Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-2 ta’ Novembru 2020 – F, A, G, H, I vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-579/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: F, A, G, H, I

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(c) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Klassifikazzjoni”) 1 huwa intiż sabiex joffri protezzjoni biss fis-sitwazzjoni eċċezzjonali fejn il-vjolenza indiskriminata fil-każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali tilħaq livell tant għoli li jkun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li persuna ċivili mibgħuta lura fil-pajjiż ikkonċernat jew, jekk ikun il-każ, fir-reġjun ikkonċernat tkun, minħabba s-sempliċi fatt tal-preżenza tagħha fit-territorju ta’ dawn, f’riskju reali li tiġi suġġetta għat-theddid li hemm riferiment għalih f’din id-dispożizzjoni? U din is-sitwazzjoni eċċezzjonali taqa’ taħt il-kliem “most extreme case of general violence” [“każijiet l-iktar estremi ta’ vjolenza ġenerali”] [traduzzjoni mhux uffiċjali].fis-sens tas-sentenza N.A. vs Ir-Renju Unit? 2

Jekk l-ewwel parti tal-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

L-Artikolu 15(c) tad-Direttiva  Klassifikazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li livell ta’ vjolenza indiskriminata inqas għoli minn dak li jikkaratterizza s-sitwazzjoni eċċezzjonali msemmija hawn fuq, b’mod konġunt maċ-ċirkustanzi personali u individwali ta’ applikant, jista’ wkoll iwassal sabiex ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li applikant mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat jew fir-reġjun ikkonċernat ikun f’riskju li jiġi suġġett għat-theddid li hemm riferiment għalih f’din id-dispożizzjoni?

Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

F’dan il-kuntest, għandha tiġi applikata skala flessibbli b’differenzazzjoni bejn livelli possibbli ta’ vjolenza indiskriminata u l-livell ta’ ċirkustanzi individwali li jikkorrispondi għal dawn il-livelli? U liema huma ċ-ċirkustanzi personali u individwali li jistgħu jkollhom rwol fl-evalwazzjoni mill-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni u mill-qorti nazzjonali?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

Huwa ssodisfatt dak li huwa previst fl-Artikolu 15 tad-Direttiva Klassifikazzjoni meta, lil applikant li jkun jinsab f’sitwazzjoni li tinvolvi livell ta’ vjolenza indiskriminata ta’ livell inqas minn dak li hemm riferiment għalih fis-sitwazzjoni eċċezzjonali, u li jkun jista’ juri li huwa affettwat speċifikament (inter alia) għal raġunijiet marbuta maċ-ċirkustanzi personali tiegħu, jingħata esklużivament protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 15(a) jew (b) tad-Direttiva Klassifikazzjoni?

____________

1     ĠU 2011, L 337, p. 9.

2     Qorti EDB, 17 ta’ Lulju 2008, CE:ECHR:2008:07l7JUDO02590407.