Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Mejju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen - il-Belġju) – K.A. et vs Belgische Staat

(Kawża C-82/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil, immigrazzjoni – Artikolu 20 TFUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 24 – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 5 u 11 – Ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju – Applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Rifjut li tiġi eżaminata l-applikazzjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad voor Vreemdelingenbetwistingen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: K.A., M.Z., M.J., N.N.N., O.I.O., R.I., B.A.

Konvenut: Belgische Staat

Dispożittiv

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 11 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix prassi ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata fit-territorju tiegħu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkollu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li qatt ma jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, unikament għar-raġuni li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fl-imsemmi territorju.

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens:

li jipprekludi prassi ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni tali applikazzjoni unikament għal din ir-raġuni, mingħajr ma jkun ġie evalwat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ tali natura li, fil-każ ta’ rifjut ta’ għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar, l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jkun, fil-fatt, imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu u jkun b’hekk imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu;

li meta ċittadin tal-Unjoni jkun maġġorenni, relazzjoni ta’ dipendenza ta’ natura li tiġġustifika l-għoti, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ta’ dritt ta’ residenza dderivat taħt dan l-artikolu, ma hijiex prevista ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li fihom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, il-persuna kkonċernata ma tkunx tista’, bl-ebda mod, tiġi sseparata mill-membru tal-familja tagħha li minnha tiddependi;

li meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun minorenni, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ dipendenza għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, l-età tiegħu, l-iżvilupp fiżiku u emotiv tiegħu, il-livell tar-relazzjoni affettiva ma’ kull wieħed mill-ġenituri tiegħu, kif ukoll ir-riskju li s-separazzjoni mill-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz tippreġudika l-bilanċ tiegħu; l-eżistenza ta’ relazzjoni familjari ma’ dan iċ-ċittadin, kemm jekk tkun ta’ natura bioloġika jew ġuridika, ma hijiex suffiċjenti u koabitazzjoni ma’ dan tal-aħħar ma hijiex neċessarja għall-finijiet li tiġi stabbilita din ir-relazzjoni ta’ dipendenza;

li huwa irrilevanti li r-relazzjoni ta’ dipendenza invokata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tkun bdiet isseħħ wara l-adozzjoni, fil-konfront tiegħu, ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju;

li huwa irrilevanti li d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li għaliha jkun suġġett iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun saret definittiva fil-mument li fih huwa jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, u

li huwa irrilevanti li d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, li għaliha jkun suġġett iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tkun iġġustifikata minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu ta’ ritorn; meta raġunijiet ta’ ordni pubbliku jkunu ġġustifikaw tali deċiżjoni, dawn tal-aħħar jistgħu jwasslu għar-rifjut ta’ għoti lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ dritt ta’ residenza dderivat taħt dan l-artikolu biss jekk minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-aħjar interess tal-ulied ikkonċernati jew eventwali, u tad-drittijiet fundamentali, jirriżulta li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħha deċiżjoni ta’ ritorn tkun adottata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, li tkun għadha fis-seħħ, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi tal-ħajja tal-familja tiegħu, u b’mod partikolari l-interessi tal-wild minorenni tiegħu, imsemmija f’applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata wara l-adozzjoni ta’ tali projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, ħlief meta tali elementi setgħu ġew invokati preċedentement mill-persuna kkonċernata.

____________

1     ĠU C 145, 25.04.2016.