KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑17 ta’ Ġunju 2021 (1)
Kawża C‑203/20
AB et (Irtirar ta’ amnestija)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali, Bratislava III, is-Slovakkja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Interruzzjoni ta’ proċedimenti fil-każ ta’ amnestija – Revoka tal-amnestija”
I. Introduzzjoni
1. Il-qorti tar-rinviju tipprevedi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA (2) fil-konfront ta’ ċittadin Slovakk. Madankollu, il-proċedura kriminali sottostanti kienet ġiet interrotta fil-bidu fuq il-bażi ta’ amnestija u tkompliet biss wara r-revoka ta’ din l-amnestija.
2. Issa, il-kwistjoni li tqum, essenzjalment, hija dik dwar jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludix il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-KEDB
3. Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll 7 tal-KEDB, intitolat “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”:
“1. Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.
2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ l-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun hemm xi vizzju fundamentali fil-proċediment ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.
3. Ebda deroga minn dan l-artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-[KEDB].”
B. Id-dritt tal-Unjoni
1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
4. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta:
“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”
5. L-Artikolu 51 tad-Direttiva dwar il-Karta jiddefinixxi s-suġġett tagħha:
“1. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett xieraq tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.
2. Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”
2. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584
6. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew:
“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem “l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi”) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:
1. jekk l-offiża li fuqha l-mandat ta’ arrest hu bbażat hi koperta mill-amnestija fl-Istat Membru li jesegwixxi, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jipprosegwixxi l-offiża taħt il-liġi penali proprja;
2. jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti previst li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet mgħoddija jew qed tiġi mgħoddija bħalissa jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jagħti s-sentenza;jekk l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi hi informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti previst li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet mgħoddija jew qed tiġi mgħoddija bħalissa jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jagħti s-sentenza;
3. […]”
7. L-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas jeżiġi li mandat ta’ arrest Ewropew jinkludi ċerta informazzjoni:
“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jinsab fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skont il-forma li tinsab fl-Anness:
[…]
(ċ) il-prova ta’ sentenza li tista’ tiġi nfurzata, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi nfurzata oħra li għandha l-istess effett, li taqa’ fl-iskop ta’ l-Artikoli 1 u 2;
[…]”
3. Id-Direttiva 2012/13
8. Il-bażi legali tad-Direttiva 2012/13/UE (3) hija l-Artikolu 82(2) TFUE. F’dan ir-rigward, il-premessa 9 tipprovdi:
“L-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-istabbiliment ta’ regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu faċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li jkollhom dimensjoni transkonfinali. Dak l-Artikolu jirriferi għad-“drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali” bħala wieħed mill-oqsma li fihom jistgħu jiġu stabbiliti regoli minimi.”
9. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. Hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom.”
10. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2012/13 jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha:
“1. Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-roċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk issuspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.
2. Meta l-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni rigward reati żgħar minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u l-impożizzjoni ta’ din is-sanzjoni tista’ tkun suġġetta għal appell f’tali qorti, din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċeduri quddiem dik il-qorti, wara tali appell.”
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
11. Il-persuni akkużati fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem “l-akkużati”), wettqu diversi reati fl‑1995, bħala membri tal-awtoritajiet tas-sigurtà Slovakki, fosthom il-ħtif ta’ persuna barra mill-pajjiż, serq u estorsjoni. Il-vittma ta’ dawn il-fatti kien iben il-President tas-Slovakkja ta’ dak iż-żmien.
12. Fit-3 ta’ Marzu 1998, il-Prim Ministru tas-Slovakkja ta’ dak iż-żmien, li kien qiegħed jirrappreżenta lill-President, ħareġ amnestija għal dawn l-allegazzjonijiet.
13. Madankollu, fis-27 ta’ Novembru 2000, il-Krajská prokuratúra Bratislava (il-Prosekutur Distrettwali ta’ Bratislava, is-Slovakkja) ressaq proċeduri dwar dawn l-allegazzjonijiet quddiem l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja).
14. Permezz ta’ digriet tal-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava III), tad-29 ta’ Ġunju 2001, ġew interrotti l-proċeduri kriminali kontra l-akkużati kollha, minħabba li kienu jaqgħu taħt l-amnestija tat-3 ta’ Marzu 1998. Dan id-digriet ġie kkonfermat fil-5 ta’ Ġunju 2002 permezz ta’ deċiżjoni tal-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja) u kellu saħħa ta’ res judicata. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dan id-digriet kien definittiv u għandu n-natura ta’ deċiżjoni fuq il-mertu u l-effetti ta’ sentenza ta’ liberazzjoni.
15. Permezz tad-Digriet Nru 570, tal-5 ta’ April 2017, il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka neħħa l-imsemmija amnestija. Is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka tal-31 ta’ Mejju 2017 ikkonstatat il-konformità tad-digriet tal-Kunsill Nazzjonali mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka. Għaldaqstant, id-digriet ġudizzjarju dwar l-interruzzjoni tal-proċeduri kriminali, imsemmi u ċċitat iktar ’il fuq, li sardefinittiv, kellu wkoll jiġi annullat.
16. Issa, il-President tal-Awla tal-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava III) għandu l-intenzjoni li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għal wieħed mill-akkużati. F’din il-proċedura, huwa qiegħed jindirizza d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fis-sens tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill [2002/584], fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta l-kawża kriminali tkun ġiet definittivament konkluża permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li twaqqaf jew tinterrompi l-proċedura, jekk dawn id-deċiżjonijiet ikunu ġew adottati fuq il-bażi ta’ amnestija li tkun ġiet irrevokata mil-leġiżlatur wara li dawn id-deċiżjonijiet ikunu saru definittivi u l-ordinament ġuridiku intern jipprevedi li r-revoka ta’ tali amnestija tagħti lok għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi sa fejn dawn ikunu ġew adottati u mmotivati fuq il-bażi ta’ amnestiji u ta’ maħfriet u ma jibqgħux preżenti l-ostakoli legali tal-proċeduri kriminali li kienu bbażati fuq amnestija li tkun ġiet irrevokata, u dan mingħajr deċiżjoni ġudizzjarja jew proċedura ġudizzjarja speċifika?
2) Dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tannulla direttament, mingħajr deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, id-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tinterrompi l-proċedura kriminali, li, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, għandha n-natura ta’ deċiżjoni definittiva li tagħti lok għall-waqfien u li fuq il-bażi tagħha l-proċedura kriminali tkun ġiet definittivament interrotta wara l-amnestija mogħtija konformement ma’ liġi nazzjonali, hija konformi mad-dritt għal qorti imparzjali, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mad-dritt għal ne bis in idem għal reat kriminali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 82 TFUE?
3) Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-istħarriġ mill-Qorti Kostituzzjonali tar-riżoluzzjoni tan-Národná rada Slovenskej republiky (il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka) li tirrevoka amnestija jew maħfriet individwali u adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 86(i) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka għal sempliċi evalwazzjoni tal-kostituzzjonalità tagħha, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-atti vinkolanti adottati mill-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hija konformi mal-prinċipju ta’ lealtà fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 82 TFUE, mad-dritt għal qorti imparzjali, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mad-dritt għal ne bis in idem għal reat kriminali, iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”
17. It-talba tal-qorti nazzjonali sabiex dan ir-rinviju jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li ma teżistix urġenza suffiċjenti.
18. L-imputati AB u CD, ir-Repubblika Slovakka, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Akkużat ieħor, IJ, talab proċedura orali wara l-proċedura bil-miktub. Din tmexxiet mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Mejju 2021, billi stiednet lil dawn il-partijiet kollha kif ukoll lill-Krajská prokuratúra Bratislava (il-Prosekutur Distrettwali ta’ Bratislava).
IV. Evalwazzjoni ġuridika
19. Il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III tixtieq tkun taf jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal wieħed mill-akkużati, u r-revoka tal-amnestija, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. It-tħassib tagħha huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ ne bis in idem, peress li l-proċedura kienet diġà ġiet definittivament konkluża.
A. Fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew
20. L-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludix il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew wara li l-qorti, inizjalment, interrompiet definittivament il-proċeduri kriminali minħabba amnestija, iżda din l-amnestija ġiet sussegwentement revokata u, konsegwentement, il-proċeduri kriminali ssoktaw mill-ġdid.
1. Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda
21. Skont il-Kummissjoni u s-Slovakkja, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal din id-domanda minħabba li l-Karta ma tapplikax fil-kawża prinċipali, iżda dan l-argument għandu jiġi miċħud. Bl-istess mod, ma jista’ jintlaqa’ l-ebda dubju dwar ir-rilevanza tad-deċiżjoni.
a) Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
22. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ sitwazzjoni ġuridika li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-Karta lanqas ma huma, bħala tali, ta’ natura li jistabbilixxu din il-ġurisdizzjoni (4). Fil-fatt, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni (5).
23. Fir-realtà, is-Slovakkja tenfasizza, ġustament, li l-akkużi kontenzjużi jirrigwardaw il-perijodu li jippreċedi l-adeżjoni tagħha u, għalhekk, ma jindikawx rabta mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Lanqas ma teżisti leġiżlazzjoni tal-Unjoni intiża għar-revoka ta’ amnestija nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni ġustament li l-proċeduri kriminali nazzjonali u r-reati inkwistjoni ma humiex armonizzati fid-dritt tal-Unjoni.
24. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Bħala tali, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi neċessarjament implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa att previst mid-dritt tal-Unjoni li jagħti lok għal ċerti konsegwenzi legali ddeterminati mid-dritt tal-Unjoni, bħalma huma l-limitazzjoni tal-eventwali raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikoli 3 sa 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew it-termini ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikolu 17.
25. Għalhekk, f’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, konformement mal-Artikolu 50 tagħha, fid-dawl tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
b) Fuq ir-rilevanza tad-deċiżjonijiet
26. Barra minn hekk, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza tal-ewwel domanda preliminari għall-finijiet tal-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u s-Slovakkja jsostnu, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju għadha ma ħarġitx il-mandat ta’ arrest Ewropew, iżda li sa issa sempliċement tipprevedih.
27. Madankollu, ma jistax jiġi raġonevolment mistenni minn qorti nazzjonali li hija tadotta, jekk ikun il-każ, mandat ta’ arrest Ewropew, li skontha jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, biex b’hekk, tippermetti talba għal deċiżjoni preliminari. Għall-kuntrarju, huwa konformi man-natura stess tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari li tintalab interpretazzjoni finali tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tingħata din id-deċiżjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, din il-proċedura hija intiża sabiex tiżgura l-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati tal-Istati Membri.
28. Huwa minnu li s-Slovakkja tinvoka wkoll l-evalwazzjoni tal-qorti tal-appell, adita mill-Prosekutur Distrettwali, li tipprovdi li l-kwistjoni tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija ipotetika minħabba l-fatt li l-persuna rikjesta ma tirrisjedix fl-Ewropa u li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest internazzjonali (6). Fil-fatt, skont l-Artikolu 267 TFUE, l-evalwazzjoni tar-rilevanza u tal-bżonn tad-domanda preliminari taqa’, fil-prinċipju, taħt ir-responsabbiltà biss tal-qorti li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, bla ħsara għall-verifika limitata magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja (7).
29. Barra minn hekk, waqt is-seduta, AB sostna, mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt, li mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkun neċessarju wkoll sabiex jiggarantixxi l-estradizzjoni mingħajr xkiel ta’ akkużat minn Stat terz meta dan jiġi ttrasportat minn Stati Membri oħra lejn l-Istat Membru rikjedenti.
30. Minn dan isegwi, li l-ewwel domanda hija rilevanti u, għaldaqstant, ammissibbli.
2. Ir-risposta għall-ewwel domanda
31. Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk mandat ta’ arrest Ewropew jistax jinħareġ wara li qorti tal-Istat rikjedenti, inizjalment, interrompa definittivament il-proċeduri kriminali minħabba amnestija, iżda din l-amnestija ġiet sussegwentement irrevokata u, konsegwentement, il-proċeduri kriminali ssoktaw mill-ġdid.
32. L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma huwiex rilevanti għal din il-kwistjoni. Għalhekk, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew jekk ir-reat li abbażi tiegħu nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ taħt amnestija fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. Amnestija fl-Istat rikjedenti jew ir-revoka tagħha ma humiex koperti minn din id-dispożizzjoni (8).
33. Min-naħa l-oħra, amnestija fl-Istat rikjedenti jista’ jkollha rwol fir-rigward tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Skont din id-dispożizzjoni, il-mandat ta’ arrest Ewropew jindika l-eżistenza ta’ sentenza eżekuttiva, ta’ mandat ta’ arrest jew ta’ kull deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li għandha l-istess effett. Jekk ir-reat jaqa’ taħt amnestija effettiva fl-Istat rikjedenti, tali deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva ma għandhiex teżisti f’dan l-Istat. Dan jipprekludi mandat ta’ arrest Ewropew (9). Madankollu, minħabba r-revoka tal-amnestija, din l-ipoteżi ma jista’ jkollha ebda rwol f’din il-proċedura.
34. Għalhekk, huwa importanti, effettivament, li wieħed ikun jaf jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludix il-mandat ta’ arrest Ewropew.
35. Skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jekk il-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata definittivament minn Stat Membru fir-rigward tal-istess att. Madankollu, bħall-Artikolu 3(1), din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istat Membru rikjedenti.
36. Madankollu, l-Istat Membru rikjedenti huwa marbut mill-Artikolu 50 tal-Karta meta joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Skont din id-dispożizzjoni, l-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li fir-rigward tiegħu tkun diġà instabet mhux ħatja jew li fir-rigward tiegħu tkun ġiet ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza definittiva skont il-liġi. Madankollu, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikun jikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni.
37. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-interruzzjoni ta’ proċedura kriminali minħabba amnestija, għandhiex titqies bħala kundanna definittiva jew liberazzjoni definittiva, minkejja r-revoka sussegwenti tal-amnestija.
38. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, li tali deċiżjoni definittiva għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet: Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni inkwistjoni wasslitx sabiex tiġi estinta definittivament l-azzjoni pubblika (10). Fit-tieni lok, id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq eżami tal-mertu (11). Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ukoll jiġu applikati għall-Artikolu 50 tal-Karta (12).
a) Fuq l-estinzjoni tal-azzjoni pubblika
39. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-akkużati huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali li ġew interrotti b’mod definittiv mill-qrati kompetenti minħabba l-amnestija (13).
40. Madankollu, is-Slovakkja tqis li, tal-inqas wara r-revoka tal-amnestija, din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni ma għandhiex iktar bħala effett l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni pubblika fis-sens tal-ewwel kundizzjoni. Għall-kuntrarju, ir-revoka tal-amnestija skont id-dritt Slovakk għandha preċiżament tippermetti mill-ġdid l-azzjoni kriminali.
41. Peress li d-dritt tal-Istat Membru li adotta d-deċiżjoni kriminali inkwistjoni huwa determinanti sabiex tiġi evalwata l-estinzjoni tal-azzjoni pubblika (14), ma jidhirx li huwa possibbli, prima facie, li tiġi kkontestata din il-konklużjoni.
42. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li azzjonijiet ġudizzjarji straordinarji previsti mid-dritt nazzjonali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-azzjoni pubblika ġietx definittivament estinta (15).
43. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li d-dritt li jinsab fl-Artikolu 50 tal-Karta jikkorrispondi għad-dritt previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB u, għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 ma għandhiex tippreġudika l-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-KEDB (16).
44. Il-Qorti EDB iddeċidiet li, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, l-azzjoni pubblika, fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, hija definittivament estinta meta l-azzjonijiet ġudizzjarji ordinarji kollha jkunu ġew eżawriti (17). Dan diġà huwa stabbilit fil-punti 22 u 29 tal-explanatory report tal-Protokoll Nru 7 u finalment huwa bbażat fuq l-ispjegazzjonijiet relatati mal-kunċett ta’ deċiżjoni definittiva fis-sens tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Sentenzi Kriminali (18).
45. Din l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta hija konformi mal-funzjoni tiegħu li jiżgura ċ-ċertezza legali fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (19). Minn dan isegwi li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri ma humiex liberi li jiddeterminaw liberament l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni pubblika u li b’hekk jerġgħu, definittivament, jipproċessaw lill-persuna kkundannata jew persuna li tkun diġà instabet mhux ħatja. Għall-kuntrarju, waqt l-eżami tal-estinzjoni definittiva tal-azzjoni pubblika, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jekk kienx hemm eżawriment tal-azzjonijiet ġudizzjarji ordinarji fl-ordinament ġuridiku tagħhom stess. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax fin-nuqqas ta’ kundanna definittiva.
46. Madankollu, ir-revoka ta’ amnestija li, fl-istess ħin, telimina deċiżjonijiet ġudizzjarji li definittivament ikkonkludew il-proċeduri kriminali fl-implimentazzjoni tal-amnestija, normalment ma tistax tinkiseb permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja ordinarja.
47. Skont l-informazzjoni disponibbli, fil-kawża inkwistjoni dan ma huwiex differenti skont id-dritt Slovakk. L-amnestija inkwistjoni ġiet annullata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali u l-qorti kostituzzjonali sussegwentement eżaminat dan l-att (20). Din ma hijiex azzjoni ġudizzjarja ordinarja.
48. Minn dan isegwi li, f’tali każ, l-interruzzjoni definittiva tal-proċedura minħabba l-amnestija wasslet għall-estinzjoni definittiva tal-azzjoni pubblika. Għaldaqstant, l-ewwel kundizzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta hija ssodisfatta.
b) Fuq l-eżami fil-mertu
49. Għalhekk, it-tieni kundizzjoni ta’ deċiżjoni definittiva, fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandha importanza determinanti, konformement mal-Artikolu 50 tal-Karta, jiġifieri l-eżami fil-mertu.
50. Din il-kundizzjoni hija bbażata fuq il-fatt li dan il-prinċipju huwa intiż mhux biss sabiex jiggarantixxi ċ-ċertezza legali, iżda wkoll sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fil-fatt, f’dan l-ispazju, l-Artikolu 3(2) TUE huwa intiż sabiex jirrikonċilja l-libertajiet personali u l-miżuri neċessarji għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-kriminalità (21).
51. Il-formulazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fl-Artikolu 50 tal-Karta tikkonferma din l-interpretazzjoni teleoloġika, peress li jipprevedi li dan il-prinċipju japplika biss wara li l-persuna kkonċernata tkun is-suġġett ta’ kundanna jew ta’ liberazzjoni definittiva. Fil-fatt, il-kunċetti ta’ kundanna u ta’ liberazzjoni jimplikaw li r-responsabbiltà kriminali tal-akkużat ġiet stabbilita wara evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, fi kliem ieħor, li ngħatat deċiżjoni dwar il-mertu (22).
52. Madankollu, deċiżjoni ta’ sospensjoni skont amnestija ma hijiex ibbażata fuq eżami tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni kkonċernati, iżda sempliċement timplimenta l-amnestija.
53. It-talba għal deċiżjoni preliminari hija kontradittorja fuq dan il-punt. Fl-ewwel lok, huwa spjegat li l-interruzzjoni kienet motivata mill-amnestija (23), iżda, sussegwentement, huwa indikat li l-amnestija kienet biss parti mill-motivazzjoni (24). Barra minn hekk, id-digriet għandu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, in-natura ta’ deċiżjoni fuq il-mertu (25).
54. Madankollu, ma hemm xejn li jindika jekk ir-responsabbiltà kriminali tal-akkużati ġietx eżaminata. Bl-istess mod, wara li saritlu mistoqsija dwar il-kwistjoni matul is-seduta, AB ta biss riferimenti vagi għal sentenza oħra.
55. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq il-punt dwar jekk digriet ibbażat fuq amnestija jinkludix eżami fil-mertu fis-sens tat-tieni kundizzjoni ta’ deċiżjoni definittiva, konformement mal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta. Normalment dan ma jkunx il-każ.
c) Konklużjoni ad interim
56. Għalhekk, skont l-Artikolu 50 tal-Karta, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 meta, inizjalment, il-kawża kriminali tkun ġiet interrotta definittivament, mingħajr eżami tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni kkonċernati minħabba amnestija, iżda d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tkun tilfet l-effetti tagħha wara r-revoka tal-amnestija.
B. Fuq it-tieni domanda – revoka tal-amnestija
57. It-tieni domanda, kif ifformulata, hija intiża sabiex isir magħruf jekk l-irtirar tal-amnestija, li neċessarjament wassal għat-tkomplija tal-proċedura kriminali li saretdefinittiva, huwiex kompatibbli mad-dritt fundamentali tal-Unjoni għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 82 TFUE.
1. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
58. Prima facie, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda dwar id-drittijiet fundamentali peress li d-dritt tal-Unjoni la jirregola l-adozzjoni ta’ amnestija u lanqas ir-revoka tagħha u, konsegwentement, ma hemmx implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (26). Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-mertu tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni invokati mill-akkużati huma ineffettivi u, l-iktar l-iktar, jistgħu jintużaw, mutatis mutandis, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali jew quddiem il-Qorti EDB.
59. Sa fejn it-tieni domanda ssemmi l-bażi legali tal-Artikolu 82 TFUE, ma jidhirx sa fejn din id-dispożizzjoni hija applikabbli bħala tali.
60. Madankollu, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 2012/13 dwar id-dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, adottata abbażi tal-Artikolu 82 TFUE, hijiex applikabbli wkoll fil-kuntest ta’ proċedura speċifika li għandha bħala suġġett ir-revoka ta’ amnestija. Kieku d-Direttiva kienet applikabbli f’dan ir-rigward, id-drittijiet proċedurali li hija tipprevedi kienu neċessarjament japplikaw. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, dawn ma kinux iggarantiti fil-kuntest tar-revoka tal-amnestija mill-Kunsill Nazzjonali u fil-proċedura sussegwenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
61. Kwalunkwe domanda dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
2. Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13
62. Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi l-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13 mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni fl-Artikolu 2(1). Minn dan jirriżulta li din id-direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri. Dan il-kunċett ikopri d-determinazzjoni definittiva tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata wettqitx ir-reat, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kundanna u d-deċiżjoni finali fil-kuntest ta’ appell.
63. Sa fejn l-imputati ġew akkużati fl-2000 u ser jingħataw deċiżjoni dwar din l-akkuża biss fil-futur fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li l-qorti tar-rinviju tkun inklinata favur il-fehma li l-atti kollha li sadanittant huma rilevanti għall-eżitu tal-proċedura jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2012/13. Ir-revoka tal-amnestija tikkostitwixxi tali att.
64. Madankollu, tali premessa hija żbaljata.
65. Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 1 tagħha (27). Dan jistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. Huwa jistabbilixxi wkoll id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom. Id-direttiva hija għalhekk applikabbli għall-proċeduri kriminali u għall-proċeduri dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew. Min-naħa l-oħra, proċedura ekstraġudizzjarja ta’ revoka ta’ amnestija jew ta’ proċedura kostituzzjonali għall-istħarriġ ta’ din ir-revoka ma hijiex is-suġġett tad-Direttiva.
66. L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2012/13 jikkonferma l-limitazzjoni għall-proċeduri kriminali u għall-proċeduri ġudizzjarji dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, peress li jipprevedi li din id-direttiva ma tapplikax għall-impożizzjoni minn awtorità pubblika ta’ sanzjoni għal ksur minuri, iżda biss għal eventwali proċedura ġudizzjarja ta’ stħarriġ ta’ tali sanzjoni. Madankollu, la l-proċedura ekstraġudizzjarja ta’ revoka tal-amnestija u lanqas il-proċedura kostituzzjonali ma huma proċeduri ġudizzjarji ta’ ffissar jew ta’ kontroll ta’ sanzjoni.
67. L-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 għal proċedura ekstraġudizzjarja ta’ rtirar ta’ amnestija jew għal proċedura kostituzzjonali ta’ kontroll lanqas ma hija koperta mill-bażi legali tagħha. Skont il-premessa 9 tad-Direttiva, din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 82(2)(b) TFUE. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Unjoni tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Hija ma tippermettix lill-Unjoni tadotta regoli dwar ir-revoka ta’ amnestija jew dwar l-eżami kostituzzjonali ta’ din ir-revoka.
68. Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-proċedura kriminali mibdija mill-akkuża fis-sena 2000, inizjalment, intemmet fl-2001 permezz tal-interruzzjoni (28) u reġgħet tqajmet mill-ġdid biss wara r-revoka tal-amnestija u tas-sentenza tal-qorti kostituzzjonali fl-2017. Sadanittant, ma kienet teżisti ebda proċedura kriminali jew proċedura dwar mandat ta’ arrest Ewropew li fihom setgħet tapplika d-Direttiva 2012/13.
69. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2012/13, dwar id-dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, ma tapplikax għal proċedura ta’ revoka ta’ amnestija jew għal proċedura sussegwenti quddiem il-qorti kostituzzjonali intiża għall-istħarriġ ta’ din ir-revoka. Għaldaqstant, din id-direttiva lanqas ma tista’ sservi bħala bażi għall-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’dawn il-proċeduri.
C. Fuq it-tielet domanda – ġurisdizzjoni tal-qorti kostituzzjonali
70. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jillimitaw il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka biss għall-istħarriġ tal-konformità mad-dritt kostituzzjonali nazzjonali, mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB u mill-Karta u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ lealtà stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, skont din id-dispożizzjoni, dan l-obbligu japplika wkoll fir-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni.
71. Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li r-regoli tal-irtirar tal-amnestija jistgħu eventwalment jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, li jillimita l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri tal-Unjoni meta jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali.
72. Madankollu, ma jidhirx li r-revoka preżenti tal-amnestija għandha titqies bħala li timplimenta d-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din la għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u lanqas fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma jeżistux regoli tad-dritt tal-Unjoni li jobbligaw lill-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka tivverifika l-konformità tar-revoka ta’ din l-amnestija mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB u mill-Karta u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ lealtà stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.
73. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal din id-domanda.
V. Konklużjoni
74. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, ma jipprekludix il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA meta l-kawża kriminali tkun inizjalment ġiet interrotta mingħajr eżami tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni kkonċernati minħabba amnestija, iżda d-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni tkun tilfet l-effetti tagħha wara r-revoka tal-amnestija.
2. Id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali ma tapplikax għal proċedura għal revoka ta’ amnestija jew għal proċedura sussegwenti quddiem il-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru intiża għall-istħarriġ ta’ din ir-revoka. Għaldaqstant, din id-direttiva ma tistax, barra minn hekk, tkun il-bażi għall-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’dawn il-proċeduri.