Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Novembru 2011 - Bricmate AB vs Il-Kunsill

(Kawża T-596/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Bricmate AB (Stokkolma, l-Isveżja) (rappreżentanti: C. Dackö, A. Willems u S. De Knop, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors inammissibbli;

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat- 12 ta' Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 238, p. 1), sa fejn jirrigward lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż;

fil-każ fejn ir-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli jew infondat, tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq:

l-analiżi tar-rabta kawżali hija vvizzjata bi żbalji ta' fatt u żball manifest ta' evalwazzjoni u barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill (iktar 'il quddiem l-"Istituzzjonijiet") kisru l-prinċipju ta' diliġenża u l-Artikoli 3(2) u 3(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ("Regolament bażiku antidumping") (ĠU L 343, p. 51) billi naqsu milli jevalwaw b'mod oġġettiv l-allegazzjonijiet li d-data pprovduta minn Eurostat ma kinitx eżatta;

It-tieni motiv ibbażat fuq:

Nuqqas ta' motivazzjoni, ksur tad-drittijiet ta' difiża u barra minn hekk, ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku antidumping fir-rigward tad-differenzi fil-livelli ta' ppoċessar bejn il-madum taċ-ċeramika miċ-Ċina, u dak prodotti fl-UE.

____________