l-laqgħat “AC” u “GA” kienu jikkonċernaw it-transformers tal-elettriku, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni kellha elementi u indizji li jippermettulha tissuspetta l-eżistenza ta’ laqgħat bejn produtturi ta’ transformers tal-elettriku.

57      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti ssekwestrati fl-uffiċċji ta’ Hitachi kienu jippermettu li l-Kummissjoni tidentifika minn tal-inqas uħud mill-impriżi u wħud mir-rappreżentanti tagħhom li kienu pparteċipaw għall-imsemmija laqgħat. L-ewwel nett, l-ismijiet ta’ ċerti persuni li kienu pparteċipaw għal dawn il-laqgħat huma identiċi fid-dokument imsemmi “FP 4” u, bl-għajnuna ta’ dokumenti oħra, bħal dak imsemmi “FPB 200”, il-Kummissjoni setgħet tiddetermina, għal uħud minnhom, l-impriżi li tagħhom huma kienu impjegati u li kienu jirrappreżentaw matul l-imsemmija laqgħat, jiġifieri l-gruppi ABB, Alstom u VA-TECH. Fir-rigward tal-ismijiet taż-żewġ persuni msemmija fid-dokument imsemmi “FP 4” li ma setgħux jiġu attribwiti lill-impriżi msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li, fid-dawl taċ-ċirkustanza li, minn naħa, id-dokumenti msemmija “NB 6”, “NB 8” u “KC 10” kienu jsemmu laqgħa li nżammet f’sala għall-konferenzi ġewwa fabrika tal-impriżi parteċipanti f’Nuremberg (il-Ġermanja), u, min-naħa l-oħra, li sit importanti ta’ Siemens kien jinsab f’din il-belt, il-Kummissjoni kellha elementi u indizji li jippermettulha tissuspetta li rappreżentanti ta’ Siemens kienu wkoll ipparteċipaw għall-imsemmija laqgħat. It-tieni nett, il-Kummissjoni ġustament tinvoka l-fatt li hija kienet issekwestrat dokumenti fl-uffiċċji ta’ Hitachi li kienu jippermettula tissuspetta li anki din l-impriża kienet ipparteċipat għal-laqgħat dwar it-transformers tal-elettriku. It-tielet nett, fid-dokument imsemmi “FP 5”, isir riferiment għall-ħolqien ta’ żewġ impriżi komuni bejn impriżi li kienu indikati bil-kodiċi “T2”, “T3”, minn naħa, u “T4” u “T5”, min-naħa l-oħra. Issa, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, hija setgħet tiddeduċi, abbażi ta’ informazzjoni li kienet diġà disponibbli pubblikament meta saru l-ispezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ Hitachi, li dawn kienu l-ħolqien ta’ impriża komuni bejn Fuji u Hitachi, minn naħa, u bejn Toshiba u impriża Ġappuniża oħra, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, b’mod partikolari abbażi ta’ dan id-dokument, hija setgħet ukoll ikollha suspetti dwar il-parteċipazzjoni tal-gruppi Hitachi, Fuji u Toshiba għal-laqgħat.

58      Barra minn hekk, għandu jiġi deċiż li, b’mod partikolari, il-kontenut tad-dokument imsemmi “FP 4” kien jagħti indikazzjonijiet dwar in-natura antikompetittiva tal-ftehim u l-organizzazzjoni tal-laqgħat. Fil-fatt, minn dan id-dokument jirriżulta li l-“GA” kellu jiġi osservat bejn impriżi li jinsabu f’“E” jew f’“J” u li kienu nżammew żewġ laqgħat fis-sena. Dan id-dokument kien ukoll jagħti indikazzjoni dwar il-perijodu li matulu kienu nżammew l-laqgħat. Mid-dokument imsemmi “KC 10” jista’ wkoll jiġi dedott li l-laqgħat kienu jikkonċernaw diskussjonijiet u skambji ta’ informazzjoni bejn il-parteċipanti dwar il-proġetti ta’ transformers tal-elettriku.

59      Għaldaqstant, evalwati fit-totalità tagħhom, id-dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni waqt spezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ Hitachi ppermettewlha tissuspetta l-eżistenza ta’ akkordju antikompetittiv bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku u li tadotta deċiżjoni li tordna verifika f’dan ir-rigward.

60      Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkonfuta din l-evalwazzjoni.

61      Fl-ewwel lok, l-ilment ibbażat fuq l-illeġġibbiltà tad-dokument imsemmi “FP 7” għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi deċiż li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq, anki li kieku dan id-dokument ma tteħidx inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni kellha biżżejjed elementi sabiex tissuspetta l-eżistenza ta’ akkordju antikompetittiv bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku. L-ilment ibbażat fuq l-illeġġibbiltà tad-dokument imsemmi “FP 7” għandu għalhekk jiġi miċħud bħala ineffettiv. Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, minkejja li l-qari ta’ dan id-dokument huwa diffiċli, dan ma huwiex illeġġibbli, u dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mir-rikorrenti nnifisha, li tesponi r-raġunijiet li għalihom il-kontenut tiegħu ma jippermettix li tiġi ddikjarata l-eżistenza ta’ akkordju antikompetittiv. F’kull każ, għandu jiġi deċiż li l-kontenut ta’ dan id-dokument huwa parzjalment riprodott fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata.

62      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li parti mid-dokumenti li l-Kummissjoni pproduċiet fuq talba tal-Qorti Ġenerali għandhom id-data tal-1 ta’ Ġunju 2007 u għalhekk ma jistgħux jikkostitwixxu dokumenti li hija ssekwestrat matul l-ispezzjoni mwettqa fl-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004. Matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija kienet qed tillimita ruħha li tikkontesta l-fatt li d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni li għandhom id-data tal-1 ta’ Ġunju 2007 u ċerti traduzzjonijiet, kienu ġew issekwestrati minn din tal-aħħar matul l-ispezzjoni mwettqa fl-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, iżda li, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx qed tikkontesta l-fatt li d-dokumenti l-oħra prodotti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali kienu ġew issekwestrati matul l-imsemmija spezzjoni.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, effettivament, parti mid-dokumenti li l-Kummissjoni ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom id-data tal-1 ta’ Ġunju 2007. Madankollu, fir-rigward tad-dokumenti li ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li parti minnhom ma għandhomx id-data tal-1 ta’ Ġunju 2007 u li, għall-kumplament, sa fejn din id-data hija indikata fid-dokumenti l-oħra, dawn huma dokumenti li jikkonsistu, minn naħa, f’verżjoni oriġinali miktuba parzjalment jew kompletament bil-Ġappuniż u, min-naħa l-oħra, traduzzjoni tal-imsemmija verżjoni oriġinali bl-Ingliż. Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-data tal-1 ta’ Ġunju 2007 hija indikata biss fuq it-traduzzjonijiet bl-Ingliż.

64      Għaldaqstant, il-fatt li d-data tal-1 ta’ Ġunju 2007 hija indikata fuq it-traduzzjonijiet bl-Ingliż ma huwiex ta’ tali natura li jikkonfuta l-konstatazzjoni li tgħid li, wara l-ispezzjoni mwettqa fl-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni diġà kellha elementi u indizji materjali serji, b’mod partikolari bil-Ġappuniż, li jippermettulha tissuspetta l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’akkordju antikompetittiv bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

65      Fit-tielet lok, għandu jiġi deċiż li xejn ma jipprekludi li dokumenti redatti bil-Ġappuniż jitqiesu li jikkostitwixxu elementi u indizji materjali serji li jippermettu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ verifika fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti barra minn hekk ippreċiżat li hija ma kinitx qed tikkontesta dan il-punt.

66      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tuża d-dokumenti eżaminati fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq.

67      F’dan il-kuntest, qabel kollox, hija ssostni li, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tuża dokumenti ssekwestrati matul l-ispezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004. Hija tqis li l-Kummissjoni kellha tillimita r-riċerki tagħha għas-setturi indikati fid-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni, jiġifieri l-iswitchgears iżolati jew l-iswitchgears iżolati bill-gass. Issa, l-imsemmija prodotti, minn naħa, u t-transformers tal-elettriku, min-naħa l-oħra, huma prodotti separati u mhux komplementari.

68      Il-Kummissjoni tqis li dawn l-ilmenti huma inammissibbli, minħabba li tqajmu tard u li, f’kull każ, ma humiex fondati.

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa ċertament minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-informazzjoni miġbura matul verifiki ma għandhiex tintuża għal skopijiet oħra għajr dawk indikati fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra EU:C:1989:379, punt 17; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans Franza u Nexans vs Il-Kummissjoni, T‑135/09, Ġabra EU:T:2012:596, punt 64). Dan ir-rekwiżit huwa, fil-fatt, intiż biex jipproteġi kemm is-sigriet professjonali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi. Dawn id-drittijiet jiġu serjament kompromessi jekk, fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE, il-Kummissjoni tkun tista’ tinvoka kontra impriżi provi li, miksuba matul verifika, ikunu estranji għas-suġġett u għall-iskop tagħha (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, Ġabra EU:T:2013:404, punt 124).

70      Madankollu, kif ġie espost fil-punti 52 sa 55 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-kwistjoni ma hijiex li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex diġà provi biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ akkordju illegali f’deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u li timputa multa, iżda biss li jiġi eżaminat jekk hija kellhiex biżżejjed elementi sabiex tadotta deċiżjoni ta’ spezzjoni fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

71      Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, anki fil-każ fejn id-dokumenti dwar il-gentlemen’s agreement ma kinux koperti mis-suġġett tad-deċiżjoni li ordnat l-ispezzjoni fl-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004 (ipoteżi kkontestata mill-Kummissjoni), il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq l-għarfien tad-dokumenti msemmija fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq biex tadotta deċiżjoni ġdida li tordna verifiki skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

72      Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata, il-fatt li, fil-kuntest ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni ssir taf, għall-ewwel darba, b’dokumenti li jindikaw l-eżistenza ta’ ksur mhux kopert mis-suġġett tad-deċiżjoni li tordna l-verifika, ma jagħtihomx protezzjoni assoluta sal-punt li dawn id-dokumenti ma jkunux jistgħu legalment jintalbu u jintużaw bħala prova. Altrimenti, l-impriżi jkunu mħeġġa, waqt verifika fil-kuntest tal-ewwel każ, li jagħtu d-dokumenti kollha li jippermettu li jiġi stabbilit ksur ieħor u li b’hekk jipproteġu ruħhom minn kull proċedura f’dan ir-rigward. Tali soluzzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-drittijiet tad-difiża, u għalhekk jikkostitwixxu ostakolu mhux ġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-kompitu li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenza Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, EU:T:2013:404, punti 125 sa 127).

73      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, wara l-ispezzjonijiet tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 fl-uffiċċji ta’ Hitachi, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-għarfien tad-dokumenti msemmija fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq sabiex tadotta deċiżjoni li tordna verifiki skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta’ allegat akkordju antikompetittiv bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku.

74      Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-gentlemen’s agreement kienx kopert mis-suġġett tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004.

75      F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti eżaminati fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq kienu wkoll ġew ippreżentati minn Hitachi fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza tad-9 ta’ Settembru 2004, u għalhekk qabel it-talba għal immunità tar-rikorrenti. Ċertament, din tal-aħħar tinvoka, f’dan ir-rigward, li Hitachi kienet illimitat l-użu ta’ dawn id-dokumenti għall-investigazzjoni li kienet qed issir fil-każ tas-SIG. Issa, anki jekk jitqies li Hitachi riedet jew setgħet tillimita l-użu tal-imsemmija dokumenti, dan ma kienx jipprekludi lill-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni ta’ verifika fir-rigward ta’ allegat akkordju antikompetittiv bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku billi tibbaża ruħha fuq l-għarfien li hija kellha tal-imsemmija dokumenti.

76      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tibbaża ruħha fuq l-imsemmija dokumenti għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment.

77      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li, fil-mument meta hija ressqet it-talba tagħha għal immunità, it-team tal-Kummissjoni inkarigat mill-każ kien għad ma kellux għarfien tal-kontenut tad-dokumenti li kienu ġew issekwestrati fl-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004. F’dan il-kuntest hija ssostni li, anki fil-każ fejn, fil-mument ta’ meta hija kienet ressqet it-talba tagħha għal immunità, il-Kummissjoni, inkwantu istituzzjoni, diġà kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjoni ta’ verifika dwar allegat akkordju antikompetittiv bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku, jidher li t-team inkarigat minn dan il-każ ma kellux għarfien ta’ din l-informazzjoni. Peress li dawn kienu jinsabu f’fajl ieħor, jiġifieri l-fajl tal-każ SIG.

78      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li mill-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jirriżulta li immunità skont il-punt 8(a) u l-punt 11 tal-imsemmija komunikazzjoni tista’ tingħata biss meta “l-Kummissjoni” jkun għad ma għandhiex elementi suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjoni li tordna verifiki. Għalhekk, il-punt 9 tal-komunikazzjoni ma jagħmilx riferiment għall-għarfien li eventwali team inkarigat mill-kawża jista’ jkollu iżda għall-għarfien li l-Kummissjoni jista’ jkollha inkwantu istituzzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma marritx lil hinn mil-limiti testwali imposti mill-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

79      It-tieni nett, għandu jiġi deċiż li approċċ fejn il-kriterju determinanti jkun il-livell tal-għarfien li l-eventwali membri ta’ team inkarigat mill-każ jista’ jkollhom fil-mument ta’ meta titressaq it-talba għal immunità ma jkunx konformi mal-ispirtu tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u mal-għanijiet imfittxija minnha.

80      Fil-fatt, il-konsegwenza ta’ tali approċċ tkun li immunità abbażi tal-punt 8(a), kif ukoll tal-punti 9 u 11 tal-imsemmija komunikazzjoni jkollha tingħata, anki jekk jirriżulta li l-elementi u l-indizji materjali li diġà kienu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument tat-tressiq tat-talba għal immunità jkunu diġà ppermettewlha li tadotta deċiżjoni li tordna verifika fil-konfront tal-allegat akkordju.

81      Issa, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-għan tal-programm ta’ klemenza ma huwiex li jagħti lill-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordji sigrieti l-possibbiltà li jevitaw il-konsegwenzi pekunjarji tar-responsabbiltà tagħhom, iżda li jiffaċilita l-iskoperta ta’ tali prattiki u sussegwentement, fil-proċedura amministrattiva, li jgħin fl-isforzi tal-Kummissjoni intiżi sa fejn possibbli għar-rikostituzzjoni tal-fatti rilevanti. Għalhekk, il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu mill-impriżi li jipparteċipaw f’tali prattiki ma jistgħux jaqbżu l-livell li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-programm ta’ klemenza u tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni.

82      Għaldaqstant, immunità minn multi hija ġġustifikata biss minħabba l-valur tal-kooperazzjoni tal-impriża li titlob l-immunità. Għalhekk, kif ġustament iddeċidiet il-Kummissjoni fil-punt 6 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-kooperazzjoni ta’ impriża li tinformaha bl-eżistenza ta’ akkordju illegali li hija kienet għadha ma tafx dwaru għandha valur intrinsiku li jista’ jiġġustifika l-immunità minn multi. Min-naħa l-oħra, il-kooperazzjoni ta’ impriża li l-effett tagħha huwa biss li l-Kummissjoni tiġi informata b’akkordju illegali, li tiegħu hija kienet tissuspetta l-eżistenza abbażi tal-elementi u tal-indizji li hija diġà kellha, ma għandhiex valur intrinsiku paragunabbli. Bil-kontra ta’ dan, kif jirriżulta mill-punt 8(b) tal-imsemmija komunikazzjoni, f’dan l-aħħar każ, immunità minn multi hija ġġustifikata biss meta impriża ma tillimitax ruħha li tinformaha bl-eżistenza tal-akkordju, iżda tipprovdilha wkoll provi li jippermettulha tikkonstata l-eżistenza tiegħu f’deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

83      Għaldaqstant, l-ilment dwar l-allegat nuqqas ta’ għarfien li seta kien hemm fi ħdan eventwali team tal-Kummissjoni inkarigat mill-każ fir-rigward tal-eżistenza tal-gentlemen’s agreement, għandu jiġi miċħud.

84      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti ssostni li l-elementi li fuqhom setgħet tibbaża ruħha l-Kummissjoni kienu jinsabu fil-fajl tal-każ SIG. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, qabel kollox u kif ġie espost fil-punti 70 u 73 iktar ’il fuq, anki fil-każ fejn is-suġġett tad-deċiżjoni li ordnat l-ispezzjoni fl-uffiċċji ta’ Hitachi fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004 ma kienx ikopri l-gentlemen’s agreement, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq dawn id-dokumenti biex tadotta deċiżjoni ġdida ta’ spezzjoni. Sussegwentement, kif jirriżulta mill-punti 78 u 79 iktar ’il fuq, il-kwistjoni ta’ f’liema fajl kienu jinsabu dawn l-elementi ma hijiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

85      Fis-seba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li hemm indizji li juru li l-Kummissjoni kien għad ma kellhiex biżżejjed elementi serji fil-mument tat-tressiq tat-talba tagħha għal immunità. L-ewwel nett, kien biss f’Jannar 2007 li l-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fis-settur tat-transformers tal-elettriku. Għalhekk, dawn l-ispezzjonijiet seħħew biss tliet snin wara l-ispezzjonijiet fil-każ tas-SIG u biss wara li hija kienet ikkomunikatilha, fil-kuntest tal-kooperazzjoni kontinwata tagħha, informazzjoni dwar is-settur tat-transformers tal-elettriku. It-tieni nett, matul il-perijodu ta’ bejn l-ispezzjonijiet dwar is-SIG u l-ispezzjonijiet dwar it-transformers tal-elettriku, kien hemm biss impriża waħda, ABB, li ressqet talbiet għal immunità. Issa, dawn it-talbiet, li barra minn hekk ġew miċħuda mill-Kummissjoni, saru wara t-22 ta’ Diċembru 2004, u għalhekk wara l-ewwel talba għal immunità tagħha. It-tielet nett, minkejja l-fatt li Hitachi kienet ressqet talba għal klemenza, il-Kummissjoni ma talbitx traduzzjoni mill-Ġappuniż għall-Ingliż tad-dokument inkwistjoni sabiex isir taf is-sinjifikat tiegħu u ma reġgħetx għamlet kuntatt ma Hitachi biex titlob spjegazzjonijiet dwar is-sinjifikat preċiż tad-dokumenti inkwistjoni kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ provi dokumentali addizzjonali jew sabiex titlobha tippreżenta dikjarazzjonijiet orali oħra u provi dokumentali addizzjonali. Ir-raba’ nett, fis-6 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal klemenza ta’ Hitachi tal-1 ta’ Ġunju 2007.

86      Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni diġà kellha elementi u indizji materjali serji li jippermettulha tissuspetta l-eżistenza ta’ akkordju bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku u li ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkonfuta din il-konstatazzjoni. Għaldaqstant, anki dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

87      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ jikkonfuta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rekwiżit previst fil-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma kienx issodisfatt. Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza tal-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

88      Anki l-argumenti dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-punt 8(a) u tal-punt 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, immunità minn multi skont il-punt 8(a), kif ukoll skont il-punti 9 u 11, tista’ tingħata biss meta r-rekwiżiti kollha previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti b’mod kumulattiv. Peress li r-rekwiżit previst fil-punt 9 tal-imsemmija komunikazzjoni ma huwiex sodisfatt, l-argumenti dwar ir-rekwiżiti l-oħra għandhom jitqiesu li huma ineffettivi.

89      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-punt 8(a), kif ukoll tal-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali

90      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li hija kellha tingħata l-immunità abbażi tal-punt 8(a), kif ukoll tal-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 minħabba l-fatt li teżisti rabta kawżali ċara u ċerta bejn it-talba tagħha għal immunità, l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fis-7 u fit-8 ta’ Frar 2007, it-talba għal immunità ta’ Siemens tas-7, tat-12 u tal-15 ta’ Frar 2007 kif ukoll dik ta’ Fuji tat-18 ta’ Lulju 2007 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

91      F’dan ir-rigward, qabel kollox, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-punti 8 sa 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jirriżulta b’mod ċar li, fil-każ fejn il-Kummissjoni jkollha diġà elementi u indizji materjali serji li setgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, impriża tista’ tingħata l-immunità minn multi biss meta hija tipproduċi provi li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

92      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li r-riskju ta’ effett ta’ “ballun tal-borra”, jiġifieri r-riskju li t-talba għal immunità ta’ impriża fir-rigward ta’ akkordju tagħti bidu għal investigazzjoni tal-Kummissjoni, li, min-naħa tagħha, tagħti bidu għat-tressiq ta’ talbiet għal immunità minn impriżi oħra fir-rigward l-istess settur, iżda li jirrigwardaw akkordji illegali separati minn dak ikkonċernat mit-talba għal immunità inizjali, huwa element inerenti tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni. Dan iħeġġeġ lill-impriżi li jixtiequ jikkooperaw magħha sabiex ma jillimitawx ruħhom għal kooperazzjoni selettiva dwar akkordju wieħed, iżda li jikkooperaw bis-sħiħ f’dak li jirrigwarda l-akkordji kollha li huma jafu bihom.

93      Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li r-rabta kawżali bejn it-talba għal immunità tar-rikorrenti u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija stabbilita, ban ma jkunx biżżejjed sabiex din tingħata l-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

94      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, anki l-parti tar-raba’ motiv ibbażata fuq nuqqas ta’ osservanza tal-punt 8(a), kif ukoll tal-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandha tiġi miċħuda fit-totalità tagħha.

 Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv

95      It-tieni parti tar-raba’ motiv hija bbażat fuq, minn naħa, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

96      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. L-aġir tal-Kummissjoni matul il-parti l-kbira tal-proċedura amministrattiva kien leġittimament wassalha sabiex temmen li hija kienet ser tibbenefika mill-immunità minn multi jekk tkompli tikkoopera magħha. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tinvoka l-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Ottubru 2006, kif ukoll il-fatt li, minn naħa, fis-7 u fit-8 ta’ Frar 2007 l-Kummissjoni ma wettqitx spezzjoni fl-uffiċċji tagħha u li, min-naħa l-oħra, hija kienet bagħtitilha l-kwestjonarju tal-14 ta’ Marzu 2007 biss b’mod informattiv. Għalhekk, billi ttrattatha b’mod differenti mill-impriżi l-oħra, il-Kummissjoni nisslet fiha aspettattivi fondati li hija kienet ser tibbenefika minn immunità minn multi.

97      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

98      Kif ġie espost fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tista’ toħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti kinux suffiċjenti sabiex inisslu fiha aspettattivi leġittimi dwar l-immunità minn multi għall-parteċipazzjoni tagħha fil-gentlemen’s agreement.

99      F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Ottubru 2006. Fl-imsemmija ittra l-Kummissjoni llimitat ruħha li tagħtiha immunità kundizzjonali fir-rigward ta’ “allegat akkordju fis-settur tat-transformers tal-elettriku fil-Ġermanja, fl-Awstrija, [...] u fil-Pajjiżi l-Baxxi”. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssanzjonat lir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha fil-gentlemen’s agreement, u għalhekk għall-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju bejn produtturi Ewropej u produtturi Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku li bħala suġġett kellu l-osservanza tas-swieq interni ta’ kull waħda minnhom u l-astensjoni mit-twettiq ta’ bejgħ fihom.

100    Fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-gentlemen’s agreement, minn naħa, u l-akkordji dwar is-swieq nazzjonali, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ngħatat l-immunità kundizzjonali, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 155 sa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn kienu ksur separati. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument intiż speċifikament sabiex jikkonfuta din id-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni. Ċertament, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti terġa ssostni li teżisti rabta kawżali bejn it-talba tagħha għal immunità, l-ispezzjonijiet ordnati mill-Kummissjoni, it-talbiet għal klemenza ta’ Siemens u ta’ Fuji u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument, li diġà ġie miċħud fil-punt 91 iktar ’il fuq, ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta d-distinzjoni li l-Kummissjoni għamlet bejn l-akkordji.

101    Għaldaqstant, l-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Ottubru 2006, li permezz tagħha r-rikorrenti ngħatat l-immunità kundizzjonali għall-akkordji dwar is-swieq nazzjonali, ma hijiex ta’ natura li tnissel fiha aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-immunità minn multi għall-parteċipazzjoni tagħha fil-gentlemen’s agreement, li jikkostitwixxi akkordju separat.

102    It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li fis-7 u fit-8 ta’ Frar 2007 l-Kummissjoni ma wettqitx spezzjonijiet fl-uffiċċji tagħha, filwaqt li hija għamlet spezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ impriżi oħra.

103    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħżel, f’kull każ, il-mezzi ta’ investigazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha li hija jidhrilha l-iktar xierqa sabiex tikseb informazzjoni mingħand l-impriżi implikati f’allegat akkordju u li hija għandha marġni wiesa’ ta’ manuvra biex tagħmel dan.

104    Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq differenza ta’ trattament bejn ir-rikorrenti u impriżi oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ispezzjonijiet tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2007, għalkemm kienu ċertament jirrigwardaw akkordji dwar transformers tal-elettriku, madankollu dawn kienu akkordji dwar swieq nazzjonali. Issa, peress li dawn kienu spezzjonijiet dwar akkordji li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti kienet diġà qed tikkoopera mal-Kummissjoni, hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma wettqitx spezzjoni fl-uffiċċji tar-rikorrenti.

105    Barra minn hekk, għandu jiġi deċiż li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti ngħatat l-immunità kundizzjonali f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordji dwar is-swieq nazzjonali ma għandux bħala konsegwenza li jagħtiha immunità għall-ksur kollu li seta’ jiġi skopert sussegwentement fis-settur tat-transformers tal-elettriku. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 92 iktar ’il fuq, ir-riskju ta’ effett ta’ “ballun tal-borra” huwa element inerenti tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti kkooperat mal-Kummissjoni fir-rigward ta’ akkordju li jaffettwa s-settur tat-transformers tal-elettriku ma kellux il-konsegwenza li jnissel fiha aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ immunità minn multi għall-akkordji kollha li jaffettwaw dan is-settur.

106    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ spezzjonijiet fl-uffiċċji tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

107    It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mid-dokumenti li hija ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi dedott li l-kwestjonarju tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2007 kien intbagħtilha biss b’mod informattiv. Bil-kontra ta’ dan, minnhom jirriżulta li l-imsemmi kwestjonarju kien jinkludi mistoqsijiet indirizzati direttament lil Areva.

108    Ir-raba’ nett u f’kull każ, għandu jiġi deċiż li mill-premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata b’mod partikolari jirriżulta li l-Kummissjoni b’mod regolari informat lir-rikorrenti dwar l-istatus tagħha fil-qasam tal-immunità u li r-rikorrenti ma għamlitx argumenti intiżi li jikkonfutaw din il-konstatazzjoni.

109    Minn dan isegwi li anki l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tat-tielet subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

110    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx it-tielet subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u għalhekk kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dan il-punt tal-imsemmija komunikazzjoni jobbliga lill-Kummissjoni ma tużax l-informazzjoni pprovduta minn impriża fil-kuntest ta’ talba għal klemenza kontra l-istess impriża. F’dan il-każ, kien abbażi tal-konvinzjoni tagħha li kienet koperta minn din il-garanzija li hija ddeċidiet li tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-prattiki antikompetittivi fis-settur tat-transformers tal-elettriku.

111    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont it-tielet subparagrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmija komunikazzjoni, “jekk impriża tipprovdi provi relatati ma’ fatti li qabel ma kinux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi”.

112    It-tielet subparagrafu tal-punt 23(b) jitratta s-sitwazzjoni speċifika li fiha tista’ ssib ruħha impriża li ma tibbenefikax minn immunità minn multi, iżda biss minn tnaqqis tagħha. Fil-fatt, billi tipproduċi provi addizzjonali dwar akkordju, tali impriża tirriskja li tiżvela elementi li jistgħu jaffettwaw il-gravità u t-tul tal-ksur li jista’ jiġi kkonstatat mill-Kummissjoni, u dan jista’ jkollu bħala konsegwenza li s-sanzjonijiet imposti għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju jkunu ikbar. Sabiex l-impriżi kollha, anki dawk li ma jingħatawx immunità minn multi, jiġu mħeġġa jikkooperaw b’mod sħiħ, it-tielet subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprevedi “immunità parzjali” għal dawn il-provi.

113    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma spjegat b’liema mod hija kienet ipproduċiet, fir-rigward tal-gentlemen’s agreement, provi dwar fatti li ma kinux preċedentement magħrufa mill-Kummissjoni li kellhom effett dirett fuq il-gravità u t-tul tal-allegat akkordju.

114    Sa fejn, billi tinvoka t-tielet subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ir-rikorrenti tipprova mill-ġdid issostni li teżisti rabta kawżali bejn it-talba tagħha għal immunità, l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fis-7 u fit-8 ta’ Frar 2007, it-talba għal immunità ta’ Siemens tas-7, tat-12 u tal-15 ta’ Frar 2007 kif ukoll dik ta’ Fuji tat-18 ta’ Lulju 2007 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-għan tal-imsemmi subparagrafu tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 bl-ebda mod ma huwa li jieħu inkunsiderazzjoni tali rabta kawżali. Bil-kontra ta’ dan, kif ġie espost fil-punt 92 iktar ’il fuq, ir-riskju li talba għal klemenza jkollha effett ta’ “ballun tal-borra” huwa element inerenti tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

115    Minn dan isegwi li anki l-ilment ibbażat fuq ksur tat-tielet subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud.

116    Għaldaqstant, anki t-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq il-parti li fadal tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

117    Il-parti li fadal tal-ewwel motiv hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement l-approċċ tagħha li jikkonsisti fiż-żieda ta’ kundizzjoni addizzjonali sabiex tkun tista’ tibbenefika mil-immunità minn multi meta mqabbla ma’ dawk previsti fil-punt 8(a), kif ukoll fil-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

118    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm, skont l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni għandha ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tieħu din id-deċiżjoni, madankollu ma huwiex meħtieġ li tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi mqajma matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra EU:C:1985:327, punt 26).

119    L-iktar l-iktar, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, fid-dawl tal-Artikolu 253 KE, li tirrispondi b’mod speċifiku biss għall-allegazzjonijiet essenzjali mqajma mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra EU:T:2003:245, punt 575).

120    L-għan tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għal deċiżjoni individwali ma huwiex biss li jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha iżda wkoll li jagħti lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex possibbilment ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra EU:C:2003:531, punt 145, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra EU:C:2005:408, punt 462).

121    F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li din il-parti tal-ewwel motiv hija bbażata fuq premessa żbaljata. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma żiditx kundizzjoni addizzjonali mal-kundizzjonijiet imposti fil-punt 8(a), kif ukoll fil-punti 9 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, mill-punt 9 tagħha jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ma tagħtix immunità minn multi għal allegat akkordju meta, fil-mument tat-tressiq tat-talba għal immunità, hija diġà jkollha elementi suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjoni ta’ verifika.

122    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 312 sa 322 u 269 sa 274 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija kienet iddeċidiet li ma tagħtix l-immunità minn multi lir-rikorrenti fir-rigward tal-gentlemen’s agreement. Barra minn hekk, mill-argumenti li r-rikorrenti ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod ċar li hija setgħet tifhem b’mod sħiħ ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma kinitx tatha l-immunità minn multi f’dak li jirrigwarda l-gentlemen’s agreement, fatt li ppermettielha tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni.

123    Għaldaqstant, il-parti li fadal tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

124    Peress li ebda wieħed mill-motivi tar-rikorrenti ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

125    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)     Ir-rikors huwa miċħud.

2)     Alstom Grid SAS hija kkundannata għall-ispejjeż

Gratsias

Czúcz

Labucka

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Novembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.