SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)
10 ta’ Novembru 2021 (*)
“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Tiftix ġenerali u tiftix speċjalizzat ta’ prodotti fuq l-internet – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Abbuż permezz tal-effett ta’ lieva – Kompetizzjoni abbażi tal-mertu jew prattika antikompetittiva – Kundizzjonijiet ta’ aċċess mill-kompetituri għal servizz ta’ impriża dominanti li l-użu tiegħu ma jistax effettivament jiġi ssostitwit – Dehra ffavorita mill-impriża dominanti tar-riżultati tas-servizz rispettiv tagħha ta’ tiftix speċjalizzat – Effetti – Neċessità li jiġi stabbilit xenarju kontrofattwali – Assenza – Ġustifikazzjonijiet oġġettivi – Assenza – Possibbiltà li tiġi imposta multa fid-dawl ta’ ċerti ċirkustanzi – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi – Ġurisdizzjoni sħiħa”
Fil-Kawża T‑612/17,
Google LLC, li kienet Google Inc., stabbilita f’Mountain View, California (l-Istati Uniti),
Alphabet, Inc., stabbilita f’Mountain View,
irrappreżentati minn T. Graf, R. Snelders, C. Thomas, K. Fountoukakos-Kyriakakos, avukati, R. O’Donoghue, M. Pickford, QC, u D. Piccinin, barrister,
rikorrenti,
sostnuti minn
Computer & Communications Industry Association, stabbilita f’Washington, DC (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J. Killick u A. Komninos, avukati,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, N. Khan, A. Dawes, H. Leupold u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, S. Heimerl u S. Costanzo, bħala aġenti,
minn
L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, irrappreżentata minn C. Zatschler u C. Simpson, bħala aġenti,
minn
Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn A. Fratini, avukat,
minn
Infederation Ltd, stabbilita f’Crowthorne (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Morfey, S. Gartagani, L. Hannah, A. D’heygere, K. Gwilliam, solicitors, u T. Vinje, avukat,
minn
Kelkoo, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J. Koponen u B. Meyring, avukati,
minn
Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Höppner, professur, P. Westerhoff u J. Weber, avukati,
minn
Visual Meta GmbH, stabbilita f’Berlin, irrappreżentata minn T. Höppner, professur, u P. Westerhoff, avukat,
minn
BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, li kienet Bundesverband Deutscher Zeitungsverleger eV, stabbilita f’Berlin, irrappreżentata minn T. Höppner, professur, u P. Westerhoff, avukat,
u minn
Twenga, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn L. Godfroid, S. Hautbourg u S. Pelsy, avukati,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4444 finali tas-27 ta’ Ġunju 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Kawża AT.39740 – Google Search (Xiri), u, sussidjarjament, għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal‑multa li kienet imposta fuq ir-rikorrenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),
komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, L. Madise (Relatur), R. da Silva Passos, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,
Reġistratur: E. Artemiou, Amministratiċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12, 13 u l-14 ta’ Frar 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
A. Il‑kuntest
1 Google LLC, li kienet Google Inc., hija kumpannija Amerikana speċjalizzata fil-prodotti u s-servizzi marbuta mal-użu tal-internet. Hija magħrufa prinċipalment għall-mutur ta’ tfittxija tagħha, li jippermetti lill-utenti tal-internet (iktar ’il quddiem imsejħa wkoll, skont il-kuntest, l-“utenti” jew il-“konsumaturi”) li jsibu u jaċċedu, bil-browser li jużaw u permezz ta’ hyperlinks, is-siti internet li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom. B’effett mit‑2 ta’ Ottubru 2015, Google LLC hija sussidjarja 100 % ta’ Alphabet, Inc., il-kumpannija prinċipali aħħarija (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, “Google”).
2 Il-mutur ta’ tfittxija ta’ Google, aċċessibbli fl-indirizz www.google.com, jew f’indirizzi simili b’estensjoni nazzjonali, jippermetti li jinkisbu riżultati ta’ tiftix ippreżentati fuq paġni li jidhru fuq l-iskrin tal-utenti tal-internet. Dawn ir-riżultati huma jew magħżula mill-imsemmi mutur skont kriterji ġenerali u dan mingħajr ħlas lil Google mingħand is-siti llinkjati magħhom sabiex jidhru (iktar ’il quddiem ir-“riżultati ta’ tiftix ġenerali” jew ir-“riżultati ġeneriċi”), jew magħżula skont loġika speċjalizzata għat-tip ta’ tiftix li jsir (iktar ’il quddiem ir-“riżultati ta’ tiftix speċjalizzat”). Ir-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat jistgħu, jekk ikun il-każ, jidhru mingħajr xi intervent partikolari tal-utent tal-internet mar-riżultati ta’ tiftix ġenerali fuq l-istess paġna (iktar ’il quddiem il-“paġna[/i] tar-riżultati ġenerali)” jew inkella jidhru waħidhom wara mistoqsija tal-utent tal-internet magħmula minn paġna speċjalizzata tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google jew wara l-attivazzjoni ta’ links li jinsabu f’ċerti partijiet tal-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha. Google żviluppat diversi servizzi ta’ tiftix speċjalizzat, pereżempju għall-attwalità, għal informazzjoni u għal offerti kummerċjali lokali, għall-vjaġġi bl-ajru jew għax-xiri ta’ prodotti. Hija din l-aħħar kategorija li hija inkwistjoni f’din il-kawża.
3 Is-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat għax-xiri tal-prodotti (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ tqabbil tax-xiri” jew it-“tqabbil tax-xiri”) ma jbigħux prodotti huma stess, iżda jqabblu u jagħżlu offerti ta’ bejjiegħa fuq l-internet li joffru l-prodott imfittex. Dawn il-bejjiegħa jistgħu jkunu bejjiegħa diretti jew pjattaformi ta’ bejgħ li jiġbru flimkien l-offerti ta’ diversi bejjiegħa u li mingħandhom jista’ jiġi ordnat immedjatament il-prodott imfittex (li minnhom eBay, Amazon, PriceMinister jew il-Fnac huma fost l-iktar magħrufa).
4 Bħar-riżultati ta’ tiftix ġenerali, ir-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat jistgħu jkunu riżultati, xi drabi kkwalifikati bħal “naturali”, li ma humiex koperti bi ħlas mis-siti tal-internet illinkjati magħhom, anki jekk dawn huma siti ta’ bejgħ. L-ordni li fiha dawn ir-riżultati naturali huma murija fil-paġni tar-riżultati hija wkoll indipendenti minn ħlasijiet.
5 Fil-paġni tar-riżultati ta’ Google, bħal f’dawk ta’ muturi ta’ tfittxija oħra, jidhru wkoll riżultati li huma, għall-kuntrarju, marbuta ma’ ħlasijiet magħmula mis-siti internet illinkjati magħhom. Anki dawn ir-riżultati, magħrufa bħala “reklami” (“ads” fil-qosor bl-Ingliż) huma relatati mat-tiftix li sar mill-utent tal-internet u huma distinti mir-riżultati naturali ta’ tiftix ġenerali jew ta’ tiftix speċjalizzat, pereżempju bil-kliem “reklam” jew “sponsorizzat”. Huma jidhru kemm f’partijiet partikolari tal-paġni tar-riżultati, jew fost ir-riżultati l-oħra. Huma jistgħu jkunu riżultati ta’ tiftix speċjalizzat u, fil-fatt, uħud mis-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ Google huma bbażati fuq sistema ta’ inklużjoni bi ħlas. Il-wiri tagħhom huwa marbut ma’ impenji ta’ ħlas minn persuni li jirreklamaw meħuda fil-kuntest ta’ rkanti. Jekk ikun il-każ, jiġu applikati kriterji ta’ selezzjoni addizzjonali. Il-persuni li jirreklamaw jirremuneraw lil Google meta utent tal-internet jagħfas fuq, u b’hekk jattiva, il-hyperlink li tinsab fir-reklam tagħhom, li tibagħtek għas-sit tal-internet rispettivi tagħhom.
6 Il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google jistgħu jinkludu jew inkludew it-tipi kollha ta’ riżultati msemmija fil-punti 2 sa 5 iktar ’il fuq. Kif spjegat ukoll fil-punt 2 iktar ’il fuq, ir-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat, kemm jekk huma naturali kif ukoll jekk huma reklami, jistgħu wkoll jidhru waħidhom fuq paġna tar-riżultati speċjalizzata fuq talba tal-utent tal-internet magħmula minn paġna ta’ tiftix speċjalizzat tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google jew wara l-attivazzjoni ta’ links li jinsabu f’ċerti partijiet tal-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha.
7 Muturi ta’ tfittxija oħra minbarra ta’ Google joffru jew offrew servizzi ta’ tiftix ġenerali u servizzi ta’ tiftix speċjalizzat, bħal Alta Vista, Yahoo, Bing jew Qwant. Barra minn hekk, jeżistu muturi ta’ tfittxija speċifiċi għat-tqabbil tax-xiri bħal Bestlist, Nextag, IdealPrice, Twenga, Kelkoo jew Prix.net.
8 Skont l-ispjegazzjonijiet mhux ikkontestati pprovduti minn Google, hija bdiet tipprovdi lill-utenti tal-internet servizz ta’ tqabbil tax-xiri fl-2002, wara jew fl-istess żmien bħal muturi ta’ tfittxija oħra bħal Alta Vista, Yahoo, AskJeeves jew America On Line (AOL). Dawn l-inizjattivi kienu b’risposta għall-fatt li l-proċessi użati sa dak iż-żmien mill-muturi ta’ tfittxija ma kinux neċessarjament jagħtu l-iktar riżultati rilevanti għal tiftix partikolari, bħal dawk li jirrigwardaw l-attwalità jew il-prodotti għax-xiri. Għalhekk Google bdiet tipprovdi riżultati ta’ tqabbil tax-xiri (iktar ’il quddiem ir-“riżultati għal prodotti”) mill-aħħar tal-2002 fl-Istati Uniti, imbagħad, madwar sentejn wara, b’mod gradwali f’ċerti pajjiżi fl-Ewropa. Dawn ir-riżultati ma kinux ir-riżultati tal-algoritmi normali ta’ tiftix ġenerali tagħha applikati għal informazzjoni ppreżentata fis-siti tal-internet, b’din l-informazzjoni l-ewwel tkun estratta permezz ta’ proċess imsejjaħ “crawling”, li jikkonsisti f’attività ta’ esplorazzjoni tal-kontenut tal-internet imwettqa minn Google għal finijiet ta’ indiċjar, imbagħad magħżula sabiex titqiegħed fil-“web index” ta’ Google u, finalment, imqassma skont ir-rilevanza tagħha sabiex tidher bħala risposta għat-talba tal-utent tal-internet, iżda r-riżultati ta’ algoritmi speċifiċi applikati għall-informazzjoni li kienet tinsab f’database ppopolata mill-bejjiegħa stess, imsejħa l-“product index”. Dawn ir-riżultati fil-bidu kienu pprovduti permezz ta’ paġna ta’ tiftix speċjalizzat, imsejħa Froogle, li kienet differenti mill-paġna ta’ tiftix ġenerali tal-mutur ta’ tfittxija, imbagħad, b’effett mill-2003 fl-Istati Uniti u mill-2005 f’ċerti pajjiżi fl-Ewropa, kienu disponibbli wkoll mill-paġna ta’ tiftix ġenerali tal-mutur ta’ tfittxija. F’dan l-aħħar każ, ir-riżultati għal prodotti kienu jidhru miġbura flimkien fil-paġni tar-riżultati ġenerali f’dak li kien imsejjaħ Product OneBox (iktar ’il quddiem il-“Product OneBox”), taħt jew b’mod parallel mar-reklamar li kien jidher in-naħa ta’ fuq jew tal-ġenb tal-paġna u fuq ir-riżultati ta’ tiftix ġenerali, kif turi l-istampa bin-noti miżjuda segwenti, ipprovduta minn Google:

9 Fil-fatt, jekk l-utent tal-internet kien juża l-paġna ta’ tiftix ġenerali sabiex jistaqsi dwar prodott, ir-risposti mogħtija mill-mutur ta’ tfittxija kienu jinkludu kemm dawk li jirriżultaw mit-tiftix speċjalizzat kif ukoll dawk li jirriżultaw mit-tiftix ġenerali. Meta l-utent tal-internet kien jagħfas fuq il-link ta’ riżultat tal-Product OneBox, huwa kien jiġi mibgħut direttament lejn il-paġna rispettiva tas-sit tal-internet tal-bejjiegħ tal-prodott imfittex, minn fejn ikun jista’ jinxtara l-imsemmi prodott. Barra minn hekk, link partikolari fil-Product OneBox kienet tippermetti li l-utent jintbagħat lejn paġna tar-riżultati ta’ Froogle b’selezzjoni ikbar ta’ riżultati speċjalizzati għal prodotti. Google tispjega li, għall-kuntrarju, ir-riżultati ta’ Froogle qatt ma kienu jidhru fir-riżultati ta’ tiftix ġenerali filwaqt li r-riżultati ta’ muturi ta’ tfittxija speċjalizzati oħra għat-tqabbil tax-xiri setgħu jidhru fosthom.
10 Google tispjega li, mill-2007, hija bidlet il-mod tal-elaborazzjoni tar-riżultati għal prodotti.
11 B’dawn il-bidliet, Google ma baqgħetx tuża l-isem Froogle u bdiet tuża Product Search għall-paġni ta’ tiftix u ta’ riżultati speċjalizzati ta’ tqabbil tax-xiri tagħha.
12 Fir-rigward tar-riżultati għal prodotti murija mill-paġna ta’ tiftix ġenerali fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali, minn naħa, Google arrikkiet il-kontenut tal-Product OneBox billi żiedet ritratti. F’dan ir-rigward, Google tipprovdi l-istampa segwenti tal-ewwel tip ta’ żieda ta’ ritratti:

13 Google ddiversifikat ukoll ir-riżultati possibbli tal-azzjoni li tagħfas fuq link ta’ riżultat li jidher fihom: skont il-każ, l-utent tal-internet kien, bħal qabel, mibgħut direttament lejn il-paġna adattata tas-sit tal-internet tal-bejjiegħ tal-prodott imfittex, fejn ikun jista’ jinxtara, jew jintbagħat lejn il-paġna tar-riżultati speċjalizzata Product Search sabiex jara iktar offerti tal-istess prodott. Maż-żmien, il-Product Onebox beda jissejjaħ Product Universal (iktar ’il quddiem il-“Product Universal”) fil-pajjiżi differenti (pereżempju fl-2008 fir-Renju Unit u fil-Ġermanja), filwaqt li kien qed isir iktar attraenti. Google tipprovdi l-istampa segwenti, bin-noti miżjuda, ta’ żewġ varjanti tal-Product Universal :

14 Min-naħa l-oħra, Google stabbilixxiet mekkaniżmu, imsejjaħ Universal Search, li kien jippermetti li, meta tiġi identifikata tfittxija għax-xiri ta’ prodott, issir klassifikazzjoni fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali, l-ewwel tal-prodotti koperti bil-Product Onebox, imbagħad bil-Product Universal, meta mqabbla mar-riżultati ta’ tiftix ġenerali.
15 Fir-rigward tar-riżultati għal prodotti marbuta ma’ ħlasijiet li jidhru fuq il-paġni tar-riżultati tagħha, minn Settembru 2010, Google daħħlet fl-Ewropa format arrikkit meta mqabbel ma’ reklami magħmula minn kliem biss (text ads bl-Ingliż, iktar ’il quddiem ir-“reklami bil-kliem”) li kienu jidhru sa dakinhar. Jekk il-persuna li tirreklama tkun tixtieq, meta jagħfas fuq it-test, l-utent tal-internet seta’ jara, f’format ikbar meta mqabbel mar-reklam bil-kliem inizjali, ritratti tal-prodotti mfittxija kif ukoll il-prezzijiet tagħhom kif proposti mill-persuna li tirreklama. Google tipprovdi stampa, bin-noti miżjuda, ta’ reklam bil-kliem kif żviluppat:
