Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2013 – Christodoulou u Stavrinou vs Il-Kummissjoni u Il-Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża T-332/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Chrysanthi Christodoulou (Pafos, Ċipru) u Maria Stavrinou (rappreżentanti: E. Efstathiou, K. Efstathiou u K. Liasidou, avukati)

Konvenuti: Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors tagħhom ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni tal-Deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro, tal-25 ta’ Marzu 2013, li saret definittiva permezz tad-deċiżjoni tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, bħala l-esponent u/jew ir-rappreżentant tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, tad-29 ta’ Marzu 2013, KDP [kanonistiki diokitiki praxi; Att regolatorju] 104/2013, li permezz tagħha ġie deċiż il-“bejgħ ta’ prodotti ddeterminati” tas-Cyprus Popular Bank Public Co Ltd u li tikkostitwixxi essenzjalment deċiżjoni komuni tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea;

sussidjarjament, tiddikjara li d-Deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro, imsemmija iktar ʼil fuq, tikkostitwixxi esenzjalment deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u/jew deċiżjoni adottata konġuntament mal-Kummissjoni Ewropea irrispettivament mill-forma tagħha.

tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew u/jew il-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija nulla peress li teċċedi s-setgħat mogħtija mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea u għaldaqstant iż-żewġ korpi adottawha billi eċċedew is-setgħat tagħhom.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ikkonfermat mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija manifestament infondata u nieqsa minn bażi legali u li ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax il-prinċipji legali ġeneralment aċċettati li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll il-prinċipju li ħadd ma jista’ jinvoka ommisjoni tiegħu stess sabiex jieħu vantaġġ u/jew jirregolarizza aġir żbaljat u/jew illegali.