Language of document : ECLI:EU:C:2021:457

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit‑3 ta’ Ġunju 2021 (1)

Kawża C126/20

ExxonMobil Production Deutschland GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland irrappreżentata mill-Umweltbundesamt (l-Uffiċċju Federali għall-Ambjent)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva, Berlin, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Sistema tranżitorja għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet — Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2011/278/UE — Artikolu 3(h) — Subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess — Irkupru ta’ kubrit — ‘Proċess Claus’ — Emissjoni taċ-CO2 li jinsab fil-gass naturali — Portata tal-kunċett “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” — Użu ta’ materja prima li jkun fiha l-karbonju — Ġerarkija bejn il-kategoriji differenti ta’ subinstallazzjonijiet — Talba għal allokazzjoni miċħuda fi tmiem perijodu ta’ skambju — Trasferiment għall‑perijodu ta’ skambju li jmiss”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva, Berlin, il-Ġermanja) prinċipalment tikkonċerna l-portata ta’ dak li huwa deskritt bħala “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” skont l-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (2). Din hija waħda mill-kategoriji li permezz tagħha installazzjoni tkun tista’ tiġi allokata kwoti mingħajr ħlas ta’ emissjonijiet għall-finijiet tad-Direttiva 2003/87/KE (3), li tistabbilixxi skema ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal impriżi li jinnegozjaw fl-Unjoni Ewropea.

2.        Filwaqt li din il-kwistjoni bla dubju hija waħda teknika ħafna – speċifikament jekk l-emissjoni ta’ diossidu tal-karbonju (CO2), irrilaxxat naturalment fi proċess industrijali magħruf bħala l-‘proċess Claus’, għandhiex tingħata kwoti mingħajr ħlas ta’ emissjonijiet – hija, madankollu, waħda ta’ importanza ekonomika kunsiderevoli. Eżempju ta’ dan huwa l-fatt li t-talba ta’ ExxonMobil Production Deutschland GmbH’s (iktar ’il quddiem “ExxonMobil”) tammonta għal 3.5 miljun ċertifikati b’valur fis-suq ta’ madwar EUR 78.5 miljun għall-perijodu 2013 sa 2019 (4). Qabel ma jiġu eżaminati l-fatti u l-kwistjonijiet legali relatati, jeħtieġ l-ewwel, iżda, li jkunu indikati d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2003/87

3.        Id-Direttiva 2003/87 tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fl-Artikolu 2(1) li jgħid:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.”

4.        Definizzjonijiet rilevanti jinsabu fl-Artikolu 3 tagħha:

“(b) ‘emissjonijiet’ ifissru r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi ġewwa stallazzoni;

[…]

(e) ‘stallazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż;”

5.        Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87 jittratta r-regoli għal installazzjonijiet stazzjonarji. L-Artikolu 10 tagħha jiddikjara l-prinċipju li mill-2013 ’il quddiem l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma jkunux ġew allokati mingħajr ħlas taħt l-Artikoli 10a u 10ċ.

6.        L-Artikolu 10a għandu bħala titolu “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”. Fl-ewwel subparagrafu tal-ewwel paragrafu tiegħu huwa jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni għalkollox armonizzati madwar il-Komunità kollha relatati mal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas.

7.        Filwaqt li l-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li l-għadd ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għandu jitnaqqas kull sena sabiex jintlaħaq l-għan li ma jkunx hemm allokazzjonijiet mingħajr ħlas fl‑2027, il-paragrafu 12 ta’ dik id-dispożizzjoni jispeċifika li setturi jew subsetturi li jkunu esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ tnixxija ta’ karbonju ma għandhomx ikunu suġġetti għal tali tnaqqis.

8.        L-Artikolu 10a(13) sa (18) tad-Direttiva 2003/87 kien jipprovdi regoli dwar kif jiġi stabbilit liema setturi jew subsetturi għandhom jitqiesu li huma esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ tnixxija ta’ karbonju.

9.        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87, bit-titolu “It-trasferiment, iċ-ċediment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti”, jipprovdi, fil-paragrafu (3) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li sat‑30 ta’ April ta’ kull sena, l-opertur ta’ kull installazzjoni jċedi numru ta’ kwoti […] ekwivalenti ghat-total tal-emissjonijet ta’ dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, u li wara dawn jiġu kkanċellati.”

10.      L-Artikolu 13, li jittratta l-validità tal-kwoti, jipprovdi:

“1.      Kwoti maħruġa mill-1 ta’ Jannar ’il quddiem għandhom ikunu validi għal emissjonijiet matul perjodi ta’ tmien snin li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2013.

2.      Erba’ xhur wara l-bidu ta’ kull perjodu msemmi fil-paragrafu 1, kwoti li ma jkunux aktar validi u li ma jkunux ġew ċeduti u kkanċellati taħt l-Artikolu 12 għandhom jiġu kkanċellati mill-awtorità kompetenti.

[…]”

11.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 13 kienet issostitwita mid-Direttiva 2018/410 (5). Fil-preżent hija tipprovdi dan li ġej:

“Il-kwoti maħruġa mill‑1 ta’ Jannar 2013 ’il quddiem għandhom ikunu validi għal perijodu indefinit. Il-kwoti maħruġa mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem għandhom jinkludu indikazzjoni li turi f’liema perijodu ta’ għaxar snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2021 inħarġu, u jkunu validi għall-emissjonijiet mill-ewwel sena ta’ dak il-perijodu ’l quddiem.”

2.      Id-Deċiżjoni 2011/278

12.      Il-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2011/278 tipprovdi dan li ġej:

“Meta l-kisba ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott ma kinitx fattibbli, imma jkun hemm gassijiet serra eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet, dawn il-kwoti għandhom ikunu allokati fuq il-bażi ta’ mudelli ġeneriċi ta’ riżerva. Ġiet żviluppata ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva sabiex ikun immassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-enerġija għal mill-inqas xi partijiet mill-proċessi ta’ produzzjoni kkonċernati. Il-parametru referenzjarju tas-sħana huwa applikabbli għall-proċessi tal-konsum tas-sħana meta jintuża trasportatur tas-sħana li jista’ jitkejjel. Il-parametru referenzjarju tal-fjuwil [kombustibbli] huwa applikabbli meta tiġi kkunsmata sħana li ma tistax titkejjel. Il-valuri tal-parametri referenzjarji tas-sħana u l-fjuwil inkisbu fuq il-bażi tal-prinċipji tat-trasparenza u s-simpliċità, bl-użu tal-effiċjenza ta’ referenza ta’ fjuwil disponibbli b’mod wiesa’ li jista’ jitqies bħala t-tieni l-aħjar fir-rigward tal-effiċjenza fil-gassijiet serra, meta jitqiesu t-tekniki effiċjenti fl-enerġija. Għall-emissjonijiet minn proċessi, il-kwoti tal-emissjonijiet għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tal-emissjonijiet storiċi. Sabiex ikun żgurat li l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għal tali emissjonijiet tipprovdi inċentivi biżżejjed għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u biex tkun evitata kwalunkwe differenza fit-trattament tal-emissjonijiet minn proċess li huma allokati fuq il-bażi tal-emissjonijiet storiċi […]”

13.      L-Artikolu 3(h)(iv) u (v) tad-Deċiżjoni 2011/278 jiddefinixxi s-subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess kif ġej:

“(h) ‘subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess’ tfisser l-emissjonijiet tal-gassijiet serra elenkati fl-Anness I tad-[Direttiva 2003/87] għajr id-diossidu tal-karbonju, li jseħħu ’l barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott elenkat fl-Anness I, jew l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju li jseħħu ’l barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott elenkat fl-Anness I, minħabba xi waħda mill-attivitajiet u emissjonijiet li ġejjin u li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ karbonju mhux kompletament ossidizzat prodott bħala riżultat tal-attivitajiet li ġejjin għall-iskop tal-produzzjoni ta’ sħana li titkejjel, sħana li ma titkejjilx jew elettriku sakemm l-emissjonijiet li kieku jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ ammont ta’ gass naturali, ekwivalenti għall-kontenut tal-enerġija li tista’ teknikament tintuża tal-karbonju maħruq mhux ossidizzat kompletament, jiġu mnaqqsa:

[…]

(iv)      is-sinteżi kimika fejn il-materjal bil-karbonju jipparteċipa fir-reazzjoni, għal skop primarju li mhuwiex il-ġenerazzjoni tas-sħana;

(v)      l-użu ta’ karbonju li fih additivi jew materja prima għal skop primarju li mhuwiex dak tal-ġenerazzjoni tas-sħana;

[…]”

14.      L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/278 jiddeskrivi s-sistema ta’ subinstallazzjonijiet. Il-partijiet rilevanti f’dan il-kuntest jipprovdu:

“1. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jaqsmu kull installazzjoni eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-[Direttiva 2003/87] f’subinstallazzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin, kif meħtieġ:

(a)      subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott;

(b)      subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana;

(c)      subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil;

(d)      subinstallazzjoni tal-emissjonijiet minn proċess.

Is-subinstallazzjonijiet għandhom jikkorrispondu, sa fejn hu possibbli, mal-partijiet fiżiċi tal-installazzjoni.

Għas-subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, is-subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil u s-subinstallazzjonijiet tal-emissjonijiet minn proċess, l-Istati Membri għandhom jiddistingwu b’mod ċar fuq il-bażi tan-NACE u l-Kodiċi Prodcom bejn jekk il-proċess rilevanti iservix jew le, settur jew subsettur meqjus espost għal riskju sinifikanti ta’ tnixxija tal-karbonju kif stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE.

[…]

2. It-total tad-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet ta’ kull subinstallazzjoni ma għandux jaqbeż it-total tad-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet tal-installazzjoni.”

15.      L-Artikoli 7(7) u 8(5) tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm sovrappożizzjoni bejn is-subinstallazzjonijiet u li ma jkunx hemm għadd doppju.

3.      Ir-Regolament Nru 601/2012

16.      Kif previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal‑21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jipprovdi għal tali regoli.

17.      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 601/2012 jagħti ċerti definizzjonijiet li ma humiex fid-Direttiva 2003/87 jew fid-Deċiżjoni 2011/278, bħal pereżempju:

“(30) ‘emissjonijiet ta’ [minn] proċess’ tfisser emissjonijiet ta’ gassijiet serra minbarra l-emissjonijiet ta’ kombustjoni li jinħolqu bħala riżultat ta’ reazzjonijiet intenzjonati u mhux intenzjonati bejn sustanzi jew it-trasformazzjoni tagħhom, inkluż ir-riduzzjoni kimika jew elettrolitika ta’ minerali metalliċi, id-dekompożizzjoni termali ta’ sustanzi, u l-formazzjoni ta’ sustanzi għall-użu bħala prodott jew materja prima;

[…]

(40) ‘CO2 inerenti’ tfisser CO2li huwa parti minn karburant [kombustibbli];

[…]”

18.      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 601/2012 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra speċifikati b’rabta mal-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva [2003/87]”.

19.      L-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 601/2012, li jittratta CO2 inerenti, jipprovdi dan li ġej:

“1. CO2 inerenti li jiġi ttrasferit f’installazzjoni, inkluż dak li jkun jinsab f’gass naturali jew gass tal-iskart inkluż il-gass minn kalkara tal-funderija jew gass ta’ forn tal-kokk, għandu jiġi inkluż fil-fattur ta’ emissjoni għal dak il-karburant.

[…]

Madankollu, fejn CO2 inerenti jiġi rilaxxat, jew ittrasferit barra mill-installazzjoni lejn entitajiet mhux koperti minn dik id-Direttiva, għandu jingħadd bħala emissjonijet tal-installazzjoni fejn joriġina.

[…]”

4.      Id-Deċiżjoni 2015/1814

20.      Ġiet stabbilita riżerva ta’ stabbiltà tas-suq bid-Deċiżjoni 2015/1814 (7) sabiex ikunu ttrattati żbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda. L-Artikolu 1(2), (3) u (5) tad-Deċiżjoni 2015/1814 jiddetermina liema kwoti għandhom jitqiegħdu f’dik ir-riżerva tas-suq. Jipprovdi li:

“2. Il-kwantità ta’ 900 miljun kwota mnaqqsa mill-volumi tal-irkant matul il-perjodu 2014‑2016, kif determinat fir-Regolament (UE) Nru 176/2014 bis-saħħa tal-Artikolu 10(4) tad-[Direttiva 2003/87], ma għandhomx jiġu miżjuda mal-volumi li għandhom jiġu rkantati fl‑2019 u fl-2020, iżda minflok għandhom jitqiegħdu fir-riżerva.

3. Kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet skont [dispożizzjoni dwar ir-riżerva tal-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq] u kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet minħabba l-applikazzjoni [ta’ dispożizzjonijiet relatati ma’ tmiem l-attivitajiet] għandhom jitqiegħdu fir-riżerva fl-2020. […]

[…]

5. Kull sena, numru ta’ kwoti ugwali għal 12 % tan-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkulazzjoni, […] għandu jitnaqqas mill-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-[Direttiva 2003/87] u għandhom jitqiegħdu fir-riżerva matul perjodu ta’ 12-il xahar li jibda fl-1 ta’ Settembru ta’ dik is-sena, sakemm in-numru ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva ma jkunx anqas minn 100 miljun. […]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

1.      It-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (TEHG)

21.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (il-Liġi dwar l-Iskambju ta’ Drittijiet ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra, iktar ’il quddiem it-“TEHG”) (8) fil-verżjoni tagħha valida fl-2011 kienet tikkorrispondi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/87 (9).

22.      L-Artikolu 9(1) tat-TEHG jipprovdi:

“(1)      Operaturi ta’ installazzjonijiet għandhom jingħataw allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10a […] tad-Direttiva [2003/87] […] u dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni [2011/278] […]”.

23.      It-Taqsima 2 tal-Anness I tat-TEHG, bit-titolu “Attivitajiet”, telenka, fil-punt 1, fost l-installazzjonijiet li l-emissjonijiet tagħhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-liġi, “unitajiet ta’ kombustjoni intiżi li jaħarqu kombustibbli b’potenza termika totali ta’ kombustjoni ta’ 20 [megawatt (MW)] jew iktar f’installazzjoni […]”.

C.      Iz-Zuteilungsverordnung 2020

24.      Il-punt 29(b)(ee) tal-Artikolu 2 taz-Zuteilungsverordnung über Treibhausgas-Emissionsberechtigungen 2020 (10) (ir-Regolament dwar l-Allokazzjoni ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra fil-perijodu ta’ skambju 2013‑2020, iktar ’il quddiem iz-“ZuV 2020”) jagħti definizzjoni ta’ subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess li taqbel ma’ dik tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/78.

25.      L-Artikolu 3 taz-ZuV 2020, bit-titolu “Formazzjoni ta’ elementi ta’ allokazzjoni”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Fl-applikazzjoni għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti għal installazzjoni, id-dħul u l-prodotti kollha u l-emissjonijiet relatati li huma rilevanti għall-allokazzjoni għandhom ikunu allokati għall-elementi ta’ allokazzjoni li ġejjin fil-perijodu ta’ referenza ddeterminat […]:

(1) element wieħed jew iktar ta’ allokazzjoni b’valur ta’ emissjoni ta’ prodott skont [element ta’ allokazzjoni ta’ prodott],

(2) element ta’ allokazzjoni b’valur ta’ emissjoni ta’ sħana […], sa fejn ma jkunx jinkludi elementi ta’ allokazzjonijiet skont il-punt 1,

(3) element ta’ allokazzjoni b’valur ta’ emissjoni ta’ kombustibbli […], sa fejn ma jkunx jinkludi elementi ta’ allokazzjonijiet skont il-punti 1 u 2, u

(4) element ta’ allokazzjoni b’emissjonijiet minn proċess skont il-punt 29 tal-Artikolu 2, sakemm ma jkunx jinkludi elementi ta’ allokazzjonijiet skont il-punti 1 sa 3.”

III. It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi magħmula u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      ExxonMobil topera installazzjoni ta’ pproċessar ta’ gass naturali għall-irkupru tal-kubrit f’Großenkneten (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“installazzjoni”). Minħabba li din l-attività tinvolvi l-kombustjoni ta’ kombustibbli b’potenza termika totali ta’ kombustjoni ta’ iktar minn 20 MW, l-installazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-TEHG (11) li tittrasponi d-Direttiva 2003/87 (12) fid-dritt nazzjonali.

27.      Dik l-installazzjoni inkwistjoni hija magħmula, b’mod partikolari, minn faċilità ta’ rkupru ta’ kubrit (li tinkludi faċilitajiet tal-proċess Claus, heater qawwija ħafna tal-fwar, boiler tal-fwar u faċilità ta’ magna tal-gass), faċilitajiet ta’ desulfurizzazzjoni minn gass naturali (purifikazzjoni) u ta’ ilma minn gass naturali, faċilitajiet ta’ purifikazzjoni minn gass residwu u faċilitajiet ta’ vvampjar f’emerġenza. Il-faċilitajiet tal-proċess Claus huma l-kawża ewlenija ta’ emissjonijiet ta’ CO2.

28.      L-installazzjoni tipproċessa gass naturali miġjub minn għejun naturali li jikkonsisti f’konċentrazzjoni għolja ta’ sulfid tal-idroġenu (H2S), kif ukoll ta’ fwar tal-ilma (H2O), metanu (CH4) u CO2. Minħabba l-livell għoli ta’ H2S fil-gass naturali, dan jissejjaħ ukoll “gass aċiduż”. Iċ-CO2, bħall-komponenti l-oħra, jinsab naturalment fil-gass ta’ materja prima taħt l-art. Il-kwantità tiegħu tista’ tvarja skont l-ispiera u d-depożitu, iżda, skont ExxonMobil (13), huwa jinsab fid-depożiti kollha ta’ gass naturali fl-Ewropa. Sabiex il-gass ikun jaqbel mal-kwalità mitluba mill-operatur tan-network, iċ-CO2 u komponenti naturali oħra jkollhom jitneħħew parzjalment mill-gass naturali qabel ma dan jitwassal għand in-network ta’ trażmissjoni.

29.      Qabel ma ngħaddi għal iktar, jeħtieġ li fil-qosor niddeskrivi l-proċess Claus li huwa l-qofol ta’ dawn il-proċeduri. Dan huwa proċess f’ħafna stadji ta’ desulfurizzazzjoni tal-gass imsemmi għal Ġermaniż li vvintah u huwa l-istandard tal-industrija sa minn meta ngħatat il-privattiva Britannika għal dan il-għan fl-1883. B’riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-proċess kimiku, il-kubrit jiġi rkuprat mis-sulfid tal-idroġenu li jkun hemm fil-gass naturali ta’ materja prima. B’mod kritiku, madankollu, iċ-CO2 jiġi rrilaxxat bħala prodott sekondarju naturali tal-proċess kimiku mingħajr ma huwa stess ikollu x’jaqsam fis-sensiela ta’ reazzjonijiet kimiċi li huma stess jipproduċu l-kubrit.

30.      Fl-impjant tal-ipproċessar ta’ gass naturali fi Großenkneten, gass aċiduż jiġi ppurifikat b’assorbiment kimiku b’solvent (proċess sulfinol). Is-solvent jiġi rriġenerat u l-H2S li jinħareġ jinbidel f’kubrit likwidu pur f’impjanti Claus. Iċ-CO2 li jitneħħa mill-gass aċiduż, li jagħmel parti integra minnu, imbagħad jinħareġ fl-arja permezz ta’ ċumnija. Iċ-CO2 ma jkollux x’jaqsam fir-reazzjoni kimika Claus li twassal għall-irkupru ta’ kubrit elementali (14). Is-sħana miksuba matul il-proċedura termali jinqabad f’boiler għal sħana żejda u tintuża fl-installazzjoni.

31.      ExxonMobil talbet kwoti mingħajr ħlas ta’ emissjonijiet fir-rigward tal-installazzjoni. Din it-talba kienet ibbażata fuq tqassim differenti tad-diversi parametri referenzjarji. Permezz tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2014 id-Deutsche Emissionshandelsstelle (l-Awtorità Ġermaniża għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet; iktar ’il quddiem id-“the DEHSt”) allokat mingħajr ħlas lil ExxonMobil 4 216 048 kwota ta’ emissjonijiet għall-perijodu ta’ skambju mill-2013 sal-2020. Din l-allokazzjoni kienet ibbażata, parzjalment, fuq l-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju tas-sħana (15) u, parzjalment, fuq l-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ kombustibbli, meqjus ir-riskju ta’ tnixxija ta’ karbonju. Madankollu, id-DEHSt irrifjutat talloka mingħajr ħlas lil ExxonMobil kwoti ta’ emissjonijiet li din tal-aħħar kienet applikat għalihom fir-rigward emissjonijiet minn proċess. Id-DEHSt iġġustifikat ir-rifjut tagħha abbażi li l-emissjonijiet CO2 ma kinux joriġinaw mill-proċess Claus, iżda li CO2 kien pjuttost diġà jinsab fil-materja prima użata għall-proċess. Kien dan ir-rifjut partikolari li ta lok għal dawn il-proċeduri.

32.      L-oġġezzjonijiet li kienu ppreżentati minn ExxonMobil fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni kienu ġew miċħuda bid-deċiżjoni tad-DEHSt tas‑7 ta’ Ottubru 2019 (16). F’din id-deċiżjoni d-DEHSt tenniet li ma setgħetx tingħata allokazzjoni li tapplika l-parametru referenzjarju ta’ proċess skont it-tieni għażla tal-punt 29(b)(ee) tal-Artikolu 2 taz-ZuV 2020 minħabba li CO2 kien biss gass assoċjat li jiġi rrilaxxat bħala prodott sekondarju inċidentali tal-proċess, pjuttost milli wieħed li jkollu sehem fir-reazzjoni kimika Claus innifisha. Kien isegwi, għalhekk, li CO2 irrilaxxat fl-arja minn ċumnija meta jintemm il-proċess Claus ma kienx jikkwalifika għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet.

33.      ExxonMobil qiegħda ssegwi t-talba tagħha billi fit‑8 ta’ Novembru 2019 hija fetħet kawża quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva, Berlin, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”.

34.      Ir-rikorrenti fil-Kawża C‑682/17 u f’din il-kawża huma l-istess. L-installazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex, madankollu, ġeneratur tal-elettriku skont it-tifsira tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 (17). Barra minn dan, skont the qorti tar-rinviju, l-elettriku ġġenerat minn ExxonMobil fl-impjant tagħha f’Großenkneten jiġi prodott permezz ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza kbira, u ma huwiex, għalhekk, ġeneralment eskluż mill-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet (Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87). Minħabba li dan ma kienx minnu fir-rigward tal-installazzjoni inkwistjoni fil-Kawża C‑682/17, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, diġà għal dak il-motiv, iddeċidiet li ExxonMobil ma kinitx intitolata għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti għal dak l-impjant. Din is-sensiela ta’ konstatazzjonijiet irrendiet superfluwi r-risposti għad-domandi sussegwenti. Id-domanda 3 flimkien mal-punt (a) u (b) u d-domanda 4 fil-Kawża C‑682/17, reġgħu tressqu mill-qorti tar-rinviju fid-domandi 1 sa 4 ta’ din il-kawża.

35.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1. Iċ-CO2 li huwa rrilaxxat fl-atmosfera, fil-kuntest tal-ipproċessar tal-gass naturali (fil-forma ta’ gass aċiduż) bħala parti mill-hekk imsejjaħ proċess Claus, permezz tas-separazzjoni taċ-CO2 inerenti fil-gass naturali, jikkostitwixxi emissjoni li tirriżulta, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-[Deċiżjoni 2011/278], mill-proċess imsemmi fl-Artikolu 3(h)(v)?

2. Jistgħu “jirriżultaw” emissjonijiet, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-[Deċiżjoni 2011/278], minn proċess li fih iċ-CO2 inerenti fil-materja prima jiġi rrilaxxat fl-atmosfera mingħajr ma l-proċess jiġġenera CO2 addizzjonali, jew huwa neċessarjament meħtieġ li ċ-CO2 irrilaxxat fl-atmosfera jiġi prodott għall-ewwel darba bħala riżultat tal-proċess?

3. Ikun hemm ‘użu’ ta’ materja prima li fiha karbonju fis-sens tal-Artikolu 3(h)(v) tad-[Deċiżjoni 2011/278] meta, matul il-proċess Claus, il-gass naturali, li jseħħ b’mod naturali, jintuża għall-produzzjoni tal-kubrit u ċ-CO2 inerenti fil-gass naturali jiġi rrilaxxat fl-atmosfera mingħajr ma ċ-CO2 inerenti fil-gass naturali jipparteċipa fir-reazzjoni kimika li sseħħ matul il-proċess, jew it-terminu ‘użu’ neċessarjament ifisser li l-karbonju jipparteċipa fir-reazzjoni kimika li sseħħ jew li huwa saħansitra meħtieġ għal dan il-għan?

4. Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel sat-tielet domanda:

Jekk installazzjoni suġġetta għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni tissodisfa kemm il-kriterji għall-ħolqien ta’ parti ta’ installazzjoni b’livell ta’ riferiment termali kif ukoll il-kriterji għall-ħolqien ta’ parti ta’ installazzjoni b’emissjonijiet tal-proċess, liema huwa l-punt ta’ riferiment għall-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjoni b’xejn? Id-dritt għal allokazzjoni abbażi ta’ livell ta’ riferiment termali jipprevali fuq id-dritt għal allokazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess jew id-dritt ta’ allokazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess jipprevali fuq livell ta’ riferiment termali u livell ta’ riferiment ta’ kombustibbli minħabba li huwa iktar speċifiku?

5. Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel sar-raba’ domanda:

Id-drittijiet għal allokazzjoni addizzjonali ta’ kwoti ta’ emissjoni b’xejn għat-tielet perijodu ta’ skambju jistgħu jiġu ssodisfatti wara t-tmiem tat-tielet perijodu ta’ skambju permezz ta’ allokazzjonijiet għar-raba’ perijodu ta’ skambju, meta jkun biss wara t-tmiem tat-tielet perijodu ta’ skambju li l-qorti tkun stabbilixxiet l-eżistenza ta’ tali dritt, jew drittijiet għal allokazzjoni li għadhom ma ġewx issodisfatti fi tmiem it-tielet perijodu ta’ skambju ma jibqgħux jeżistu?”

36.      ExxonMobil, l-Umweltbundesamt (l-Uffiċċju Federali għall-Ambjent, il-Ġermanja) (18) – bħala reazzjoni għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja – il-Gvern Ġermaniż (19) u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja u kienu rrappreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Frar 2021.

IV.    Evalwazzjoni

37.      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk ir-rilaxx ta’ CO2 fl-atmosfera, li huwa inerenti fil-materja prima użata sabiex jinħadem prodott u li jseħħ ’il barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott, jistax jitqies bħala “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” skont l-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278 meta ċ-CO2 inkwistjoni ma jkunx jagħmel parti mir-reazzjoni kimika li biha jinħadem dak il-prodott. Minħabba li t-tliet domandi kollha jikkonċentraw fuq aspetti differenti tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278, ikun konvenjenti li dawn jiġu ttrattati flimkien.

A.      Osservazzjonijiet preliminari: applikazzjoni tal-iskema għalliskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-proċess ta’ rkupru ta’ kubrit

38.      Dawn id-domandi jippreżupponu, madankollu, li l-emissjonijiet taċ-CO2 li huma inerenti fil-gass naturali jkunu fil-fatt koperti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher li wara kollox hija ta’ sorpriża l-kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑682/17, li wkoll kienet dwar installazzjoni ta’ proċess Claus, “li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 u, għaldaqstant, tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni stabbilita minn din tal-aħħar, mingħajr ma jiswa li ċ-CO2 li jirriżulta mill-attività ta’ dan l-impjant ikunx jew le naturalment preżenti fil-materja prima ttrattata minn din tal-aħħar” (20).

39.      Minkejja dik is-sentenza, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jargumentaw li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tapplika biss għall-emissjonijiet ta’ gass serra kkawżati mill-kombustjoni – li ma humiex il-każ hawnhekk – u mhux għal dawk li jirriżultaw minn CO2 li huwa inerenti fil-gass naturali u li jiġi rrilaxxat bħala prodott sekondarju naturali fi tmiem il-proċess ta’ rkupru ta’ kubrit mingħajr ma huwa stess ikollu x’jaqsam fil-proċess ta’ kombustjoni. Huma jargumentaw li dawk iż-żewġ attivitajiet għandhom jiġi ttrattati separatament (21).

40.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nixtieq nerġa’ mmur lura għall-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑682/17, mingħajr ma niddiskuti bilfors l-istess argumenti mill-ġdid. Dan jidher xieraq minħabba li l-partijiet qishom qegħdin jaqblu li l-installazzjonijiet fiż-żewġ kawżi jistgħu jitqabblu.

41.      Fil-Kawża C‑682/17 il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87. Hija din id-dispożizzjoni li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva u, għalhekk, b’estensjoni l-applikabbiltà tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra. Id-direttiva tapplika bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra elenkati fl-Anness II ta’ dik id-direttiva – iċ-CO2 huwa wieħed mill-emissjonijiet elenkati – jekk dawk l-emissjonijiet joriġinaw “mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I”. Waħda minn dawk l-attivitajiet hija l-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż 20 MW [….]” (22).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikkonstatat, fil-punti 47 sa 53 ta’ dik is-sentenza, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87 – dan tal-aħħar jiddefinixxi t-terminu “emissjonijiet” – ma kinitx titlob li l-gass serra rilaxxat għandu huwa nnifsu jkun prodott waqt li jkunu għaddejjin l-attivitajiet elenkati fl-Anness I. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet sostenn għal din l-opinjoni fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 601/2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87. Jgħid li CO2 inerenti, kif iddefinit fl-Artikolu 3(40) ta’ dan ir-regolament, għandu, meta jkun f’gass naturali, jiġi inkluż fil-fattur ta’ emissjoni ta’ dak il-kombustibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja straħet ukoll fuq l-għan tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-promozzjoni tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass serra bi b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika spiża konvenjenti u b’mod ekonomiku (23).

43.      Ir-riżultat ta’ dik il-motivazzjoni huwa li l-operaturi ta’ faċilitajiet tal-proċess Claus bħal dak inkwistjoni hawnhekk ikollhom iċedu għadd ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87, għandhom ikunu daqs it-total ta’ emissjonijiet minn dik l-installazzjoni. “Installazzjoni” hija ddefinita fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 bħala “unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż.” Din id-definizzjoni toffri l-possibbiltà li tkun inkluża unità separata jekk attivitajiet li jitwettqu hemmhekk ikunu assoċjati u konnessi teknikament mal-installazzjoni kkonċernata (24). Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni li jekk f’installazzjoni jsiru diversi attivitajiet – bħal f’dan il-każ il-kombustjoni ta’ kombustibbli b’potenza termika totali ta’ kombustjoni ta’ iktar minn 20 MW li hija elenkata fl-Anness I, kif ukoll l-irkupru tal-kubrit li ma huwiex elenkat fl-Anness I – l-attività li ma hijiex elenkata fl-Anness I ma hijiex suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (25), ma huwiex koperta minn dik il-formulazzjoni.

44.      Fis-sentenza Trinseo Deutschland (26), każ fejn l-installazzjoni tar-rikorrent ma kinitx tikkawża emissjonijiet elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2003/87 stess, għalkemm l-attività tagħha kienet elenkata fl-Anness I ta’ dik id-direttiva – u, għalhekk, b’ċertu mod tikkostitwixxi l-oppost ta’ dan il-każ – il-Kummissjoni kienet argumentat li “emissjonijiet indiretti” mill-produzzjoni ta’ sħana għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, u b’hekk argumentat favur interpretazzjoni ta’ emissjonijiet mhux konnessi mal-installazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, żammet mal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87 li torbot l-emissjonijiet mal-installazzjoni. Min-naħa tiegħi, ma nara ebda raġuni li mmur lil hinn minn dik il-formulazzjoni ċara.

45.      Sa fejn l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/278 jaqsam installazzjonijiet f’subinstallazzjonijiet, dan huwa biss eżerċizzju analitiku għall-fini ta’ applikazzjoni ta’ parametri referenzjarji. Id-dispożizzjoni tgħid kjarament li dan isir biss għall-finijiet tad-Deċiżjoni 2011/278. Il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni li tispeċifika li installazzjonijiet għandhom jinqasmu f’subinstallazzjonijiet tagħmilha ċara wkoll li dik id-diviżjoni bl-ebda mod ma taffettwa l-kunċett ta’ “installazzjoni” kif iddefinita fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87.

46.      Meqjusa dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li, skont dak li kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑682/17, l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tapplika mhux biss għall-emissjonijiet CO2 li joriġinaw mill-proċess ta’ kombustjoni, iżda tapplika wkoll għal dawk li joriġinaw mill-proċess tal-irkupru ta’ kubrit li jseħħ fl-istess installazzjoni.

47.      Sa fejn il-Kummissjoni targumenta li jekk l-attivitajiet li ma humiex elenkati fl-Anness I jiddaħħlu fl-iskema dan ikun kuntrarju għad-deċiżjonijiet tal-leġiżlatura tal-Unjoni li fl-iskema jiddaħħlu biss attivitajiet li jkollhom ċertu potenzjal għal tnaqqis b’manjiera effettiva rigward spejjez spiża konvenjenti ta’ gassijiet serra (27), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat fil-Kawża C‑682/17, li “anki jekk iċ-CO2 huwa preżenti fil-kompożizzjoni tal-gass aċiduż, l-attività ta’ kombustjoni ta’ karburanti eżerċitata minn impjant, bħall-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tad-desulfurizzazzjoni ta’ gass naturali u tal-irkupru tal-kubrit skont il-proċess Claus, tippreżenta ċertu potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet taċ-CO2, peress li l-kontenut ta’ gass aċiduż fiċ-CO2 jista’ jvarja skont id-depożiti. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni ExxonMobil, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti li l-kontenut ma huwiex sistematikament prevedibbli” (28).

B.      Fuq l-ewwel sat-tielet domanda: CO2 rrilaxxat fl-atmosfera bħala parti mill-kundizzjonament ta’ gass aċiduż fil-proċess Claus jikkwalifika bħala “emissjoni minn proċess” għall-finijiet tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278?

48.      Filwaqt li l-Gvern Ġermaniż irrappreżentat mill-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Enerġija u l-Kummissjoni ma jaqblux mal-Uffiċċju Federali għall-Ambjent dwar jekk CO2 rrilaxxat fl-atmosfera bħala parti mill-proċess tal-irkupru ta’ kubrit huwiex kopert mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, dawk it-tliet partijiet jaqblu li kwoti mingħajr ħlas ma għandhomx jingħataw għal dawk l-emissjonijiet. Għandu jitfakkar, iżda, li kull argument tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni fis-sens li dawk l-emissjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala emissjonijiet minn proċess skont l-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278, isir fil-kuntest li, skont is-sottomissjonijiet tagħhom, ExxonMobil ma hija obbligata ċċedi ebda kwota fir-rigward ta’ dawk l-emissjonijiet.

49.      L-ewwel tliet domandi tal-qorti tar-rinviju jittrattaw elementi differenti tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278 li jiddefinixxi “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” (29). Sabiex din id-dispożizzjoni tapplika, għandhom ikunu ssodisfatti l-elementi kostitwenti li ġejjin: għandu jkun hemm (i) emissjonijiet ta’ CO2, li (ii) iseħħu ’l barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott elenkat fl-Anness I u, fl-aħħar nett, (iii) bħala riżultat ta’ “l-użu ta’ karbonju li fih […] materja prima għal skop primarju li mhuwiex dak tal-ġenerazzjoni tas-sħana”. Hemm qbil bejn il-partijiet li l-ewwel tnejn minn dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfatti. Emissjoni ta’ CO2 (inerenti) isseħħ bħala prodott sekondarju naturali meta jintemm il-proċess tal-irkupru ta’ kubrit, proċess li għalih ma hemmx parametru referenzjarju ta’ prodott (30). Għaldaqstant hemm nuqqas ta’ qbil dwar it-tielet rekwiżit.

50.      Il-qorti tar-rinviju tqis tliet aspetti ta’ dak it-tielet kriterju: l-ewwel, jekk l-emissjoni ta’ CO2 li huwa inerenti tistax titqies “riżultat” ta’ kwalunkwe proċess ieħor u, it-tieni, jekk tali CO2 inerenti jistax jitqies sabiex “jintuża” fi proċess jekk ma jkollux x’jaqsam fir-reazzjoni kimika. It-tielet mistoqsija li qiegħda tkun diskussa hija jekk aħniex nittrattaw dwar “karbonju li fih […] materja prima”. Dawk li jwieġbu fin-negattiv għal dik it-tielet mistoqsija jidhru li qegħdin jargumentaw li l-materja prima “użata” fil-proċess ma hijiex il-gass aċiduż iżda pjuttost is-sulfid tal-idroġenu li ma għandu ebda CO2. Hemm qbil, madankollu, li l-iskop primarju tal-proċess tal-irkupru ta’ kubrit ma huwiex il-ġenerazzjoni tas-sħana.

51.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li, minbarra l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti – li, “skont il-prinċipji ta’ interpretazzjoni tradizzjonali, huwa dejjem il-punt ta’ tluq u, fl-istess ħin, il-limitu ta’ kull interpretazzjoni” (31) – għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha” (32).

1.      Interpretazzjoni letterali

52.      Nibdew mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278: emissjonijiet taċ-CO2 għandhom jirriżultaw mill-użu ta’ karbonju li jkun fih addittivi jew materja prima għal skop primarju li ma jkunx dak tal-ġenerazzjoni tas-sħana. Minħabba li emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju għandhom ikunu r-riżultat tal-proċess, pjuttost milli l-produzzjoni ta’ diossidu tal-karbonju, jidhirli li jkun konformi mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jekk iċ-CO2 inerenti jiġi rrilaxxat meta jintemm proċess bħall-proċess Claus, minkejja li ma jkunx fil-fatt użat bħala parti minn reazzjoni kimika matul dak il-proċess (33). Kwistjoni wisq itqal hija jekk jistax jingħad li dawk l-emissjonijiet taċ-CO2 ikunux ir-riżultat tal-użu ta’ karbonju li jkun fih addittivi jew materja prima.

53.      Għal darba oħra ftit għandi dubju dwar it-terminu “materja prima”. Skont id-dizzjunarju Cambridge (34) “materja prima” hija “kull materjal, bħal żejt, qoton, jew zokkor fil-kundizzjoni naturali tiegħu, qabel ma jkun ipproċessat għall-użu”. Huwa minnu, dażgur, li s-sulfid tal-idroġenu biss fil-fatt jiġi pproċessat fil-proċess Claus, filwaqt li ċ-CO2 li jkun hemm fil-gass aċiduż biss jgħaddi mill-impjant tal-proċess Claus mingħajr ma jkollu x’jaqsam fil-proċess. Iżda meta titqies it-tifsira tal-kelma sempliċi, it-terminu “materja prima” ma jidhirlix li huwa limitat għal partijiet ta’ materjal li jkunu pproċessati attivament. Jista’ jkun korrett, kif issuġġerixxa l-Uffiċċju Federali għall-Ambjent, li kieku ċ-CO2 kellu jiġi sseparat mill-gass aċiduż qabel ma jiġi pproċessat fil-faċilità Claus, iċ-CO2 ma jkunx materja prima, minħabba li ma jkunx qiegħed jiġi pproċessat iktar filwaqt li l-bqija tal-gass tkun (35). Jekk, madankollu, dak l-istadju ta’ qabel ma jseħħx, ma jfissirx li materjal li jkun fih iċ-CO2 li jiddaħħal f’installazzjoni għal ipproċessar ma jkunx materja prima, sempliċement minħabba li parti minnu biss tkun qiegħda tiġi pproċessata.

54.      Il-kwistjoni dwar il-kawżalità, jiġifieri, jekk jistax jitqies li l-emissjonijiet ta’ CO2 huma r-riżultat tal-użu ta’ dik il-materja prima hija, madankollu, inqas ċara. Hawnhekk l-interpretazzjoni letterali pjuttost tindika li qiegħed jingħad li din ma tinqabadx mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278. Għal darba oħra, skont id-dizzjunarju Cambridge (36), id-definizzjoni li tinsab hemmhekk, li f’dan il-każ tiddeskrivi l-użu tal-kelma bl-iktar mod mill-qrib, hija “l-att ta’ użu ta’ xi ħaġa, jew perijodu ta’ żmien meta ħaġa tkun qiegħda tintuża” bil-verb “uża” li jfisser “xi ħaġa bħal biċċa għodda, sengħa jew bini mqiegħda għal skop partikolari” (37). Din il-funzjoni għal skop partikolari, fil-fehma tiegħi, timplika li xi ħaġa tkun qiegħed isir b’dik il-parti tal-materja prima – b’mod partikolari, bil-kontenut ta’ karbonju – li għalih qiegħed isir riferiment speċifiku.

55.      Hemm qbil bejn l-partijiet li ċ-CO2 ma għandux x’jaqsam fir-reazzjoni kimika matul il-proċess Claus. Madankollu, ExxonMobil targumenta li hija tagħmel ċertu użu miċ-CO2 inerenti. Skont ExxonMobil, CO2 jaqdi funzjoni proċedurali fil-proċess Claus bħala gass mhux kombustibbli b’funzjoni li tirregola t-temperatura għall-kontroll teknikament meħtieġ tat-temperatura ta’ kombustjoni fil-proċess Claus għall-produzzjoni tal-kubrit. Dan ma jidhirx li huwa kkontestat mill-Uffiċċju Federali għall-Ambjent. Madankollu, kif kien innotat mir-rappreżentant tiegħu fis-seduta, din ma hijiex funzjoni meħtieġa minħabba li hemm modi oħra kif jinkiseb l-istess riżultat (38). Dan imbagħad iqajjem il-kwistjoni l-oħra jekk huwiex biżżejjed li jsir ċertu użu miċ-CO2 sabiex il-proċess jikkwalifika bħala subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess, jew jekk l-użu tiegħu għandux ikun meħtieġ għall-proċess (39).

56.      Kien argumentat ukoll li, minħabba li l-Artikolu 3(h)(iv) tad-Deċiżjoni 2011/278 jirreferi speċifikament għal “sinteżi kimika fejn il-materjal bil-karbonju jipparteċipa fir-reazzjoni” filwaqt li l-Artikolu 3(h)(v) ta’ dik id-deċiżjoni ma jagħmilx dan, tali parteċipazzjoni f’reazzjoni kimika ma tistax tkun rekwiżit skont id-dispożizzjoni tal-aħħar.

57.      Waqt li nieqaf għal ftit f’dan l-istadju, u għalkemm inqis li sa fejn għandha x’taqsam il-kelma kritika “użu” kif tidher fl-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-formulazzjoni tindika interpretazzjoni li skontha ċ-CO2 għandu jkollu funzjoni attiva u meħtieġa fil-proċess, jista’ jkun xieraq – skont ġurisprudenza stabbilita – li jitqiesu l-iskema ġenerali tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278 u l-għanijiet li jsegwu bħala għajnuna għal dan il-proċess ta’ interpretazzjoni (40).

2.      Interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika

58.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2003/87 u konsegwentement anki d-Deċiżjoni 2011/278 li hija timplimenta, hija maħsuba li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bil-għan li jitnaqqsu dawk l-emissjonijiet fl-atmosfera għal livell li jżomm milli jkun hemm interferenza antropoġenika perikoluża mal-klima u mal-għan aħħari li huwa l-ħarsien tal-ambjent (41). Il-loġika ekonomika sottostanti ta’ din l-iskema hija li l-parteċipanti jitħeġġu jirrilaxxaw kwantitajiet ta’ gassijiet serra li jkunu inqas mill-kwoti oriġinarjament allokati lilhom, sabiex huma jbigħu ż-żejjed lil parteċipanti oħra (42). Sabiex dan il-għan jinkiseb l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi, għal installazzjonijiet f’ċerti setturi ta’ attività, l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, li l-kwantità tagħhom, skont il-paragrafu 11 ta’ dik id-dispożizzjoni, għandha titnaqqas gradwalment tul il-perijodu 2013‑2020, sabiex tintlaħaq it-tneħħija għalkollox ta’ kwoti mingħajr ħlas fl-2027 (43).

59.      Dan ifisser li r-regoli għal allokazzjoni mingħajr ħlas armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 li għalihom id-Deċiżjoni 2011/278 tiddetermina r-regoli huma eċċezzjonali (u, fil-fatt, temporanji) minnhom innifishom. Barra minn dan, l-Artikolu 3(c), (d) u (h) tad-Deċiżjoni 2011/278 (44) jiddefinixxi l-hekk imsejħa “parametri referenzjarji ta’ riżerva” li jibdew joperaw jekk “emissjonijiet korrispondenti [ma jkunux] koperti minn subinstallazzjoni” (45) “[i]seħħu ’il barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott” (46). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fis-sentenza tagħha INEOS li kien isegwi li l-Artikolu 3(h)(iv) tad-Deċiżjoni 2011/278 ma jistax jiġi interpretat b’mod wiesa’ (47). L-istess huwa minnu għall-attivitajiet kollha elenkati fl-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni 2011/78.

60.      Bħala riżultat ta’ dan, jiena ma nistax naqbel li l-fatt li l-Artikolu 3(h)(iv) tad-Deċiżjoni 2011/278 speċifikament jirreferi għal karbonju li jkollu x’jaqsam u li jkun fih materjal f’sinteżi kimika, filwaqt li Artikolu 3(h)(v) ta’ din id-deċiżjoni ma jagħmilx dan, ifisser li l-kelma “użu” li hemm f’din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod tant wiesa’ li ma tkunx għadha koperta mill-kelma “użu” sempliċement sabiex wieħed jiddistingwiha mill-każijiet koperti mill-ewwel dispożizzjoni. Il-kelma “użu” hija fil-fatt usa’ u tista’ tinkludi “użu” li ma jkollux x’jaqsam f’reazzjoni kimika. Il-kelma “użu” fil-fatt timplika, madankollu, li l-karbonju li jkun fih materja prima għandu jkun meħtieġ għall-għan primarju segwit (li ma huwiex il-ġenerazzjoni tas-sħana) (48).

61.      Interpretazzjoni bħal din iktar restrittiva tista’ tkun ikkonfermata mid-definizzjoni ta’ “emissjonijiet minn proċess” li hemm fl-Artikolu 3(30) tar-Regolament Nru 601/2012. Skont dik id-definizzjoni, ‘“emissjonijiet ta’ [minn] proċess” tfisser “emissjonijiet ta’ gassijiet serra minbarra l-emissjonijiet ta’ kombustjoni li jinħolqu bħala riżultat ta’ reazzjonijiet intenzjonati u mhux intenzjonati bejn sustanzi jew it-trasformazzjoni tagħhom […].” Iċ-CO2 li jkun hemm fil-gass aċiduż, madankollu, kjarament ma jkunx ir-riżultat ta’ reazzjoni intenzjonata jew mhux intenzjonata bejn sustanzi jew it-trasformazzjoni tagħhom.

62.      Ir-Regolament Nru 601/2012 jittratta l-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gass serra. L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87 kien jipprovdi sabiex il-Kummissjoni tadotta regolament għal dak il-għan. Ir-Regolament Nru 601/2012, għalhekk, ma jittrattax dwar, wisq inqas jiddefinixxi l-każijiet li fihom ikunu allokati mingħajr ħlas kwoti ta’ emissjonijiet. Għal din l-istess raġuni, il-fatt li l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 601/2012 għandu dispożizzjoni li tistipula ma’ liema installazzjoni ċ-CO2 inerenti għandu jkollu x’jaqsam għall-finijiet ta’ monitoraġġ u rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gass serra, ma jagħti ebda indikazzjoni vera dwar jekk tistax tingħata mingħajr ħlas allokazzjoni ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet minn proċess għal tali emissjonijiet inerenti.

63.      Kif l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe diġà nnota fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża ExxonMobil Production Deutschland, il-kunċetti ta’ “emissjonijiet ta’ [minn] proċess” tal-Artikolu 3(30) tar-Regolament Nru 601/2012 u ta’ “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni 2011/278 parzjalment biss jidħlu f’xulxin minħabba li “emissjonijiet minn proċess” huma, fil-parti l-kbira tagħhom, koperti mill-parametri referenzjarji ta’ prodott previsti fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni (49).

64.      Ikun ukoll kontra qalbi nsib ix-xagħra fl-għaġina rigward il-fatt li l-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 601/2012 għandu dispożizzjoni li tistipula li “CO2 inerenti li jiġi ttrasferit f’installazzjoni, inkluż dak li jkun jinsab f’gass naturali […] għandu jiġi inkluż fil-fattur ta’ emissjoni għal dak il-karburant”. Jekk wieħed iqis li gass naturali huwa kombustibbli (50), kif il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li timplika fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑682/17, ExxonMobil Production Deutschland (51), l-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 601/2012 xorta waħda għandu biss regola dwar il-metodoloġija ta’ monitoraġġ. Hija ma tagħti ebda indikazzjoni vera dwar jekk tistax tingħata allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet minn proċess għal tali emissjonijiet inerenti.

65.      Lura għall-għan tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278 u għal subinstallazzjonijiet ta’ emissjonijiet minn proċess b’mod ġenerali, il-partijiet ma jaqblux dwar din il-kwistjoni. Filwaqt li ExxonMobil hija tal-fehma li, malli jiġi rrikonoxxut ir-riskju ta’ tnixxija ta’ karbonju għall-industrija tal-irkupru tal-kubrit, għandu, għaldaqstant, ikun hemm allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-emissjonijiet ta’ CO2 inerenti. Minħabba dan “ir-riżultat meħtieġ”, fl-opinjoni ta’ ExxonMobil għandu japplika l-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278, minħabba li kjarament ma tapplika ebda waħda mill-għażliet l-oħra. L-Uffiċċju Federali għall-Ambjent, min-naħa l-oħra, isostni li subinstallazzjonijiet ta’ emissjonijiet minn proċess jistgħu jkunu rikonoxxuti biss għal emissjonijiet li joriġinaw minn waħda mill-kategoriji ta’ attivitajiet skont Anness I tad-Direttiva 2003/87. Peress li, bħal f’dan il-każ, il-kombustjoni ta’ karburanti biss tidħol f’dik il-kategorija, isegwi li l-emissjonijiet li jirriżultaw minnhom biss jistgħu jitqiesu għall-finijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas jekk ma jkunx hemm emissjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott bħal f’dan il-każ. Dan ikun ifisser li l-għan tal-Artikolu 3(h) huwa limitat għall-għoti mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jekk l-emissjonijiet taċ-CO2 jirriżultaw minn attività (ulterjuri) elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 – minbarra l-kombustjoni ta’ kombustibbli – li għaliha ma hemm ebda parametru referenzjarju ta’ prodott.

a)      Il-funzjoni ta’ “riskju sinjifikattiv ta’ tnixxija ta’ karbonju” fis-sistema għall-iskambju ta’ emissjonijiet

66.      Kif imsemmi fil-premessa 24 tad-Direttiva 2009/29, tnixxija ta’ karbonju tiddeskrivi sitwazzjoni li fiha “pajjiżi żviluppati oħra u entitajiet oħrajn li huma sorsijiet kbar ta’ gassijiet serra ma jipparteċipawx [fi ftehim internazzjonali ambizzjuż dwar il-bidla fil-klima], [li] jista’ jwassal għal żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’pajjiżi terzi fejn l-industrija ma tkunx suġġetta għal restrizzjonijiet kumparabbli […] Dan jista’ jiżvaluta l-integrità ambjentali u l-benefiċċju tal-azzjonijiet li jsiru mill-Komunità” (52). Sabiex dan ma jseħħx, id-Direttiva 2003/87 tipprovdi mezzi speċifiċi. L-ewwel, skont l-Artikolu 10a(12) tagħha, il-kwoti mingħajr ħlas ta’ kull sena – li għandhom ikunu allokati skont l-Artikolu 10a(1) ta’ din id-direttiva – ikunu qegħdin jinżammu fil-livell ta’ 100 % għat-tielet perijodu ta’ skambju (53). Dan huwa b’kuntrast ma’ installazzjonijiet f’setturi u f’subsetturi li ma humiex esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ tnixxija ta’ karbonju fejn l-allokazzjoni inizjali fl-2013 għandha tkun limitata għal 80 % tal-kwantità allokata skont l-Artikolu 10a(1). F’dawk is-setturi l-kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas tkompli tonqos kull sena b’ammonti ndaqs li jirriżultaw fi 30 % ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas fl-2020 skont l-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87 (54).

67.      Dik id-direttiva tipprovdi wkoll fl-Artikolu 10a(6) tagħha li “L-Istati Membri jistgħu wkoll jadottaw miżuri finanzjarji favur is-setturi jew is-subsetturi determinati li jkunu esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni [tnixxija] tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-ispejjeż relatati mal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra li jidhru fil-prezzijiet tal-elettriku, sabiex ikun hemm kumpens għal dawk l-ispejjeż u kull fejn dawn il-miżuri finanzjarji jkunu konformi mar-regoli tal-għajnuna statali applikabbli u li jiġu adottati f’dan il-qasam.”

68.      Minn dan huwa ċar, kif l-Avukat Ġenerali Wahl diġà nnota b’mod ġenerali fil-kawża ArcelorMittal Atlantique et Lorraine, li “[id-direttiva] ma tgħidx li setturi kkunsidrati li huma f’riskju sinjifikattiv ta’ rilaxx ta’ karbonju għandhom, fiċ-ċirkustanzi kollha, jirċievu kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas li jikkorrespondu mal-emissjonijiet ta’ gass serra li joħorġu minnhom” (55). Bil-kontra, għal dak li jirrigwarda l-allokazzjoni ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, huwa rekwiżit obbligatorju li kwantitajiet ta’ kwoti mingħajr ħlas ikunu allokati skont ir-regoli adottati skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Il-kwantità preliminari ta’ kwoti tiġi deċiża abbażi tagħhom. Ikun biss imbagħad li l-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87 ikun jista’ jiġi applikat, billi ma jitnaqqasx l-għadd ta’ kwoti stabbiliti. Ma hemm xejn f’dawk id-dispożizzjonijiet li jipprovdi sabiex jitqies “[ir-]riskju sinjifikattiv ta’ rilaxx ta’ karbonju” għal deċiżjoni dwar jekk kwoti ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet ikunux jistgħu jiġu allokati mingħajr ħlas (56).

69.      Isegwi minn dan kollu li jkun kontra l-formulazzjoni, kif ukoll l-iskema tad-Direttiva 2003/87 li tingħata interpretazzjoni wiesgħa tar-rekwiżit ta’ kawżalità tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278, sempliċement minħabba li l-proċess inkwistjoni jitqies li jkun espost għal riskju sinjifikattiv ta’ tnixxija ta’ karbonju.

b)      L-għan ta’ “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess”

70.      ExxonMobil tikkontendi li l-għan segwit mil-leġiżlatura tal-Unjoni għal subinstallazzjonijiet ta’ emissjonijiet minn proċess skont l-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni 2011/278 huwa li tinħoloq subinstallazzjoni għal proċessi li minnhom inevitabbilment jinħarġu emissjonijiet CO2, iżda li għalihom ma jkunx ġie stabbilit parametru referenzjarju ta’ prodott. Madankollu, dan ma jistax jiġi dedott mid-Deċiżjoni 2011/278. Il-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2011/278 tgħid biss li “Meta l-kisba ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott ma kinitx fattibbli, imma jkun hemm gassijiet serra eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet, dawn il-kwoti għandhom ikunu allokati fuq il-bażi ta’ mudelli ġeneriċi ta’ riżerva. […] Għall-emissjonijiet minn proċessi, il-kwoti tal-emissjonijiet għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tal-emissjonijiet storiċi […]”(57).

71.      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li “għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat” (58). Dan ifisser li emissjonijiet minn proċess ġeneralment ikunu inklużi f’parametru referenzjarju ta’ prodott. Ma kienx, madankollu, dejjem possibbli jiġi żviluppat parametru referenzjarju ta’ prodott. Waħda mir-raġunijiet huwa l-fatt li ħafna installazzjonijiet huma inklużi fis-sistema għall-iskambju ta’ emissjonijiet biss minħabba li jħaddmu unitajiet għall-kombustjoni ta’ kombustibbli f’installazzjonijiet b’potenza termika totali ta’ kombustjoni ta’ iktar minn 20 MW. Din id-definizzjoni wiesgħa tinkludi installazzjonijiet f’varjetà ta’ setturi li, xorta oħra, ma humiex inklużi fis-sistema ta’ skambju ta’ emissjonijiet. Kif jispjega l-istudju ordnat mill-Kummissjoni Ewropea “Methodology for the free allocation of emission allowances in the EU ETS post 2012” (Metodoloġija għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fl-ETS‑UE wara l‑2012), ma humiex inklużi installazzjonijiet li jew ikollhom potenza termika totali ta’ kombustjoni ta’ inqas minn 20 MW jew li jirċievu sħana minn installazzjonijiet b’sidien differenti. Il-fatt li parti sostanzjali tal-faċilitajiet tal-produzzjoni li jagħmlu l-prodott ma kinux inklużi fis-sistema għall-iskambju ta’ emissjonijiet, għamlet diffiċli li jiġi stabbilit parametru referenzjarju ta’ prodott (59). F’dawn iċ-ċirkustanzi dak li jistgħu jissejħu għażliet ta’ riżerva kienu żviluppati b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawk it-tipi ta’ każijiet.

72.      Dan kollu jfisser li ma hemmx rabta immedjata bejn il-fatt li l-emissjonijiet ma jistgħux jiġu evitati u l-għażliet ta’ riżerva. L-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 li speċifikament jeskludi biss ġeneraturi tal-elettriku minn allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas (bi ftit eċċezzjonijiet) lanqas ma jappoġġja tali proċedura wiesgħa. Kien ikun faċli li jkun previst li għandu japplika l-metodu ta’ anterjorità għall-emissjonijiet kollha suġġetti għall-iskema ta’ skambju ta’ emissjonijiet ħlief dawk koperti minn proċess ta’ parametru referenzjarju, ta’ parametru referenzjarju tas-sħana jew ta’ parametru referenzjarju ta’ kombustibbli. Minflok, intgħażlet definizzjoni speċifika għal subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess. Barra minn dan, kif ir-rappreżentant tal-Uffiċċju Federali għall-Ambjent innota fis-seduta, anki jekk hemm parametru referenzjarju ta’ prodott, l-emissjonijiet kollha li inevitabbilment ikunu prodotti sekondarji ta’ proċessi kimiċi ma jkunux neċessarjament koperti minn dak il-parametru referenzjarju ta’ prodott (60).

73.      Għalhekk jidher li d-Direttiva 2003/87 ma għandhiex l-għan li tipprovdi għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet fir-rigward ta’ kull emissjoni li tkun il-prodott sekondarju inevitabbli tal-użu ta’ proċess kimiku industrijali bħall-proċess Claus (61).

74.      Fid-dawl tal-analiżi propożittiva iktar ’il fuq, wasalt sabiex nikkonkludi li ċ-CO2 rrilaxxat fl-atmosfera bħala parti mill-ipproċessar ta’ gass naturali (fl-għamla ta’ gass aċiduż) fil-proċess Claus, permezz ta’ CO2 inerenti f’gass naturali li jiġi sseparat mit-taħlita ta’ gassijiet, ma jseħħx “bħala riżultat” tal-proċess imsemmi fl-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278 minħabba li gass aċiduż, li huwa materja prima li jkun fiha l-karbonju, ma “jintużax” skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, anki jekk, meqjus biss mill-formulazzjoni letterali tat-test, dak it-test ikun bla dubju ambigwu.

C.      Fuq ir-raba’ domanda: Hemm ġerarkija bejn id-diversi parametri referenzjarji ta’ riżerva?

75.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema parametru referenzjarju għandu jkun applikat jekk installazzjoni tissodisfa l-kriterji għal subinstallazzjoni ta’ emissjoni ta’ sħana, kif ukoll dawk ta’ subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess.

76.      Bħala punt preliminari, għandu jkun osservat li, skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFEU, li jipprovdi għal kooperazzjoni bejn qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli għaliha li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (62).

77.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li, bla ħsara għar-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda, jidher li huwa possibbli f’dan il-każ li l-emissjonijiet mill-proċess Claus jistgħu jissodisfaw id-definizzjoni kemm ta’ subinstallazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ sħana, kif ukoll dik ta’ subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess. Nissuġġerixxi, għalhekk, li jkun konvenjenti jekk kwalunkwe risposta kellha tittratta l-kwistjoni dwar liema parametru referenzjarju għandu jkun applikat jekk l-emissjonijiet kellhom (kuntrarju għall-opinjoni tiegħi) fil-fatt jissodisfaw il-kriterji ta’ subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, kif ukoll dawk ta’ subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess (63). Dan jinkludi l-kwistjoni usa’ dwar jekk hemmx ġerarkija bejn id-diversi parametri referenzjarji ta’ riżerva jekk installazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ iktar minn wieħed minnhom.

78.      Fil-fatt il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li r-raba’ domanda tagħha jkun hemm lok għaliha biss f’każ li l-ewwel sat-tielet domanda jingħataw risposta pożittiva. Minħabba li nipproponi li tingħata risposta negattiva għal dawn id-domandi – li jfisser li l-installazzjoni ta’ ExxonMobil ma hijiex eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti skont il-parametru referenzjarju ta’ emissjonijiet minn proċess – ma hijiex strettament meħtieġa risposta għar-raba’ domanda. Madankollu ser nikkonsidraha fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti risposta differenti lill-ewwel tliet domandi.

79.      Dwar din id-domanda l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Ġermaniża li tinsab fil-paragrafu 3(1) ta’ ZuV 2020 hija differenti xi ftit mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/278. Dik id-dispożizzjoni tal-ewwel tistabbilixxi b’mod ċar ġerarkija ta’ parametri referenzjarji. Applikanti għal kwoti ta’ emissjonijiet ikollhom jassenjaw l-inputs, l-outputs u l-emissjonijiet korrispondenti lil waħda biss mis-subinstallazzjonijiet. Id-dispożizzjoni tistipula li l-inputs, l-outputs u l-emissjonijiet korrispondenti jistgħu jkunu assenjati biss lil subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana sakemm tali inputs, outputs u emissjonijiet korrispondenti ma jkunux diġà koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott. Assenjazzjoni ta’ inputs, outputs u emissjonijiet korrispondenti lil subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ kombustibbli tista’ sseħħ biss jekk huma ma jkunux diġà koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott jew tas-sħana. Fl-aħħar nett, kull inputs, outputs u emissjoni korrispondenti jistgħu jkunu assenjati biss lil subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess jekk ma jkunux koperti minn xi waħda mill-installazzjonijiet l-oħra ta’ parametru referenzjarju (64).

80.      Id-Deċiżjoni 2011/278 hija ftit inqas ċara f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni reċiproka tal-parametri referenzjarji ta’ riżerva, għalkemm id-definizzjonijiet tas-subinstallazzjonijiet tas-sħana, tal-kombustibbli u tal-emissjonijiet minn proċess jgħidu, fl-Artikolu 3(c), (d) u (h) rispettivament, li huma japplikaw biss għal inputs, outputs u emissjonijiet korrispondenti li xorta oħra ma jkunux koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott. Jekk wieħed jeżamina wkoll il-kundizzjonijiet tas-subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana u ta’ subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ kombustibbli, isib li dawn tal-ewwel jirrigwardaw “id-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti […] relatat[i] mal-produzzjoni, l-importazzjoni minn installazzjoni jew entità oħra koperta mill-iskema tal-Unjoni, jew it-tnejn li huma, ta’ sħana li [tista’ titkejjel]” (65), flimkien ma’ xi kundizzjonijiet oħra relatati magħhom. Subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju ta’ kombustibbli, min-naħa l-oħra, huma relatati ma’ inputs, outputs u emissjonijiet korrispondenti b’rabta mal-produzzjoni ta’ sħana li ma tistax titkejjel taħt ċerti kundizzjonijiet oħra.

81.      Dan kien ikkonstatat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Borealis et fejn hija ddeċidiet li d-definizzjonijiet tas-subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju differenti huma esklużi b’mod reċiproku (66). Dwar subinstallazzjonijiet ta’ emissjonijiet minn proċess hija qieset li dan kien il-każ minħabba li “hija biss il-ġenerazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ emissjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(h)(i) sa (vi) [tad-Deċiżjoni 2011/278] li tippermetti li ssir din il-klassifikazzjoni” (67). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll, billi straħet fuq il-premessa 12 ta’ dik id-deċiżjoni, li, meta l-kisba ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott ma kinitx fattibbli, imma madankollu jkun hemm gassijiet serra eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, kienet ġiet żviluppata ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva (68).

82.      Isegwi, għalhekk, li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju kienet diġà fil-fatt ingħatat risposta għaliha mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Borealis et (69).

83.      L-argumenti ta’ ExxonMobil fis-sens li ma hemmx ġerarkija bejn l-għażliet ta’ riżerva jew, alternattivament, li subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess għandhom jingħataw preċedenza minħabba li huma l-għażla iktar speċifika, ma humiex, bir-rispett, persważivi. Ngħid dan għar-raġunijiet li ġejjin.

84.      ExxonMobil targumenta li subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tas-sħana u subinstallazzjonijiet ta’ emissjonijiet minn proċess jistgħu jikkoinċidu. Skont ExxonMobil dan huwa ċar mill-mod li bih il-livell annwali ta’ attività storika relatata mas-sħana jiġi stabbilit skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 2011/278. L-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għal subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana tiddependi mill-emissjonijiet li jkunu r-riżultat tal-produzzjoni ta’ sħana li tkun tista’ titkejjel. Dawk l-emissjonijiet jiġu dedotti mis-sħana li tkun ġiet prodotta u li titkejjel f’terajoule kull sena. Subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess, min-naħa l-oħra, għall-inqas skont l-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278), hija kkaratterizzata mill-fatt li l-emissjonijiet ikunu jirriżultaw minn proċess “għal skop primarju li mhuwiex dak tal-ġenerazzjoni tas-sħana”. Għalhekk, il-livell annwali ta’ attività storika skont l-Artikolu 9(5) tad-Deċiżjoni 2011/278 huwa l-ammont ta’ emissjonijiet imkejjel f’tunnellati tal-ekwivalenti CO2 tiegħu. Dawn l-argumenti jirreferu għad-domanda jekk subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana u subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess jistgħux jinstabu fl-istess installazzjoni iżda fir-rigward ta’ emissjonijiet differenti.

85.      Filwaqt li huwa minnu li żewġ subinstallazzjonijiet (jew iktar) relatati ma’ attivitajiet differenti jista’ jiġri li jikkoinċidu f’installazzjoni waħda, l-istess inputs, outputs u emissjonijiet (70) ma jistgħux ikunu koperti minn diversi subinstallazzjonijiet minħabba li nkella jista’ jkun hemm ir-riskju ta’ sovrappożizzjoni u jkun hemm għadd doppju li huwa pprojbit mill-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2011/278 (71). Kieku wieħed kellu jassumi li l-kriterji li japplikaw għal subinstallazzjonijiet differenti jistgħu jiġu ssodisfatti bl-istess inputs, outputs u emissjonijiet, il-kunċett sottostanti għad-Deċiżjoni 2011/278 huwa dan li ġej: kif kien spjegat fl-istudju ordnat mill-Kummissjoni Ewropea “Methodology for the free allocation of emission allowances in the EU ETS post‑2012: Report on the project approach and general issues” (Metodoloġija għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fl-ETS‑UE wara l‑2012), tliet fatturi jinfluwenzaw emissjonijiet speċifiċi taċ-CO2. Dawn huma l-għażla tat-taħlita ta’ kombustibbli, l-effiċjenza tal-produzzjoni tas-sħana u l-effiċjenza tal-użu aħħari tas-sħana. Parametri referenzjarji tal-prodott iqisu dawn it-tliet fatturi kollha.

86.      Dan kollu huwa konformi mal-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2011/278 li tipprovdi li sa fejn ikun fattibbli, għandhom ikunu stabbiliti parametri referenzjarji ex ante sabiex ikun żgurat li l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjonijiet isseħħ b’mod li jagħti inċentivi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u teknika effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-metodi sabiex isiru parametri referenzjarji għall-produzzjoni tas-sħana użata għal subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, għal parametri referenzjarji għal taħlita ta’ kombustibbli u għall-hekk imsejħa “anterjorità” (li tqis biss data storika u li hija użata għal emissjonijiet minn proċess) kollha jużaw wieħed inqas minn dawn il-fatturi, filwaqt li l-metodu ta’ anterjorità ma jqis ebda wieħed minnhom (72). Din hija r-raġuni għall-ġerarkija bejn id-diversi parametri referenzjarji ta’ riżerva. Metodi ta’ kif isiru parametri referenzjarji li jagħtu inċentivi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet jiġu qabel is-subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess fejn ma jingħatawx tali inċentivi.

87.      Ikun, għalhekk, kuntrarju għall-iskema tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278 li ma tiġix applikata l-ġerarkija bejn id-divers parametri referenzjarji deskritti fil-premessa 12 ta’ dik id-deċiżjoni.

88.      Fi-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet jiena tal-fehma li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas ta’ emissjonijiet għandha titwettaq abbażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jekk l-emissjonijiet li jkunu suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ emissjonijiet jissodisfaw kemm il-kundizzjonijiet materjali ta’ subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana u l-kundizzjonijiet materjali ta’ subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess. Dan huwa sempliċement minħabba li allokazzjonijiet skont subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana jiġu qabel allokazzjonijiet skont emissjoni ta’ proċess.

D.      Fuq il-ħames domanda: Jistgħu drittijiet għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għat-tielet perijodu ta’ skambju jkunu ssodisfatti wara li jintemm dak il-perijodu ta’ skambju?

89.      Permezz tal-ħames domanda tagħha l-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk drittijiet għal kwoti mingħajr ħlas għat-tielet perijodu ta’ skambju li jkunu stabbiliti biss minn qorti wara li jkun intemm dak il-perijodu ta’ skambju jistgħux ikunu ssodisfatti bi kwoti mingħajr ħlas għar-raba’ perijodu ta’ skambju (73). Għal darba oħra, din id-domanda saret mill-qorti tar-rinviju biss jekk id-domandi mill-ewwel sar-raba’ waħda jingħataw risposta affermattiva. Meqjusa r-risposti tiegħi għal dawk id-domandi, dan il-każ ma jinqalax. Madankollu, nipproponi li nqis id-domanda fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqtagħha b’mod differenti.

90.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ din id-domanda jirriżultaw l-iktar mill-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja). Dik il-qorti kienet iddeċidiet li talbiet (miftuħa) għal allokazzjonijiet addizzjonali għat-tieni perijodu ta’ skambju (2008 sa 2012) kienu skadew l-iktar tard sat‑30 ta’ April 2013 (nofsillejl) (74).

91.      Għandu jkun osservat, madankollu, li l-qagħda legali fit-tmiem tat-tieni perijodu ta’ skambju kienet tassew differenti minn dik fit-tmiem tat-tielet perijodu ta’ skambju. Filwaqt li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/87, kwoti maħruġa matul perijodu partikolari ta’ skambju kienu biss validi għal emissjonijiet matul dak il-perijodu ta’ skambju, dik il-formulazzjoni kienet emendata bid-Direttiva 2018/410. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/87 issa tinqara hekk “Il-kwoti maħruġa mill-1 ta’ Jannar 2013 ’il quddiem għandhom ikunu validi għal perijodu indefinit […]” (75) Dan huwa possibbli minħabba l-kontinwità ġenerali tar-regoli bejn it-tielet u r-raba’ perijodu ta’ skambju. Essenzjalment il-kwistjoni hija jekk, u, jekk huwa hekk, b’liema mod, jistax possibbilment ikun issodisfatt dritt għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika li tkun tirrigwarda din il-kwistjoni.

92.      Il-qorti tar-rinviju speċifikament saqsiet jekk dritt għal allokazzjoni oħra mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għat-tielet perijodu ta’ skambju jistax ikun issodisfatt bi kwoti fir-rigward tar-raba’ perijodu ta’ skambju f’każ bħal dan. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/87 (kif emendata bid-Direttiva 2018/410), il-kwoti maħruġa mill-2021 ’il quddiem għandhom ikunu validi biss mill-bidu tal-perijodu ta’ għaxar snin li fih ikunu nħarġu. Għalhekk, attur li jkun ingħata dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87 bi kwoti għar-raba’ perijodu ta’ skambju. Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, id-domanda tista’ b’mod konvenjenti tiġi, għalhekk, ifformulata mill-ġdid. Għaldaqstant, id-domanda li għandha tingħata risposta ma għandhiex tkun limitata għal jekk tali dritt jistax jiġi ssodisfatt bi kwoti tar-raba’ perijodu ta’ skambju.

93.      Hemm żewġ aspetti tal-kwistjoni dwar kif jista’ jiġi ssodisfatt jekk ikun hemm dritt għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għat-tielet perijodu ta’ skambju. L-ewwel hemm il-bażi proċedurali għal tali bidla f’allokazzjoni u, it-tieni, hemm il-kwistjoni ta’ “l-oriġini” ta’ dawn il-kwoti. Fir-rigward tal-ewwel minn dawn il-kwistjonijiet, kif il-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat mill-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Enerġija, kif ukoll il-Kummissjoni nnotaw, kull aġġustament jikkostitwixxi bidla fit-tabella ta’ allokazzjonijiet nazzjonali mogħtija fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 389/2013 (76) li, skont l-Artikolu 88 tar-Regolament Delegat 2019/1122 (77), għandu jkompli japplika sal-1 ta’ Jannar 2026 għall-operazzjonijiet kollha meħtieġa b’rabta mal-perijodu ta’ skambju bejn l-2013 u l-2020. Jekk qorti tiddeċiedi li operatur ikun intitolat għal allokazzjoni addizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan (Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament Nru 389/2013) u l-Kummissjoni mbagħad tagħti struzzjonijiet lill-amministratur ċentrali sabiex jagħmel il-bidliet korrispondenti fit-tabella ta’ allokazzjonijiet nazzjonali fir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (78). L-amministratur ċentrali mbagħad jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi l-kwoti rispettivi mill-Kont ta’ Allokazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tabella aġġustata ta’ allokazzjonijiet nazzjonali għall-kont ta’ depożitu tal-operatur skont Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 389/2013.

94.      Fir-rigward tat-tieni aspett, jiġifieri l-oriġini ta’ dawk il-kwoti, filwaqt li la d-Direttiva 2003/87, la d-Deċiżjoni 2011/278 u lanqas ir-Regolament Delegat 2019/331 ma jittrattaw speċifikament l-aġġustament ta’ kwoti mingħajr ħlas minħabba deċiżjoni minn qorti u, għalkemm l-Artikolu 24(2) tad-Deċiżjoni 2011/278 ma jirreferix għal żieda fi kwoti bħala riżultat ta’ deċiżjoni minn qorti, dak l-aħħar artikolu jista’ jiġi applikat b’analoġija għal tali każijiet. Id-differenza għall-każ li fih tali deċiżjoni minn qorti tittieħed qabel ma jintemm il-perijodu ta’ skambju u s-sitwazzjoni meta tittieħed wara, hija li l-kwoti rispettivi ma jkunux għadhom jistgħu jiġu dedotti mill-għadd ta’ kwoti li jkollhom jiġu rkantati mill-Istat Membru rispettiv matul dak il-perijodu.

95.      Filwaqt li ma huwiex l-għan tar-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq li jingħataw ċertifikati għal talbiet li kienu baqgħu mhux issodisfatti meta ntemm it-tielet perijodu ta’ skambju, iżda pjuttost huwa li jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda fl-iskema ta’ skambju ta’ emissjonijiet (79), kwoti minn dan is-sors huma adatti għall-ewwel għan. Ir-raġuni għal dan hija l-istruttura u l-għan tar-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq.

96.      Skont l-Artikolu 1(2), (3) u (5) tad-Deċiżjoni 2015/1814, ir-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq hija magħmula minn: (i) 900 miljun kwota li kellhom jiġu rkantati matul l-2019 u l-2020 skont it-tielet kolonna tal-Anness IV tar-Regolament Nru 176/2014 (80), (ii) kwoti mhux allokati għal installazzjonijiet ġodda skont l-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87 u għal installazzjonijiet li jkunu waqfu jaħdmu (kompletament jew parzjalment) jew li jkunu naqqsu b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tagħhom (Artikolu 10a(19) u (20) tad-Direttiva 2003/87), u (iii) għadd ta’ kwoti ugwali għal 12 % tal-għadd totali fiċ-ċirkulazzjoni kull sena (81) jekk dak l-għadd jaqbeż il-mitt miljun.

97.      Dawn ir-regoli ta’ allokazzjoni huma biss mod kif jitneħħew kwoti żejda mis-suq u jiddaħħlu mill-ġdid partijiet minnhom jew kollha lura fis-suq jekk l-għadd ta’ kwoti fiċ-ċirkulazzjoni jaqa’ taħt il-limitu ta’ erba’ mitt miljun kwota fiċ-ċirkulazzjoni. Kwoti li kien misshom ġew allokati lill-operatur ta’ installazzjoni, kieku d-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni 2011/278 kienu ġew applikati sewwa, ma jikkostitwixxux tali eċċess u jistgħu, għalhekk, jittieħdu mir-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq mingħajr ma jintlaqat l-għadd kollu ta’ allokazzjonijiet. L-għan ta’ riżerva ta’ stabbiltà tas-suq lanqas ma jbati ħsara billi jitnaqqas għadd limitat ta’ kwoti mir-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq u jiżdied ma’ dak fiċ-ċirkulazzjoni. Minħabba li l-kwoti għat-tielet perijodu ta’ skambju li b’hekk ikunu jistgħu jiġu allokati jkunu ta’ validità indefinita skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/87 (82), huma jkunu jistgħu jintużaw minn min jeħodhom għat-tielet perijodu ta’ skambju jew matul perijodi ta’ skambji wara t-tielet perijodu ta’ skambju.

98.      Meqjus dak li ntqal iktar ’il fuq nipproponi li nikkonkludi li drittijiet għal allokazzjoni addizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għat-tielet perijodu ta’ skambju jistgħu jkunu ssodisfatti wara li jkun intemm it-tielet perijodu ta’ skambju bi kwoti tat-tielet perijodu ta’ skambju jekk qorti tkun stabbilixxiet li jkun hemm id-dritt għal kwoti, iżda biss wara li jkun skada t-tielet perijodu ta’ skambju. Kwoti għat-tielet perijodu ta’ skambju ma jiddekadux wara li jkun skada t-tielet perijodu ta’ skambju.

V.      Konklużjoni

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva, Berlin, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)      Iċ-CO2 rrilaxxat fl-atmosfera, bħala parti mill-ipproċessar tal-gass naturali (fil-forma ta’ gass aċiduż) fil-‘proċess Claus’, permezz tas-separazzjoni taċ-CO2 inerenti fil-gass naturali mit-taħlita ta’ gass iżda li huwa stess ma jintużax waqt ir-reazzjoni kimika ta’ desulfurizzazzjoni, ma jseħħx bħala riżultat tal-proċess imsemmi fl-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas‑27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minħabba li l-gass aċiduż, li huwa materja prima li jkollha fiha l-karbonju, ma “jintużax” skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni.

(2)      L-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas ta’ emissjonijiet għandha ssir abbażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jekk emissjonijiet li jkunu suġġetti għall-iskema ta’ skambju ta’ emissjonijiet ikollhom jissodisfaw kemm il-kundizzjonijiet materjali ta’ subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, kif ukoll il-kundizzjonijiet materjali ta’ subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess. Dan huwa hekk minħabba li allokazzjonijiet relatati ma’ subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana jiġu qabel allokazzjonijiet skont subinstallazzjoni ta’ emissjoni minn proċess.

(3)      Drittijiet għal allokazzjoni addizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għat-tielet perijodu ta’ skambju jistgħu jkunu ssodisfatti wara li jkun intemm it-tielet perijodu ta’ skambju bi kwoti tat-tielet perijodu ta’ skambju fejn jiġi stabbilit minn qorti li kien hemm dritt għal kwoti biss wara li jkun skada t-tielet perijodu ta’ skambju. Kwoti għat-tielet perijodu ta’ skambju ma jiddekadux mal-iskadenza tat-tielet perijodu ta’ skambju.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1).


3      Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata mid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU 2009, L 140, p. 63).


4      Statistika mogħtija mill-Umweltbundesamt (l-Uffiċċju Federali għall-Ambjent, il-Ġermanja) fis-seduta.


5      Direttiva (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU 2018, L 76, p. 3).


6      ĠU 2012, L 181, p. 30, rettifika fil-ĠU 2012, L 347, p. 43.


7      Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU 2015, L 264, p. 1).


8      Gesetz über den Handel mit Berechtigungen zur Emission von Treibhausgasen tal‑21 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1475).


9      L-Artikolu 7(2) tat-TEHG ma kienx ġie ċċitat mill-qorti tar-rinviju. Iżda ssemma fis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ ExxonMobil bħala li kien il-bażi tad-deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) fis-sentenza tagħha tas‑26 ta’ April 2018 (DE:BVerwG:2018:260418U7C20.16.0). Il-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni kienet ġiet emendata bl-Artikolu 1 tal-Gesetz zur Anpassung der Rechtsgrundlagen für die Fortentwicklung des Europäischen Emissionshandels (il-Liġi dwar l-Adattazzjoni tal-Bażi Legali għall-Iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Skambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet) tat‑18 ta’ Jannar 2019 (BGBl I S.37) b’effett mill‑25 ta’ Jannar 2019.


10      Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas-Emissionsberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 vom 26 September 2011 (BGBl. I S. 1921).


11      Artikolu 2 flimkien mat-Taqsima 2 tal-Anness 1 tat-TEHG.


12      Id-dispożizzjoni rilevanti ta’ dik id-Direttiva hija l-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Anness I.


13      Dan ma kien ikkontestat minn ebda waħda mill-partijiet l-oħra.


14      Għalkemm ExxonMobil issostni fir-reazzjoni tagħha li huwa għandu kompitu operazzjonali importanti fil-proċess Claus bħala gass li ma jiħux in-nar b’funzjoni li tirregola t-temperatura għall-kontroll teknikament meħtieġ tat-temperatura operattiva. Madankollu, dan kien ikkontestat minn Umweltbundesamt (l-Uffiċju Federali għall-Ambjent, il-Ġermanja).


15      Għall-użu tas-sħana maqbuda fil-boiler ta’ sħana żejda li tintuża fl-installazzjoni.


16      Iż-żmien li għadda bejn l-oġġezzjoni ta’ ExxonMobil ippreżentata fit‑12 ta’ Marzu 2014 u r-rifjut tagħha mid-DEHSt huwa dovut għas-sospensjoni tal-proċeduri sakemm ingħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:518; iktar ’il quddiem il-“Kawża C‑682/17”) li ngħatat fl‑20 ta’ Ġunju 2019. Il-kawża kienet dwar installazzjoni ta’ ipproċessar ta’ gass naturali differenti li kienet tuża l-proċess Claus, mħaddem ukoll minn ExxonMobil.


17      Skont il-qorti tar-rinviju, ExxonMobil bdiet biss tiġġenera l-enerġija elettrika għall-bejgħ lil terzi fis-sajf tal‑2014, li kien wara li d-DEHSt kienet tat id-deċiżjoni tagħha.


18      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija parti fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju minħabba li d-deċiżjoni li qiegħda tkun ikkontestata kienet ittieħdet mid-DEHSt li tagħmel parti mill-Uffiċċju Federali għall-Ambjent. L-Uffiċċju Federali għall-Ambjent jirrappreżenta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rwol tagħha bħala parti fil-kawża prinċipali. Hija l-aġenzija ambjentali ċentrali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.


19      Fil-kapaċità tiegħu ta’ Stat Membru u rrappreżentat mill-Bundesministerium für Wirtschaft und Energie tiegħu (il-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Enerġija).


20      Punt 58.


21      Huwa madankollu daqsxejn ta’ sorpriża li, għalkemm isostnu dan, huma ma jidhrux li jinkludu, fl-argument tagħhom, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑682/17.


22      L-eċċezzjonijiet għal installazzjonijiet għall-ħruq ta’ skart perikoluż jew muniċipali ma humiex inklużi hawnhekk.


23      Ibid., punti 54 u 56.


24      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ (C‑158/15, EU:C:2016:422, punt 29).


25      Differenti f’dan ir-rigward mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:167, punt 74).


26      Sentenza tat-28 ta’ Frar 2018 (C‑577/16, EU:C:2018:127).


27      Il-Kummissjoni tistrieħ fl-argumenti tagħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Mejju 2018, Evonik Degussa (C‑229/17, EU:C:2018:323, punt 42). F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, titlob biss “ċertu potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra”, mhux potenzjal partikolari għal tnaqqis b’manjiera effettiva rigward spejjez ta’ gassijiet serra.


28      Punt 57. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ (C‑158/15, EU:C:2016:139, punt 39) fejn hija nnotat li “[i]l-mekkaniżmu bbażat fuq is-suq huwa mfassal ukoll sabiex f’xi ċirkustanzi ċerti attivitajiet jiġu rrinunzjati għalkollox meta ma jibqgħux kompetittivi minħabba l-ispejjeż ta’ emissjonijiet li ma jistgħux jiġu evitati”, raġuni li tista’ tapplika għal ċerti depożiti f’dan il-każ, jekk il-kontenut naturali taċ-CO2 ikun partikolarment għoli.


29      Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2011/278 ma tiddefinixxix “emissjoni minn proċess” bħala tali. Nerġa’ lura dwar dan iktar ’il quddiem.


30      L-emissjonijiet ta’ CO2 li joriġinaw mill-kombustjoni huma suġġetti għal allokazzjonijiet skont il-parametru referenzjarju tas-sħana skont l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278.


31      Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Agrana Zucker (C‑33/08, EU:C:2009:99, punt 37).


32      Ara f’dan is-sens, pereżempju, Kawża C-628/17, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33      Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland (C‑577/16, EU:C:2018:127, punti 45 sa 48).


34      Ikkonsultat online.


35      Dan ma jżommx milli jseħħ il-proċess Claus minħabba li ċ-CO2 ma għandu ebda funzjoni f’dan il-proċess (li huwa diskuss iktar ’il quddiem).


36      Ikkonsultat online.


37      Verżjonijiet f’lingwi oħra tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278, bħall-verżjoni Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, Taljana, Portugiża, Svediża u Spanjola, ma jwasslux għal evalwazzjoni differenti.


38      Ir-rappreżentant tal-Uffiċċju Federali għall-Ambjent innota li ċ-CO2 jista’ jiġi sseparat qabel mal-gass jiġi ttrattat fil-proċess Claus mingħajr ma dan jaffettwa b’xi mod ir-riżultat, u li, tabilħaqq, it-tagħmir tal-proċess Claus ikollu jiġi aġġustat għall-kontenut speċifiku taċ-CO2 tal-gass naturali użat. Dan ma kienx ikkontestat minn ExxonMobil. Finalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk iċ-CO2 għandux funzjoni meħtieġa fil-proċess.


39      Il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex meħtieġ hija għall-qorti nazzjonali li tiddeċidiha.


40      Sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Ingredion Germany (C‑320/19, EU:C:2020:983, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange (C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 24); tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 22); tat‑28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland (C‑577/16, EU:C:2018:127, punt 39); u s-sentenza C‑682/17, punt 62).


42      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange (C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 22); tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 22); tat‑28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland (C‑577/16, EU:C:2018:127, punt 40); u s-sentenza C‑682/17, punt 63).


43      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-għan kien sussegwentement pospost għall-2030 għal setturi li kellhom jitqiesu ta’ riskju baxx jew ta’ ebda riskju ta’ tnixxija ta’ karbonju, ħlief għal tisħin ta’ distretti (għalkemm suġġett għal stħarriġ) u kien ċedut fir-rigward ta’ setturi u subsetturi meqjusa f’riskju sostanzjali ta’ ta’ karbonju, ara t-tieni paragrafu tal-premessa 10 tad-Direttiva 2018/410. L-Artikolu 10a(11) għaldaqstant tħassar mid-Direttiva 2003/87 bl-Artikolu 1(14)(k) tad-Direttiva 2018/410. Madankollu, dan ma jbiddilx l-għanijiet tad-direttiva kif kienu qabel dik il-bidla. Anki lil hinn minn dak il-perijodu, ir-regoli dwar l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti għandhom jitqiesu eċċezzjonali. Skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2018/410, “mhijiex ser tiskadi l-allokazzjoni mingħajr ħlas u […] miżuri eżistenti ser ikomplu wara l-2020 għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ rilokazzjoni [tnixxija] tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-politika dwar it-tibdil fil-klima, sakemm ma jsirux sforzi komparabbli f’ekonomiji ewlenin oħrajn”.


44      Nasal għall-kwistjoni dwar jekk hemmx ordni (li jinżel ’l isfel) bejn dawn it-tliet “parametri referenzjarji ta’ riżerva” meta nkun qiegħed nittratta r-raba’ domanda.


45      Ara l-Artikolu 3(c) u (d) tad-Deċiżjoni 2011/278.


46      Ara l-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni 2011/278.


47      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 36). Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll għal emissjonijiet minn proċess bħala “tal-aħħar għażla msejħa ‘ta’ riżerva’”.


48      F’din il-kawża ma jidhirx li l-partijiet jikkontestaw li l-proċess tal-irkupru ta’ kubrit isir sabiex ma tkunx iġġenerata sħana.


49      Nota ta’ qiegħ il-paġna 42.


50      L-Artikolu 3(40) tar-Regolament Nru 601/2012 jiddefinixxi “CO2 inerenti” bħala CO2 li huwa parti ta’ kombustibbli.


51      Punt 54.


52      Il-kundizzjonijiet sabiex settur jew subsettur jitqies li jkun espost għal riskju sinjifikattiv ta’ tnixxija ta’ karbonju huma stabbiliti fl-Artikolu 10a(14) sa (17) tad-Direttiva 2003/87. Il-lista ta’ setturi jew subsetturi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ tnixxija ta’ karbonju skont l-Artikolu 10a(13) tad-Direttiva 2003/87 tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Diċembru 2009 (2010/2/EU) li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (ĠU 2010, L 1, p. 10). L-“Estrazzjoni ta’ petrolju mhux maħdum u gass naturali” hija elenkata fil-punt 1.4 tal-Anness.


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza C‑682/17, iżda ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et (C‑506/14, EU:C:2016:799, punt 47).


55      C‑80/16, EU:C:2017:192, punt 47.


56      Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et (C‑506/14, EU:C:2016:799, punt 54), fejn ir-rikorrenti kkontestaw l-applikazzjoni tal-fattur uniformi ta’ korrezzjoni transsettorjali li seta’ jkun applikat sabiex ikun limitat l-ammont massimu annwali ta’ kwoti skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 għall-kwantitajiet preliminari kollha ta’ kwoti, mingħajr ma jkunu eżentati installazzjonijiet f’setturi jew f’subsetturi li jkunu esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ tnixxija ta’ karbonju.


57      Emfażi miżjuda minni.


58      Emfażi miżjuda minni.


59      Ecofys, Fraunhofer Institute for Systems and Innovation Research (l-Istitut ta’ Riċerka ta’ Sistemi u Innovazzjoni ta’ Fraunhofer), Öko‑Institut, Novembru 2009 (studju ordnat mill-Kummissjoni Ewropea), p. ii u 25.


60      Kif kien innotat minn dak ir-rappreżentant, jeżisti parametru referenzjarju ta’ prodott speċifiċi skont l-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/278 għall-“irkupru ta’ kubrit” f’raffineriji. Parametri referenzjarji ta’ prodotti fis-settur tar-raffineriji ġeneralment ikunu bbażati fuq l-approċċ ta’ “tunnellata peżata ta’ CO2” li lanqas ma jqis iċ-CO2 inerenti. Dwar dak il-approċċ ara l-premessa 24 tad-Deċiżjoni 2011/278.


61      Għalkemm, kif diġà nnotajt, diġà hemm dubju jekk l-emissjonijiet f’dan il-każ għandhomx jitqiesu bħala inevitabbli. Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Account preservation) (C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


63      Din tagħti l-ġenb il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex possibbli minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punti 62 sa 69) li huma reċiprokament esklużivi.


64      L-istess approċċ issa jinsab ukoll fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad‑19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2019, L 59, p. 8 u rettifika fil-ĠU 2020, L 296, p. 8).


65      Emfażi miżjuda minni.


66      Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 62 sa 65), kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS (C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 29), u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Ingredion Germany (C‑320/19, EU:C:2020:983, punt 68).


67      Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 66).


68      Ibid., punt 67.


69      Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647).


70      Nuża l-formulazzjoni issa użata fl-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat Nru 2019/331 li hija iktar ċara fis-sens li ma tirreferix biss għal emissjonijiet iżda pjuttost għal “id-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet tal-installazzjoni” li jiġu assenjati lil subinstallazzjoni waħda jew iktar. Dan huwa riferiment ħafna iktar adegwat għas-subinstallazzjonijiet differenti.


71      L-Istati Membri huma obbligati jiżguraw dan skont l-Artikoli 7(7) u 8(5) tad-Deċiżjoni 2011/278. Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 69).


72      Ecofys, Fraunhofer Institute for Systems and Innovation Research, Öko-Institut, “Methodology for the free allocation of emission allowances in the EU ETS post‑2012: Report on the project approach and general issues” (Metodoloġija għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fl-ETS‑UE wara l‑2012: Rapport dwar il-metodu tal-proġett u materji ġenerali), Novembru 2009 (studju ordnat mill-Kummissjoni Ewropea), p. 38 u 39.


73      ExxonMobil għarrfet lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet applikat għal miżuri provviżorji permezz ta’ rikors lill-qorti tar-rinviju fis‑16 ta’ Lulju 2020. Hija talbet dikjarazzjoni mingħand dik il-qorti li tobbliga lid-DEHSt tiżgura li għadd daqs l-għadd ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet mitluba għal allokazzjoni fil-proċeduri suġġett ta’ dik it-talba għal deċiżjoni preliminari jiddaħħal fil-kont ta’ depożitu tal-operatur ta’ ExxonMobil, mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020, sabiex tiżgura l-drittijiet ta’ allokazzjoni tagħha. Bħala reazzjoni għal dan, iżda qabel id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju dwar il-materja, id-DEHSt kienet applikat għand il-Kummissjoni jew sabiex dak l-għadd ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet jiġi ttrasferit fil-kont ta’ depożitu ta’ kwoti nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew fil-kont ta’ depożitu tal-operatur ta’ ExxonMobil. Dik l-applikazzjoni kienet ġiet miċħuda mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra indirizzata lid-DEHSt tat‑8 ta’ Diċembru 2020. Il-qorti tar-rinviju tat digriet dwar miżuri provviżorji fil‑15 ta’ Diċembru 2020 (VG 10 L 216/2020) li bih hija ġiegħlet lid-DEHSt tiddikjara li, jekk iċ-ċertifikati ta’ emissjonijiet għall-perijodu ta’ skambju għall-2013-2020 kellhom jiskadu, hija kienet tittratta lil ExxonMobil daqs li kieku dan qatt ma kien seħħ. Dak id-digriet tħassar mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Ogħla, Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja) fit‑23 ta’ Diċembru 2020 u r-rikors ta’ ExxonMobil kien finalment miċħud (ECLI:DE:OVGBEBB:2020:0323.OVG11S12.20.00). Rikors lil Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) għal miżuri provviżorji ma rnexxiex (ECLI:DE:BVerfG:2020:qk20201229.1bvq016120). Fl-istess waqt, ExxonMobil kienet bdiet, fis‑17 ta’ Diċembru 2020, proċeduri sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2020 indirizzata lid-DEHSt skont l-Artikolu 263 TFUE. Hija applikat ukoll għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE. Dik it-talba kienet ukoll miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal‑31 ta’ Diċembru 2020, ExxonMobil Production Deutschland vs Il-Kummissjoni (T‑731/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:654), inter alia minħabba li kien tqies improbabbli li drittijiet li ma jkunux tħarsu għal kwoti mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ta’ emissjonijiet jiskadu meta jintemm it-tielet perijodu ta’ skambju (fil-punt 17).


74      Sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tas‑26 ta’ April 2018 (ECLI:DE:BVerwG:2018:260418U7C20.16.0).


75      Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Delegat 2019/331, id-Deċiżjoni 2011/278 għandha tkompli tapplika għall-allokazzjonijiet relatati mal-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2021 wara r-revoka ta’ dik id-deċiżjoni.


76      Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat‑2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 (ĠU 2013, L 122, p. 1).


77      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat‑12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ĠU 2019, L 177, p. 3).


78      Il-Kummissjoni għandha tivverifika skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 389/2013 jekk tali bidla tkunx konformi prinċipalment mad-Direttiva 2003/87 u mad-Deċiżjoni 2011/278 u tirrifjuta tali bidliet jekk dan ma jkunx hekk.


79      Ara f’dan is-sens il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2015/1814.


80      Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2014 tal‑25 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010, b’mod partikolari, sabiex jiġu stabbiliti l-volumi ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li għandhom jiġu rkantati fl-2013‑2020 (ĠU 2014, L 56, p. 11). Bħala miżura temporanja kontra kwoti żejda fis-suq, oriġinarjament huma “tgħabbew lura” billi tnaqqsu l-volumi fl-2014 sal-2016 bil-ħsieb li jiġu rkantati fl-2019 u fl-2020.


81      Skont Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni 2015/1814 dan huwa l-għadd kumulattiv ta’ kwoti maħruġa mill‑1 ta’ Jannar 2008 u drittijiet sabiex jintużaw krediti internazzjonali eżerċitati minn installazzjonijiet taħt l-EU ETS fir-rigward tal-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, bit-tnaqqis tat-tunnellati kumulattivi ta’ emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet skont is-sistema tal-Unjoni għall-iskambju ta’ emissjonijiet bejn l‑1 ta’ Jannar 2008 u l‑31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, ta’ kwalunkwe kwota kkanċellata u tal-għadd ta’ kwoti fir-riżerva.


82      Kif emendat bid-Direttiva 2018/410.