Language of document : ECLI:EU:C:2006:788

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

M. POIARES MADURO

ippreżentati fl-14 ta’ Diċembru 2006 1(1)

Kawża C-305/05

Ordre des barreaux francophones et germanophone,

Ordre français des avocats du barreau de Bruxelles,

Ordre des barreaux flamands,

Ordre néerlandais des avocats du barreau de Bruxelles,

vs

Il-Kunsill tal-Ministri

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Cour d’arbitrage (il-Belġju)]

“Prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus – Dritt għall-smigħ xieraq – Obbligu ta’ l-avukati li jinformaw lill-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus”





1.         Huwa konformi mad-dritt komunitarju u mal-prinċipji fundamentali li l-istess dritt komunitarju jipproteġi li jiġi impost fuq l-avukati, kif inhu previst fid-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Diċembru 2001, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/308/KEE dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 344, p. 76), l-obbligu li jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar dak kollu li jsiru jafu bih li jista’ jkun indikazzjoni ta’ ħasil tal-flus? Il-kwistjoni li tqajjem il-kawża preżenti għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tinvestiga wieħed mill-valuri fundamentali ta’ l-Istati li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea li huwa s-sigriet professjonali ta’ l-avukat(2). Għalkemm dan il-valur jidher li huwa inkontestabbli, is-sistema ġuridika li tirregola l-protezzjoni tiegħu tibqa’ madankollu inċerta u kontroversjali. Fuq liema bażi għandha tingħata din il-protezzjoni? Jista’ wieħed jaċċetta li ssir deroga minnha u taħt liema kundizzjonijiet? Liema għandu jkun il-kriterju li fil-prattika jippermetti t-tqassim bejn dak li jaqa’ taħt is-sigriet u dak li ma jaqax?

2.        Din il-Qorti mhijiex l-ewwel waħda li qiegħda tagħmel dawn il-mistoqsijiet. Ċerti qrati nazzjonali fl-Unjoni u barra mill-Unjoni kellhom l-okkażjoni jinvestigaw problemi simili(3). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża ruħha b’mod utli fuq xi wħud mill-preċedenti tagħha. Bil-ġurisprudenza tagħha, hija diġà sostniet il-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza skambjata bejn l-avukat u l-klijent tiegħu(4) u rrikonoxxiet l-ispeċifiċità tal-professjoni ta’ l-avukat u tar-regoli li l-avukat għandu jirrispetta(5).

I –    Il-kuntest tal-kawża

3.        Bil-għan li wieħed jifhem sew il-kwistjonijiet prinċipali, jidhirli li jkun utli, l-ewwel nett, li wieħed ifittex l-oriġini tad-dispożizzjoni kkontestata u l-kundizzjonijiet ta’ meta din tkun applikabbli.

A –    Il-kuntest komunitarju

4.        Jingħad li t-terminu “ħasil” għandu l-oriġini tiegħu fil-prassi li żviluppat fl-Istati Uniti ta’ l-Amerka li, fir-rigward tal-kriminalità organizzata, tikkonsisti fix-xiri ta’ ħassiela awtomatiċi u impriżi tal-ħasil tal-karozzi bil-għan li jħalltu d-dħul tagħhom provenjenti b’mod partikolari mill-kuntrabandu ta’ alkoħol fiż-żmien tal-projbizzjoni mal-profitti miksubin legalment. Għalkemm din l-oriġini hija ddubitata, m’hemm l-ebda dubju fuq is-sens tat-terminu. Il-ħasil tal-flus jindika serje ta’ attivatijiet li l-għan tagħhom huwa li jagħtu apparenza legali lil riżorsi ta’ oriġini kriminali.

5.        In kwantu l-ħasil tal-flus huwa fenomenu li jsegwi u li ħa vantaġġ mil-liberalizzazzjoni ekonomiċi mondjali, jeħtieġ li tinbeda ġlieda kontra t-tixrid tiegħu, fil-forma ta’ kooperazzjoni internazzjonali(6). Il-Kunsill ta’ l-Ewropa fl-1980 adotta rakkomandazzjoni fuq il-miżuri kontra t-trasferiment u l-ħabi ta’ flus illegali(7). Għalkemm din kienet maħsuba biss biex tqajjem kuxjenza, dan it-test kellu l-ħila jibda l-moviment tal-ġlieda internazzjonali kontra l-ħasil tal-flus. Fid-19 ta’ Diċembru 1988 ġewwa Vjenna ġiet adottata l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi(8). F’din il-konvenzjoni, il-ħasil tal-flus huwa stabbilit bħala ksur penali u li għalih hemm is-sanzjonijiet. Fl-1990, il-Kunsill ta’ l-Ewropa adotta konvenzjoni dwar il-ħasil tal-flus, il-kxif, is-sekwestru u l-konfiska tal-qligħ li ġej mir-reati(9). Bl-approfondiment tal-kooperazzjoni fuq skala reġjonali, din il-konvenzjoni twessa’ d-definizzjoni tal-kunċett tal-ħasil u tobbliga lill-Istati firmatarji jieħdu miżuri punittivi. Fl-istess żmien twaqqaf il-grupp ta’ azzjoni finanzjarja fuq il-ħasil tal-flus (iktar ‘il quddiem il-“GAFI”), organu internazzjonali mwaqqaf fuq inizjattiva tal-G7 f’Pariġi fl-1989 bil-ħsieb li jiġu stabbiliti u promossi strateġiji ta’ ġlieda kontra din il-problema. Mill-1990, il-GAFI ppubblika sensiela ta’ erbgħin rakkomandazzjoni maħsuba biex iservu ta’ bażi għall-ġlieda kkoordinata fuq livell internazzjonali(10).

6.        Huwa f’dan il-kuntest regolatorju diġà relattivament dens li l-Komunità Ewropea bdiet tieħu l-inizjattiva biex tiċċaqlaq. Għall-Komunità ma kinitx kwitsjoni biss ta’ parteċipazzjoni f’dan il-moviment ta’ ġlied internazzjonali iżda wkoll ta’ protezzjoni ta’ l-integrità tas-suq uniku Ewropew(11). B’hekk kienet ġiet adottata d-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 166, p. 77), li biha l-leġiżlatur komunitarju jistabbilixxi l-prinċipju tal-projbizzjoni tal-ħasil tal-flus fil-Komunità u jobbliga lill-Istati Membri jimplementaw sistema ta’ obbligi ta’ identifikazzjoni, informazzjoni u prevenzjoni ta’ l-operazzjonijiet dubjużi fuq l-istabbilimenti ta’ krediti u istituzzjonijiet finanzjarji.

7.        Id-dispożizzjoni in kwistjoni fil-kawża preżenti hija r-riżultat ta’ emenda li saret lid-Direttiva 91/308. Id-Direttiva 2001/97 tkompli fil-fatt mir-rieda tal-leġiżlatur komunitarju li jimplementa d-Direttiva 91/308 filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u x-xewqat espressi mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri u, fid-dawl ta’ l-esperjenza akkumulata waqt l-ewwel snin ta’ l-applikazzjoni tagħha, li l-portata tagħha tiġi estiża għal oqsma u attivitajiet ġodda. Minn dan jirriżulta b’mod partikolari t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-obbligu li wieħed jinforma lill-awtoritajiet responsabbli mill-eventwali suspetti fil-qasam tal-ħasil tal-flus, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/308, għal fuq “in-nutara u l-professjonijiet legali indipendenti oħra” fl-eżerċizzju ta’ ċertu xogħol minn tagħhom.

8.        Dan it-twessigħ, li huwa l-pern fil-kawża preżenti, kien ir-riżultat ta’ riflessjoni fit-tul, li seħħet fi ħdan diversi kuntesti. Fl-1996, il-GAFI, filwaqt li rreveda r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, talab lill-awtoritajiet nazzjonali jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus għall-attivitajiet finanzjarji mwettqa minn professjonijiet li mhumiex finanzjarji. Fl-2001, il-GAFI insista li, fid-dawl tal-fatt li “l-kriminali dejjem iktar qegħdin jirrikorru għal professjonisti u intermedjajri oħrajn biex jiksbu pariri jew tipi oħrajn ta’ għajnuna bl-iskop li jaħslu l-fondi ta’ oriġini kriminali”, huwa jikkunsidra li “l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-erbgħin Rakkomandazzjoni għandu jiġi estiż b’mod li jkopri seba’ kategoriji ta’ attivitajiet u professjonijiet mhux finanzjarji”, fosthom “l-avukati u n-nutara”(12).

9.        L-istess rakkomandazzjoni ma setgħetx titħalla barra mill-qafas Komunitarju. Id-Direttiva 91/308 kienet tipprevedi hija stess fl-Artikolu 12 li “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu estiżi fl-intier jew f’parti lill-professjonijiet u l-kategoriji ta’ l-impriżi, li ma jkunux l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji msemmija fl-Artikolu 1, li jidħlu f’attivitajiet li huma b’mod partikolari probabli li jiġu użati għall-iskopijiet tal-ħasil tal-flus”. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 13 tad-direttiva msemmija, fi ħdan il-Kummissjoni ġie mwaqqaf Kumitat ta’ Kuntatt maħsub b’mod partikolari “sabiex jeżamina jekk xi professjoni jew kategorija ta’ impriża għandhiex tiġi inkluża fl-iskop ta’ l-Artikolu 12 fejn ikun ġie stabbilit li tali professjoni jew kategorija ta’ impriża ntużat fi Stat Membru għal ħasil tal-flus”.

10.      Wara l-ewwel rapporti tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adottaw pożizzjoni favur li l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, jiġi estiż għall-persuni u kategoriji professjonali lil hinn mill-istabbilimenti ta’ kreditu(13). F’Marzu 1999, fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq it-tieni rapport tal-Kummissjoni, il-Parlament kien stieden espressament lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva intiża sabiex temenda d-direttiva sabiex jiġi previst li “fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, jiġu inklużi l-professjonijiet li jistgħu jiġu involuti fil-ħasil tal-flus jew li jiġu użati b’mod abbużiv mill-persuni li jaħslu l-flus, bħalma huma l-aġenti immobiljari, in-negozjanti ta’ l-opri ta’ l-arti, l-irkantaturi, il-kasinos, l-istabbilimenti tal-bdil tal-flus, it-trasportaturi tal-flus, in-nutara, l-accountants, l-avukati u l-konsulenti fiskali u l-awdituri, u dan bil-għan

–        li fir-rigward tagħhom jiġu applikati in toto jew in parte d-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-direttiva u, jekk ikun il-każ,

–        li jiġu applikati dispożizzjonijiet ġodda li jieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-professjonijiet u jirrispettaw kompletament, b’mod partikolari, l-obbligu tas-sigriet professjonali li huwa impost fuqhom […]”(14). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.      Hija abbażi ta’ din li l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta ta’ l-emenda tagħha tad-Direttiva, f’Lulju 1999(15). Din teżiġi li l-Istati Membri jassiguraw li d-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva jiġu imposti “fuq in-nutara u Membri oħra tal-professjonijiet legali indipendenti meta huma jirrappreżentaw jew jassistu l-klijenti tagħhom” fil-kuntest ta’ ċertu numru ta’ attivitajiet finanzjarji u kummerċjali. Madankollu, hija tipprovdi wkoll deroga ta’ portata limitata: l-Istati Membri mhumiex obbligati li jimponu l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fid-direttiva fuq il-membri tal-professjonijiet legali “għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni li tiġi mgħoddija lilhom minn klijent bil-għan li huma jkunu jistgħu jiddefenduh fi proċeduri ġudizzjarji”. Mill-banda l-oħra, din id-deroga “ma tistax tkopri l-każijiet li fihom ikun hemm bażi biex wieħed jissuspetta li l-pariri jkunu qegħdin jintalbu biex wieħed jiffaċilita l-ħasil tal-flus”.

12.      Din il-proposta ġiet diskussa ħafna. Id-diċitura li nżammet fl-aħħar nett tirrifletti t-termini ta’ din id-diskussjoni. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni, il-Parlament kien eskluda b’mod assolut li l-obbligu ta’ l-informazzjoni għandu jiġi impost fuq l-avukati indipendenti jew l-uffiċċji legali jew il-membri ta’ professjoni legali regolata li jkunu mqabbda mhux biss fil-kuntest tal-funzjoni tagħhom li jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom quddiem il-qrati iżda wkoll fil-kuntest ta’ meta jkunu qegħdin jagħtu l-pariri tagħhom(16). Għaldaqstant, din l-opinjoni tbegħdet mill-proposta f’żewġ aspetti: minn banda, billi ttrasformat il-fakultà offerta lill-Istati Membri biex jipprovdu deroga f’obbligu li tinħoloq din id-deroga, u mill-banda l-oħra, fit-twessigħ tal-kamp tad-deroga mhux biss fil-kuntest tar-rappreżentanza quddiem il-qrati iżda wkoll għall-kuntest tal-pariri legali.

13.      Il-pożizzjoni komuni deċiża mill-Kunsill f’Novembru 2000 adottat soluzzjoni ta’ kompromess(17). Kien ġie propost li d-dispożizzjoni in kwistjoni tiġi abbozzata kif ġej:

“L-Istati Membri mhumiex obbligati japplikaw l-obbligi ta’ Artikolu 22(1) fil-konfront ta’ nutara, professjonisti legali indipendenti, awdituri, accountants esterni u konsulenti tat-taxxa fir-rigward ta’ informazzjoni li huma jirċievu minn xi wieħed mill-klijenti tagħhom jew li jiksbu dwaru, matul l-aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom jew matul il-qadi ta’ dmirijiethom permezz tad-difiża jew rappreżentanza ta’ dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji, jew in konnessjoni magħhom, anke billi jagħtu pariri dwar il-ftuħ jew l-evitar ta’ proċedimenti legali, kemm jekk tali informazzjoni tiġi riċevuta jew miksuba qabel kif ukoll jekk wara tali proċedimenti”(18).

14.      Għalkemm id-deroga tibqa’ biss is-sempliċi fakultà mogħtija lill-Istati Membri, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġi b’hekk imwessa’ b’mod kunsiderevoli. Skond il-Kummissjoni, din il-pożizzjoni mhux biss hija kompatibbli mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ‘il quddiem il-"KEDB") imma wkoll konformi ma’ l-ispirtu ta’ l-emendi ppreżentati mill-Parlament(19). Din ma kinitx, madankollu, l-opinjoni tal-Parlament. Fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, għalkemm huwa rriproduċa l-formulazzjoni tal-pożizzjoni komuni fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga, huwa kien reġa’ wera x-xewqa tiegħu li jittrasforma l-fakultà li tippermetti li jkun hemm deroga f’dispożizzjoni vinkolanti għall-Istati Membri(20).

15.      Fuq din il-kwistjoni l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni ambigwa(21). Minn banda, “minħabba l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-kompatibbiltà tad-direttiva mal-[KEDB]”, hija tammetti li għandha “simpatija għax-xewqa tal-Parlament li jneħħi l-possibbiltà li tkun meħtieġa dikjarazzjoni dwar is-suspetti fuq ħasil tal-flus ibbażati fuq informazzjoni riċevuta minn avukati jew nutara fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ rappreżentanti tal-klijent fi proċedura ġudizzjarja jew fl-aċċertament tal-pożizzjoni legali tiegħu”. Iżda, mill-banda l-oħra, hija “tqisha inaċċettabbli li l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, b’mod ġenerali, għall-professjonijiet li mhumiex legali”. Għal dan il-motiv, l-emenda proposta mill-Parlament ġiet miċħuda.

16.      Peress li l-Kunsill iddeċieda li jsegwi l-Kummissjoni fuq dan il-punt, ġie mwaqqaf Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Madankollu, waqt din il-konċiljazzjoni, irriżulta, fi kliem il-Parlament, li “l-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti biddlu sew il-fehmiet fuq din il-kwistjoni, fejn id-direttiva fuq il-ħasil tal-flus bdiet tiġi kkunsidrata minn hemm ‘il quddiem bħala komponent essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu”(22). F’dan il-kuntest ġdid, intlaħaq kompromess li ppermetta l-approvazzjoni tat-test mill-Parlament f’maġġoranza kbira fit-tielet qari fit-13 ta’ Novembru 2001 u l-approvazzjoni tiegħu mill-Kunsill fid-19 ta’ Novembru 2001.

17.      Il-kompromess ħa l-forma segwenti. L-Artikoli ġodda 2A u 6 tad-Direttiva 91/308 kif emendata bid-Direttiva 2001/97 (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva”), baqgħu l-istess.

18.      B’hekk l-Artikolu 2A jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-obbligi previsti fid-Direttiva jiġu imposti fuq l-istabbilimenti segwenti:

[…]

5)      [in]-nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, meta dawn jieħdu sehem,

a)      billi jassistu lill-klijent tagħhom fl-ippjanar jew fl-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw:

i)      ix-xiri u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jew ta’ entitajiet kummerċjali;

ii)      il-ġestjoni ta’ fondi, titoli jew assi oħra li jappartjenu lill-klijent;

iii)      il-ftuħ jew il-ġestjoni ta’ kontijiet bankarji, ta’ tfaddil jew ta’ portafolli;

iv)       l-organizzazzjoni tal-fondi meħtieġa għall-kostituzzjoni, jew għall-ġestjoni jew għat-tmexxija ta’ kumpanniji;

v)      il-kostituzzjoni, il-ġestjoni jew it-tmexxija ta’ trusts, ta’ kumpanniji jew ta’ strutturi simili;

b)      jew billi jaġixxu f’isem u għan-nom tal-klijent tagħhom f’kull tranżazzjoni finanzjarja jew immobbiljari”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19.      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 6, dan jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istituzzjonijiet u l-persuni msemmija f’din id-Direttiva, kif ukoll id-diretturi u l-impjegati tagħhom jikkooperaw bis-sħiħ ma’ l-awtoritajiet responsabbli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus:

a)      billi jinformaw lil dawk l-awtoritajiet, fuq inizjattiva tagħhom stess, bi kwalukwe fatt li jista’ jkun indikazzjoni ta’ ħasil tal-flus;

b)      billi jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet, fuq talba tagħhom, l-informazzjoni kollha meħtieġa, skond il-proċeduri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

2.      L-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tintbagħat lill-awtoritajiet responsabbli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab l-istituzzjoni jew il-persuna li tibgħat din l-informazzjoni. Il-persuna jew persuni nnominati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 11(1)(a) għandhom normalment jibagħtu l-informazzjoni.

3.      Fil-każ tan-nutara u tal-membri tal-professjonijiet legali indipendenti msemmija fl-Artikolu 2A(5), l-Istati Membri jistgħu jinnominaw organu xieraq ta’ awtoregolazzjoni tal-professjoni kkonċernata bħala l-awtorità li għandha tirrapporta l-fatti msemmija fil-paragrafu (1)(a) u, f’dan il-każ, jistabbilixxu l-forom xierqa ta’ kooperazzjoni bejn dan l-organu u l-awtoritajiet responsabbli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

L-Istati Membri mhumiex obbligati li jimponu l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1 fuq in-nutara, fuq il-membri tal-professjonijiet legali indipendenti, fuq l-awdituri, accountants esterni u fuq il-konsulenti fiskali fir-rigward ta’ l-informazzjoni mogħtija lilhom minn wieħed mill-klijenti tagħhom jew li tinkiseb minnhom fuq wieħed mill-klijenti tagħhom, waqt l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ dan il-klijent jew fl-eżerċizzju ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza ta’ dan il-klijent fi proċedura ġudizzjarja jew rigwardanti tali proċedura, inkluż fil-kuntest ta’ pariri fuq il-mod ta’ kif tinfetaħ jew tiġi evitata proċedura, kemm jekk din l-informazzjoni tingħata lilhom kif ukoll jekk tinkiseb minnhom qabel, matul jew wara din il-proċedura”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20.      Mill-banda l-oħra, il-konċiljazzjoni wasslet biex saru ċerti emendi għall-formulazzjoni tal-premessi tad-Direttiva dwar ir-reġim applikabbli għall-professjonijiet legali. Il-premessa numru sittax tesponi l-prinċipju li “in-nutara u l-membri tal-professjonijiet legali indipendenti, kif iddefiniti mill-Istati Membri, għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva meta jieħdu sehem fi tranżazzjonijiet ta’ natura finanzjarja jew f’isem kumpanniji, inkluż meta jagħtu pariri fiskali, meta dawn it-tranżazzjonijiet jinvolvu riskju ikbar li s-servizzi ta’ dawn il-professjonijiet legali jiġu użati għal skopijiet ta’ ħasil tal-qliegħ mill-kriminalità”. Madankollu, il-premessa sussegwenti tippreċiża li: “[m]adankollu, fil-każ fejn membri indipendenti ta’ professjonijiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ pariri legali, li huma legalment irrikonoxxuti u kkontrollati minn, per eżempju, avukati, jevalwaw is-sitwazzjoni legali ta’ klijent jew jirrappreżentawh fi proċedura ġudizzjarja, ma jkunx xieraq li d-Direttiva [91/308] timponi fuqhom l-obbligu, fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet, li jirrappurtaw suspetti eventwali ta’ ħasil tal-flus. Hemm lok li jiġu eżentati minn kull obbligu ta’ rappurtaġġ ta’ l-informazzjoni miksuba qabel, matul u wara proċedura ġudizzjarja jew matul l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ klijent. Konsegwentement, il-konsulenza legali tibqa’ suġġetta għall-obbligu tas-sigriet professjonali, ħlief jekk il-konsulent legali jieħu sehem f’attivitajiet ta’ ħasil tal-flus, jekk il-konsulenza legali tkun ipprovduta għal skopijiet ta’ ħasil tal-flus jew jekk l-avukat ikun jaf li l-klijent tiegħu jixtieq jikseb pariri legali għall-iskop ta’ ħasil tal-flus”.

21.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li d-direttiva 91/308 ġiet imħassra reċentament bid-Direttiva 2005/60. Il-kontenut ta’ din id-Direttiva tirriproduċi, mingħajr ma tbiddel, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni fil-kawża preżenti(23).

B –    Il-kuntest nazzjonali

22.      Din il-kawża ssib l-oriġini tagħha f’żewġ rikorsi ppreżentati flimkien fil-Cour d’arbitrage (il-Belġju), wieħed mill-Ordre des barreaux francophones et germanophone (iktar ‘il quddiem l-“OBFG”) u l-Ordre français des avocats du barreau de Bruxelles, u l-ieħor mill-Ordre des barreaux flamands u l-Ordre néerlandais des avocats de Bruxelles. Dawn ir-rikorsi huma intiżi għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi tat-12 ta’ Jannar 2004, li temenda l-liġi tal-11 ta’ Jannar 1993 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus, tal-liġi tat-22 ta’ Marzu dwar l-istat u l-kontroll ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u l-liġi tas-6 ta’ April 1995, dwar l-istat ta’ l-impriżi ta’ investiment u l-kontroll tagħhom, l-intermedjajri finanzjarji u l-konsulenti fuq investimenti. Ma’ dawn ingħaqdu l-Conseil des barreaux de l’Union européenne (iktar ‘il quddiem il-“CCBE”), l-Ordre des avocats du barreau de Liège u l-Kunsill tal-Ministri.

23.      Nippreċiża li l-liġi tat-12 ta’ Jannar 2004 għandha l-għan li tittrasponi fl-ordinament ġuridiku tal-Belġju d-Direttiva 2001/97 li temenda d-Direttiva 91/308. Hija fiha l-Artikolu l-ġdid 2B li huwa l-istess bħall-Artikolu 2A(5) tad-Direttiva. Barra minn hekk, billi tuża l-fakultà mogħtija bit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6(3) tad-direttiva, il-liġi ddaħħal fid-dritt tal-Belġju l-Artikolu l-ġdid 14A(3), li jiddisponi li “il-persuni msemmija fl-Artikolu 2B m’għandhomx jagħtu din l-informazzjoni jekk din tingħatalhom minn wieħed mill-klijenti tagħhom tinkiseb minnhom fuq wieħed mill-klijenti tagħhom waqt l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ dan il-klijent jew fl-eżerċizzju ta’ l-inkarigu tagħhom ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza ta’ dan il-klijent fi proċedura ġudizzjarja jew rigwardanti tali proċedura, inkluż fil-kuntest ta’ pariri fuq il-mod kif tinfetaħ jew tiġi evitata proċedura, kemm jekk din l-informazzjoni tingħata lilhom kif ukoll jekk tinkiseb minnhom qabel, matul jew wara din il-proċedura”.

24.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti jikkontestaw prinċipalment li din il-liġi testendi l-applikabbiltà ta’ l-obbligi imposti bil-liġi tal-11 ta’ Jannar 1993 għall-avukati. Skond ir-rikorrenti, din l-estensjoni tippreġudika l-prinċipju tas-sigriet professjonali u ta’ l-indipendenza ta’ l-avukati li huma protetti bid-drittijiet irrikonoxxuti fil-Kostituzzjoni u fil-KEDB. Fis-sentenza tagħha, il-Cour d’arbitrage stabbilixxiet li, għalkemm is-sigriet professjonali huwa “element fundamentali tad-drittijiet tad-difiża”, dan jista’ jiġi megħlub “meta l-ħtieġa timponi dan jew meta dan ikun f’kunflitt ma’ xi valur li jkun meqjus li huwa superjuri”, dejjem jekk dan l-iżvelar ikun ġustifikat minn motiv imperattiv u jkun strettament proporzjonat.

25.      Madankollu, jeħtieġ li wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma l-frott ta’ estensjoni imposta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/97. Għaldaqstant id-diskussjoni fuq il-kostituzzjonalità tal-liġi tal-Belġju tiddependi fuq domanda li tirrigwarda l-validità tad-Direttiva Komunitarja. Din id-domanda, li tqajmet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, hija s-segwenti:

“L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/97/KE, ta’ l-4 ta’ Diċmebru 2001, li temenda d-Direttiva 91/308/KEE tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus, jikser id-dritt għal smigħ xieraq kif iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, u konsegwentement l-Artikolu 6(2) UE, safejn l-Artikolu 2A [(5)] l-ġdid, li huwa introduċa fid-Direttiva 91/308/KEE, jimponi l-inklużjoni tal-membri tal-professjonijiet legali indipendenti, mingħajr ma jeskludi l-professjoni ta’ avukat, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istress Direttiva li, essenzjalment, għandha l-iskop li jiġi impost fuq il-persuni u l-istituzzjonijiet li ssemmi, l-obbligu li jinformaw lill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus b’kull fatt li jista jindika tali ħasil (Artikolu 6 tad-Direttiva 91/308/KEE, issostitwit mill-Artikolu 1 (5) tad-Direttiva 2001/97/KE)?”

II – Il-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-validità

26.      Sabiex wieħed janalizza l-validità tad-dispożizzjoni kkontestata fil-konfront tad-dritt komunitarju, jeħtieġ l-ewwel nett li tiġi stabbilita preċiżament in-norma li fid-dawl tagħha għandha tiġi analizzata din id-dispożizzjoni. Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-Cour d’arbitrage tirreferi għall-Artikolu 6 tal-KEDB dwar id-dritt għal smiegħ xieraq u, konsegwentement, għall-Artikolu 6(2) UE.

27.      Jiena nfakkar li l-Artikolu 6 UE huwa fformulat kif ġej:

“1.       L-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ liberta’, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

2.      L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.

28.      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6 tal-KEDB, dan jaqra kif ġej:

“1.      Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]

[…]

3.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

[…]

ċ.      li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta’ assistenza legali magħzula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk”.

29.      Ċerti partijiet fil-kawża jissuġġerixxu madankollu li n-normi li wieħed għandu jirreferi għalihom biex isir l-istħarriġ għandhom jiġu estiżi. Minn banda, ir-riferiment għall-Artikolu 6 tal-KEDB huwa wisq strett, u wieħed għandu jestendi l-eżami tal-konformità tad-dispożizzjoni kkontestata fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ l-indipendenza ta’ l-avukat, tal-prinċipju tas-sigriet professjonali, tad-dmir tal-lealtà, tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża (dritt għall-assistenza legali u dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu) u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Mill-banda l-oħra, il-CCBE tistaqsi dwar ir-rilevanza u l-validità tal-bażijiet legali tad-Direttiva.

30.      Skond il-partijiet imsemmijin, in-natura ta’ l-istħarriġ tal-validità previst fl-Artikolu 234 KE tippermetti li jsir dan it-twessigħ. F’dan ir-rigward, huma jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li “il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat [234 KE], fuq il-validità ta’ l-attività ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità mhijiex limitata fir-rigward tal-bażi li fuqha l-validità ta’ l-istess attività tista’ tiġi kkontestata” [traduzzjoni mhux uffiċjali](24).

31.      Din il-ġurisprudenza mhijiex kontestabbli. Madankollu, hija m’għandhiex it-tifsira li jagħtuha l-partijiet. B’din l-affermazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx li hija għandha kull possibbiltà li temenda fis-sustanza l-kontenut tal-kwistjoni tal-validità mqajma mill-qorti tar-rinviju. Hija tixtieq sempliċement tenfasizza li, f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tagħha jista’ jinfirex fuq il-bażijiet legali li jillimitaw il-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 230 KE. Minn daqshekk, il-prinċipju jibqa’ li l-eżami tal-validità ta’ test tad-dritt komunitarju għandu jseħħ “fil-kuntest tad-domanda preliminari” li ssir(25).

32.      Huwa bla dubju li l-limitu hekk ifformulat jista’ joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja ċerta flessibbiltà. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ dejjem tippreċiża l-kontenut tad-domanda preliminari fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet magħmulin mill-partijiet fil-kawża prinċipali jew kif jirriżulta mill-motivi tad-digriet tar-rinviju(26). Bl-istess mod għandha tiġi ammessa l-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza ex officio ċerti vizzji sostantivi, barra mill-kuntest tad-domanda li ssirilha(27).

33.      Fil-każ preżenti, madankollu, ma jidhirx li huwa meħtieġ li wieħed isemmi li hija tagħmel użu minn din il-flessibbiltà. Fir-rigward ta’ tnejn mill-ilmenti invokati, l-iskop huwa evidenti. Fir-rigward tal-kontestazzjoni dwar il-bażi legali tad-Direttiva, huwa ċar li dan imur lil hinn mill-kamp u s-sens tad-domanda li saret. Id-domanda tikkonċerna biss il-konformità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva mal-prinċipji fundamentali ta’ l-ordinament ġuridiku komunitarju u mhux it-titlu ta’ kompetenza li minnha kienet tgawdi l-Komunità biex tadottaha. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan huwa element tat-twettiq u tal-kontroll tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju. F’dan ir-rigward, dan l-istess prinċipju għandu fi kwalunkwe każ jittieħed in kunsiderazzjoni fid-dawl ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li jiġi mwessa’ għal dan l-iskop il-kuntest ta’ l-istħarriġ mitlub mill-qorti tar-rinviju.

34.      Fir-rigward tal-prinċipji l-oħrajn invokati mill-partijiet intervenjenti, din hija storja differenti. Għalkemm dawn mhumiex irrilevanti fil-kuntest tad-domanda li saret, ma jidhirx li huwa meħtieġ li dawn jiġu analizzati b’mod separat għas-sempliċi raġuni ta’ ekonomija ta’ l-argumenti. Fil-fatt, dawn il-prinċipji jinġabru faċilment taħt kap wieħed, jiġifieri dak tas-sigriet professjonali ta’ l-avukati. Dan huwa l-iktar prinċipju mhedded direttament mill-obbligu ta’ informazzjoni previst fid-Direttiva kkontestata. Madankollu, huwa proprju l-kompatibbiltà ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni mar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat li qajjem id-domanda tal-qorti tar-rinviju.

35.      Deherli għalhekk li jkun tajjeb li l-ewwel wieħed ifittex jekk dawn ir-rekwiżiti għandhomx l-istatus ta’ prinċipju ġenerali jew tad-dritt fundamentali protett mill-ordinament ġuridiku Komunitarju. Jekk dan huwa l-każ, wieħed jista’ jikkunsidra li l-Artikolu 6(2) UE, joffri riżorsi suffiċjenti biex tingħata risposta għall-preokkupazzjonijiet espressi mill-partijiet fil-kawża.

III – Il-pedamenti tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali ta’ l-avukati

36.      Skond uħud mill-partijiet intervenjenti huwa inutli li wieħed jidentifika sors ta’ dritt preċiż li jikkristallizza s-sigriet professjonali ta’ l-avukati. Dan għandu valur “assjomatiku”(28). Huwa possibbli li wieħed isib traċċi tiegħu “fid-demokraziji kollha” matul iż-żminijiet kollha: wieħed isibu preżenti fil-Bibbja, fl-iskritturi ta’ l-istorja antika u minn seklu għall-ieħor. Taħt din il-perspettiva, għalkemm is-sigriet ta’ l-avukat jimmerita li jiġi rikonoxxut fl-ordinament ġuridiku komunitarju, dan huwa sempliċiment minħabba li għandu r-radiċi tiegħu fil-pedamenti stess tas-soċjetà Ewropea.

37.      Barra minn hekk, huwa suġġerit li wieħed jirreferi għar-regoli aċċettati mill-ordnijiet professjonali ta’ l-avukati kollha fl-Istati Membri kollha. Is-sigriet professjonali huwa inerenti għall-professjoni stess ta’ l-avukat. Dan jinsab imsemmi fil-kodiċi ta’ kodotta kollha , bħall-kodiċi ta’ kodotta ta’ l-avukati Ewropej adottat mill-CCBE(29), li fl-Artikolu 2.3 dwar is-sigriet professjonali tiegħu jipprovdi li “hija fin-natura stess tad-dmirijiet ta’ l-avukat li huwa jkun depożitarju tas-sigrieti tal-klijent tiegħu u destinatarju tal-komunikazzjonijiet kunfidenzjali. Mingħajr il-garanzija tal-kunfidenzjalità, wieħed ma jistax ikollu fiduċja. Is-sigriet professjonali huwa għalhekk rikonoxxut bħala dritt u dmir fundamentali u primarju ta’ l-avukat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-regola tas-sigriet professjonali hija mifhuma, taħt din il-perspettiva, bħala obbligu ta’ kunfidenzjalità li taqa’ taħt il-moral tal-professjoni.

38.      Biex ikollha l-ħtieġa għall-protezzjoni komunitarja, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkontenta ruħha la b’assjoma soċjali u lanqas b’regola professjonali. Li tkun u li għandha tkun huma żewġ affarijiet ben distinti. Indubbjament, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinjora l-eżistenza ta’ prinċipju daqshekk elementari li jidher li huwa universalment rikonoxxut. Madankollu, mill-fatt li xi regola tidher li jkollha valur superjuri f’ċerti ordnijiet soċjali jew privati, ma jsegwix li din għandha tiġi aċċettata bħala prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju. Xorta jibqa’ l-bżonn li wieħed ifittex, f’dik l-ordni, xi sors awtonomu li jassigura l-protezzjoni.

39.      Għaldaqstant huwa permissibbli li wieħed jistaqsi dwar l-eżistenza tat-tradizzjoni kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam. Bħalma kienet fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha AM & S, iċċitata iktar ‘il fuq, “id-dritt komunitarju, li huwa r-riżultat ta’ interpenetrazzjoni mhux biss ekonomika, imma wkoll ġuridika ta’ l-Istati Membri, għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipji u l-kunċetti komuni tal-liġijiet ta’ dawn l-Istati” [traduzzjoni mhux uffiċjali](30). L-istudju komparattiv tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni juri sewwasew li s-sigriet professjonali ta’ l-avukati jeżisti fil-parti l-kbira ta’ dawn l-Istati flimkien mal-prinċipju fundamentali u l-istatus tar-regola ta’ ordni pubbliku(31). L-istess studju juri madankollu, li l-portata u l-modalitajiet ta’ protezzjoni tas-sigriet professjonali jvarjaw sew minn ordinament ġuridiku għall-ieħor. Għaldaqstant, għalkemm huwa meħtieġ li wieħed jieħu in kunsiderazzjoni d-diversi leġiżlazzjonijiet u ġurisprudenzi nazzjonali fl-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat, jidhirli li, fid-dawl tad-diverġenzi u varjazzjonijiet li jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fl-ordnijiet ġuridiċi ta’ l-Istati Membri, jeħtieġ li wieħed idur pjuttost fuq sors ieħor ta’ protezzjoni.

40.      Skond ġurisprudenza stabbilita, fl-ordinament ġuridiku komunitarju, id-drittijiet fundamentali stabiliti mill-KEDB għandhom “sinjifikat partikolari” u jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza(32). Ma jirriżultax neċessarjament li l-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku komunitarju tikkoinċidi ma’ dik assigurata mill-KEDB. Mill-banda l-oħra, fil-Komunità, ma jistgħux jiġu aċċettati miżuri li huma inkompatibbli mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti mill-istess Komunità(33).

41.      Madankollu, għalkemm il-KEDB ma tirreferix espressament għas-sigriet professjonali ta’ l-avukat, hija fiha madankollu dispożizzjonijiet li jistgħu jiggarantixxu l-protezzjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem, f’dan ir-rigward toffri toroq differenti. Minn banda, mill-kuntest li fih japplika s-sigriet ta’ l-avukat, bħalma esponiet il-qorti tar-rinviju, l-istess sigriet jaqa’ taħt id-dritt għal smigħ xieraq. Fis-sentenza Niemietz vs Il-Ġermanja, il-Qorti Ewropea ddeċidiet li, fil-każ ta’ l-avukat, l-intrużjoni fuq is-sigriet professjonali “tista’ taffettwa l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u, għaldaqstant, fuq id-drittijiet garantiti mill-Artikolu 6” [traduzzjoni mhux uffiċjali](34). Is-sigriet huwa l-kundizzjoni għall-fiduċja li twassal għall-kunfidenza u l-manifestazzjoni tal-verità u tal-ġustizzja. Iżda, mill-banda l-oħra, peress li l-istess sigriet għandu l-għan li jipproteġi, jidher li huwa element essenzjali mid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata(35). Fis-sentenza tagħha Foxley vs Ir-Renju Unit, il-Qorti Ewropea tenfasizza f’dan is-sens l-importanza, skond l-Artikolu 8 tal-KEDB, tal-prinċipji tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali li huma marbutin mar-rapport ta’ bejn l-avukat u l-klijent tiegħu(36). Is-sigriet jipproteġi liċ-ċittadin minn żvelar indiskret li jista’ jippreġudika l-integrità morali u r-reputazzjoni tiegħu.

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinjora ġurisprudenza bħal din. Hija kellha l-okkażjoni li tenfasizza li fl-interpretazzjoni tagħha tad-drittijiet fundamentali hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem(37). Konsegwentement wieħed jista’ jqis id-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-ħajja privata bħala l-bażi doppja għal protezzjoni tas-sigiret professjonali ta’ l-avukat fl-ordinament ġuridiku komunitarju.

43.      Fit-teorija, l-għażla ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ bażijiet mhijiex indifferenti. Fil-fatt nirrimarka li l-fatt li wieħed jorbot il-protezzjoni tas-sigriet ma’ wieħed mid-drittijiet jew ma’ l-ieħor jista’ jippermetti li tiġi varjata l-portata ta’ din il-protezzjoni. Meta wieħed jibbaża s-sigriet fuq id-dritt għal smigħ xieraq ikun ifisser, impliċitament, li qiegħda tiġi limitata l-portata għall-kuntest kontenzjuż, ġudizzjarju u kważi-ġudizzjarju. Din kienet l-għazla li għamlet il-Qorti fil-kawża Am & S, iċċitata iktar ‘il fuq. Minn din l-għażla, kien jirriżulta li l-protezzjoni tal-korrispondenza kellha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, tiġi protetta biss “fil-kuntest u għall-finijiet tad-dritt tad-difiża”(38). Mill-banda l-oħra, li wieħed imur għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jimplika, a priori, t-twessigħ tal-protezzjoni għall-istqarrijiet kunfidenzjali kollha li jsiru mill-klijent lill-professjonist, ikun x’ikun il-kuntest li fih iqumu dawn ir-rapporti.

44.      Madankollu, f’dan l-istadju ta’ l-analiżi, għażla bħal din, ma tidhirlix li hija rilevanti. B’kuntrast, li wieħed jikkunsidra l-bażi doppja jġib il-vantaġġ li jiġu koperti l-preokkupazzjonijiet imqajma mill-partijiet intervenjenti. Il-protezzjoni tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat hija prinċipju ambivalenti li huwa, minn banda, prinċipju proċedurali iskritt fid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u mill-oħra prinċipju sostantiv ibbażat fuq id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata. Mill-aspett proċedurali, dan jiġi faċilment marbut mad-drittijiet tad-difiża, mad-dritt għall-assistenza legali u mad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu(39). Mill-aspett sostantiv din tolqot il-ħtieġa “li kull akkużat għandu jkollu l-possibbiltà li jikkonsulta bil-libertà kollha ma’ l-avukat tiegħu, fejn il-professjoni stess tinvolvi r-responsabbiltà li tagħti, b’mod indipendenti, parir legali lil dawk kollha li jkollhom bżonn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (40) u dik, li tiġi magħha, tal-lealtà ta’ l-avukat lejn il-klijent. Il-prinċipju tas-sigriet joħroġ mill-karatteristika stess tal-professjoni ta’ avukat.

45.      Għalkemm il-prinċipji ta’ l-indipendenza ta’ l-avukat, tad-drittijiet tad-difiża jew tad-dritt għas-silenzju jiġu preġudikati bl-obbligu ta’ l-informazzjoni previst mid-dispożizzjoni tad-dritt komunitarju kkontestat, huwa biss in kwantu dawn jinsabu koperti mill-prinċipju tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat. F’din il-kawża, il-kwistjoni hija għalhekk dwar jekk l-obbligu għall-informazzjoni impost mid-direttiva kkontestata fuq l-avukati fl-Unjoni Ewropea jippreġudikax dan il-prinċipju, protett bħala tali mill-prinċipji fundamentali ta’ l-ordinament ġuridiku Komunitarju.

46.      Għalkemm, skond din l-analiżi, jeħtieġ li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza tal-prinċipju tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat fid-dritt Komunitarju, wieħed m’għandux jikkonkludi, madankollu, li din hija prerogattiva assoluta rrikonoxxuta bħala tali lill-professjoni ta’ avukat.

IV – Il-limiti tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat

47.      Fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, l-avukat ġenerali Warner, fil-kawża AM & S, kien diġà nnota li “dan hu d-dritt li l-liġijiet tal-pajjiżi ċivili jirrikonoxxu b’mod ġenerali, dritt dan li mhuwiex faċli li wieħed jinnegah, imma mhuwiex dritt protett sal-punt li fil-Komunità l-Kunsill ma jista’ qatt jilleġiżla b’mod li jipprevedi xi eċċezzjoni jew li jemendah”4(41)1. Ċertament l-istess japplika għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali, kif mill-bqija juri l-eżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti fl-Istati Membri kollha tal-Komunità. Wieħed ma jistax jeskludi li s-sigriet professjonali jixxejjen quddiem ħwejjeġ imperattivi ta’ interess ġenerali superjuri f’ċerti ċirkustanzi konkreti. Konsegwentement, id-dispożizzjoni in kwistjoni fil-każ preżenti ma tistax titqies invalida għar-raġuni biss li hija tinkludi ċerti restrizzjonijiet fuq is-sigriet professjonali ta’ l-avukat. Jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjonijiet li hemm inklużi jirrispettawx il-limitazzjonijiet tad-drittijiet li fuqhom huwa bbażat is-sigriet professjonali ta’ l-avukat fid-dritt Komunitarju. Peress li dawn jaffettwaw il-garanzija tad-drittijiet protetti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, l-istess restrizzjonijiet għandhom jiġu inkwadrati u ġġustifikati b’mod strett.

48.      Sabiex issir l-analiżi tal-ġustifikazzjoni tal-limitazzjonijiet ikkontestati mill-partijiet rikorrenti, jien nipproponi li napplikaw il-kuntest ta’ analiżi li jinsab espost fil-karta tad-drittijiet fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tafferma, anki jekk din il-karta “ma tikkostitwixxix strument ġuridiku vinkolanti”, l-għan prinċipali tagħha, “kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, huwa li terġa’ tafferma ‘d-drittijiet li jirriżultaw b’mod partikolari mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattati Komunitarji, mill-[KEDB], mill-karti soċjali adottati mill-Komunità u mill-Kunsill ta’ l-Ewropa, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] u mill-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem’”(42). Minn din iċ-ċitazzjoni jirriżulta li, għalkemm din il-karta ma tistax tikkostitwixxi fiha nfisha bażi ġuridika suffiċjenti biex tagħti lill-individwi drittijiet li jistgħu jiġu invokati direttament, hija madankollu mhijiex irrilevanti bħala kriterju għall-interpretazzjoni ta’ l-istrumenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet imsemmijin fl-Artikolu 6(2) UE. Taħt din il-perspettiva, din il-karta jista’ jkollha funzjoni doppja. Fl-ewwel lok, hija tista’ toħloq il-preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dritt li jkollu, għalhekk, jirċievi konferma dwar l-eżistenza tiegħu kemm fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll fid-dispożizzjonijiet tal-KEDB. Fit-tieni lok, meta d-dritt jiġi identifikat bħala dritt fundamentali protett mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, il-Karta sservi ta’ strument partikolarment utli sabiex jiġi stabbilit il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata li għandha tingħata lil dak id-dritt. Aħna nfakkru barra minn hekk li d-dispożizzjonijiet tal-Karta, li ġew ippreparati wara proċess twil ta’ deliberazzjoni magħmula fuq livell Ewropew, jikkorrispondu fil-parti l-kbira tagħhom għall-kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

49.      F’dan il-kuntest, huwa dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, minn banda, li l-limiti implementati mid-dispożizzjoni kkontestata tad-Direttiva ma jirrestrinġux il-protezzjoni tas-sigriet ta’ l-avukat b’mod jew sal-punt li l-istess protezzjoni tintlaħaq fis-sustanza tagħha stess u, mill-banda l-oħra, li dawn il-limiti jkunu maħsubin fl-interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni u jkunu proporzjonati għal-imsemmi għan(43).

A –    Id-dispożizzjoni in kwistjoni taffettwa s-sustanza tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat?

50.      Li wieħed jipproteġi s-sustanza tad-dritt fundamentali jfisser kemm li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dak id-dritt li hija l-iktar kompatibbli mas-sussistenza tad-drittijiet fundamentali l-oħrajn, u kif ukoll li jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom dak id-dritt jkun jistħoqqlu protezzjoni msaħħa.

51.      Id-diffikultà kollha f’din il-kawża tirrigwarda liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet li fihom is-sigriet professjonali ta’ l-avukat ma jistax jiġi limitat. Huwa fuq dan il-punt, barra minn hekk, li l-interpretazzjonijiet tal-partijiet l-iktar jitbegħdu b’mod ċar.

52.      Minn banda, il-Kummissjoni ssostni li s-sustanza tas-sigriet ta’ l-avukat tinsab kollha kemm hi fil-qasam “kontenzjuż”. Biex wieħed jasal biex jaċċetta li dan is-sigriet għandu jkun protett, għandha tiġi stabbilita rabta ma’ xi proċediment. Huwa biss fil-kuntest tas-smigħ, jew ta’ l-inqas ta’ proċedura ta’ natura ġudizzjarja jew kważi ġudizzjarja, li s-sigriet jistħoqqlu li jkun protett. Huwa f’din il-linja li għandha tiġi interpretata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja AM & S, iċċitata iktar ‘il fuq, jiġifieri in kwantu hija teżiġi “rabta ta’ konnessjoni” ma’ xi proċedura ta’ natura kontenzjuża. Taħt din il-perspettiva, id-direttiva, billi tillimita l-protezzjoni tas-sigriet ta’ l-avukat għall-kuntest kontenzjuż, m’għandhiex tiġi kkontestata.

53.      Fuq in-naħa l-oħra nsibu lill-partijiet li jirrappreżentaw lill-Ordnijiet ta’ l-avukatura, li għalihom ir-regola tas-sigriet ma tistax tiġi ssegregata mill-professjoni ta’ l-avukat li tagħtiha status u dinjità partikolari. Fi kwalunkwe każ, l-avukat għandu jkun l-uniku mħallef tal-limiti li jistgħu jiġu imposti fuq l-istess sigriet. Li wieħed jirrestrinġi l-portata tas-sigriet għall-waħda mill-attivitajiet tmur kontra l-prinċipji fundamentali u fl-istess waqt tkun impossibbli li titwettaq fil-prattika, u dan peress li l-attivitajiet imsemmijin huma kumplessi u indiviżibbli. Minn dan il-lat, huwa ċar li, fejn id-direttiva timponi li s-sigriet m’għandux japplika f’ċerti attivitajiet imwettqa mill-avukati, id-direttiva tikser id-drittijiet fundamentali.

54.      Madankollu, dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet, li huma irrikonċiljabbli, għandhom punt ta’ konverġenza li wieħed għandu jitlaq minnu. Il-partijiet kollha jaqblu, fil-fatt, li r-raison d’être tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat jinsab fir-relazzjoni ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn il-klijent u l-avukat(44). Il-preżervazzjoni ta’ din ir-relazzjoni għandha, fir-realtà, utilità doppja. L-ewwel nett din hija utli għall-klijent, li huwa d-depożitarju tas-sigriet, li jkun jista’ b’hekk jiżgura ruħu li qiegħed jirrikorri għand persuna terza ta’ fiduċja, jiġifieri l-avukat tiegħu. Iżda din hija utli wkoll għas-soċjetà in ġenerali, in kwantu, fil-ħarsien tal-konoxxenza tad-dritt u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, hija tipparteċipa fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u fil-manifestazzjoni tal-verità. Madankollu, din ir-relazzjoni hija fraġli. Hija għandha tkun tista’ tiżviluppa f’kuntest protett. Dak li huwa rilevanti f’din il-kawża huwa għalhekk li jiġu rrintraċċjati bir-reqqa l-limiti għal dan il-qafas. Ma tistax tkun dejqa ħafna, għax inkella tirrovina l-kundizzjonijiet tar-relazzjoni ta’ fiduċja veritiera bejn l-avukat u l-klijent tiegħu. Iżda, mill-banda l-oħra, m’għandhiex tkun wiesa’ ħafna, għax inkella s-sigriet isir sempliċi attribut tal-professjoni ta’ avukat. Madankollu, is-sigriet professjonali ma jistax ikun proprjetà ta’ l-avukat. Jeħtieġ pjuttost li wieħed jikkunsidrah bħala valur u bħala piż. Skond il-kliem ta’ Lord Denning, il-privileġġ li joħroġ minn dan is-sigriet “mhuwiex il-privileġġ ta’ l-avukat imma tal-klijent tiegħu”(45). Dan il-privileġġ ma jkollux sens ħlief jekk ma jkunx qed iservi l-interess tal-ġustizzja u r-rispett tad-dritt. Huwa mogħti lill-avukat fil-kwalità waħdanija tiegħu ta’ aġent tal-ġustizzja.

55.      Barra minn hekk, f’din il-kawża, dan huwa punt li ma ġiex ikkontestat. Il-partijiet kollha jaqblu fuq il-fatt li s-sigriet professjonali għandu jibbenefika minn protezzjoni msaħħa fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ rappreżentanza u difiża ta’ klijent. F’dan il-kuntest, fil-fatt, kif semma l-avukat ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Wouters et, “l-avukati għandhom rwol ċentrali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, bħala intermedjarji bejn l-akkużati u l-qrati”(46). Għalhekk mhuwiex b’kumbinazzjoni li huma msejħin mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala “awżiljari” u “kollaboraturi tal-ġustizzja”(47).

56.      Il-kontestazzjoni ddur għalhekk fuq il-punt dwar jekk protezzjoni simili għandhiex tiġi estiża lil hinn mill-qafas strett tan-neċessitajiet tar-rappreżentanza u tad-difiża u fuq safejn jeħtieġ li din għandha tiġi estiża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni dominanti fil-leġiżlazzjonijiet tad-diversi Stati Membri hija kuntradittorja.

57.      Prima facie, id-direttiva in kwistjoni tidher li tadotta pożizzjoni intermedjarja. Waqt l-eżami tal-proposta tad-direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni, il-Parlament kien xtaq jestendi espressament id-deroga għall-għoti ta’ pariri legali. Kif ġie mfakkar, din il-proposta ma ntlaqatx. Fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3), id-Direttiva adottata tipprovdi sempliċement li l-avukati ma jaqgħux taħt l-obbligu li jinformaw mhux biss “fil-qadi ta’ dmirijiethom permezz tad-difiża jew rappreżentanza ta’ dak il-klijent fi proċedura ġudizzjarja” imma wkoll “waqt l-aċċertament tal-pożizzjoni legali ta’ dak il-klijent”. Din l-aħħar espressjoni hija miftuħa għall-interpretazzjoni. Xhieda ta’ dan huma d-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li ttrasponew din id-dispożizzjoni(48).

58.      Sabiex tingħata risposta għald-domanda dwar il-validità li saret mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi kkjarifikat is-sinjifikat ta’ dan il-kunċett.

1.      Il-kunċett ta’ l-“aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent”

59.      F’għajnejn il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, fi kwalunkwe każ, mhuwiex rilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-validità tad-direttiva. Peress li s-sigriet professjonali ta’ l-avukati jmiss, fil-prinċipju, l-attività ġudizzjarja jew paraġudizzjarja tagħhom biss, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-direttiva tneħħi minn fuq dawn kwalunkwe obbligu li jinformaw. Fi kliem ieħor, anki jekk ix-xogħol ta’ l-aċċertament legali kien suġġett għall-obbligu ta’ rrappurtaġġ, id-Direttiva għandha titqies li hija valida. Waqt is-seduta, l-ordnijiet ta’ l-avukatura sostnew, mill-banda l-oħra, li s-sigriet professjonali jkopri wkoll l-għoti ta’ pariri. Huma jipproponu għalhekk li tingħata interpretazzjoni wiesa għall-kunċett ta’ aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent. Kieku jiġi deċiż li d-dispożizzjoni in kwistjoni ma tinkludix il-kunċett ta’ għoti ta’ pariri, hija jkollha titqies li hija invalida.

60.      Fil-fehma tiegħi, il-prinċipju tas-sigriet professjonali, bħalma jsostnu l-Ordnijiet ta’ l-avukatura intervenjenti, ikopri l-għoti ta’ pariri legali. Ir-raġuni hija doppja u tistrieħ kemm fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju u kif ukoll fuq kunsiderazzjonijiet prattiċi. Fil-prinċipju, wieħed għandu jieħu in kunsiderazzjoni “l-ħtieġa fundamentali li f’soċjetà ċivilizzata, kulħadd ikun jista’ jikkonsulta ma’ l-avukat tiegħu biex jieħu parir u assistenza u, meta jinbdew xi proċedimenti, biex jirrappreżentah”(49). Bħala rappreżentant u difensur, kull avukat għandu wkoll funzjoni essenzjali ta’ assistenza u ta’ konsulent. B’hekk, huwa jiżgura mhux biss l-aċċess għall-ġustizzja imma wkoll l-aċċess għad-dritt. Madankollu, din l-aħħar garanzija mhijiex inqas prezzjuża minn ta’ l-ewwel f’soċjetà kumplessa bħalma hija s-soċjetà Ewropea. Il-possibbiltà għal kull ċittadin li jkun jista’ jieħu parir indipendenti għall-finijiet li jsir jaf l-istat tad-dritt li jirregola l-pożizzjoni partikolari tiegħu hija garanzija essenzjali ta’ l-Istat tad-dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-patt tal-fiduċja li jiggarantixxi l-protezzjoni tas-sigriet jistħoqqlu li jiġi estiż għall-kuntest tar-rapporti ta’ assistenza u ta’ parir legali(50). Din l-estensjoni hija konformi, barra minn hekk, ma’ l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza AM & S, hemm riferiment espress għall-importanza li jagħtu l-klijenti għall-fatt li jkunu jistgħu jieħdu, b’mod indipendenti għall-aħħar, parir u assistenza legali(51).

61.      Fil-prattika, fi kwalunkwe każ, jidher li huwa diffiċli li, fil-kuntest tal-qadi tad-dmirijiet li għandu professjonist tad-dritt, wieħed jiddistingwi ż-żmien għall-parir u ż-żmien għar-rappreżentanza. Kieku kull darba li jkun meħtieġ li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva, jkun hemm bżonn li ssir din id-distinżjoni, ċertament li r-rapport ta’ fiduċja eżistenti bejn il-professjonist u l-klijent tiegħu jirriskja li jmur minn taħt.

62.      Minn din l-analiżi, jirriżulta li l-protezzjoni msaħħa li minnha jibbenefika s-sigriet professjonali ta’ l-avukat għandu jiġi estiż għad-dmirijiet ta’ rappreżentanza, ta’ difiża, ta’ assistenza u ta’ parir legali. Konsegwentement, nissuġġerixxi l-konklużjoni li ebda obbligu ta’ informazzjoni marbut mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ma jista’ jiġi impost fuq l-avukat fil-kamp tat-twettiq ta’ dawn id-dmirijiet. Kull tentattiv ta’ dan it-tip għandu jitqies li jippreġudika s-sustanza tad-drittijiet protetti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.

63.      Il-formulazzjoni użata mid-dispożizzjoni in kwistjoni tad-direttiva in kwistjoni fil-każ preżenti hija kompatibbli ma’ din l-analiżi? Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod kostanti li, “meta t-test tad-dritt sussidjarju Komunitarju jista’ jingħata iktar minn interpretazzjoni waħda, jeħtieġ li tingħata preferenza lil dik li tirrendi l-istess dispożizzjoni konformi mat-Trattat, iktar minn dik li twassal għall-konstatazzjoni li hija inkompatibbli ma’ l-istess Trattat”[traduzzjoni mhux uffiċjali] (52). Fil-każ odjern, jidhirli li l-kunċett ta’ “aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent” stabbilita mid-direttiva tista’ faċilment tinftiehem bħala li tinkludi dik tal-parir legali. L-istess tifsira hija konformi mar-rispett tad-drittijiet fundamentali u mal-prinċipji ta’ l-Istat tad-dritt protetti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju. Mill-bqija, din hija konformi mal-formulazzjoni tal-premessa numru sbatax tad-direttiva li tipprovdi li, fil-prinċipju, “il-konsultazzjoni legali tibqa’ suġġetta għall-obbligu tas-sigriet professjonali”. Jien nipproponi konsegwentement li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva jiġi interpretat fis-sens li jeżenta lill-avukati li jagħmlu xogħol ta’ konsulenza legali minn kwalunkwe obbligu li jinformaw.

64.      Jibqa’, madankollu, li jiġi vverifikat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma minn kull aspett konformi ma’ din l-interpretazzjoni. L-ordnijiet ta’ l-avukatura jsostnu li, minħabba li l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2A(5) tad-direttiva jiġu ssuġġettati għall-obbligu ta’ informazzjoni, id-direttiva tikser il-prinċipju tas-sigriet professjonali kif inhu hekk interpretat. Huma tal-fehma li, fix-xogħol kollu tiegħu, l-avukat jkollu jagħmel analiżi u aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex xieraq li l-protezzjoni tas-sigriet tiġi eskluża fil-kuntest ta’ dan ix-xogħol.

65.      Wieħed għandu jammetti li fil-prattika mhuwiex faċli li wieħed jagħmel distinzjoni bejn ix-xogħol ta’ natura legali u x-xogħol “extra legali” ta’ l-avukati. Madankollu, ma jidhirlix li huwa impossibbli li wieħed jikkonċepixxi kriterju ċar li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn l-avukati, li jaġixxu qua “avukati”, ikollhom il-protezzjoni tas-sigriet professjonali u l-każijiet fejn din il-protezzjoni m’għandhiex tiġi applikata. Huwa għalhekk taħt din il-kundizzjoni biss li, fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi protett il-bilanċ bejn il-ħtieġa tal-protezzjoni tal-fiduċja eżistenti bejn l-avukat u l-klijent tiegħu u l-ħtieġa tal-protezzjoni ta’ l-interessi ġenerali tas-soċjetà, fir-rispett tad-drittijiet protetti mill-ordinament ġuridiku komunitarju. Barra minn hekk, jidhirli li huwa diffiċli li tiġi ġġustifikata l-estensjoni tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat fuq il-bażi biss li, fil-prattika, dan ikun diffiċli, mingħajr kunsiderazzjoni tal-fatt li l-professjoni ta’ l-avukat, illum il-ġurnata, tara xogħol li jmur lil hinn mid-dmirijiet speċifiċi ta’ rappreżentanza u konsulenza.

2.      Il-kriterju għad-distinzjoni tax-xogħol protett mis-sigriet professjonali

66.      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervenjenti pproponew diversi kriterji ta’ distinzjoni. Il-Kunsill issuġġerixxa li jibbaża ruħu fuq in-natura materjali tax-xogħol suġġett għall-obbligu tad-dikjarazzjoni. Huwa jsostni, mill-banda l-oħra, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li wieħed għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-kriterju tal-parteċipazzjoni attiva ta’ l-avukati fl-eżekuzzjoni ta’ l-operazzjonijiet ikkonċernati. Din kienet ukoll il-fehma tal-Parlament waqt is-seduta: huwa dejjem possibbli li wieħed jagħmel distinzjoni bejn ix-xogħol ta’ konsulenza u l-parteċipazzjoni għan-nom u f’isem il-klijent. Il-gvern Taljan isostni, min-naħa tiegħu, li huma biss il-pariri mogħtija b’mod indipendenti li jeħtieġ li jkunu protetti.

67.      Ikkonfrontati b’dawn l-analiżijiet, l-Ordnijiet ta’ l-avukatura rappreżentati fis-seduta ammettew li x-xogħol ikkontemplat fl-Artikolu 2A(5) seta’ fil-fatt jinqasam. Għalkemm huwa minnu li x-xogħol ta’ mandatarju kkontemplat fis-subparagrafu (b) għandu l-effett li jxejjen kull distinzjoni bejn l-interessi ta’ l-avukat u dawk tal-klijent tiegħu, sal-punt li jtellef l-indipendenza lill-istess avukat, dan mhuwiex l-istess fir-rigward tax-xogħol ta’ assistenza kkontemplat taħt is-subparagrafu (a), li jeħtieġ ir-rispett ta’ l-indipendenza ta’ l-avukat.

68.      Jidher għalhekk li l-pożizzjonijiet tad-diversi partijiet fil-kawża li qabel kienu opposti, qarbu ftit lejn xulxin. Deher li seta’ ntlaħaq ftehim fuq l-idea li s-sigriet professjonali jiġi limitat għax-xogħol varjat ta’ kompetenza proprja ta’ l-avukati. Minn dan jirriżulta li d-diverġenza fil-fehmiet hija inqas.

69.      Fil-fehma tiegħi, ikun azzardat li wieħed jiddistingwi skond il-livell ta’ involviment ta’ l-avukat fl-operazzjoni in kwistjoni. Jien ma nistax nifhem sew għaliex ix-xogħol ta’ assistenza jistħoqqlu iktar minn dak ta’ mandatarju, li jkollu l-protezzjoni speċjali jekk ma jiġix muri li dan ix-xogħol jitwettaq b’indipendenza sħiħa. Dak li hu iktar rilevanti mill-attività mwettqa huwa l-mod ta’ kif titwettaq dik l-attività.

70.      Li, fil-każijiet kollha fejn huwa jintervjeni, l-avukat jista’ jispiċċa jagħmel aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent tiegħu, mhuwiex kontestabbli. Madankollu, dan l-aċċertament jista’ jieħu direzzjonijiet differenti. Mod li wieħed jesponi l-qafas u l-implikazzjonijiet legali ta’ l-operazzjoni kkontemplata, u mod ieħor li wieħd jagħmel dak l-aċċertament sabiex jagħżel l-aħjar strateġija fl-interess tal-klijent biex iwettaq xi azzjoni jew operazzjoni ekonomika jew kummerċjali. Għalkemm l-aċċertament għandu sempliċement l-għan li jgħin lill-klijent biex jorganizza l-attività tiegħu “fl-osservanza tal-liġi” u li jissuġġetta l-obbjettivi tiegħu għar-regoli tad-dritt(53), dan għandu jitqies li huwa xogħol ta’ konsulenza u għandu jiġi eżentat minn kull obbligu ta’ informazzjoni, ikun x’ikun il-kuntest li fih dan jiġi pprovdut. Mill-banda l-oħra, għalkemm l-aċċertament għandu l-għan essenzjali li jwettaq jew jipprepara operazzjoni kummerċjali jew finanzjarja u li jkun suġġett għall-istruzzjonijiet tal-klijent sabiex, b’mod partikolari, tinsab l-iktar soluzzjoni favorevoli ekonomikament, l-avukat lanqas ma jaġixxi bħala “aġent tan-negozju”, li jpoġġi l-kompetenzi tiegħu interament għas-servizz ta’ xogħol mhux legali, fejn m’hemmx lok għall-applikazzjoni tas-sigriet professjonali. Fl-ewwel każ, huwa permess li jingħad li l-avukat jaġixxi mhux biss fl-interess tal-klijent tiegħu imma wkoll fl-interess tad-dritt. Fit-tieni każ, huwa biss l-interess tal-klijent li jipprevali. F’dan il-każ, l-avukat ma jaġixxix bħala avukat indipendenti imma jsib ruħu f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ konsulent finanzjarju jew avukat ta’ kumpannija.

71.      Hemm qbil madankollu li d-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet hija diffiċli li wieħed japprezzaha. Analiżi ta’ portata ġenerali bħalma hija dik mitluba mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti ma tistax issolvi d-diffikultajiet prattiċi kollha li tali analiżi tista’ ġġib magħha. L-aħjar ħaġa li tista’ tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ huwa li tuża l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiggwida l-applikazzjoni tat-test mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Aħna ninnutaw barra minn hekk li approċċ simili ġie adottat minn qrati oħrajn mingħajr xi problemi ta’ applikazzjoni partikolari. F’dawn il-kawżi, dawn il-qrati jeżiġu analiżi każ b’każ tal-kwalità li fiha jaġixxi l-avukat(54).

72.      Fid-dawl tan-natura fundamentali tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat, huwa tajjeb li wieħed jippreżumi li l-avukat jaġixxi fil-kwalità tiegħu proprja ta’ konsulent u difensur. Mhuwiex ħlief meta huwa jkun ġie ingaġġat għal xogħol li jippreġudika l-indipendenza tiegħu li jkun meħtieġ li jitqies li l-istess avukat ikun suġġett għall-obbligu ta’ informazzjoni previst mid-Direttiva. Din l-analiżi għandha ssir każ b’każ, taħt il-garanzija ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

3.      Konklużjoni intermedjarja

73.      L-analiżi kollha preċedenti ma wriet ebda element tali li jannulla l-Artikoli 2A(5) u 6 tad-Direttiva 91/308 kif emendata bid-Direttiva 2001/97, dejjem madankollu jekk dawn jiġu interpretati li jeskludu kull obbligu ta’ informazzjoni fil-kuntest tax-xogħol ta’ rappreżentanza u ta’ konsulenza legali ta’ l-avukati. Jeħtieġ b’mod partikolari li jiġu eżentati mill-istess obbligu l-pariri mogħtija biex jgħinu lill-klijent jorganizza l-attivitajiet tiegħu “fl-osservanza tal-liġi”.

74.      Mhuwiex biżżejjed li wieħed jammetti li,minbarra minn dawn il-każijiet li fihom huwa eskluż kull obbligu ta’ informazzjoni, jista’ jkun hemm xi limitazzjonijiet għas-sigriet professjonali ta’ l-avukat. Jeħtieġ għal darba oħra li wieħed jistaqsi jekk dawn il-limitazzjonijiet ifittxux għan ta’ interess ġenerali leġittimu u jekk dawn humiex proporzjonati mat-tfittxija ta’ dak l-għan.

B –    Il-limiti imposti fuq il-protezzjoni tas-sigriet ta’ l-avukat għandhom għan ta’ interess ġenerali?

75.      Kienet parti waħda biss li, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dehret li qegħda tiddubita mil-leġittimità ta’ l-għan tad-direttiva in kwistjoni. Skond l-ordni ta’ l-avukatura ta’ Liège, is-sigriet ma jistax iċedi ħlief quddiem l-interessi superjuri rigwardanti s-salvagwardja tal-ħajja umana.

76.      Din il-pożizzjoni mhijiex ġustifikata. Fl-ewwel lok, bl-ebda mod ma deherli eskluż li l-ħtiġijiet, li mhumiex marbutin mal-preżervazzjoni tal-ħajja umana, jistgħu jikkostitwixxu għanijiet leġittimi tali li jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għas-sigriet professjonali. Fit-tieni lok, fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus wieħed jista’ jara għan li huwa denju li jiġi mfittex mill-Komunità.

77.      Mill-ewwel premessa tad-Direttiva 91/308 jirriżulta li din hija maħsuba biex tevita li l-użu ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji għall-ħasil tal-frott ta’ l-attività kriminali ma jippreġudikax serjament l-affidabbiltà tas-sistema finanzjarja u ma jaffettwax il-fiduċja tal-pubbliku fir-rigward tas-sistema fl-intier tagħha. Huwa minnu li l-ħasil tal-flus għandu potenzjalment effett distruttiv fuq is-sistemi ekonomiċi, politiċi u soċjali ta’ l-Istati Membri. Li wieħed jestendi dan l-għan għal fuq il-professjonisti tad-dritt ma tidhirx li hija illeġittima peress li wieħed diġà seta’ jara li dawn jistgħu jwettqu numru ta’ xogħol varjat ħafna, li jmur lil hinn mill-kuntest tal-kompetenzi ta’ konsulenza u rappreżentanza legali. F’dan il-kuntest jinbet ir-riskju li l-avukati, bħall-professjonijiet oħrajn, isiru “persuni li jiftħu l-bibien”, li jippermettu lil dawk li jaħslu l-flus jilħqu l-obbjettivi illeċiti tagħhom.

78.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbjettiv tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus wieħed jista’ jarah bħala obbjettiv ta’ interess ġenerali li jiġġustifika li jitneħħa s-sigriet ta’ l-avukat dejjem jekk din it-tneħħija ma taffettwax il-qafas ta’ attivitajiet essenzjali ta’ l-avukat kif ġew iddefiniti preċedentement. Jibqa’ fl-aħħar nett li jiġi verifikat li r-restrizzjonijiet hekk previsti jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

C –    Il-limitazzjonijiet tal-protezzjoni tas-sigriet ta’ l-avukat jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità?

79.      Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-limitazzjonijiet għas-sigriet ta’ l-avukat ma jistgħux jinħolqu ħlief jekk dawn ikunu meħtieġa. Il-CCBE u l-OFBG joġġezzjonaw li fil-każ preżenti hemm il-ħtieġa ta’ obbligu ta’ informazzjoni. Huma jirrilevaw li l-obbjettiv maħsub jista’ jintlaħaq b’mezzi li huma inqas ta’ ħsara għas-sigriet, bħalma huma l-proċeduri ta’ sanzjonijiet dixxiplinari u penali. Barra minn hekk, il-fatt li l-professjonisti l-oħrajn li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet ta’ riskju jiġu suġġetti għal dan l-obbligu ta’ dikjarazzjoni huwa garanzija suffiċjenti għat-twettiq ta’ l-għan imfittex.

80.      Dan l-argument mhuwiex konvinċenti. Minn banda, huwa paċifiku li l-proċeduri deskritti m’għandhomx l-istess funzjoni bħall-obbligu ta’ informazzjoni. L-istess proċeduri jikkonċernaw fil-fatt is-sanzjoni ta’ komportament illeċitu biss filwaqt li l-obbligu ta’ informazzjoni huwa maħsub biss li jagħti lill-aworitajiet kompetenti l-fatti li jistgħu jkunu ta’ indikazzjoni ta’ ħasil tal-flus mingħajr ma jkun involut fit-twettiq tal-fatti illeċiti l-awtur tad-dikjarazzjoni. In kwantu dawn għandhom għanijiet differenti, wieħed ma jistax jassimila dawn iż-żewġ argumenti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Mill-banda l-oħra, il-fatt li operaturi oħrajn jkunu suġġetti għall-istess obbligu bl-ebda mod ma jaffettwa l-ħtieġa li jkunu suġġetti għall-istess obbligu l-professjonisti tad-dritt, peress li dawn ikunu direttament implikati fl-operazzjonijiet ta’ riskju. Konsegwentement, huwa permissibbli li jingħad li d-dispożizzjoni li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu għall-professjonisti tad-dritt tista’ jkun neċessarja fil-kuntest tal-ġlieda organizzata kontra l-ħasil tal-flus.

81.      Xorta jibqa’ l-fatt li s-sigriet ta’ l-avukat jikkostitwixxi prinċipju fundamentali li jmiss direttament id-drittijiet għal smigħ xieraq u r-rispett tal-ħajja privata. Għaldaqstant, wieħed ma jistax imisshom ħlief f’każijiet eċċezzjonali u bl-għoti ta’ garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbuż(55).

82.      Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, jiġi rrilevat li l-obbligu in kwistjoni huwa mogħni b’ċerti garanziji li jieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristika tal-professjoni ta’ l-avukat. Id-Direttiva tipprovdi għal dan il-għan żewġ tipi ta’ garanziji. Fl-ewwel lok, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3) l-Istati Membri jistgħu jwaqqfu korp ta’ awtoregolazzjoni xieraq tal-professjoni kkonċernata bħalma hija l-awtorità li lilha ssir id-dikjarazzjoni fil-każ ta’ xi informazzjoni. Dan il-korp b’xi mod għandu funzjoni ta’ għarbiel u kontroll, b’mod li l-obbligu ta’ diskrezzjoni professjonali li għandhom l-avukati fir-rigward tal-klijenti tagħhom jista’ jiġi ppreżervat. Fit-tieni lok, id-direttiva tipprovdi fl-Artikolu 8 tagħha li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li ma jimponux fuq l-avukati l-projbizzjoni marbuta ma’ l-iżvelar lill-klijenti tagħhom tal-fatt li tkun intbagħtet xi informazzjoni lill-awtoritajiet responsabbli skond id-Direttiva. B’hekk jista’ jiġi ssalvagwardat ir-rapport ta’ fiduċja u lealtà lejn il-klijent, li hija fil-fatt kundizzjoni għat-twettiq tal-professjoni ta’ avukat. Dawn il-garanziji jistgħu jitqiesu li huma garanziji adegwati u effettivi sabiex tiġi protetta l-integrità tar-rapport bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom.

V –    Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Cour d’arbitrage kif ġej:

“L-Artikoli 2A(5) u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE ta’ l-10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus, kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/97/KE, ta’ l-4 ta’ Diċmebru 2001, huma validi jekk jiġu interpretati, skond il-premessa numru sbatax ta’ l-imsemmija direttiva u fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali ta’ l-avukat, fis-sens li hija eżentata minn kull obbligu ta’ rapportaġġ dik l-informazzjoni li tinkiseb qabel, matul jew wara xi proċedura ġudizzjarja jew waqt l-għoti ta’ parir legali”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Portugiż.


2 – Il-protezzjoni tas-sigriet professjonali huwa mfakkar espressament fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, fejn jinsab protett “id-dritt ta’ kull persuna li taċċedi għall-fajl li jikkonċernaha, in osservanza ta’ l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tal-kawżi”.


3 – Nikkwota b’hekk, per eżempju, id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Kolumbja Britannika (Kanada) ta’ l-20 ta’ Novembru 2001. F’kawża fejn kellha tiddeċiedi dwar jekk il-konsulenti legali, waqt l-analiżi ta’ l-operazzjonijiet u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kanada, għandhomx ikunu eżentati mill-obbligu tad-dikjarazzjoni ta’ ċerti operazzjonijiet finanzjarji suspettużi, hija dehrilha li kien utli li tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/97, li dak iż-żmien kienet fil-fażi finali ta’ l-adozzjoni tagħha.


4 – Sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S (155/79, Ġabra p. 1575). Fuq din it-tema, ara l-istudju ta’ B. Vesterdorf, “Legal Professional Privilege and the Privilege Against Self­ Incrimination in EC Law: Recent Developments and Currents Issues”, fil-Fordham International Law Journal, 2005, p. 1179.


5 – Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C­309/99, Ġabra p. I­-1577).


6 – Ara, f’dan is-sens, il-ħames premessa tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2005/60/KE, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, p. 15).


7 – Kunsill ta’ l-Ewropa, Rakkomandazzjoni Nru R (80) 10 dwar il-miżuri kontra t-trasferiment u l-ħabi ta’ flus b’oriġini kriminali, adottata fis-27 ta’ Ġunju 1980.


8 – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi, adottata mill-Konferenza fis-6 seduta plenarja tagħha, fid-19 ta’ Diċembru 1988.


9 – Kunsill ta’ l-Ewropa, konvenzjoni dwar il-ħasil tal-flus, il-kxif, is-sekwestru u l-konfiska tal-frott li ġej mir-reati, adottata fi Strasburgu fit-8 ta’ Novembru 1990.


10 – GAFI, L-Erbgħin Rakkomandazzjoni, 1990, irriveduti fl-1996 u fl-2003.


11 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-avukat ġenerali Saggio fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija li wasslet għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2000 (C-290/98, Ġabra p. I-7835, punt 3).


12 – GAFI, Rapport Annwali2000-2001, 22 ta’ Ġunju 2001, p. 17 u 19.


13 – Ara b’mod partikolari l-programm ta’ azzjoni dwar il-kriminalità organizzata (adottat mill-Kunsill fit-28 ta’ April 1997) [ĠU C 251, p. 1, punt 26 (e)].


14 – Riżoluzzjoni fuq it-tieni rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-applikazzjoni tad-direttiva dwar il-ħasil tal-flus (ĠU 1999, C 175, p. 39 sa 42).


15 – Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 91/308 [KOM (1999) 352 finali ta’ l-14 ta’ Lulju 1999].


16 – Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2000 (ĠU 2001 C 121, p.133).


17 – Pożizzjoni komuni (KE) Nru 5/2001, deċiża mill-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2000, għall-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-direttiva 91/308 (ĠU 2001, C 36, p. 24).


18 –      Ibidem, p. 28.


19 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE li tirrigwarda l-pożizzjoni komuni deċiża mill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-direttiva 91/308 tat-12 ta’ Jannar 2001 (SEC/2001/12).


20 – Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tal-5 ta’ April 2001, fuq il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill [C 21 E (2002), p. 305, emenda nru 22].


21 – Opinjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 251(2)(ċ) tat-Trattat KE, fuq l-emendi tal-Parlament Ewropew u l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-direttiva 91/308, tat-13 ta’ Ġunju 2001 [KOM (2001) 330 finali).


22 – Rapport tal-Parlament Ewropew fuq l-abbozz komuni, approvat mill-kumitat ta’ konċiljazzjoni, ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-direttiva 91/308, tal-5 ta’ Novembru 2001 [PE-CONS 3654/2001 – C5-0496/20001 – 1999/0152(COD)].


23 – L-Artikoli 2 u 23(2).


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I‑3655, punt 26).


25 – Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982, Dorca Marine et (50/82 sa 58/82, Ġabra. p. 3949, punt 13).


26 – Sentenzi ta’ l-10 ta’ Jannar 1973, Getreide Import (41/72, Ġabra. p. 1, punt 2), u tal-25 ta’ Ottubru 1978, Royal Scholten-Honig (103/77 u 145/77, Ġabra. p. 2037, punti 16 u 17).


27 – Sentenza tat-18 ta’ Frar 1964, Internationale Crediet‑ en Handelsvereniging (73/63 u 74/63, Ġabra. p. 3, punt 28).


28 – Osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Ordni ta’ l-avukati li jitkellmu bil-Franċiż u bil-Ġermaniż u l-Ordni Franċiża ta’ l-avukatura ta’ Brussell, p. 22.


29 – Dan il-kodiċi ġie adottat fit-28 ta’ Ottubru 1988 u emendat l-aħħar fid-19 ta’ Mejju 2006.


30 – Punt 18 tas-sentenza AM & S, iċċitata iktar ‘il fuq.


31 – Ara, f’dan is-sens, il-punt 182 tal-konklużjonijiet ta’ l-avukat ġenerali Léger fil-kawża Wouters et, iċċitata iktar ‘il fuq.


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra. p. I‑5659, punt 71).


33 – Sentenza Schmidberger, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 73.


34 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Niemetz vs Il-Ġermanja tas-16 ta’ Diċembru 1992, punt 37.


35 – Ara, b’analoġija, fir-rigward tas-sigriet mediku, is-sentenza tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-62/90, Ġabra, p. I‑2575, punt 23).


36 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Foxley vs Ir-Renju Unit tad-29 ta’ Settembru 2000, punt 44, ara wkoll is-sentenza Kopp vs L-Isvizzera tal-25 ta’ Marzu 1998.


37 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs SGL Carbon ((C‑301/04 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).


38 – Punt 21 tas-sentenza AM & S, iċċitata iktar ‘il fuq (enfasi tiegħi).


39 – Ara l-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea li jikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-drittijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni (374/87, Ġabra p. 3283, punt 35).


40 – Punt 18 tas-sentenza Am & S, iċċitata iktar ‘il fuq (enfasi tiegħi).


4141 – Konklużjonijiet ta’ l-avukat ġenerali Warner fil-kawża li wasslet għas-sentenza AM & S, iċċitata iktar ‘il fuq, p. 1637.


42 – Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).


43 – L-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea jiddisponi li "kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u libertajiet irrikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ l-imsemmija drittijiet u libertajiet. In osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu imposti jekk ma jkunux neċessarji u jkunu jirrispondu effettivament għall-għanijiet ta’ interess ġenerali irrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ terzi".


44 – Konklużjonijiet ta’ l-avukat ġenerali Léger fil-kawża li wasslet għas-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 182.


45 – Lord Denning, The Due Process of Law, Butterworths, Londra, 1980, p. 29.


46 – Punt 174 tal-konklużjonijiet ta’ l-avukat ġenerali.


47 – Sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1974, Van Binsbergen (33/74, Ġabra. p. 1299, punt 14), u AM & S, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 24.


48 – Numru sew ta’ Stati membri pproċedew għal traspożizzjoni litterali tat-termini tad-direttiva. Ċerti Stati membri għażlu li jirreferu espressament għax-xogħol ta’ konsulenza legali fit-traspożizzjoni tagħhom: hekk tinsab fid-dritt Ġermaniż (l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 11(3) tal-Geldwäschebekämpfungsgesetz), fid-dritt Franċiż (l-Artikolu 562‑2‑1 tal-Kodiċi monetarju u finanzjarju), fid-dritt Elleniku (l-Artikolu 2a(1)β tal-liġi 2331/1995, emendata bl-Artikoli 4 tal-liġi 3424/2005) u fid-dritt Britanniku (Proceeds of Crime Act 2002, Artikolu 330(6) u (10)). Fl-aħħar nett, hemm Stati li eskludew ix-xogħol tal-konsulenza legali li m’għandux konnessjoni ma xi proċedura ġudizzjarja mill-kamp ta’ l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva: dan huwa l-każ fil-Finlandja (Rahanpesulaki, Artikolu 3, punt 18) u fil-Polonja (Artikolu 11(5), tal-liġi tas-16 ta’ Novembru 2000, emendata bil-liġi tal-5 ta’ Marzu 2004).


49 – Konklużjonijiet ta’ l-avukat ġenerali Slynn fil-kawża li wasslet għas-sentenza Am & S, iċċitata iktar ‘il fuq, p. 1654.


50 – Ibid., p. 1655.


51 – Punti 18 u 21 tas-sentenza AM & S, iċċitata iktar ‘il fuq.


52 – Sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1983, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (218/82, Ġabra. p. 4063, punt 15), u tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑135/93, Ġabra p. I‑1651, punt 37).


53 – Konklużjonijiet ta’ l-avukat ġenerali Léger fil-kawża li wasslet għas-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 174.


54 – F’dan is-sens, ara s-sentenzi meħudin mill-ġurisprudenza Amerikana: f’re Grand Jury Investigation (Schroeder), 842 F.2d 1223, 1225 (11th Cir. 1987); Stati Uniti vs Davis, 636 F.2d at 1043; Stati Unit vs Horvath, 731 F.2d 557, 561 (8th Cir. 1984); Upjohn Co. vs L-Istati Uniti, 449 U.S. 383 (1981); ara wkoll is-sentenza 87/1997 tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana, tat-8 ta’ April 1997 (GURI tas-16 ta’ April 1997), kif ukoll id-deċiżjoni tal-House of Lords: Three Rivers District Council et vs Governor and Company of the Bank of England, [2004] UKHL 48. F’din l-aħħar deċiżjoni, Lord Scott ta’ Foscote jippreċiża, barra minn hekk: “There is, in my opinion, no way of avoiding difficulty in deciding in marginal cases whether the seeking of advice from or the giving of advice by lawyers does or does not take place in a relevant legal context so as to attract legal advice privilege.”


55 – Ara b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Erdem vs Il-Ġermanja tal-5 ta’ Lulju 2001,punt 65.