Language of document : ECLI:EU:C:2012:161

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Bot

ippreżentati fit-22 ta’ Marzu 2012 (1)

Kawża C‑12/11

Denise McDonagh

vs

Ryanair Ltd

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dublin Metropolitan District Court (l-Irlanda)]

“Trasport bl-ajru — Kumpens u assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien ta’ titjira — Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’ skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 — Eruzzjoni ta’ vulkan li twassal għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru”





1.        B’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara l-portata tal-obbligu li jittieħed ħsieb tal-passiġġieri impost fuq it-trasportaturi tal-ajru bis-saħħa tal-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (2).

2.        Fil-fatt, l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri inkwistjoni għandhom jiġu offruti assistenza mit-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. It-trasportatur tal-ajru huwa obbligat li jwettaq dan l-obbligu anki fil-każ li l-kanċellazzjoni tat-titjira tkun dovuta għal ċirkustanzi straordinarji.

3.        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull li seħħet mix-xahar ta’ Marzu sax-xahar ta’ Mejju 2010 fl-Islanda u li pprovokat l-għeluq tal-ispazju tal-ajru, u b’hekk wasslet għall-kanċellazzjoni ta’ iktar minn 100 000 titjira u affettwat kważi 10 miljun passiġġier tal-ajru.

4.        F’din il-kawża, il-kwistjoni tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk it-trasportatur tal-ajru għandux jiġi eżonerat mill-obbligu tiegħu li jassisti lill-passiġġieri meta t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata wara l-għeluq tal-ispazju tal-ajru minħabba eruzzjoni ta’ vulkan. Fi kliem ieħor, avveniment bħal ma huwa l-għeluq tal-ispazju tal-ajru minħabba l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull jaqa’ fil-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” skont ir-Regolament Nru 261/2004, li jobbliga lit-trasportatur tal-ajru li jassisti lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata b’mod konformi mal-Artikoli 5 u 9 ta’ dan ir-Regolament, jew jaqa’ f’kategorija li tmur lil hinn minn dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, u b’hekk jeżonera lit-trasportatur minn obbligu bħal dan?

5.        Barra minn hekk, id-Dublin Metropolitan District Court (l-Irlanda) tistaqsi jekk l-obbligu tal-assistenza skont dawn id-dispożizzjonijiet għandux ikun limitat, fiż-żmien jew finanzjarjament, meta l-kanċellazzjoni tat-titjira tkun dovuta għal ċirkustanzi straordinarji. F’każ ta’ risposta negattiva, hija tistaqsi jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet humiex invalidi sa fejn huma kuntrarji għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, għall-prinċipju ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” inkluż fil-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli dwar it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Montréal fid-9 ta’ Diċembru 1999 (3), kif ukoll għall-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4).

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nispjega r-raġunijiet għaliex naħseb li l-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċirkustanzi bħall-għeluq tal-ispazju tal-ajru wara l-eruzzjoni ta’ vulkan jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji fis-sens ta’ dan ir-regolament.

7.        Imbagħad, sejjer nindika għaliex, fil-fehma tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet la għandhom eżenzjoni u lanqas limitazzjoni impliċita tal-obbligu ta’ assistenza tal-passiġġieri meta t-titjira tkun ġiet ikkanċellata minħabba ċirkustanzi straordinarji u għaliex din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li tpoġġi l-validità tal-imsemmija dispożizzjonijiet fid-dubju.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

8.        Il-Konvenzjoni ta’ Montréal kienet ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-deċiżjoni 2001/539/KE (5) u hija daħlet fis-seħħ, għal dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fit-28 ta’ Ġunju 2004.

9.        Il-paragrafi tlieta u ħamsa tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jipprovdu dan li ġej:

“Peress li jirrikonoxxu l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni;

[...]

Peress li huma konvinti li l-adozzjoni ta’ miżuri kollettivi mill-Istati għal armozzazzjoni ikbar u kodifikazzjoni ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ konvenzjoni ġdida hija l-aħjar mod sabiex jintlaħaq bilanċ ekwu tal-interessi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

10.      Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004 tindika li l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam ta’ trasport internazzjonali tal-ajru għandha b’mod partikolari taħseb sabiex tiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni għall-passiġġieri.

11.      Il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa tkun ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux mal-operazzjoni tat-titjira inkwistjoni, riskji tas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u strajkijiet li jaffettwaw l-operazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru li jopera.

12.      L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

b)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

c)      għandhom dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 7 […]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

13.      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

a)      ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

b)      akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet:

–        fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

–        fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

c)      trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2.      Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.

3.      Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni li għandhom mobbilitá mnaqqsa u kwalunkwe persuni li qegħdin magħhom, kif ukoll għall-ħtiġijiet ta’ tfal li qegħdin waħedhom.”

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali

14.      Fl-20 ta’ Marzu 2010, il-vulkan Eyjafjallajökull fl-Islanda beda jiżbroffa. Fl-14 ta’ April 2010, huwa daħal f’fażi esplożiva, li wasslet, fil-15 ta’ April 2010, għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru ta’ diversi Stati Membri, minħabba r-riskju li kien qed joħloq is-sħab ta’ rmied volkaniku pprovokat minn din l-esplożjoni.

15.      Bejn il-15 u t-23 ta’ April 2010, l-awtoritajiet responsabbli mit-traffiku tal-ajru ordnaw l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-parti l-kbira tal-Ewropa ta’ fuq, inkluż, b’mod partikolari, l-ispazju tal-ajru tal-Irlanda u tal-Gran Brittanja. Konsegwentement, u sas-17 ta’ Mejju 2010, l-ispazju tal-ajru ta’ ħafna mill-Istati Membri li minnhom u lejhom il-kumpannija tal-ajru Ryanair Ltd (6) kienet topera ġie magħluq b’mod sporadiku u intermittenti.

16.      Minħabba l-għeluq ta’ dan l-ispazju tal-ajru, il-kumpanniji tal-ajru ġew imġiegħla jikkanċellaw madwar 100 000 titjira matul il-perijodu mill-15 sal-21 ta’ April 2010 biss, u 10 miljun passiġġier ma setgħux jivvjaġġaw matul dan il-perijodu.

17.      F’dak li jikkonċerna lil Ryanair, din kellha tikkanċella madwar 9 500 titjira minħabba s-sħab ta’ rmied volkaniku, u dan wassal għal interruzzjoni tal-vjaġġ għal 1.4 miljun mill-passiġġieri tagħha. Il-qorti tar-rinviju tispjega li Ryanair kienet disposta tipprovdi s-servizzi lill-passiġġieri tagħha, imma ma kinitx awtorizzata li tagħmel dan minħabba l-għeluq tal-ispazju tal-ajru.

18.      Il-Commission for Aviation Regulation fl-Irlanda indikat li l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull u l-għeluq tal-ispazju tal-ajru li rriżulta kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji skont ir-Regolament Nru 261/2004. Għalhekk, il-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet ġiet ikkanċellata ma kellhomx id-dritt, b’mod konformi mal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, li jitolbu kumpens fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tiegħu.

19.      D. McDonagh kienet waħda mill-passiġġieri li kellhom it-titjira tagħhom ikkanċellata minħabba l-eruzzjoni tal-vulkan. Hija kienet xtrat biljett tal-ajru mingħand Ryanair għal titjira Faro-Dublin fis-17 ta’ April 2010.

20.      F’dan l-istess jum, it-titjira tagħha kienet ġiet ikkanċellata minħabba l-għeluq tal-ispazju tal-ajru. Kien biss fit-22 ta’ April 2010 li t-titjiriet bejn l-Irlanda u l-Ewropa kontinentali tkomplew. D. McDonagh waslet finalment lura l-Irlanda fl-24 ta’ April 2010.

21.      Bejn is-17 u l-24 ta’ April 2010, Ryanair ma pprovdietx assistenza lil D. McDonagh, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004. Din tal-aħħar targumenta li Ryanair hija obbligata li tħallasha dannu jew kumpens li jammonta għal EUR 1 129.41, ammont ekwivalenti għall-ispejjeż tagħha ta’ ikliet, xiri ta’ xorb, ta’ akkomodazzjoni u ta’ trasport. Hija għalhekk ippreżentat kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

III – Id-domandi preliminari

22.      Id-Dublin Metropolitan District Court għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 u dwar il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq tal-ispazju tal-ajru Ewropew minħabba l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull fl-Islanda, li kkawża diżordni kbir u pprolongat fit-trasport bl-ajru, imorru lil hinn mill-ambitu taċ-‘ċirkostanzi straordinarji’ fis-sens tar-Regolament 261/2004?

2)      Jekk għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, ir-responsabbiltà marbuta mal-obbligu li jittieħed ħsieb tal-passiġġieri hija eskluża taħt l-Artikoli 5 u 9 [ta’ dan ir-regolament] f’dawn iċ-ċirkustanzi?

3)      Jekk għat-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikoli 5 u 9 [tal-imsemmi regolament] huma invalidi inkwantu jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ ‘bilanċ ekwu tal-interessi’ stipulat fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta […]?

4)      L-obbligu previst fl-Artikoli 5 u 9 [tar-Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat li jinkludi limitazzjoni impliċita, bħalma huwa limitu temporali u/jew monetarju, meta jittieħed ħsieb tal-passiġġieri f’każijiet fejn il-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ‘ċirkostanzi straordinarji’?

5)      Jekk għar-raba’ domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikoli 5 u 9 [ta’ dan ir-regolament] huma invalidi inkwantu jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ ‘bilanċ ekwu tal-interessi’ stipulat fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta […]?”

IV – Analiżi tiegħi

23.      Fl-ewwel lok, bl-ewwel u t-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq tal-ispazju tal-ajru wara l-eruzzjoni ta’ vulkan jaqgħux fl-ambitu taċ-“ċirkostanzi straordinarji” li b’hekk iwasslu sabiex it-trasportatur tal-ajru li jopera jiġi eżonerat mill-obbligu tiegħu li jieħu ħsieb il-passiġġieri li jkollhom it-titjira tagħhom ikkanċellata wara dan l-għeluq.

24.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li dan l-għeluq jikkostitwixxi ċirkustanza li tmur lil hinn miċ-ċirkustanzi straordinarji, imma ma teżonerax, madankollu, lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu tiegħu li jipprovdi assistenza lill-passiġġieri li jkollhom it-titjira kkanċellata, l-Artikoli 5 u 9 ta’ dan ir-regolament humiex invalidi sa fejn dawn jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” inkluż fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

25.      Imbagħad, bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-obbligu stabbilit fl-Artikoli 5 u 9 ta’ dan ir-regolament għandux limitazzjoni impliċita, bħal limitu temporali u/jew monetarju, fir-rigward tal-assistenza mogħtija lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata meta l-kanċellazzjoni tkun dovuta għal “ċirkostanzi straordinarji”.

26.      Jekk dan ma huwiex il-każ, hija tistaqsi, bil-ħames domanda, jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex invalidi sa fejn dawn jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” inkluż fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

A –    Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

27.      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi li t-trasportatur tal-ajru li jopera huwa marbut li jieħu ħsieb il-passiġġier li jkollu t-titjira tiegħu kkanċellata. B’mod kuntrarju għall-obbligu ta’ kumpens stabbilit fl-Artikolu 5(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, l-obbligu li tingħata assistenza lill-passiġġier jibqa’ fis-seħħ anki jekk il-kanċellazzjoni hija dovuta għal “ċirkostanzi straordinarji” (7).

28.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq tal-ispazju tal-ajru minħabba l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull imorrux lil hinn minn dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, li jeżoneraw, għalhekk, lit-trasportatur tal-ajru li jopera minn kull obbligu tiegħu li jagħti assistenza lill-passiġġieri li jkollhom it-titjiriet tagħhom ikkanċellati minħabba dan l-għeluq.

29.      Jiena ma naħsibx li dan huwa l-każ. Jiena nqis, għall-kuntrarju, li l-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” jikkomprendi wkoll l-avvenimenti eċċezzjonali, bħalma huma l-għeluq tal-ispazju tal-ajru minħabba l-eruzzjoni ta’ vulkan, li ma jkunux jistgħu jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli jkunu ttieħdu.

30.      Dan il-kunċett ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 261/2004. Il-premessa 14 tal-istess Regolament tillimita ruħha sabiex tagħti xi eżempji, bħala indikazzjoni (8), ta’ avvenimenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħal ċirkustanzi straordinarji, jiġifieri każ ta’ instabbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi inkompatibbli mat-twettiq tat-titjira kkonċernata, riskji marbuta mas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennija li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tat-titjira kif ukoll strajkijiet li jkollhom effett fuq l-operazzjonijiet ta’ trasportatur tal-ajru.

31.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt Komunitarju għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti. Barra minn hekk, meta dawn il-frażijiet jinsabu f’dispożizzjoni li tikkostitwixxi deroga għal prinċipju jew, iktar speċifikament, għal xi regoli tal-Unjoni intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, huma għandhom jinqraw b’mod li din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi interpretata b’mod ristrett (9).

32.      Fil-lingwa ta’ kuljum, il-frażi “straordinarja” hija ddefinita bħala kull ħaġa li ma hijiex skont l-ordni komuni, li hija anormali, eċċezzjonali, mhux tas-soltu. Fil-fehma tiegħi, l-għażla ta’ din il-frażi turi b’mod ċar il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkludi f’dan il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” dawk iċ-ċirkustanzi kollha li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandu l-ebda kontroll. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Wallentin-Hermann, iċċitata iktar ’il fuq, li ċirkustanzi straordinarji, skont ir-Regolament Nru 261/2004, jirreferu għal avveniment li, bħal dawk enumerati fil-premessa 14 ta’ dan ir-Regolament, ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li ma jaqax fil-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu (10).

33.      Barra minn hekk, ninnota li, matul ix-xogħlijiet preparatorji għar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien inizjalment għażel li juża l-kunċett ta’ “forza maġġuri” minflok dak ta’ “ċirkostanzi straordinarji” (11), peress li dan l-ewwel kunċett kien ġeneralment utilizzat sabiex jiddeskrivi avvenimenti li fuqhom il-bniedem ma għandux kontroll għaliex huma imprevedibbli, irreżistibbli u peress li huma esterni għall-bniedem.

34.      Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-fatturi juru l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jgħaqqad fi ħdan l-istess kunċett, jiġifieri dak ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, iċ-ċirkustanzi kollha li ma jaqgħux fil-kontroll tat-trasportatur tal-ajru, tkun xi tkun in-natura ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u l-gravità tagħhom. Għalhekk, jiena nqis li ma hemmx lok għal xi kategorija li tmur lil hinn minn dik ta’ ċirkustanzi straordinarji, bħal dik proposta minn Ryanair. Avveniment bħall-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull jikkostitwixxi għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ċirkustanza straordinarja skont ir-Regolament Nru 261/2004 u jġib miegħu l-obbligu, għat-trasportatur tal-ajru, li jagħti assistenza lill-passiġġieri li jkollhom it-titjira tagħhom ikkanċellata minħabba din l-eruzzjoni.

35.      Barra minn hekk, ir-redazzjoni ċara, u differenti fil-mertu, tal-Artikoli 5 u 9 ta’ dan ir-regolament ma tippermettix, mingħajr żieda fit-test, li wieħed joħloq kategorija distinta ta’ avvenimenti “partikolarment straordinarji” li twassal għall-eżenzjoni totali tat-trasportatur tal-ajru mill-obbligi tiegħu.

36.      Din l-analiżi hija kkonfortata, fil-fehma tiegħi, mill-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament u l-kuntest li fihom jinsabu dawn l-artikoli.

37.      Fil-fatt, kif anki l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (12), jirriżulta b’mod ċar mill- premessi 1 sa 4 tar-Regolament Nru 261/2004 li dan jaħseb sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri tal-ajru, irrispettivament mill-fatt li dawn isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ma jitħallewx jitilgħu, jew it-titjira tiġi kkanċellata jew tiddewwem, peress li dawn huma lkoll vittmi ta’ diffikultajiet u inkonvenjenzi simili serji marbuta mat-trasport tal-ajru (13).

38.      B’dan il-mod, l-obbligu, tat-trasportatur tal-ajru, li jikkonsisti f’li jagħti assistenza lill-passiġġieri li jkollhom it-titjira tagħhom ikkanċellata, jiġifieri li jipprovdilhom xorb, ikliet, akkomodazzjoni, jew li jpoġġi għad-dispożizzjoni tagħhom mezzi ta’ komunikazzjoni mat-terzi, huwa intiż sabiex jipprovdi għall-bżonnijiet immedjati, fuq il-post, tal-passiġġieri, tkun xi tkun il-kawża tal-kanċellazzjoni tat-titjira (14), kif ukoll sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-interessi ta’ dawn il-passiġġieri (15).

39.      Ir-raġuni wara dan l-obbligu ta’ assistenza hija distinta, min-natura tagħha stess u mill-għan li hija tfittex, minn dik tal-obbligu ta’ kumpens li bih huwa marbut it-trasportatur tal-ajru fil-każ li ma jkunx avża fil-ħin lill-passiġġieri bil-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata.

40.      Fil-fatt, il-kumpens ibbażat fuq l-Artikoli 5(1)(ċ) u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż sabiex jikkumpensa dannu, kważi identiku għall-passiġġieri kollha, ikkawżat bil-kanċellazzjoni tat-titjira li jikkonsisti f’telf ta’ żmien li ma jistax jissewwa, fid-dawl tan-natura irriversibbli tiegħu, ħlief bi ħlas ta’ kumpens (16). L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet b’mod ċar dik li jinkoraġġixxi lit-trasportaturi tal-ajru li javżaw minn qabel lill-passiġġieri tat-titjira bl-għan li jevitalhom id-diffikultajiet u l-inkonvenjenzi kollha u sabiex huma jkunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti tagħhom fil-ħin (17). Huwa biss jekk il-kanċellazzjoni tat-titjira hija dovuta għal ċirkustanzi straordinarji li t-trasportatur tal-ajru jkun jista’ jeżonera ruħu minn obbligu bħal dan, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, f’każ bħal dan, huwa ma jkunx responsabbli għall-kanċellazzjoni tat-titjira (18).

41.      Ir-raġuni wara l-obbligu li tingħata assistenza stabbilit fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 hija kompletament differenti. Din l-assistenza, billi jiġi pprovdut ikel, xorb u, jekk ikun il-każ, akkomodazzjoni, hija intiża sabiex tippermetti lill-passiġġieri li jkomplu l-vjaġġ tagħhom taħt kundizzjonijiet sodisfaċenti u sabiex tevita li jiġu abbandunati għad-destin tagħhom waqt li jistennew li jibdlu r-rotta jew jew sakemm tinstab soluzzjoni alternattiva oħra.

42.      L-assistenza hija għalhekk għajnuna mogħtija lill-passiġġieri tal-ajru li huma kkunsidrati bħala partikolarment vulnerabbli f’ċirkustanzi bħal dawn. Din l-għajnuna hija, għalhekk, dejjem iktar meħtieġa meta l-passiġġieri jsibu ruħhom maqbuda fl-ajruport minħabba l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi straordinarji.

43.      Din hija, fl-opinjoni tiegħi, ir-raġuni għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, b’mod kuntrarju għall-obbligu ta’ kumpens fuq it-trasportatur tal-ajru u li ma jkunx dovut meta jiġi pprovat li l-kanċellazzjoni tat-titjira kienet ikkaġunata bl-okkorrenza ta’ ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati, l-obbligu tal-assistenza għandu jibqa’ fis-seħħ ikun x’ikun l-avveniment li jkun wassal għall-kanċellazzjoni, irrispettivament minn jekk it-trasportatur tal-ajru jkunx responsabbli jew le għal dak l-avveniment.

44.      Jidher għalhekk li l-assistenza lill-passiġġieri tal-ajru hija iktar importanti u essenzjali meta dawn tal-aħħar jaraw it-titjira tagħhom tiġi kkanċellata minħabba l-eruzzjoni ta’ vulkan li tkun wasslet għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru ta’ diversi Stati Membri, u dan b’mod li s-sitwazzjoni tibqa’ għal diversi jiem, u għalhekk ċerti passiġġieri jkollhom jibqgħu fl-ajruport u ħafna drabi ’l bogħod mid-dar tagħhom jistennew li jerġa’ jinfetaħ dan l-ispazju tal-ajru.

45.      Jekk ikollu jiġi ammess li, f’ċirkustanzi bħal dawn, it-trasportatur tal-ajru ma huwiex obbligat jagħti assistenza lill-passiġġieri tiegħu, dan ikollu l-konsegwenza li jippreġudika b’mod kunsiderevoli l-effettività tal-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll lis-sistema li fiha jinsabu u li hija intiża, infakkar, sabiex tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri tal-ajru.

46.      Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li l-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq tal-ispazju tal-ajru minħabba l-eruzzjoni ta’ vulkan jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji skont dan ir-regolament.

47.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma hemmx lok, fl-opinjoni tiegħi, li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi.

B –    Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

48.      Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-obbligu li tingħata assistenza lill-passiġġieri stabbilit fl-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi limitat, temporalment jew f’termini monetarji, meta l-kanċellazzjoni tat-titjira hija dovuta għal ċirkustanzi straordinarji. Fil-każ ta’ risposta negattiva, hija tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex invalidi sa fejn dawn jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” inkluż fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

49.      Ryanair issostni li l-obbligu li tagħti assistenza lill-passiġġieri li bih huwa marbut it-trasportatur tal-ajru għandu jiġi limitat meta l-kanċellazzjoni hija dovuta għal ċirkustanzi straordinarji. Pereżempju, Ryanair tqis li l-akkomodazzjoni għandha tkun limitata għal rata fissa għal kull ġurnata, jiġifieri EUR 80 għal kull lejl, u għal massimu ta’ tlett iljieli. Bl-istess mod, hija tikkunsidra li għandu jkun hemm ukoll limitu temporali u monetarju għal dak li jikkonċerna l-ħlas tal-ispejjeż tal-ikel u tax-xorb u l-ħlas tal-ispejjeż tat-trasport bejn l-ajruport u l-post tal-akkomodazzjoni għandu jkun limitat għall-prezz tal-vjaġġ permezz tat-trasport pubbliku.

50.      Ma naħsibx li l-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 jinkludu xi limitazzjoni impliċita bħal din fuq l-assistenza tal-passiġġieri li jkollhom it-titjira tagħhom ikkanċellata minħabba ċirkustanzi straordinarji.

51.      Fil-fatt, l-ewwel nett, kif il-Gvern ta’ Franza rrileva (19), il-leġiżlatur tal-Unjoni xjentement irrifjuta li jeżonera lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu tiegħu li jieħu ħsieb il-passiġġieri li jkollhom it-titjira tagħhom ikkanċellata meta dik il-kanċellazzjoni tkun dovuta għal ċirkustanzi straordinarji (20).

52.      Barra minn hekk, kif indikajt fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-assistenza tkun partikolarment importanti meta jikkonkorru ċirkustanzi straordinarji li jdumu għal ċertu żmien. Huwa proprjament fil-każ fejn l-inkonvenjenza minħabba l-kanċellazzjoni ta’ titjira hija partikolarment twila li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-passiġġieri tal-ajru li jkollhom it-titjira tagħhom ikkanċellata jkollhom aċċess għall-prodotti u għas-servizzi l-iktar neċessarji, u dan għat-tul kollu tal-istennija. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, mhux biss ma jillimitax impliċitament l-assistenza, imma jipprovdi li għandhom jiġu offruti b’xejn lill-passiġġieri “ikliet u ħwejjeg oħra ta’ ikel b’konnesjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew [(21)]”. Għalhekk, f’dan il-każ, bl-ebda mod ma għandna kwistjoni ta’ limitu temporali jew monetarju tal-assistenza.

53.      Għal darba oħra, nemmen li limitazzjoni bħal dik proposta minn Ryanair ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad l-Artikoli 5 u 9 ta’ dan ir-regolament minn parti mill-effettività tagħhom, għaliex il-passiġġieri tal-ajru kkonċernati jiġu, għal xi ġranet, abbandunati għad-destin tagħhom.

54.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-analiżi ma hijiex waħda li tpoġġi fid-dubju l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif Ryanair tissuġġerixxi.

55.      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità, fis-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, li tindika, waqt l-evalwazzjoni tal-validità, b’mod partikolari, tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 li jirreferu għall-Artikolu 9 tiegħu, li l-miżuri ta’ kumpens standardizzat u immedjat bħal ma huwa t-tibdil fir-rotta jew il-provvista ta’ xorb, ta’ ikel, ta’ akkomodazzjoni jew il-provvista ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mat-terzi jvarjaw skont il-gravità tal-inkonvenjenzi li l-passiġġieri jsostnu u li għalhekk ma jidhirx li dawn il-miżuri għandhom natura manifestament mhux xierqa sempliċement għaliex it-trasportaturi jistgħu jibbenefikaw mill-iskużanti ta’ ċirkustanzi straordinarji (22).

56.      Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-obbligu ta’ assistenza, taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi applikat mingħajr ma jiġi impost fuq it-trasportaturi tal-ajru kkonċernati piż sproporzjonat u inġust, u l-għajnuna għandha, konsegwentement, tingħata f’limiti ta’ dak li huwa proporzjonat u raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ partikolari u tal-ispejjeż tal-assistenza u tat-tibdil fir-rotta (23). Il-Kummissjoni telenka diversi kriterji li t-trasportaturi tal-ajru jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, bħad-distanza bejn l-ajruport u l-post ta’ residenza, id-distanza bejn il-post tal-akkomodazzjoni u l-ajruport kif ukoll id-disponibbiltà u l-prezz medju tal-akkomodazzjoni fiż-żona rilevanti (24).

57.      Fl-opinjoni tiegħi, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji mit-trasportaturi tal-ajru twassal, fil-verità, sabiex tillimita impliċitament l-assistenza. Jiena nifhem li hija l-qorti nazzjonali li għandha, jekk ikun il-każ, f’każ ta’ kontestazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji u tevalwa jekk l-ammonti mitluba mill-passiġġier tal-ajru taħt l-obbligu tal-assistenza humiex raġonevoli jew le fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

58.      Barra minn hekk, jidhirli li lanqas ma huwa sproporzjonat il-fatt li dan l-obbligu jingħata lit-trasportaturi tal-ajru sa fejn, kif irrileva l-Gvern tar-Renju Unit, dawn tal-aħħar huma liberi li jgħaddu l-ispejjeż iġġenerati b’dan l-obbligu fuq il-prezz tal-biljett tal-ajru (25).

59.      F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jiġi nnotat li Ryanair innifisha introduċiet wara l-4 ta’ April 2011 tariffa “UE 261” għal kull passiġġier u għal kull titjira sabiex tirkupra l-ispejjeż li hija inkorriet u li huma marbuta mal-obbligu tagħha, b’mod partikolari, li tieħu ħsieb il-passiġġieri li jkollhom it-titjira tagħhom ikkanċellata minħabba avvenimenti ta’ forza maġġuri (26). Hawnhekk Ryanair issemmi espressament l-għeluq tal-ispazju tal-ajru minħabba l-eruzzjoni tal-vulkan Islandiż. Hija tindika wkoll li din it-tariffa tiġi aċċettata mill-passiġġieri meta huma jiffirmaw il-kuntratt magħha fil-mument tal-prenotazzjoni u li, jekk l-ispejjeż marbuta mal-obbligu tal-assistenza jonqsu fl-2011, din it-tariffa stess titnaqqas fl-2012. Bil-maqlub, hija tiżdied fl-2012 jekk dawn l-ispejjeż jiżdiedu fl-2011. Inkwantu Ryanair tgħaddi fuq il-passiġġieri, u dan bi dritt, l-ispiża tal-kumpens li hija tħallas, ma huwiex ċar kif hija qiegħda tbati minn xi żbilanċ inġust.

60.      It-trasportatur tal-ajru, bħala operatur avżat, għandu jipprevedi dawn it-tip ta’ spejjeż marbuta mal-obbligu tiegħu ta’ assistenza sabiex iwettaq dan l-obbligu, jekk ikun il-każ. Barra minn hekk, meta jiġu eżaminati ċ-ċifri mressqa mill-Kummissjoni (27) li juru li kien hemm “biss” madwar 10,000 ilment imressaq mill-passiġġieri minn total ta’ iktar minn 10 miljun passiġġier affettwati bl-għeluq tal-ispazju tal-ajru wara l-eruzzjoni tal-vulkan Islandiż, jidhirli li l-imsemmi obbligu ma kienx insormontabbli għat-trasportaturi tal-ajru, għaliex il-maġġoranza kbira tagħhom wettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004 (28).

61.      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirlix li l-Artikoli 5 u 9 ta’ dan ir-regolament huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62.      Ryanair targumenta, imbagħad, li l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira minħabba ċirkustanzi straordinarji huwa wkoll kuntrarju għall-prinċipju li permezz tiegħu l-kumpens lill-konsumaturi għandu jkun ibbażat fuq bilanċ ekwu tal-interessi, prinċipju li jissemma fit-tielet u fil-ħames paragrafi tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

63.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, li, peress li l-għajnuna u l-assistenza tal-passiġġieri li jissemmew fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 — artikolu li jirreferi għall-Artikolu 9 tal-istess regolament — fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira jikkostitwixxu miżuri ta’ kumpens standardizzati u immedjati, dawn ma humiex fost dawk li għalihom il-Konvenzjoni ta’ Montréal tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħhom (29). Huwa veru li, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz (30), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-bilanċ ekwu tal-interessi jeżiġi, fil-każijiet fejn it-trasportatur tal-ajru huwa miżmum responsabbli, limitazzjoni tal-kumpens sabiex ma tiġix imposta spiża ta’ kumpens għolja żżejjed, li diffiċilment tista’ tiġi identifikata u kkalkolata, li tkun tista’ tikkomprometti, jew tipparalizza, l-attività ekonomika ta’ dan it-trasportatur (31). Madankollu, il-kwistjoni, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ma kinitx dwar l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri, imma d-dritt tagħhom li jiksbu kumpens individwalizzat f’każ ta’ dannu subit, b’mod konformi mal-Kapitolu III tal-Konvenzjoni ta’ Montréal (32). Is-sentenza msemmija tinsab għalhekk f’kuntest ġuridiku differenti minn dak ta’ din il-kawża.

64.      Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 ma jiksrux il-prinċipju ta’ bilanċ ekwu tal-interessi msemmi fil-Konvenzjoni ta’ Montréal.

65.      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet, peress li jimponu obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri li ma huwiex impost fuq l-operaturi l-oħra li jużaw mezzi oħra ta’ trasport, jiksrux il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, biżżejjed jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-metodi ta’ tħaddim tagħhom, tal-kundizzjonijiet tal-aċċessibbiltà tagħhom, u tat-tqassim tan-netwerks tagħhom, il-modi differenti ta’ trasport ma humiex, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ użu tagħhom, skambjabbli. Is-sitwazzjoni ta’ impriżi li joperaw fis-settur ta’ attività ta’ kull wieħed minn dawn il-modi ta’ trasport ma hijiex, għalhekk, paragunabbli (33). Barra minn hekk, fil-qasam tat-trasport tal-ajru, il-passiġġieri vittmi ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira jsibu ruħhom f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik li fiha jsibu ruħhom il-passiġġieri ta’ modi oħra ta’ trasport f’każ ta’ inċidenti tal-istess tip (34). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 ma humiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (35).

66.      Fl-aħħar nett, Ryanair tqis li l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri meta l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom hija dovuta għal ċirkustanzi straordinarji tippreġudika l-libertà tal-intrapriża tat-trasportaturi tal-ajru kif ukoll id-dritt għat-tgawdija mill-proprjetà tal-beni tagħha, li tużahom u li tiddisponi minnhom, drittijiet stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. Għalhekk, l-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 huma invalidi.

67.      Hija tqis, essenzjalment, li l-obbligu ta’ assistenza għandu l-effett li jċaħħadha minn parti mill-frott tax-xogħol u tal-investimenti li hija tkun wettqet (36).

68.      Għandu, f’dan ir-rigward, jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jiddikjara l-prinċipju li kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijet u tal-libertajiet rikonoxxuti minnha għandha tkun ipprovduta mil-liġi u tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn dawn fil-fatt ikunu jirriflettu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

69.      F’dan ir-rigward, kif il-Gvern ta’ Franza nnota, l-Artikolu 169(1) TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u tiżguralhom livell għoli ta’ protezzjoni (37). Bl-istess mod, l-Artikolu 38 tal-Karta jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għandu jiġi żgurat fil-politika tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri tal-ajru irrispettivament mill-fatt li huma jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fejn ma jitħallewx jitilgħu, ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien tat-titjira, peress li huma lkoll vittmi ta’ diffikultajiet u inkonvenjenzi simili gravi marbuta mat-trasport tal-ajru.

70.      Barra minn hekk, kif spjegajt fil-punti 55 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma jidhirlix li l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri tal-ajru li bih huwa marbut it-trasportatur tal-ajru, b’mod konformi mal-Artikoli 5 u 9 ta’ dan ir-Regolament, meta l-kanċellazzjoni tat-titjira tkun dovuta għal ċirkustanzi straordinarji huwa ta’ natura li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

71.      Konsegwentement, ma jidhirlix li l-Artikoli 5 u 9 tal-imsemmi Regolament jiksru l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

72.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fil-fehma tiegħi l-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma la għandhom eżenzjoni u lanqas limitazzjoni impliċita tal-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri li jkollhom it-titjira tagħhom ikkanċellata minħabba ċirkustanzi straordinarji. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li tpoġġi l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dubju.

V –    Konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej lid-Dublin Metropolitan District Court:

“L-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens:

–        li ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq tal-ispazju tal-ajru minħabba l-eruzzjoni ta’ vulkan jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji skont ir-Regolament Nru 261/2004, u

–        li huma la jinkludu eżenzjoni u lanqas limitazzjoni impliċita tal-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri li jkollhom it-titjira tagħhom ikkanċellata minħabba ċirkustanzi straordinarji. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li tpoġġi l-validità tagħhom fid-dubju.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 259/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


3 – Iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”.


4 – Iktar ’il quddiem, il-“Karta”.


5 –      Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2001, dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (Konvenzjoni ta’ Montréal) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491).


6 – Iktar ’il quddiem, “Ryanair”.


7 –      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks (C‑294/10, Ġabra p. I‑3983, punti 23 u 24).


8 –      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, Ġabra p. I‑11061, punt 22).


9 –      Ibidem (punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 –      Ibidem (punt 23).


11 – Ara l-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 27/2003 adottata mill-Kunsill fit-18 ta’ Marzu 2003 (ĠU C 125 E, p. 63), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2003 dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi regoli komuni dwar il-kumpens tal-passiġġieri tal-ajru u ta’ assistenza f’każ li ma jitħallewx jitilgħu jew kanċellezzjoni jew dewmien ta’ titjira [SEC(2003) 361 finali, p. 4]. Kien biss matul ix-xogħlijiet preparatorji u fuq proposta tal-Kunsill li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” ġie ppreferut għal dak ta’ “forza maġġuri” għal raġunijiet ta’ ċarezza legali. Ara, ukoll, il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta’ Ottubru 2002 (p. 5).


12 – C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra p. I‑10923.


13 – Punt 44.


14 – Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 86).


15 – Ibidem (punt 48).


16 – Sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52).


17 – Ara l-proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi regoli komuni fil-materja ta’ kumpens lill-passiġġieri tal-ajru u ta’ assistenza f’każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira [COM(2001) 784 finali, punt 22 tal-espożizzjoni tal-motivi].


18 – Ibidem (punt 20 tal-espożizzjoni tal-motivi).


19 – Ara l-punti 43 sa 49 tal-osservazzjonijiet.


20 – Ara s-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punti 51 sa 54).


21 – Enfażi miżjud minni.


22 – Ara l-punt 86.


23 – Ara l-punt 31 tal-osservazzjonijiet.


24 – Ara l-punt 33 ta’ dawn l-osservazzjonijiet.


25 – Ara l-punt 23 tal-osservazzjonijiet.


26 – Il-komunikat tal-istampa rilevanti huwa disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: http://www.ryanair.com/ie/news/briefing-note-cancellation-levy.


27 – Ara l-MEMO/11/235 tat-12 ta’ April 2011, imsejjaħ “Sħab ta’ rmied volkaniku: preparazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, sena wara l-interruzzjoni tat-traffiku tal-ajru”.


28 – Ibidem (p. 5 u 6).


29 – Ara l-punt 46.


30 – C‑63/09, Ġabra p. I‑4239.


31 – Punti 35 u 36.


32 – Ara, b’mod partikolari, il-punt 17.


33 – Ara s-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 96).


34 – Ibidem (punt 97).


35 – Ibidem (punt 99).


36 – Ara l-punt 45 tal-osservazzjonijiet.


37 – Ara l-punt 79 tal-osservazzjonijiet.