Language of document : ECLI:EU:C:2019:339

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2019(1)

Kawża C556/17

Alekszij Torubarov

vs

Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Pécs, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kontrolli tal-fruntiera, ażil u immigrazzjoni — Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali — Stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali — Dritt għal rimedju effettiv — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali limitata għas-setgħa ta’ annullament”






I.      Introduzzjoni

1.        It-table tennis (jew, skont l-isem tad-ditta, Ping-Pong) huwa sport popolari, li l-oriġini tiegħu jidhru li jmorru lura sal-Ingilterra tas-seklu 19 jew tal-bidu tas-seklu 20. “L-għan [tal-logħba] huwa li jintlaqat il-ballun sabiex jaqbeż ix-xibka u jaħbat man-nofs tal-mejda tal-avversarju b’tali mod li l-avversarju ma jistax jilħqu jew jirritornah tajjeb” [traduzzjoni libera]. Ma’ din id-definizzjoni bażika, l-Encyclopædia Britannica żżid fatt storiku interessanti: “l-ewwel kampjonati mondjali saru f’Londra fl‑1926, u minn dakinhar sal‑1939 il-logħba kienet iddominata minn plejers tal-Ewropa ċentrali, bl-avveniment tat-tim tal-irġiel jintrebaħ disa’ darbiet mill-Ungerija u darbtejn miċ-Ċekoslovakja” (2) [traduzzjoni libera].

2.        Sfortunatament, teżisti verżjoni oħra tal-logħba li ġeneralment hija inqas pjaċevoli. Fil-lingwaġġ ġudizzjarju Ċek, iżda probabbilment mhux hemm biss, “ping-pong ġudizzjarju” jew “proċedurali” jirreferi għas-sitwazzjoni li ma hijiex mixtieqa fejn kawża ripetutament tisfa’ bħal mekkuk bejn qrati fi struttura ġudizzjarja, jew, fil-kuntest ta’ ġustizzja amministrattiva, bejn il-qrati u l-amministrazzjoni.

3.        Din il-kawża u l-kwistjonijiet li tikxef tista’ tiġġustifika l-ipoteżi li l-popolarità tal-logħba fl-Ewropa ċentrali, sfortunatament fl-aħħar verżjoni tagħha, jiġifieri dik ġudizzjarja, għadha ma ġietx ikkonfinata għall-kotba tal-istorja u l-enċiklopediji.

4.        Fl-2015, il-leġiżlatur Ungeriż biddel il-kompetenza li l-qrati kellhom fl-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-ażil, qabel huma kellhom il-possibbiltà li direttament jirriformaw deċiżjoni u issa għandhom biss is-setgħa li jannullaw u jirrinvijaw. B’konsegwenza, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jissostitwixxu tali deċiżjonijiet meta jsibu li huma illegali. Huma jistgħu purament jannullaw id-deċiżjoni u jirrinvijaw il-kawża quddiem l-amministrazzjoni għal deċiżjoni ġdida.

5.        A. Torubarov (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) applika għal protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija fl‑2013. L-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda darbtejn mill-amministrazzjoni. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ ċaħda ġew annullati, għal raġunijiet differenti, mill-qorti tar-rinviju. L-amministrazzjoni sussegwentement ċaħdet din l-applikazzjoni għat-tielet darba, apparentament b’nuqqas ta’ osservanza tal-istruzzjonijiet ġudizzjarji li kienu ngħataw mill-qorti tar-rinviju fit-tieni sentenza li annullat it-tieni deċiżjoni amministrattiva.

6.        Il-qorti tar-rinviju issa qiegħda tiddeċiedi l-kwistjoni għat-tielet darba. Affaċċjata mill-problema ta’ amministrazzjoni li ma tridx toqgħod għal deċiżjoni ġudizzjarja, dik il-qorti trid taċċerta jekk tistax tidderiva s-setgħa li tirriforma d-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, u iktar speċifikament, mid-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2013/32”) (3), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

7.        Iva, tista’.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

8.        L-Artikolu 46(1)(a) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

(i)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

3.      Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE (4), ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.”

9.        L-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 jinkludi d-dispożizzjonijiet tranżitorji segwenti:

“L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl- Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva 2005/85/KE (5).

[…]”

10.      Il-“liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1)” tad-Direttiva 2013/32 jinkludu miżuri dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 46 tal-istess direttiva.

B.      Id-dritt Ungeriż

11.      L-Artikolu 46(1)(a) tal‑2007. évi LXXX. törvény a menedékjogról (il-Liġi Nru LXXX tal‑2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ażil”) jipprovdi:

“Fi proċeduri tal-ażil mwettqa mill-awtorità inkarigata mir-refuġjati:

a)      l-ebda appell ma huwa permess u l-ftuħ mill-ġdid tal-kawża ma jistax jintalab;”

12.      Skont l-Artikolu 68(5) u (6) tal-Liġi dwar l-Ażil:

“(5) Il-qorti ma tistax tirriforma d-deċiżjoni tal-awtorità inkarigata mir-refuġjati. Il-qorti għandha tannulla kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva li hija ssib illegali – bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza ta’ regola proċedurali li ma taffettwax il-mertu tal-kawża – u, jekk neċessarju, għandha tordna lill-awtorità responsabbli għad-dritt għall-ażil tibda proċedura ġdida.

(6) Id-deċiżjoni tal-qorti li tagħlaq il-proċedura hija finali, ma hemm l-ebda appell minnha.”

13.      L-Artikolu 339(1) tal‑1952. évi III. törvény a polgári perrendtartásról (il-Liġi Nru III tal‑1952 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (iktar ’il quddiem il-“KPĊ”) jgħid:

“Sakemm il-leġiżlazzjoni rilevanti ma tgħidx mod ieħor, il-qorti għandha tannulla kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva li hija ssib illegali – bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza ta’ regola proċedurali li ma taffettwax il-mertu tal-kawża – u, jekk neċessarju, għandha tordna [lill-korp amministrattiv] iwettaq proċedura ġdida.”

14.      L-Artikolu 109(4) tal‑2004. évi CXL. törvény a közigazgatási hatósági eljárás és szolgáltatás általános szabályairól (il-Liġi Nru CXL tal‑2004 dwar ir-Regoli Ġenerali tal-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi”) jipprovdi:

“L-awtorità għandha tkun marbuta mid-dispożittiv u mill-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-qorti bil-ġurisdizzjoni dwar azzjonijiet amministrattivi, u għandha tipproċedi b’dan il-mod fil-proċedura l-ġdida u meta tieħu deċiżjoni ġdida.”

15.      Skont l-Artikolu 121(1)(f) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi:

“Fil-proċedura rregolata minn dan il-kapitolu, id-deċiżjoni għandha tiġi annullata jekk:

[…]

f)      il-kontenut tad-deċiżjoni huwa kontradittorju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 109(3) u (4)”.

III. Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domanda preliminari

16.      Ir-rikorrent huwa negozjant Russu. Huwa kien membru tal-partit tal-oppożizzjoni Russu “Kawża Ġusta”. Huwa kien ukoll membru ta’ organizzazzjoni ta’ soċjetà ċivili, “L-Assoċjazzjoni Russa tan-Negozju”, li tappoġġja negozjanti fir-Russja.

17.      Mill‑2008 ’il quddiem, diversi azzjonijiet kriminali tressqu kontrih fir-Russja. Huwa vvjaġġa lejn l-Awstrija u sussegwentement lejn ir-Repubblika Ċeka. Minn hemm huwa ġie estradit lejn ir-Russja fit‑2 ta’ Mejju 2013 taħt mandat ta’ arrest internazzjonali. Ladarba kien lura fir-Russja, ir-rikorrent kien akkużat, iżda sussegwentement ġie meħlus.

18.      Fid‑9 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrent qasam il-fruntiera Ungeriża. Dakinhar stess, huwa ġie arrestat mill-pulizija Ungeriża tal-fruntiera u applika għal protezzjoni internazzjonali.

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Awwissu 2014 l-awtorità Ungeriża responsabbli għad-dritt għall-ażil, il-Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, iktar ’il quddiem il-“konvenut”) ċaħdet l-applikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni amministrattiva”). Skont il-konvenut, la l-istqarrijiet tar-rikorrent u lanqas l-informazzjoni fuq il-pajjiż ta’ oriġini ma kienu jsostnu l-allegazzjonijiet li huwa jaffaċċja riskju reali ta’ persekuzzjoni jew dannu serju.

20.      Ir-rikorrent talab stħarriġ ġudizzjarju tal-ewwel deċiżjoni amministrattiva quddiem il-qorti tar-rinviju, li, b’sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2015 annullat id-deċiżjoni tal-konvenut u ordnatlu jwettaq proċedura ġdida (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ġudizzjarja”). Dik il-qorti nnotat li l-ewwel deċiżjoni amministrattiva kien fiha inkonsistenzi, li l-konvenut kien naqas milli jinvestiga numru ta’ fatti, u kien wettaq evalwazzjoni mhux sistematika tal-fatti li huwa vverifika. Il-qorti ordnat lill-konvenut jissupplimenta r-riċerka tiegħu dwar l-informazzjoni fuq il-pajjiż ta’ oriġini u biex iwettaq evalwazzjoni komprensiva tal-fatti u tal-evidenza fi proċedura ġdida.

21.      Permezz tat-tieni deċiżjoni tiegħu, mogħtija fit‑22 ta’ Ġunju 2016, il-konvenut reġa’ ċaħad l-applikazzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni amministrattiva”). Huwa kkonkluda li anki jekk akkużi kriminali kienu nġiebu kontra r-rikorrent fir-Russja għal raġunijiet politiċi, id-dritt għal smigħ xieraq minn tribunal indipendenti kien ikun iggarantit lilu f’dak il-pajjiż. Il-konvenut invoka wkoll dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni miksuba mill-Alkotmányvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni Kostituzzjonali, l-Ungerija). Il-konvenut stqarr li l-preżenza tar-rikorrent fl-Ungerija kienet kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali, għaliex kienu ġew stabbiliti raġunijiet li juru li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1F(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati (6) għall-esklużjoni tiegħu kienet ġiet ssodisfatta.

22.      Ir-rikorrent ikkontesta t-tieni deċiżjoni amministrattiva quddiem il-qorti tar-rinviju. Permezz tat-tieni sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2017, il-qorti tar-rinviju annullat din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ġudizzjarja”). Hija kkonstatat li d-deċiżjoni tal-konvenut kienet illegali għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, minħabba l-evalwazzjoni manifestament inkonsistenti tal-informazzjoni fuq il-pajjiż ta’ oriġini, u t-tieni nett, għaliex hija bbażat fuq id-dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni mogħtija mill-Uffiċċju Ungeriż tal-Protezzjoni Kostituzzjonali, li kienet tinkludi data kunfidenzjali.

23.      Fir-rigward tal-ewwel punt, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li kien issostanzjat b’mod ċar li l-biża’ tar-rikorrent li jkun suġġett għal persekuzzjoni politika kienet fondata. Fir-rigward tat-tieni punt, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-evalwazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni kienet manifestament inkonsistenti għaliex minn din id-dikjarazzjoni ma jirriżultax ċar li r-rikorrent seta’ kien involut f’attivitajiet ta’ servizzi sigrieti barranin li jistgħu jxekklu l-indipendenza jew l-interessi politiċi, ekonomiċi, ta’ difiża jew interessi rilevanti oħrajn tal-Ungerija, u lanqas ma seta’ jiġi affermat li ġiet issodisfatta l-kundizzjoni għall-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1F(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati.

24.      Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju tat istruzzjonijiet lill-konvenut biex iwettaq proċedura ġdida. Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni hija ddikjarat li l-applikazzjoni tar-rikorrent għal protezzjoni internazzjonali għandha bħala prinċipju tingħata.

25.      Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal‑15 ta’ Mejju 2017, il-konvenut ċaħad l-applikazzjoni tar-rikorrent (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni amministrattiva”). Il-konvenut ma kompliex jinvoka l-pożizzjoni msemmija iktar’il fuq. Huwa insista, madankollu, li ma kienx ġie ssostanzjat li l-biża’ tar-rikorrent li jkun suġġett għal persekuzzjoni politika kienet fondata.

26.      F’rikors ippreżentat kontra t-tielet deċiżjoni amministrattiva, ir-rikorrent qiegħed jitlob li l-qorti tar-rinviju tirriforma din id-deċiżjoni u tagħtih status ta’ refuġjat jew minn tal-inqas protezzjoni sussidjarja jew l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Bħala talba sekondarja, huwa qiegħed jitlob li t-tielet deċiżjoni amministrattiva tiġi annullata. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, huwa qiegħed jistqarr li, skont it-tieni deċiżjoni ġudizzjarja, huwa kellu jingħata l-istatus ta’ refuġjat, suġġett biss għall-eżistenza ta’ raġunijiet għall-esklużjoni. It-tielet deċiżjoni amministrattiva hija, fil-fehma tiegħu, invalida għaliex ma tosservax is-sentenza preċedenti tal-qorti.

27.      Il-konvenut qiegħed jerġa’ jistqarr il-pożizzjoni li ħa fit-tielet deċiżjoni amministrattiva.

28.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-konvenut ma osservax it-tieni deċiżjoni ġudizzjarja, li tikkostitwixxi bażi għal annullament skont l-Artikolu 109(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi. Dik il-qorti tinnota wkoll li skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, hija ma għandhiex il-kompetenza li tirriforma deċiżjoni amministrattiva u li tilqa’ direttament l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrent. Lanqas ma għandha s-setgħa li ġġiegħel lill-awtorità responsabbli għad-dritt għall-ażil issegwi sentenza preċedenti, pereżempju billi tissanzjonaha talli ma għamlitx dan. Dik il-qorti tista’ biss tannulla d-deċiżjoni amministrattiva invalida u tordna lill-awtorità responsabbli għad-dritt għall-ażil twettaq proċedura ġdida u toħroġ deċiżjoni ġdida. Madankollu dan jista’ jwassal għal ċiklu proċedurali bla tmiem, li jħalli lil min ifittex ażil jegħreq f’inċertezza legali.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Pécs, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 46(3) tad-[Direttiva 2013/32], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpetat fis-sens li l-qrati Ungeriżi għandhom is-setgħa jirriformaw id-deċiżjonijiet amministrattivi tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil li bihom tiġi miċħuda l-protezzjoni internazzjonali, kif ukoll li jikkonċedu l-imsemmija protezzjoni?”

30.      Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub mir-rikorrent, mill-Gvern Slovakk u minn dak Ungeriż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrent, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali fis-seduta li nżammet fit‑8 ta’ Jannar 2019.

IV.    Evalwazzjoni

31.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda b’żewġ rimarki inizjali dwar l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2013/32 għal din il-kawża u t-terminoloġija adottata f’dawn il-konklużjonijiet (A). Sussegwentement ser nippreżenta r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu li jiġi pprovdut rimedju ġudizzjarju effettiv, kif stabbilit kemm fl-Artikolu 46(3) tad-direttiva, kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta u fid-dritt tal-Unjoni inġenerali (B). Sussegwentement ser nevalwa l-funzjonament tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali meħudin fl-Ungerija fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti (C). Sakemm inevitabbilment nikkonkludi li tali sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju qiegħda tfalli partikolarment f’termini ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ser nagħlaq b’suġġerimenti dwar x’rimedju għandu jiġi applikat fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali (D).

A.      Kummenti preliminari

1.      Applikazzjoni ratione temporis

32.      Ir-rikorrent ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu qabel l‑20 ta’ Lulju 2015. Din id-data bħala prinċipju tiddetermina, skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, l-applikabbiltà tal-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-direttiva. Skont l-istess dispożizzjoni, din id-direttiva tista’ madankollu tapplika wkoll (għal dak li huwa rilevanti hawn) għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015.

33.      Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li fl-Ungerija, id-Direttiva 2013/32 tapplika wkoll għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015. L-avveniment rilevanti għad-determinazzjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2013/32 skont id-dritt nazzjonali jidher li huwa d-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja rilevanti.

34.      F’din il-kawża, id-deċiżjoni amministrattiva rilevanti (it-tielet waħda) ingħatat fil‑15 ta’ Mejju 2017. Għalhekk, ser nipproċedi fuq l-assunzjoni li d-Direttiva 2013/32 hija applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

2.      Terminoloġija

35.      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nagħmel riferiment għal żewġ tipi ta’ stħarriġ ta’ deċiżjoni ta’ amministrazzjonijiet: riforma u kassazzjoni. L-element ta’ distinzjoni f’dan ir-rigward huwa s-setgħa tal-qrati nazzjonali f’termini ta’ (nuqqas ta’) sostituzzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi fuq il-mertu, b’dawk tagħhom stess.

36.      B’riforma (tad-deċiżjoni amministrattiva minn qorti), jien nifhem sitwazzjoni fejn parti minn deċiżjoni jew (id-dispożittiv ta’) deċiżjoni kollha kemm hi ta’ amministrazzjoni tiġi mwarrba u direttament issostitwita (sostanzjalment) b’deċiżjoni tal-qorti. Għalhekk, jekk il-qorti li tkun qiegħda tistħarreġ id-deċiżjoni hija tal-fehma li tista’ tiddeċiedi l-mertu tal-kawża, mela hija stess għandha tagħti deċiżjoni (parzjali) fuq il-mertu, mingħajr il-ħtieġa li tibgħat lura l-każ quddiem l-amministrazzjoni. Id-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwentement tissostitwixxi d-deċiżjoni amministrattiva (kollha kemm hi jew il-parti rilevanti tagħha).

37.      B’kassazzjoni (tad-deċiżjoni amministrattiva minn qorti), qiegħed nirreferi għal struttura istituzzjonali li fiha qorti nazzjonali ma tistax tissostitwixxi xi parti mid-deċiżjoni amministrattiva direttament b’tagħha stess. Hija tista’ biss tannulla d-deċiżjoni amministrattiva (kollha kemm hi jew parti minnha) u tibgħatha lura għand l-amministrazzjoni għal evalwazzjoni mill-ġdid.

B.      Protezzjoni ġudizzjarja effettiva

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiċċara, fis-sentenza reċenti tagħha fil-kawża Alheto (7), xi aspetti tar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (1). Madankollu, għall-għan ta’ din il-kawża, huma sinjifikattivi wkoll il-kunsiderazzjonijiet iktar wesgħin tad-drittijiet kostituzzjonali u fundamentali.

1.      Alheto

39.      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 “jispeċifika l-portata tad-dritt għar-rimedju effettiv li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandu […] ikollhom kontra d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tagħhom”. Din id-dispożizzjoni espressament teħtieġ “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali” minn qorti jew tribunal (8). F’sentenza differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li “[m]inn dan isegwi li l-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu ddeterminati b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (9).

40.      Infakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (10) jikkorrispondi bħala prinċipju mal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) filwaqt li it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (11). Permezz tar-rabta stabbilita fl-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni mogħtija lil dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom ikunu l-istess bħal (jew iktar estensivi minn) dawk tal-imsemmija dispożizzjonijiet tal-KEDB.

41.      Alheto enfasizzat tliet punti kruċjali.

42.      L-ewwel nett, kif stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza b’risposta għas-sitt domanda, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, huma ex ante “għomja” għat-tip ta’ stħarriġ ġudizzjarju li Stat Membru istitwixxa fl-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna “l-‘eżami’ tar-rikors u għaldaqstant ma jirrigwardax l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors” (12). Isegwi li fl-assenza ta’ kwalunkwe miżuri ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri huma għalhekk liberi li jipprevedu stħarriġ ibbażat fuq il-loġika ta’ riforma jew ta’ kassazzjoni.

43.      It-tieni nett, madankollu, kien hemm kundizzjonijiet importanti marbutin ma’ din id-dikjarazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li “mill-għan tagħha, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat ipproċessar kemm jista’ jkun malajr tal-applikazzjonijiet […], mill-obbligu li jiġi ggarantit effett utli għall-Artikolu 46(3) [tad-Direttiva 2013/32], kif ukoll mill-ħtieġa, li tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li tiġi żgurata l-effettività tar-rikors, jirriżulta li kull Stat Membru marbut bl-imsemmija direttiva għandu jadatta d-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li, wara annullament tad-deċiżjoni inizjali u fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni” (13).

44.      Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk timplika s-segwenti: filwaqt li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ma jipprevedi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jittrasponu din id-dispożizzjoni b’mod li jagħtu lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jiddeċiedu huma stess fuq il-mertu ta’ applikazzjoni, il-preżervazzjoni ta’ kwalunkwe effett prattiku ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ li qorti jkollha s-setgħa tifformula gwida mandatorja li għandha tiġi osservata u implimentata mill-amministrazzjoni (14).

45.      It-tielet nett, l-aħħar rekwiżit għandu jinqara flimkien mar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet għat-tielet domanda magħmula fl-istess kawża, fejn stabbilixxiet xi jfisser stħarriġ ġudizzjarju sħiħ u ex nunc skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 (15). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li t-terminu “ex nunc” jirreferi għall-obbligu tal-qorti li tagħmel “evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni […] punti ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors” (16).

46.      L-aġġettiv “sħiħ” jagħmilha ċara li r-rwol tal-qorti ma huwiex biss dak li tivverifika l-osservanza tar-“regoli tad-dritt applikabbli iżda jestendi għall-aċċertament u l-evalwazzjoni tal-fatti” (17). Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, l-eżami sħiħ jirrikjedi li l-qorti tevalwa “kemm il-punti li l-awtorità determinanti ħadet jew setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni” taħt stħarriġ (18).

47.      Għalhekk, bħala sommarju, l-ewwel nett, id-Direttiva 2013/32 ma tiddeterminax mod partikolari li skontu l-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi implimentat. Dan huwa għall-Istati Membri biex jagħżlu, fid-dawl tat-tradizzjonijiet u l-prattiċi ġudizzjarji u amministrattivi tagħhom. Huma jistgħu jagħżlu li d-deċiżjonijiet jiġu rriformati, jistgħu jagħżlu l-kassazzjoni, jew anki naturalment diversi ibridi tat-tnejn. It-tieni nett, il-konklużjoni tat-tnejn hija li tali stħarriġ għandu jkun stħarriġ sħiħ, fejn iż-żewġ kwistjonijiet ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt jistgħu jiġu indirizzati. It-tielet nett, jekk l-Istati Membri jagħżlu l-kassazzjoni, huma għandhom jiggarantixxu li r-riżultat tal-istħarriġ ġudizzjarju magħmul f’din il-forma jkun osservat b’mod veloċi mill-amministrazzjoni meta din l-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni ġdida wara sentenza li tannulla d-deċiżjoni tagħha.

2.      L-istampa (kostituzzjonali) iktar wiesgħa

48.      Il-kjarifiki mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Alheto jikkostitwixxu espressjoni, fil-qasam speċifiku tal-protezzjoni internazzjonali, ta’ prinċipji iktar ġenerali relatati mar-rekwiżit ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv issa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u li jissemma fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (19).

49.      Stħarriġ ġudizzjarju effettiv jikkostitwixxi l-pedament tal-istat tad-dritt li fuqu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja frekwentement fakkret mis-sentenza tagħha f’Les Verts, hija bbażata l-Unjoni (20). Dan tal-aħħar huwa wieħed mill-valuri bażiċi tal-Unjoni, espressi fl-Artikolu 2 TUE, u huwa “komuni għall-Istati Membri f’soċjetà karatterizzata, b’mod partikolari, mill-ġustizzja” (21).

50.      Ir-rwol kwintessenzjali u immutabbli tal-qorti (nazzjonali) huwa li jiġi żgurat li d-dritt jiġi osservat u li d-drittijiet individwali jiġu protetti. Dan ir-rwol huwa, inter alia, assunt mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-amministrazzjoni pubblika. Naturalment, li din il-protezzjoni tingħata diġà fil-livell tal-amministrazzjoni pubblika, mhux talli hija xi ħaġa possibbli iżda hija wkoll xi ħaġa mixtieqa. Madankollu, din il-possibbiltà żgur li la tinnega d-dritt tal-individwi li jkollhom aċċess għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-azzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika u lanqas ir-rwol tal-qrati amministrattivi (22).

51.      Dan ir-rwol għandu jiġi rrispettat ukoll fl-applikazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni. Meta mħallfin nazzjonali jaġixxu qishom imħallfin tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (23), huma naturalment għandhom l-istess dmir inerenti li jiżguraw li d-dritt jiġi osservat u li d-drittijiet tal-individwi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jiġu protetti fuq il-livell nazzjonali. Ir-rwol tal-ġudikatura huwa, skont it-tqassim tal-kompetenzi kostituzzjonali fi kwalunkwe Stat Membru, kruċjali għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni (24).

52.      Ċertament, li fit-tqassim tal-kompetenzi fl-Unjoni kwalunkwe dikjarazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu limitati għall-istanzi li fihom l-Istati Membri jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta) u/jew jaġixxu “fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” (imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE).

53.      Filwaqt li dan huwa naturalment veru, naħseb li jkun utli li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet f’dan ir-rigward: kwistjonijiet speċifikament relatati mar-rimedju jew mal-proċedura (fejn l-argumenti u l-kunsiderazzjonijiet jirrigwardaw element diskret ta’ ġestjoni jew struttura ġudizzjarja), minn naħa, u kwistjonijiet orizzontali jew trażversali (li jidħlu fi kwalunkwe element tal-funzjoni ġudizzjarja nazzjonali), min-naħa l-oħra. Filwaqt li għall-għanijiet tad-diskussjoni tal-ewwel tip, bħalma hija interpretazzjoni potenzjali tal-forma u tal-portata eżatta ta’ rimedji ġudizzjarji fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali previsti fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi stabbilit li kawża taqa’ mingħajr dubju taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kwalunkwe diskussjoni bħal din hija ta’ importanza limitata fit-tieni tip ta’ kawża, fejn il-miżuri meħudin fuq livell nazzjonali, skont id-definizzjoni tagħhom stess, strutturalment jikkonċernaw il-funzjoni ġudizzjarja kollha, irrispettivament jekk kawża individwali tiġix jew le deċiża taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

54.      Għal dawn ir-raġunijiet, nifhem kompletament għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddedikatx ħafna ħsieb, fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses, biex tagħmel distinzjoni preċiża bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE u/jew tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51(1) tal-karta (25). Skont il-fehma tiegħi, il-loġika li tispjega għaliex id-dritt tal-Unjoni jestendi b’mod ċar għal kwistjonijiet ta’ tibdil strutturali, trażversali fil-funzjoni ġudizzjarja nazzjonali hija waħda differenti: kwalunkwe tibdil bħal dan għandu skont id-definizzjoni tiegħu stess ikun applikabbli indiskriminatament għal kwalunkwe u għal kull funzjoni eżerċitata mill-imħallfin nazzjonali. Għalhekk, jekk is-salarji tal-imħallfin nazzjonali qegħdin jitnaqqsu (26), jew jekk ikunu sfurzati biex jirtiraw kmieni (27), jew, b’mod purament ipotetiku, ikunu abbużivament sottoposti għal proċeduri dixxiplinari, jew issirilhom pressjoni minn presidenti, maħtura politikament, tal-qrati tagħhom, jew minn istituzzjonijiet ġudizzjarji nazzjonali oħrajn li jkunu ġew użurpati, kif ukoll jekk kwalunkwe kundizzjonijiet trażversali oħrajn tax-xogħol u tal-funzjoni tagħhom jiġu affettwati, kwalunkwe suġġeriment li dan kollu jiswa biss għax-xogħol tagħhom bħala mħallfin “nazzjonali” filwaqt li, f’dak li jirrigwarda l-atti tagħhom bħala “mħallfin tal-Unjoni”, huma jibqgħu kompletament indipendenti, lanqas biss huwa argument li għandu jiġi diskuss serjament.

55.      Għalhekk, kwalunke miżuri trażversali, orizzontali bħal dawn, li mid-definizzjoni tagħhom stess, ser jaffettwaw kwalunkwe u kull att tal-ġudikaturi nazzjonali huma kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni. U dan, fil-fehma personali tiegħi, fil-parti l-kbira irrispettivament minn jekk il-punt proċedurali speċifiku li wassal għal dik it-tilwima jaqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tradizzjonali. F’dan il-kuntest, diskussjoni ddettaljata dwar il-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tal-Artikolu 51(1) tal-Karta meta kkuntrastat mal-Artikolu 19(1) TUE tidher daqsxejn bħal dibattitu dwar liema kulur għandhom ikunu l-għata tat-te u s-sett tal-ikel biex jintgħażlu għad-dar ta’ xi ħadd, flimkien ma’ skambju passjonali dwar jekk dan it-ton jaqbilx eżatt mal-kulur tal-purtieri diġà magħżulin għall-kamra tal-ikel, filwaqt li jiġi injorat il-fatt li s-saqaf qiegħed iqattar, li l-bibien u t-twieqi tad-dar qegħdin jitneħħew, u li qegħdin jidhru l-konsenturi fil-ħitan. Madankollu, il-fatt li hemm ix-xita dieħla fid-dar u l-ħitan qegħdin jaqgħu dejjem ser ikun strutturalment rilevanti għal kwalunkwe diskussjoni dwar l-istat tad-dar ġudizzjarja, irrispettivament minn jekk il-kwistjoni tal-kulur tal-għata tat-te tiġix eventwalment iddikjarata li taqa’ jew ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont xi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

56.      Finalment, jista’ jkun utli li jiġi mfakkar li dawn il-garanziji istituzzjonali u kostituzzjonali kollha ma humiex għan fihom innifishom. Lanqas ma huma stabbiliti għall-benefiċċju tal-imħallfin. Dawn huma l-mezz għal għan ieħor: li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lil individwi fuq il-livell nazzjonali u għalhekk, għal darba oħra, l-essenza tal-istat tad-dritt (28).

57.      F’salib it-toroq bejn dawn il-prinċipji kostituzzjonali u element neċessarju għall-funzjonament effettiv u xieraq ta’ sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija l-kwistjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. In-nuqqas ta’ osservanza potenzjali tal-eżitu tal-istħarriġ ġudizzjarju jista’ jikkawża problemi b’żewġ modi. Dawn ma jeskludux lil xulxin. Huma purament jaslu għall-istess problema minn perspettivi differenti.

58.      L-ewwel nett, hemm it-tħassib sistematiku, strutturali tal-istat tad-dritt. Minkejja li funzjonament effettiv tal-istħarriġ ġudizzjarju f’settur partikolari huwa suġġett għal regoli speċifiċi (bħalma huwa, f’din il-kawża, ir-rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni ta’ ġurisdizzjoni ex nunc u sħiħa (29)), ladarba qorti tkun ħadet pożizzjoni f’deċiżjoni finali, din id-deċiżjoni trid tiġi segwita u implimentata mill-partijiet kollha li lilhom tkun indirizzata, inkluża naturalment l-amministrazzjoni pubblika. Jekk, madankollu, deċiżjoni ġudizzjarja finali ma tiġix osservata mill-amministrazzjoni pubblika, u jekk tali nuqqas ta’ osservanza ma jkunx inċident ta’ darba, dan ixekkel il-funzjonament xieraq ta’ kwalunkwe soċjetà mibnija fuq il-premessa tal-istat tad-dritt u s-separazzjoni tal-kompetenzi leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji.

59.      It-tieni nett, mill-perspettiva ta’ litigant individwali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu, l-osservanza mill-amministrazzjoni pubblika tad-deċiżjoni ġudizzjarja tikkostitwixxi element importanti għad-dritt għall-aċċess għall-qrati, kif stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Dan id-dritt ma jistax jiġi ridott għall-istadju tal-“input” li jwassal għad-deċiżjoni ta’ qorti, jiġifieri purament il-possibbiltà li “jiġi aċċessat il-bini tal-qorti”, titressaq kawża, u li wieħed ikun jista’ jittrattaha. Naturalment dan jinkludi wkoll ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-“output” tal-eżerċizzju, jiġifieri l-istadju tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali.

60.      Kif stqarret il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, “id-dritt għall-qorti”, inkluż id-dritt ta’ aċċess, jiġifieri d-dritt li titressaq kawża quddiem il-qrati fi kwistjonijiet ċivili, jikkostitwixxi aspett wieħed […] ikun illużorju jekk l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ Stat kontraenti jippermetti li deċiżjoni finali u vinkolanti tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti” (30) [traduzzjoni mhux uffiċċjali]. Il-Qorti EDB kompliet tistqarr li “jkun inkonċepibbli li l-Artikolu [6(1) KEDB] jiddeskrivi fid-dettall garanziji proċedurali mogħtija lil litiganti […] mingħajr ma jipproteġi l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji; li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu [6(1) KEDB] bħala kkonċernat esklużivament bl-aċċess għal qorti u bit-tmexxija ta’ proċeduri probabbilment tkun twassal għal sitwazzjonijiet inkompatibbli mal-prinċipju tal-istat tad-dritt li l-Istati Kontraenti ntrabtu li jirrispettaw meta rretifikaw il-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċċjali].

61.      Il-Qorti EDB, għalhekk ikkonkludiet li “l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn kwalunkwe qorti għandha għalhekk tiġi meqjusa bħala parti integrali mill-“proċeduri” għall-għanijiet tal-Artikolu 6” (31) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Iktar minn hekk, “dan il-prinċipju huwa saħansitra ta’ importanza ikbar fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jikkonċernaw tilwima li l-eżitu tagħha huwa deċiżiv għad-drittijiet ċivili ta’ litigant” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa importanti li “persuna li ġabet sentenza kontra l-Istat fit-tmiem tal-kontenzjuż ma għandhiex tkun mistennija li tressaq proċeduri separati għall-eżekuzzjoni” (32).

62.      Huwa f’dan il-kuntest ġenerali li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża għandha tiġi evalwata.

C.      Din il-kawża: protezzjoni ġudizzjarja effettiva?

63.      L-evalwazzjoni magħmula mll-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Alheto kienet ta’ natura ġenerali u prospettiva. Id-domanda magħmula kienet jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jippreżupponix ċertu metodu għall-implimentazzjoni tiegħu. Ir-risposta għal din id-domanda, diġà indikata iktar ’il fuq fil-punti 39 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kienet waħda negattiva. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu, premess li l-proċeduri istitwiti jissodisfaw ċerti rekwiżiti minimi fil-funzjonament effettiv tagħhom.

64.      B’kuntrast ma’ dan, din il-kawża hija speċifika u retrospettiva fin-natura tagħha. Hija essenzjalment tibda u tkompli fejn il-kwistjoni tħalliet fil-kawża Alheto. F’din il-kawża, Stat Membru diġà eżerċita l-għażla tiegħu fir-rigward tal-forma u l-istruttura proċedurali tal-mudell nazzjonali inkwistjoni. Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija jekk din l-għażla speċifika ta’ proċedura nazzjonali, hijiex, fil-prattika, kif muri fil-kawża prinċipali, kompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

65.      Is-sistema analitika tradizzjonali għall-eżami ta’ tali għażliet proċedurali jew istituzzjonali mwettqa mill-Istati Membri hija r-rekwiżit doppju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li jservi, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, bħala l-limitu awtomatiku għall-awtonomija nazzjonali (proċedurali).

66.      Minkejja li naqbel li f’din il-kawża, il-qofol tal-kwistjoni huwa n-natura (in)effettiva tas-sistema nazzjonali ta’ stħarriġ ġudizzjarju meta eżaminata fid-dawl tar-rekwiżit tal-effettività u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (2), xorta nikkunsidra li huwa istruttiv li l-analiżi tinbeda b’diskussjoni tar-rekwiżit tal-ekwivalenza (1). Dan ukoll għaliex, permezz tal-portata tad-diskrezzjoni kkonferita lill-Istati Membri fil-kawża Alheto f’dak li jirrigwarda kif preċiżament jixtiequ jistrutturaw il-proċeduri tagħhom skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, il-kunsiderazzjoni tal-ekwivalenza ġiet infatti inkluża (mill-ġdid) fi kwadru li fl-assenza ta’ dan seta’ jidher li jirrigwarda purament l-effettività ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

1.      L-ekwivalenza

67.      Ir-rekwiżit tal-ekwivalenza jipprojbixxi, essenzjalment, lil Stat Membru milli jipprevedi regoli proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individiwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għar-rikorsi simili ta’ natura interna (33).

68.      Sabiex jiġi eżaminat dan ir-rekwiżit, għandu jiġi ċċarat preċiżament liema regola għandha tiġi mistħarrġa u liema regoli oħrajn għandha tiġi mqabbla magħhom.

69.      Dwar l-ewwel punt, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mid-diskussjoni li żvolġiet fis-seduta jidher li r-regoli nazzjonali li jiddefinixxu l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali evolvew matul tliet perijodi distinti.

70.      L-ewwel wieħed, qabel il15 ta’ Settembru 2015, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi jidher li kien irregolat b’mod ġenerali mill-prinċipju ta’ kassazzjoni, filwaqt li s-setgħa ta’ riforma kienet eċċezzjoni (34). Is-setgħa li jirriformaw deċiżjoni ngħatat lill-qrati amministrattivi f’ċerti kwistjonijiet, bħal kwistjonijiet dwar status personali (adozzjoni, jew daħliet f’reġistru li jirrigwardaw data personali fl-istatistika vitali); f’materji li jeħtieġu deċiżjoni veloċi (il-kustodja tal-ġenituri jew it-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni adattata għall-kura tat-tfal); f’xi materji ta’ natura ekonomika (il-benesseri tal-familja u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet u l-fatti relatati mal-proprjetà immobbli, taxxa, obbligi għall-ħlas tad-dazji u obbligi oħra ta’ ħlas, trasferiment ta’ proprjetà u l-użu ta’ proprjetajiet residenzjali); u fi kwistjonijiet ta’ rilevanza storika speċifika (tqegħid ta’ materjal f’arkivji ġenerali, jew il-kwistjoni tat-tul ta’ żmien ta’ f’detenzjoni jew kustodja għall-protezzjoni tas-sigurtà pubbliku, jew f’kampijiet tal-priġunieri fl-Unjoni Sovjetika). Kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali (ażil) ukoll ġew inklużi fil-lista ta’ eċċezzjonijiet fit-Taqsima 339(2)(j) tal-KPĊ. Is-setgħa ġudizzjarja ta’ riforma ġiet rikonoxxuta fit-Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil (35). Għalhekk, qabel il-15 ta’ Settembru 2015, l-imħallfin nazzjonali kellhom is-setgħa li jirriformaw id-deċiżjonijiet amministrattivi fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

71.      It-tieni wieħed, bejn il15 ta’ Settembru u l1 ta’ Jannar 2018, il-prinċipju awtomatiku ta’ kassazzjoni fi kwistjonijiet ta’ ġustizzja amministrattiva baqa’ l-istess (36), iżda t-Taqsima 339(2)(j) tal-KPĊ li kienet tinkludi l-eċċezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-ażil, ġiet imħassra (37). Għalhekk, kwistjonijiet ta’ ażil ġew esklużi mil-lista ta’ eċċezzjonijiet, bir-riżultat li l-prinċipju awtomatiku ta’ kassazzjoni reġa’ beda japplika. It-Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil ġiet emendata biex taqra hekk “il-qorti ma tistax tirriforma d-deċiżjoni tal-awtorità inkarigata mir-refuġjati. Il-qorti għandha tannulla kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva li hija ssib illegali […] u, jekk neċessarju, għandha tordna lill-awtorità responsabbli tmexxi proċedura ġdida”.

72.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tispjega li, skont ir-raġunijiet għal din l-emenda mogħtija mil-leġiżlatur, l-għan tagħha kien biex tipprovdi uniformità fid-deċiżjonijiet tal-qrati. Madankollu, dan ir-raġunar ingħata mil-leġiżlatur fir-rigward tal-proposta oriġinali. Din tal-aħħar inizjalment kienet tirrigwarda biss l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ applikazzjonijiet introdotti f’“żoni ta’ tranżitu”. Bil-maqlub, ebda raġunar ma jidher li ngħata dwar ir-riforma riżultanti u kkonċepita b’mod iktar ġenerali li tikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ kull applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (irrispettivament mill-post ta’ fejn din l-applikazzjoni tressqet).

73.      It-tielet wieħed, mill‑1 ta’ Jannar 2018, ir-regola ġenerali u awtomatika applikabbli għall-istħarriġ ġuridiku ta’ deċiżjonijiet amministrattivi nbidlet minn kassazzjoni għas-setgħa ta’ riforma ta’ deċiżjonijiet, bir-regola l-ġdida li tipprevedi li “l-qorti għandha tbiddel l-att amministrattiv jekk in-natura tal-kawża tippermettiha, il-fatti jkunu ċċarati b’mod xieraq u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli t-tilwima legali tista’ tiġi deċiża definittivament” (38). Madankollu, il-qasam tal-protezzjoni internazzjonali baqa’ eskluż minn din ir-regola l-ġdida, minħabba li t-Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil baqgħet ma nbidlitx bħala prinċipju (39). Għalhekk, mill‑1 ta’ Jannar 2018, ir-regola awtomatika ġenerali hija s-setgħa ta’ riforma, iżda deċiżjonijiet dwar il-protezzoni internazzjonali huma fost il-kwistjonijiet li jibqgħu suġġetti għal eċċezzjoni, għalhekk jibqgħu suġġetti għall-prinċipju ta’ kassazzjoni.

74.      Il-proċedura fil-kawża prinċipali jidher li taqa’ taħt it-tieni perijodu, li fih il-kwistjonijiet li jirrelataw mal-protezzjoni internazzjonali ġew esklużi mil-lista ta’ eċċezzjonijiet u għalhekk kienu rregolati mill-prinċipju awtomatiku ta’ kassazzjoni. Hija din is-sistema li għalhekk għandha tkun is-suġġett ta’ din l-evalwazzjoni.

75.      B’ħarsa issa lejn l-elementi għall-komparazzjoni li fid-dawl tagħhom tista’ tiġi eżaminata s-sistema rilevanti (it-tieni), għandu jiġi nnotat li r-regoli armonizzati fid-Direttiva 2013/32 ma jidhirx li għandhom ekwivalent “intern” (nazzjonali) u għalhekk element għall-komparazzjoni. Infatti, il-proċedura inkwistjoni tikkonċerna żona armonizzata ta’ dritt fejn ma hemm ebda element nazzjonali għall-komparazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, “rikorsi simili ta’ dritt intern” li “s-suġġett tagħhom, [il]-kawża tagħhom u [l]-elementi essenzjali tagħhom” (40) jistgħu jiġu kkomparati mal-proċedura inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati minn livell ogħla ta’ astrazzjoni, filwaqt li jkun hemm ukoll tfittxija għall-eqreb analoġija possibbli għar-rikors pertinenti tad-dritt tal-Unjoni jew għar-regola tal-ordinament ġuridiku nazzjonali (41). Madankollu, din l-eqreb analoġija possibbli ma tistax tkun tant astratta li tkopri qasam sħiħ tad-dritt, b’tali mod li tagħmel l-eżerċizzju ta’ komparazzjoni impossibbli.

76.      Filwaqt li hija l-qorti nazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar għandha twettaq din l-evalwazzjoni, abbażi tal-għarfien tagħha tar-regoli nazzjonali proċedurali ddettaljati, ninnota li fit-tieni perijodu li għalih sar riferiment iktar ’il fuq (mill‑15 ta’ Settembru 2015 sal‑1 ta’ Jannar 2018), kwistjonijiet dwar status personali u dawk li n-natura tagħhom titlob, bħala prinċipju, għal determinazzjoni pjuttost veloċi (adozzjoni, kustodja tal-ġenituri jew it-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni għall-kura tat-tfal (42)) baqgħu esklużi, kuntrarjament għall-kwistjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali, mill-prinċipju awtomatiku ta’ kassazzjoni.

77.      Dawn l-oqsma tad-dritt, simili għal deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali, jolqtu elementi importanti tal-istatus personali ta’ individwu, li fir-rigward tiegħu jidher li huwa essenzjali li l-applikazzjoni tal-individwu tingħata determinazzjoni finali u veloċi. Taħt riżerva ta’ evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju dwar jekk il-konklużjoni dwar din il-komparabbiltà tistax tiġi milqugħa fid-dawl tal-għan tagħha, il-kawża tar-rikors u l-karatteristiċi essenzjali tar-rikorsi f’dawn il-kwistjonijiet (43), jidher diffiċli li jiġu identifikati r-raġunijiet u l-argumenti li jispjegaw it-tbegħid sistematiku fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali.

78.      Nixtieq nenfasizza punt wieħed: l-analiżi indikata hawn ma hijiex argument għall-immutabbiltà. Il-fatt li, sa ċertu punt fiż-żmien, kien hemm ċerta sistema proċedurali żgur ma jfissirx li din is-sistema proċedurali ma tistax tinbidel fil-futur. Madankollu, id-domanda rilevanti hija għaliex f’salt wieħed hemm bżonn għal tali bidla, jekk bżonn simili ma jidhirx li kien identifikat f’oqsma oħra simili li baqgħu suġġetti għall-istess regoli.

79.      Huwa fuq dan il-punt li l-argumenti mressqin mill-Gvern Ungeriż ma jikkonvinċux. Tressqu żewġ argumenti minn dan il-gvern dwar għalfejn kien hemm il-bżonn, fl‑2015, li titneħħa s-setgħa ġudizzjarja ta’ riforma tad-deċiżjonijiet u li tiġi ssostitwita purament bis-setgħa ta’ annullament u rinviju: l-ewwel nett, il-qasam tal-protezzjoni internazjonali huwa qasam partikolarment kumpless u diffiċli, li jeħtieġ għarfien speċifiku li huwa preżenti biss fi ħdan amministrazzjoni speċjalizzata u, it-tieni nett, il-bżonn li tiġi żgurata l-uniformità fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.

80.      L-ewwel nett, filwaqt li naturalment mhux qiegħda tiġi miċħuda n-natura sensittiva ta’ kwistjonijiet tal-ażil, għadni mħawwad dwar l-argument li dan il-qasam tad-dritt huwa, għall-kuntrarju ta’ xi wħud mill-kwistjonijiet l-oħra elenkati fit-Taqsima 339(2) tal-KPĊ (44), bħalma huma dawk dwar l-istatus personali jew li jeħtieġu deċiżjoni veloċi, sproporzjonalment iktar kumpless b’tali mod li għandu jkun distint b’dan il-mod.

81.      It-tieni nett, il-Gvern Ungeriż ikompli jispjega l-bżonn li l-qrati f’dan il-kuntest jingħataw biss is-setgħa ta’ annullament minħabba l-bżonn li tiġi żgurata l-uniformità tad-deċiżjonijiet. Dan il-bżonn jiġi, skont dan il-gvern, mill-fatt li l-ebda appell ma jista’ jitressaq kontra d-deċiżjoni ġudizzjarja.

82.      Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa argument kurjuż, fejn il-karrettun jitqiegħed quddiem iż-żiemel, b’akkuża li saret immedjatament wara li ż-żiemel huwa zopp għaliex ma jistax jiġbed il-karrettun sewwa. Jekk wieħed jixtieq jiżgura l-uniformità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’qasam speċifiku, il-mod naturali biex jagħmel dan huwa billi jistabbilixxi qorti ġudizzjarja ogħla li l-inkarigu tagħha jkun li tagħmel preċiżament dan. Ma nistax nara kif l-għan tal-uniformità jista’ jintlaħaq billi l-qrati jiċċaħdu mis-setgħa li jirriformaw deċiżjonijiet filwaqt li s-setgħa ta’ deċiżjoni fuq il-mertu tal-applikazzjonijiet tal-ażil titħalla għand l-amministrazzjoni. Sakemm kwalunkwe stħarriġ, anki ta’ kassazzjoni, jibqa’ possibbli, bil-kompetenza attribwita lil qrati differenti jew lil imħallfin differenti, ikun hemm per definizzjoni l-“perikolu” ta’ konklużjonijiet differenti quddiem qrati differenti. Jew inkella, din l-aħħar konsegwenza turi l-portata loġika sħiħa ta’ dan l-argument, li jista’ jintuża ugwalment biex jiġi ssuġġerit li sabiex il-prassi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tinżamm uniformi quddiem amministrazzjoni waħda, ma jista’ jkun hemm l-ebda stħarriġ ġudizzjarju.

83.      Fid-dawl tal-elementi kollha esposti iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-argumenti mressqin mill-Gvern Ungeriż dwar għalfejn, min-natura tiegħu, is-suġġett tal-protezzjoni internazzjonali kellu jiġi distint sabiex jingħata trattament speċjali, huma diffiċli li jiġu sostnuti.

84.      Din id-diffikultà hija iżjed lampanti jekk wieħed jikkunsidra, bħala argument sussidjarju, il-perijodu ta’ żmien wara r-riforma tal‑1 ta’ Jannar 2018 li biddlet ir-regola awtomatika (għalhekk applikabbli għal kull qasam ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi) mill-prinċipju ta’ kassazzjoni għal dak ta’ riforma, filwaqt li l-ażil inżamm ’il barra minn din ir-regola awtomatika ġdida. Filwaqt li dan il-perijodu ma huwiex direttament rilevanti għal din l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza, għandu jiġi nnotat li l-kompetenza ta’ riforma ta’ deċiżjoni ġiet introdotta bħala regola ġenerali f’numru ta’ oqsma li jidhru inkomparabbilment iktar kumplessi mill-kwistjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali (naturalment, bir-rispett kollu lejn dawn tal-aħħar).

85.      Għalhekk fid-dawl tat-tibdiliet magħmulin għall-istħarriġ ġudizzjarju matul it-tliet perijodi differenti li dwarhom ikkummentajt iktar ’il fuq, ikolli nammetti li ma nistax nara x’jagħmel kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tant speċjali strutturalment u inkompatibbli mal-prinċipju ta’ riforma. Dan bl-ebda mod ma jeskludi l-possibbiltà li jeżistu raġunijiet għal dan it-trattament differenti. Madankollu, jibqa’ l-fatt li jekk dawn jeżistu, ma ġewx imressqa f’dawn il-proċeduri mill-Gvern Ungeriż.

2.      L-effettività

86.      Skont ir-rekwiżit tal-effettività, ir-regoli proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet (45). Iktar minn hekk, il-kwistjoni dwar “jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għand[ha] [t]iġi analizzat[a] billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura fl-intier tagħha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi korpi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura” (46).

87.      It-tifsira ta’ rimedju effettiv fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, diġà ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Alheto u ġiet indikata iktar ’il fuq fil-punti 39 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

88.      Filwaqt li l-kejl għall-evalwazzjoni huwa relattivament ċar, l-ewwel jeħtieġ li jitneħħa tip ieħor ta’ dubju. Fil-qasam ta’ domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, fl-evalwazzjoni tal-effettività jew tal-ekwivalenza, hija tista’ tipprovdi gwida dwar il-kompatibbiltà ġenerali, normattiva: regoli nazzjonali strutturati u/jew applikati b’ċerta mod huma jew ma humiex kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-fokalizzazzjoni hija fuq kunflitt bejn ir-regoli, filwaqt li jiġi preżunt li l-korpi nazzjonali jew l-amministrazzjonijiet effettivament “jilagħbu skont ir-regoli”, u fuq il-funzjonament ġenerali tar-regola, u mhux fuq l-applikazzjoni potenzjalment żbaljata tagħha f’din il-kawża.

89.      Dan il-kwadru tradizzjonali jsir pjuttost iżjed sfukat jekk dawn iż-żewġ saffi jibdew jiċċaqalqu: x’jiġri jekk, f’każ individwali, id-“dritt applikat” ikun differenti mid-“dritt fil-kotba”?

90.      Is-separazzjoni potenzjali bejn iż-żewġ livelli ta’ analiżi hija riflessa wkoll fil-perspettivi differenti introdotti iktar ’il fuq fil-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet: minn naħa, hemm l-analiżi strutturali ta’ ċerta mudell jew l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika li tista’ tindika nuqqasijiet strutturali. Min-naħa l-oħra, hemm l-analiżi tal-każ individwali li tista’, fil-kawża inkwistjoni, tammonta għal ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ applikant individwali, filwaqt li ma tammontax għal problema strutturali. Din tal-aħħar tista’ tiġi mwarrba bħala nuqqas ta’ darba (ta’ sistema li hija min-naħa l-oħra tajba).

91.      Nixtieq li nagħmilha pjuttost ċara li, fil-fehma tiegħi, din il-kawża tibqa’ istanza tal-ewwel tip ta’ analiżi. Jista’ jsir argument li l-kawża preżenti ma hija xejn iktar minn applikazzjoni żbaljata individwali ta’ dritt f’każ speċifiku ta’ applikant wieħed individwali li ma ġġorr l-ebda prova ta’ nuqqasijiet strutturali usa’.

92.      Madankollu, dan is-suġġeriment huwa impossibbli li jiġi sostnut.

93.      L-ewwel nett, kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq fil-punti 67 sa 85 fid-diskussjoni tar-rekwiżit tal-ekwivalenza, din il-kawża hija stabbilita sewwa f’tip jew f’mudell ta’ stħarriġ ġudizzjarju li l-parametri tiegħu ġew stabbiliti mil-leġiżlatur. Dawn il-parametri neċessarjament jillimitaw dak li mħallef, f’kawża speċifika bħal din, jista’ jagħmel.

94.      It-tieni nett, il-Gvern Ungeriż isostni li l-operazzjoni tas-sistema kif intwera f’din il-kawża hija l-operazzjoni li kienet imfittxija mil-leġiżlatur, speċjalment fid-dawl tal-ispjegazzjoni tal-gvern dwar l-interpretazzjoni tat-Taqsima 109(4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi. Infatti, il-Gvern Ungeriż ressaq viżjoni pjuttost unika dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-ġustizzja amministrattiva fl-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi skont din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward huwa qal li l-qrati amministrattivi jistgħu biss jagħtu istruzzjonijiet dwar liema fatti għandhom jiġu eżaminati, liema prova ġdida għandha tinġabar u biex jinterpretaw, b’mod astratt, il-leġiżlazzjoni u jindikaw il-fatturi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-amministrazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Bil-maqlub, il-qorti amministrattiva ma tistax torbot lill-amministrazzjoni fl-evalwazzjoni speċifika tagħha fil-każ individwali u ma tistax tiddeċiedi l-kawża minflok l-awtorità inkarigata mir-refuġjati, li hija inkarigata li tagħmel dan skont id-Direttiva 2013/32.

95.      Għalhekk, ladarba jidher biċ-ċar li ma huwiex istanza unika, dan il-każ għandu minflok jitqies bħala eżempju individwali ta’ disinn istituzzjonali intenzjonali usa’. F’dan ir-rigward, u bil-preżunzjoni li għandha l-parametri kif intwera minn din il-kawża u kif ġie spjegat ulterjorment mill-Gvern Ungeriż, il-kwistjoni tal-effettività strutturali tal-mudell speċifiku ta’ stħarriġ ġudizzjarju li l-Ungerija għażlet biex timplimenta l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 tista’ infatti tiġi evalwata.

96.      Evalwat fuq din il-bażi, mudell ta’ stħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li fih il-qrati għandhom biss is-setgħa ta’ kassazzjoni filwaqt li l-gwida ġudizzjarja li jagħtu fid-deċiżjonijiet tagħhom ta’ annullament effettivament ma tiġix osservata mill-korpi amministrattivi, jonqos b’mod ċar milli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv previsti fl-Artikoli 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u interpretati fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

97.      Qabel kollox, nixtieq nenfasizza li ma hemm l-ebda dubju li l-amministrazzjoni kompetenti biex teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza (47) (jiġifieri fil-livell amministrattiv) taqdi rwol partikolarment importanti fis-sistema tal-protezzjoni tal-ażil kif imfassla mid-Direttiva 2013/32 (48).

98.      Minkejja dan, diffiċilment jirriżulta minn tali konferma tar-rwol prinċipali mwettaq mill-amministrazzjonijiet li kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju sussegwenti għandu jkun parzjali jew limitat. Partikolarment, nixtieq nieqaf ftit mal-perspettiva msemmija iktar ’il fuq tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ppreżentata mill-Gvern Ungeriż. It-Taqsima 109(4) li diġà ġiet ikkwotata tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi tipprovdi li l-“awtorità għandha tkun marbuta mid-dispożittiv u mill-ġustifikazjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-qorti bil-ġurisdizzjoni dwar azzjonijiet amministrattivi, u għandha tipproċedi b’dan il-mod fil-proċedura l-ġdida u meta tieħu deċiżjoni ġdida. (49)”

99.      Superfiċjalment, din id-dispożizzjoni tidher pjuttost simili għal numru ta’ dispożizzjonijiet oħrajn li jistgħu jinstabu f’sistemi tat-tip ta’ stħarriġ ta’ kassazzjoni tad-deċiżjonijiet amministrattivi. Madankollu, dak li huwa differenti hija l-interpretazzjoni (dejqa ħafna) ta’ din id-dispożizzjoni mill-Gvern Ungeriż.

100. Naturalment huwa veru li d-disinn u l-interpretazzjoni tat-Taqsima 109(4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi huma f’idejn il-leġiżlatur u l-qrati nazzjonali.

101. Madankollu, jekk din l-istess dispożizzjoni tintuża bħala għodda għall-eżekuzzjoni ta’ drittijiet mogħtija lil individwu mid-dritt tal-Unjoni, bħal fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali koperti mid-dritt tal-Unjoni, l-interpretazzjoni mogħtija lil din id-dispożizzjoni mill-Gvern Ungeriż ovvjament ma tkunx sostenibbli. Kif diġà stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, kif interpretati fil-kawża Alheto, jinkludu stħarriġ ex nunc b’ġurisdizzjoni sħiħa kemm fir-rigward tad-dritt u kif ukoll tal-fatti, b’effetti vinkolanti fuq l-amministrazzjoni li għandu jiġi implimentat b’mod veloċi minn din l-amministrazzjoni (50).

102. Dan ifisser li qorti nazzjonali li tistħarreġ kwalunkwe deċiżjoni bħal din tkun intitolata li tagħti gwida vinkolanti kemm fuq kwistjonijiet ta’ dritt kif ukoll fuq evalwazzjonijiet tal-fatti relatati mal-kawża individwali, li bihom l-amministrazzjoni tkun marbuta strettament u trid issegwihom. Din il-perspettiva ta’ stħarriġ ġudizzjarju hija differenti ħafna: qorti tad-dritt qiegħda hemm biex tistħarreġ u tikkontrolla l-amministrazzjoni pubblika, mhux biex taġixxi bħala “amicus administratoris” umli, li tagħti suġġerimenti dwar kif id-dritt jista’ jiġi interpretat jew liema fatti l-amministrazzjoni tista’ forsi tiġbor id-darba ta’ wara.

103. Min-naħa l-oħra, huwa wkoll naturalment veru li jista’ jkun hemm tali effetti vinkolanti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja biss fir-rigward tal-kwistjoni koperta minn din id-deċiżjoni. Fi kliem ieħor, wara deċiżjoni tal-qorti f’ċerti kwistjonijiet, l-ispazju fattwali u legali li fih l-amministrazzjoni tista’ taġixxi jiċkien. Sal-punt fejn il-qorti effettivament “għalqet” xi spazju legali minn kunsiderazzjoni ulterjuri b’determinazzjoni finali, l-istess domanda ma tistax terġa’ tiġi evalwata. Jekk isir mod ieħor dan ikun jisfida l-kunċett u l-għan ta’ kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju, u effettivament ibiddel il-ġustizzja amministrattiva f’logħba interminabbli ta’ ping-pong proċedurali.

104. B’kuntrast ma’ dan, l-amministrazzjoni tista’ tagħmel l-evalwazzjoni tagħha fl-ispazju legali li jitħalla “miftuħ” mill-imħallef u, fil-kuntest speċifiku tal-protezzjoni internazzjonali, fejn l-evalwazzjoni għandha ssir ex nunc, hija wkoll obbligata tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe fatti ġodda jekk tali fatti ġodda jirriżultaw bejn id-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ annullament u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva ġdida.

105. Madankollu, fuq iż-żewġ punti, l-amministrazzjoni għandha tuża l-“ispazju” li potenzjalment tħalla miftuħ minn deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti u/jew in-natura ex nunc ta’ evalwazzjoni magħmula f’bona fide: filwaqt li l-amministrazzjoni għandha kontinwament tevalwa ċ-ċirkustanzi fattwali, hija ma tistax tuża (ħażin) dan l-obbligu sabiex tinvoka elementi li huma, formalment, ġodda, iżda li ma għandhom l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni fattwali sabiex tevita l-limiti tal-evalwazzjoni ġudizzjarja preċedenti li kienet neċessarjament marbuta mad-deċiżjoni amministrattiva preċedenti li kienet tinkludi elementi fattwali speċifiċi.

106. Nixtieq inżid li, fil-fehma tiegħi, l-istess konklużjoni tirriżulta wkoll mir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (51), li miegħu għandhom jikkonformaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u l-implimentazzjoni tiegħu mill-Istati Membri (52).

107. Għandu jiġi nnotat f’dan il-kuntest li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ikun imċaħħad minn kwalunkwe effett prattiku jekk l-amministrazzjoni titħalla terġa’ tiftaħ kwistjonijiet li jkunu diġà ġew deċiżi f’deċiżjoni finali ta’ qorti (53). Tali sitwazzjoni tkun tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu jitqies parti mid-dritt għal rimedju effettiv u huwa “wieħed mill-aspetti fundamentali tal-istat tad-dritt (54)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Infatti, kif fakkret il-Qorti EDB, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li “fejn il-qrati jkunu finalment iddeterminaw xi kwistjoni, id-deċiżjoni tagħhom ma tistax tiġi ddubidata” (55) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Iktar minn hekk, kif diġà ġie diskuss b’mod ġenerali iktar ’il fuq (56), nuqqas ta’ rispett tar-rekwiżit ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv imur kontra l-valur innifsu tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea.

108. Lura għall-kawża prinċipali, fid-dawl tal-elementi ppreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju, kwalunkwe spazju għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li fadal lill-amministrazzjoni jidher li ngħalaq mill-qorti tar-rinviju wara l-annullament tat-tieni deċiżjoni amministrattiva. Infatti, filwaqt li fl-ewwel annullament il-qorti tar-rinviju ordnat l-amministrazzjoni biex teżamina evidenza speċifika, fit-tieni sentenza ta’ annullament hija ddikjarat li l-applikazzjoni tar-rikorrent għall-protezzjoni internazzjonali kellha tintlaqa’ għaliex l-element ta’ biża’ fondata ġie stabbilit. Għalhekk ma kinitx possibbli li l-amministrazzjoni tiftaħ mill-ġdid din l-evalwazzjoni.

109. Iktar minn hekk, jista’ jingħad ukoll li billi tonqos milli tosserva l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali, kif esposta fir-raġunijiet għat-tieni deċiżjoni ta’ annullament, l-amministrazzjoni tawlet it-tul ġenerali tal-proċeduri (li fil-preżent damu ħames snin u li għad baqa’ x’jiżdied magħhom). B’dan il-mod, hija xekklet il-kisba tal-għan ta’ stħarriġ fil-pront li kemm l-istadji amministrattivi u ġudizzjarji tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ifittxu (57).

110. Għal dawn ir-raġunijiet, il-konklużjoni provviżorja tiegħi hija li mudell ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li fih il-qrati huma mogħtija biss is-setgħa ta’ kassazzjoni iżda li fih il-gwida ġudizzjarja li jagħtu fid-deċiżjonijiet ta’ annullament tagħhom effettivament ma tiġix osservata mill-korpi amministrattivi meta jerġgħu jiddeċiedu dwar l-istess każ, kif intwera fil-kawża prinċipali, jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv previsti fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u interpretati fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47(1) tal-Karta.

D.      Rimedju

111. Il-konklużjoni provviżorja li għadni kemm wasalt għaliha toħloq żewġ kwistjonijiet oħra li wkoll ġew indirizzati mill-qorti tar-rinviju: liem rimedju u meta preċiżament għandu jiġi applikat fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża?

1.      Liema rimedju?

112. Din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ xi diskussjoni fis-seduta. Il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-Gvern Ungeriż dwar l-istrumenti u l-miżuri li huma previsti mid-dritt Ungeriż li jistgħu jiżguraw l-eżekuzzjoni effettiva ta’ deċiżjoni ġudizzjarja kontra l-amministrazzjoni. Jidher, mit-tweġiba pprovduta, u taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, li ma teżisti ebda tali miżura.

113. Fi proċedura li tkun għadha għaddejja, jidher li l-qorti nazzjonali ma tistax tisforza lill-amministrazzjoni biex tieħu xi azzjoni speċifika fir-rigward tal-mertu tal-każ. Anki jekk fl-astratt, wieħed jista’ forsi jissuġġerixxi l-impożizzjoni ta’ multi jew il-ħruġ ta’ ordnijiet, (pjuttost apparti mill-mistoqsija dwar l-effettività tagħhom) dawn il-miżuri jidhru li ma humiex disponibbli.

114. Ġaladarba l-qorti tagħti deċiżjoni finali dwar il-mertu, il-kawża u l-proċedura ġudizzjarja relatati magħha jingħalqu. Imbagħad issir loġikament impossibbli għall-qorti biex tibda teżegwixxi d-deċiżjoni tagħha stess fuq l-amministrazzjoni, ġaladarba ma hemmx kawża pendenti minn fejn tibda. Infatti, id-deċiżjoni tal-qorti għandha tiġi imposta fuq l-amministrazzjoni b’sempliċi operazzjoni tal-liġi, jiġifieri t-Taqsima 109(4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi, sakemm l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u r-realtà nazzjonali tassew iwasslu għal din il-konklużjoni.

115. Għalhekk, jidher li ma hemm l-ebda alternattivi vijabbli fid-dritt nazzjonali għall-osservanza volontarja ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tagħti lill-qrati s-setgħa li jġegħlu lill-amministrazzjoni tosserva d-deċiżjoni tagħhom. Il-kwistjoni infatti ssir waħda dwar, kif tidentifika l-qorti tar-rinviju, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprovdix lill-qorti nazzjonali b’xi rimedju f’tali sitwazzjoni.

116. Fil-fehma tiegħi, iva. Kif stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ okkażjonijiet, “skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li huwa karatteristika essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni […] dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk dawn ikunu ta’ livell kostituzzjonali, ma jist[għux] jaffettwa[w] l-effett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat” (58). Il-prinċipju tas-supremazija (u ta’ effett dirett (59)) għalhekk jobbliga lill-qorti nazzjonali twarrab kwalunkwe regola nazzjonali li tinkwadra l-istħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali b’tali mod li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, u li jwaqqaf il-qorti nazzjonali milli tikseb l-għan imfittex minn dawn ir-regoli (60).

117. Nifhem li f’din il-kawża, ma huwiex possibbli li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. L-inapplikazzjoni tar-regola inkompatibbli hija għalhekk, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, l-unika rimedju possibbli f’din il-kawża (61). Madankollu, il-mistoqsija li immedjatament tqum hija kif tali inapplikazzjoni tkun topera fil-kuntest tal-kawża preżenti.

118. Dan ikun jiddependi minn liema regoli proċedurali finalment japplikaw għall-kawża prinċipali fil-mument meta l-qorti tar-rinviju tiddediedi dwarha għal darba oħra.

119. Jekk ir-regoli proċedurali applikabbli jkunu dawk fis-seħħ mill1 ta’ Jannar 2018, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni tkun tfisser l-esklużjoni tal-eċċezzjoni li neħħiet il-possibbiltà li jiġu rriformati deċiżjonijiet amministrattivi fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali mill-qrati amministrattivi. Qiegħed nifhem li din l-eċċezzjoni hija inkluża fl-Artikolu 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil. Każ ittrattat fuq livell nazzjonali jkun sussegwentement jaqa’ lura għas-setgħa ġenerali ta’ riforma ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li llum hija eżerċitata skont it-Taqsima 90(1) tal-KTA.

120. Jekk id-dritt proċedurali applikabbli jkun dak fis-seħħ bejn il15 ta’ Settembru 2015 u l1 ta’ Jannar 2018, is-setgħa ta’ riforma tad-deċiżjonijiet amministrattivi f’din il-kwistjoni tista’ tiġi eżerċitata bl-inapplikazzjoni tal-liġi li ħassret l-ittra (j) mil-lista inkluża fit-Taqsima 339(2) tal-KPĊ kif kienet fis-seħħ qabel il‑15 ta’ Settembru 2015 u li emendat ukoll it-Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil. Għalhekk, ir-regoli proċedurali effettivament jaqgħu lura għas-sistema li kienet teżisti fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali qabel il‑15 ta’ Settembru 2015.

121. B’konklużjoni, it-tema komuni hija li s-soluzzjoni ssuġġerita tkun tikkonsisti effettivament fl-esklużjoni tal-esklużjoni tas-setgħa ta’ riforma ta’ deċiżjonijiet fl-istħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali. Fiż-żewġ xenarji, wara din l-esklużjoni, l-imħallfin nazzjonali ma jkunux inkarigati biex jagħmlu xi ħaġa li ma kinux imdorrija jagħmlu qabel u li ma hijiex effettivament il-pożizzjoni proċedurali awtomatika llum.

2.      Meta tiskatta?

122. Il-mistoqsija finali tikkonċerna l-mument meta s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni tiskatta l-effett ta’ esklużjoni msemmi iktar ’il fuq. Fid-dawl tar-rekwiżiti kumulattivi ta’ stħarriġ fil-pront u osservanza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti inklużi fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-mument li fih is-setgħa msemmija iktar ’il fuq tal-imħallef nazzjonali tkun skattata jkun jikkorrispondi għas-sitwazzjoni fejn (i) l-evalwazzjoni ċara inkluża f’deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla deċiżjoni amministrattiva ma tiġix osservata mill-amministrazzjoni, (ii) mingħajr ma din tal-aħħar tressaq kwalunkwe element ġdid li hija kellha raġonevolment u leġittimament tressaq għall-kunsiderazzjoni, u għalhekk il-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija lir-rikorrent tiċċaħħad minn kull effett prattiku.

123. Fi kliem sempliċi, il-punt ta’ skattar ma huwiex dwar in-numri, iżda dwar il-kwalità. Skont il-loġika tal-għeluq tal-ispazji għat-teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi permezz ta’ evalwazzjoni ġudizzjarja li diġà seħħet, enfasizzata iktar ’il fuq fil-punti 103 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet, qorti nazzjonali takkwista l-kompetenza li tirriforma deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni l-ewwel darba li d-deċiżjoni tagħha ma ġietx osservata. Ma jimpurtax jekk din tiġri fir-seba’, fit-tielet, jew anki fit-tieni episodju ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

124. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni konklużjoni provviżorja tiegħi hija li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, qorti nazzjonali, li tkun qiegħda tiddeċiedi f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, għandha twarrab ir-regola nazzjonali li tillimita s-setgħa tagħha biss għall-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva rilevanti. Dan l-obbligu jirriżulta meta l-evalwazzjoni ċara inkluża f’deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla deċiżjoni amministrattiva preċedenti ma tiġix osservata mill-amministrazzjoni li tkun qiegħda tiddeċiedi l-istess każ mill-ġdid, mingħajr ma din tal-aħħar tressaq kwalunkwe element ġdid li hija setgħet raġonevolment u leġittimament tressaq għall-kunsiderazzjoni, u għalhekk il-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija lir-rikorrent tiċċaħħad minn kull effett prattiku.

125. Bħala rimarka finali, għandu jiġi nnotat li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw ir-rwol kruċjali tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv fil-preżervazzjoni tal-istat tad-dritt fi kwalunkwe ordinament ġuridiku japplikaw għal kwalunkwe qasam tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi implimentat fuq il-livell nazzjonali. Dan huwa veru partikolarment fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-grad tal-effetti vinkolanti ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-obbligi li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet pubbliċi bis-sħiħ u f’bona fide. Madankollu, għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-kawża preżenti tikkonċerna r-rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-veloċità u l-kwalità tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ dritt sekondarju ddettaljat, jiġifieri l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li jirrigwarda qasam partikolarment speċifiku tad-dritt.

V.      Konklużjoni

126. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Pécs, l-Ungerija) kif ġej:

–        L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni), flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li mudell ta’ stħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li fih il-qrati huma mogħtija biss is-setgħa ta’ kassazzjoni iżda li fih il-gwida ġudizzjarja li jagħtu fid-deċiżjonijiet tagħhom ta’ annullament effettivament ma tiġix osservata mill-korpi amministrattivi meta jerġgħu jiddeċiedu dwar l-istess każ, kif intwera fil-kawża prinċipali, jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv previsti fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u interpretati fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

–        Qorti nazzjonali, li tkun qiegħda tiddeċiedi f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, għandha twarrab ir-regola nazzjonali li tillimita s-setgħa tagħha biss għall-annulament tad-deċiżjoni amministrattiva rilevanti. Dan l-obbligu jirriżulta meta l-evalwazzjoni ċara inkluża f’deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla deċiżjoni amministrattiva preċedenti ma tiġix osservata mill-amministrazzjoni li tkun qiegħda tiddeċiedi l-istess każ mill-ġdid, mingħajr ma din tal-aħħar tressaq kwalunkwe element ġdid li hija setgħet raġonevolment u leġittimament tressaq għall-kunsiderazzjoni, u għalhekk il-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija lir-rikorrent tiċċaħħad minn kull effett prattiku.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Daħla “Table tennis”, Britannica Academic, Encyclopædia Britannica, 21 ta’ Awwissu 2018, https://academic.eb.com/levels/collegiate/article/table-tennis/70842 (l-aħħar aċċess sar fil‑15 ta’ Jannar 2019).


3      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 60).


4      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


5      Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal- 1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168–189 (MT))


6      Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.


7      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018 (C‑585/16, EU:C:2018:584).


8      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 105 u 106).


9      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, E. G. (C‑662/17, EU:C:2018:847, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi: “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”


11      Fl-istess ħin, spjegazzjonijiet relatati mal-Karta jagħmluha ċara li l-protezzjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta hija iktar estensiva minn dik mogħtija mill-Artikolu 13 KEDB, għaliex hija tiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Iktar minn hekk, ikkumparat mal-Artikolu 6(1) KEDB, id-dritt għal smigħ xieraq skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex ikkonfinat għal disputi relatati ma’ drittijiet u obbligi tad-dritt ċivili jew għal akkużi fil-qasam kriminali. Ara Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


12      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 145).


13      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 148).


14      Ara, f’dan ir-rigrawd, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327, punt 71).


15      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 102 sa 118).


16      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 111). Fl-istess kuntest u, iktar speċifikament, dwar in-neċessità li l-qorti ta’ stħarriġ iżżomm seduta, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punti 42 sa 48).


17      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327, punt 68).


18      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 113).


19      Sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Sentenzi tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23), u tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punti 38 u 39). Ara, iktar reċenti, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlamentu Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 30). Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Kif issuġġerejt banda oħra, is-setgħa u r-responsabbiltà li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt finalment tinsab f’idejn il-qorti (nazzjonali). Għalhekk, il-fatt li ċerti elementi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali huma kwistjonijiet ta’ diskrezzjoni amministrattivi ma jistax iċaħħad lill-qrati mir-rwol inerenti tal-protezzjoni tad-drittijiet individwali - ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:387, punti 127 sa 129) u f’Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:494, punt 112).


23      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105).


24      Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punti 41, 42 u 65 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 42 et seq); tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 35 sa 37); u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 60 et seq.).


25      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29).


26      Bħal fil-kwistjoni li wasslet għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117).


27      Din kienet inkwistjoni fil-kwistjoni li wasslet għad-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, IlKummissjoni vs IlPolonja (C‑619/18 R, EU:C:2018:1021).


28      Sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 36).


29      Stabbilit fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32.


30      Qorti EDB, 19 ta’ Marzu 1997, Hornsby vs Il-Greċja (CE:ECHR:1997:0319JUD001835791, punt 40), fejn ġie deċiż li kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 6(1) minħabba l-assenza ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mill-awtorità eżekuttiva. Dawn il-kunsiderazzjonijiet baqgħu jiġu kkonfermati kemm-il darba. Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, 7 ta’ Mejju 2002, Burdov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2002:0507JUD005949800, punt 34 sa 37), il-Qorti EDB, 6 ta’ Marzu 2003, Jasiūnienė vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2003:0306JUD004151098, punt 27 sa 31), il-Qorti EDB, 7 ta’ April 2005, Užkurėlienė vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2005:0407JUD006298800, punt 36), fejn madankollu ma nstab l-ebda ksur tal-Artikolu 6(1) KEDB minħabba t-tardività allegata fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza ġudizzjarja, il-Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2005, Malinovskiy vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2005:0707JUD004130202, punti 34 sa 39), il-Qorti EDB, 31 ta’ Ottubru 2006, Jeličić vs Il‑Bosnja-Ħerzegovina (CE:ECHR:2006:1031JUD004118302, punti 38 sa 45), il-Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2009, Yuriy Nikolayevich Ivanov vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2009:1015JUD004045004, punti 51 sa 57), u il-Qorti EDB, 19 ta’ Ġunju 2012, Murtić u Ćerimović vs Il‑Bosnja-Ħerzegovina (CE:ECHR:2012:0619JUD000649509, punti 27 sa 30).


31      Qorti EDB, 19 ta’ Marzu 1997, Hornsby vs Il‑Greċja (CE:ECHR:1997:0319JUD001835791, punt 40).


32      Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2018, Sharxhi et vs L‑Albanija (CE:ECHR:2018:0111JUD001061316, punti 92 sa 93), fejn tiġi ċċitata l-Qorti EDB, 12 ta’ Lulju 2005, Okyay et vs It‑Turkija (CE:ECHR:2005:0712JUD003622097, punt 72). Ara wkoll, il-Qorti EDB, 15 ta’ Jannar 2009, Burdov vs Ir‑Russja (Nru 2) (CE:ECHR:2009:0115JUD003350904, punt 68).


33      Ara riċentement, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 25) jew tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara t-Taqsima 339(1) tal-KPĊ li kienet fis-seħħ dak iż-żmien. Għal-lista (miftuħa) ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ara t-Taqsima 339(2) tal-KPĊ.


35      “Il-qorti tista’ tirriforma d-deċiżjoni tal-awtorità inkarigata mir-refuġjati. Id-deċiżjoni tal-qorti hija finali u ma tistax tiġi appellata”.


36      Ara t-Taqsima 109(4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi u t-Taqsima 339(1) tal-KPĊ. L-istess leġiżlazzjoni kienet ukoll fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Settembru 2015.


37      Ara egyes törvényeknek a tömeges bevándorlás kezelésével összefüggő módosításáról szóló 2015. évi CXL. törvény (il-Liġi CXL tal‑2015 dwar l-emendi ta’ ċerti liġijiet dwar l-immaniġġar tal-immigrazzjoni tal-massa).


38      Taqsima 90(1) ta’ a közigazgatási perrendtartásról szóló 2017. évi I. törvény (tal-Kodiċi il-ġdid dwar it-Tilwim Amministrattiv, Att I tal‑2017) (iktar ’il quddiem il-“KTA”) li ssostitwixxa mill‑1 ta’ Jannar 2018, il-KPĊ l-antik fir-rigward ta’ proċeduri ġudizzjarji amministrattivi.


39      Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil tipprovdi li “d-deċiżjoni tal-awtorità inkarigata mir-refuġjati ma tistax tiġi rriformata mill-qorti.”


40      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai (C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C‑78/98, EU:C:2000:247, punt 57).


41      Ara, dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi f’Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553, punti 100 sa 103).


42      Ara iktar ’il fuq, punti 70 u 71.


43      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 27).


44      Ara l-punt 70 iktar ’il fuq.


45      Ara, riċentement, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Riċentement, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroack (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14), u tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 19).


47      “Awtorità determinanti”, biex nuża l-kliem tad-Direttiva 2013/32, iddefinita fl-Artikolu 2(f) tagħha bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”.


48      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat infatti li “l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn organu amministrattiv jew semiġudizzjarju pprovdut b’riżorsi speċifiċi u b’persunal speċjalizzat fil-qasam huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2013/32”. Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 116), u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 96).


49      Enfasi miżjuda minni.


50      Iktar ’il fuq, punti 41 sa 47.


51      Dwar ir-relazzjoni ta’ bejn il-prinċipju tal-effettività bħala wieħed mir-rekwiżiti doppji li jirriżultaw mill-kunċett tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u tad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Banger (C‑89/17, EU:C:2018:225, punti 99 et seq.).


52      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, E. G. (C‑662/17, EU:C:2018:847, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      Ara, b’analoġija, ukoll il-Qorti EDB, 2 ta’ Novembru 2004, Tregubenko vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2004:1102JUD006133300, punti 34 sa 38), u Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2011, Agrokompleks vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2011:1006JUD002346503, punti 150 u 151).


54      Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2011, Agrokompleks vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2011:1006JUD002346503, punti 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55      Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2011, Agrokompleks vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2011:1006JUD002346503, punti 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56      Ara, iktar ’il fuq, il-punti 48 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Dwar il-fażi qabel dik ġudizzjarja ara l-Artikolu 31(2) kif ukoll il-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32. Fir-rigward tal-obbligu tal-qrati li jiżguraw “ipproċessar kemm jista’ jkun malajr”, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 148).


58      Ara s-sentenza s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      Mingħajr ma nixtieq nidħol fid-diskussjoni (pjuttost akkademika) ta’ jekk it-twarrib ta’ kwalunkwe regoli nazzjonali kunfliġġenti f’kawża bħal din huwiex biss il-konsegwenza tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jew tas-supremazija u tal-effett dirett, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta diġà ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li għandu l-effett dirett fis-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16 EU:C:2018:257, punt 78).


60      Ara wkoll b’analoġija s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 30, u 62 sa 64).


61      Minkejja li naturalment, almenu fit-teorija, ir-rimedju għad-danni għall-ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli għal Stat Membru jista’ wkoll jiġi kkontemplat, huwa pjuttost ċar li fis-sitwazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali tali rimedju jkun illużorju u ineffettiv.