Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-3 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid - Spanja) – Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario vs JN

(Kawża C-726/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn l-ETUC, l-UNICE u ċ-CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 5 – Applikabbiltà – Kunċett ta’ “kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat” – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Miżuri intiżi li jipprevjenu u jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat – Kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” li jiġġustifikaw tali kuntratti – Miżuri legali ekwivalenti – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali – Il-kriżi ekonomika)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario

Konvenut: JN

Dispożittiv

Il-punt 1 tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li, minn naħa, tippermetti, fl-istennija tat-tmiem tal-proċeduri ta’ reklutaġġ mibdija sabiex jimtlew b’mod definittiv pożizzjonijiet vakanti ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku, it-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat, mingħajr ma tindika terminu preċiż għat-tlestija ta’ dawn il-proċeduri u, min-naħa l-oħra, tipprekludi kemm l-assimilazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema għal “ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti” kif ukoll l-għoti ta’ kumpens lil dawn l-istess ħaddiema. Fil-fatt, jidher li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma tinkludi ebda miżura intiża sabiex tipprevjeni u, jekk ikun il-każ, tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

Il-punt 1 tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, għandu jiġi interpretat fis-sens li kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi, marbuta mal-kriżi ekonomika tas-sena 2008, ma jistgħux jiġġustifikaw l-assenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ kull miżura intiża sabiex tipprevjeni u tissanzjona l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat.

____________

1     ĠU C 432, 23.12.2019.