Language of document : ECLI:EU:C:2013:39

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Jannar 2013 (*)

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet ta’ proċedimenti — Raġunijiet ta’ rifjut għal eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑396/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Constanţa (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra

Ciprian Vasile Radu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen, A. Rosas, M. Berger u E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Ó Caoimh (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Prechal u C.G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C. V. Radu, minn C. Cojocaru u T. Chiuariu, avukati,

–        għall-Ministerul Public, Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Constanţa, minn E. C. Grecu, prosekutur ġenerali,

–        għall-Gvern Rumen, minn R.-M. Giurescu u A. Voicu kif ukoll minn R. Radu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn R. Mackevičienė u A. Svinkūnaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrel, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon kif ukoll minn W. Bogensberger u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU L 18, 22.01.2009, p. 45), kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), moqri flimkien mal-Artikoli 6, 48 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), kif ukoll l-Artikoli 5 u 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-eżekuzzjoni fir-Rumanija ta’ erba’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-awtoritajiet Ġermaniżi kontra C.V. Radu, ċittadin Rumen, biex jitkomplew il-proċeduri għal serq bi vjolenza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 1, 5 sa 8, 10, 12 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2022/584 jipprovdu kif ġej:

“(1)      Skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u b’mod partikolari l-punt 35 tagħhom, il-proċedura formali ta’ l-estradizzjoni għandha tkun abolita fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ persuni li qed jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew ikkundannati definittivament u l-proċeduri ta’ l-estradizzjoni għandhom jiġu mħaffin fir-rigward ta’ persuni suspettati li wettqu reat.

[...]

(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru (Qafas) hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma' bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(7)      Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat [UE] u l-Artikolu 5 tat-Trattat [KE]. […]

(8)      Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[...]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE] imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[...]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-[Karta], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-fini ta’ l-issoktar ta’ l-azzjoni kriminali jew il-kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta’ sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma twaqqafx lil Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati mal-proċess ġust, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’mezzi tax-xandir oħra.

(13)      L-ebda persuna m’għandha tiġi mneħħija, espulsa jew estradita lejn Stat fejn hemm riskju serju li tiġi soġġettata għall-piena tal-mewt, tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu ta’ eżekuzzjoni kif ġej:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, intitolat “Raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ’il quddiem ‘l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni’) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[...]

2)      jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

[...]”.

6        Skont l-Artikolu 4 ta’ din l-istess Deċiżjoni Qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[...]

2)      fejn il-persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew qed tiġi pproċessata fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni għall-istess att bħal dak li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew;

[...]

5)      jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata finalment minn Stat terz fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza;

[...]”.

7        L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”, jippermetti taħt ċerti kundizzjonijiet għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna jekk il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment għall-proċess li wassal għad-deċiżjoni.

8        L-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jirrigwarda l-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari.

9        L-Artikolu 8 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas jirrigwarda l-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 1(d) sa (f) ta’ din id-dispożizzjoni hija s-segwenti:

“d)       in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

e)       deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

f)      il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti”.

10      L-Artikolu 11(1) ta’ din l-istess Deċiżjoni Qafas, taħt it-titolu “Drittijiet ta’ persuna rikjesta”, jipprovdi:

“Meta persuna rikjesta tiġi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni kompetenti għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma lil dik il-persuna bil-mandat ta’ arrest Ewropew u bil-kontenut tiegħu, u wkoll bil-possibbiltà li tagħti l-kunsens għall-konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti”.

11      L-Artikolu 13(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Kunsens għall-konsenja” jistabbilixxi:

“1.      Jekk il-persuna arrestata tindika li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, dak il-kunsens u, jekk adatt, rinunzja espressa għall-benefiċċju tar-‘regola ta’ l-ispeċjalità’, imsemmija fl-Artikolu 27(2), għandhom jingħataw quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.

2.       Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kunsens u, fejn adatt, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, ikunu stabbiliti b’tali mod li juri li l-persuna kkonċernata tathom volontarjament u f’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat.”

12      L-Artikolu 14 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, taħt it-titolu “Smigħ tal-persuna rikjesta”, jistabbilixxi li, jekk il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 13, hija għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

13      L-Artikolu 15(2) u (3) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja” jippreċiża:

“2.      Jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat mhuwiex suffiċjenti biex tħalli li tiddeċiedi fuq iċ-ċediment, għandha titlob li l-informazzjoni meħtieġa supplementarja, partikolarment fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu tal-ħin għar-riċeviment tagħha, waqt li tittieħed in konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti tal-ħin stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

14      L-Artikolu 19(1) u (2) tal-istess Deċiżjoni Qafas, taħt it-titolu “Smigħ tal-persuna sakemm tittieħed id-deċiżjoni”, jipprovdi:

“1.       Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra nominata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

2.       Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta’ esekuzzjoni.”

 Id-dritt Rumen

15      Il-Liġi Nru 302/2004 dwar kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji ta’ kwistjonijiet kriminali [Legea Nru° 302/2004 privind cooperarea judiciară internaţională în materie penală (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru° 377 tal-31 ta’ Mejju 2011, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 302/2004”)] jinkludi t-Titolu III “Dispożizzjoijiet dwar il-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea skont id-[Deċiżjoni Qafas]”, fejn il-Kapitolu III, intitolat “L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtoritajiet Rumeni” jinkludi d-dispożizzjoni segwenti:

“Artikolu 98 – Raġunijiet ta’ rifjut għall-eżekuzzjoni

(2)      L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Rumena tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet segwenti:

[...]

b)      meta l-persuna suġġett għall-mandat ta’ arrest Ewropew hija mfittxa fir-Rumanija għall-istess fatt bħal dak li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Fil-25 ta’ Mejju 2009 u fit-3 ta’ Ġunju 2009, il-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa) (ir-Rumanija), bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, ġiet adita b’talbiet ifformulati mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi dwar il-konsenja ta’ C. V. Radu, persuna rikjesta fil-kuntest ta’ erba’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali mill-prosekuturi ta’ Munster, Cobourg, Bielefeld u Verden, rispettivament, fl-14 ta’ Marzu 2007, fis-16 ta’ Marzu 2007, fit-8 ta’ Awwissu 2007 u fis-26 ta’ Frar 2008, għal fatti li jikkorrispondu għar-reat ta’ serq bi vjolenza fis-sens tal-Artikolu 211 tal-Kodiċi Kriminali Rumen. C. V. Radu ma tax il-kunsens għall-konsenja.

17      B’deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2009, il-Curtea de Apel Constanţa ordnat l-eżekuzzjoni ta’ tliet mandati ta’ arrest Ewropej, jiġifieri dawk maħruġa mill-prosekuturi ta’ Munster, Cobourg u Verden. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju rrifjutat, abbażi tal-Artikolu 98(2)(b) tal-Liġi Nru 302/2004, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, maħruġ fit-8 ta’ Awwissu 2007 mill-prosekutur ta’ Bielefeld, għaliex C. V. Radu huwa mfittex fir-Rumanija quddiem it-Tribunalul Bacău (Qorti Superjuri ta’ Bacău) għall-istess fatt bħal dak li fuqu huwa bbażat il-mandat. Għalhekk, hija ddiferiet il-konsenja ta’ C. V. Radu sal-eżitu tal-proċedura f’din il-kawża quddiem il-qrati Rumeni, filwaqt li żammet il-miżura ta’ detenzjoni preventiva meħuda fil-konfront ta’ C. V. Radu għall-perijodu ta’ tletin ġurnata.

18      B’sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, l-Înalta Curte de Casație și Justiție a României (Qorti Superjuri ta’ Kassazzjoni u ta’ Ġustizzja tar-Rumanija) ħassret din id-deċiżjoni u rrinvijat il-kawża quddiem il-Curtea de Apel de Constanța. Barra minn hekk, hija ordnat li C.V. Radu jingħata l-libertà filwaqt li żiedet miżura preventiva li tillimita d-dritt ta’ moviment tiegħu, jiġifieri l-projbizzjoni li jħalli l-komun tar-residenza tiegħu, il-belt ta’ Bacău, mingħajr ma javża lill-qorti, u imponietlu bosta obbligi.

19      Matul is-seduta tat-22 ta’ Frar 2011 tal-Curtea de Apel de Constanța, C.V. Radu oppona l-eżekuzzjoni tal-mandati tal-arrest Ewropej maħruġa fil-konfront tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa l-ewwel nett sostna li fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, la d-drittijiet fundamentali stabbiliti bil-KEDB u lanqas dawk li jinsabu fil-Karta ma kienu espressament stabbiliti fit-Trattati kostituttivi tal-Unjoni. Issa, skont l-Artikolu 6 TUE, id-dispożizzjonijiet kemm tal-Karta kif ukoll tal-KEDB saru dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni u għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha għalhekk tiġi interpretata u applikata b’mod konformi mal-Karta u mal-KEDB. Sussegwentement, C.V. Radu enfasizza li din id-Deċiżjoni Qafas ma ġietx implementata b’mod koerenti mill-Istati Membri. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li ttrasponiet l-imsemmija Deċiżjoni Qafas ġiet iddikjarata bħala antikostituzzjonali u nulla mill-Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Federali) (il-Ġermanja) fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Lulju 2005, qabel ma ġiet adottata liġi ġdida. Issa, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija suġġett għal kundizzjoni ta’ reċiproċità. Fl-aħħar nett, C.V. Radu sostna li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom jivverifikaw jekk id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u mill-KEDB ġewx rispettati fl-Istat Membru emittenti. Jekk dan ma kienx il-każ, dawn l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat, anki jekk din ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma hijiex espressament prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Constanţa ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tal-[KEDB] u tal-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-[Karta], fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, huma dispożizzjonijiet legali li jagħmlu parti mid-dritt Komunitarju primarju u li jinsabu fit-Trattati kostituttivi?

2)      L-azzjoni tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, li tikkonsisti fl-arrest u fil-konsenja furzata, mingħajr il-kunses tal-persuna li fir-rigward tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew (bil-persuna rikjesta tiġi arrestata u kkonsenjata), tikkostitwixxi ksur, min-naħa tal-Istat li jeżegwixxi l-mandat, tad-dritt għal-libertà individwali tal-persuna rikjesta minħabba l-fatt li kienet arrestata u kkonsenjata, dritt dan iggarantit mid-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 6 TUE, flimkien mal-Artikolu 5(1) tal-[KEDB], u taħt l-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-[Karta], fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-[KEDB]?

3)      Il-ksur, min-naħa tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, tad-drittijiet u tal-garanziji previsti fl-Artikolu 5(1) tal-[KEDB] u fl-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-[Karta], fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-[KEDB], għandu jissodisfa l-kundizzjoni marbuta man-neċessità f’soċjetà demokratika u dik marbuta mal-proporzjonalità fil-konfront tal-għan effettivament segwit?

4)      L-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirrifjuta talba għal konsenja, mingħajr ma tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat kostituttivi u taħt dispożizzjonijiet legali oħra tad-dritt Komunitarju, minħabba li ma jkunux sodisfatti, b’mod kumulattiv, il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 5(1) tal-[KEDB] u mill-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-[Karta], fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-[KEDB]?

5)      L-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirrifjuta talba għal konsenja, mingħajr ma tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat kostituttivi u taħt dispożizzjonijiet legali oħra tad-dritt [tal-Unjoni], minħabba nuqqas ta’ traspożizzjoni totali jew parzjali jew minħabba traspożizzjoni żbaljata (fis-sens ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ reċiproċità) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] min-naħa tal-Istat li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew?

6)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tal-[KEDB] u tal-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-[Karta], fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-[KEDB], li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 6 TUE, jinsabu f’kunflitt mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea — ir-Rumanija — b’mod partikolari mat-Titolu III tal-Liġi Nru 302/2004, u d-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] tinsab trasposta b’mod korrett b’dan id-dritt nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Il-Gvern Rumen, il-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għaliex id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet għaliex l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta invokati fid-domandi magħmula hija meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża. Għalhekk, dawn id-domandi għandhom natura astratta, intiżi li jiksbu interpretazzjoni teoretika tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, dawn il-partijiet ikkonċernati, li fuq dan il-punt il-Gvern Ġermaniż jaqbel magħhom, iqisu li d-deċiżjoni tar-rinviju la tippermetti li jinsab dak li qed jinkuraġġixxi lill-qorti adita bil-kawża prinċipali biex tikkunsidra li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropew inkwistjoni minħabba ksur tad-drittijiet fundamentali tal-parti kkonċernata, u lanqas, għalhekk, sa fejn il-miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn il-mandati ta’ arrest iqiegħdu f’perikolu dawn id-drittijiet.

22      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoin magħmula minn qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar talba magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I‑5667, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, permezz tal-ewwel erba’ domandi tagħha kif ukoll tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk hija tistax teżamina jekk il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwiex skont id-drittijiet fundamentali sabiex, jekk ikun il-każ, tirrifjuta l-eżekuzzjoni tiegħu, anki jekk din ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni la hija prevista fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u lanqas mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponietha. Permezz tal-ħames domanda tagħha, hija tixtieq ukoll tiddetermina jekk tali rifjut huwiex possibbli meta din id-Deċiżjoni Qafas ma ġietx trasposta fl-Istat Membru emittenti.

24      Għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li din il-ħames domanda hija ipotetika. Fil-fatt, il-ħruġ stess tal-mandati ta’ arrest Ewropew inkwistjoni huwa biżżejjed biex juri, kif il-Gvern Ġermaniż ikkonferma matul is-seduta, li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kienet tassew is-suġġett ta’ traspożizzjoni fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-mument tal-ħruġ ta’ dawn il-mandati ta’ arrest. Għalhekk, din id-domanda hija inammissibbli.

25      Fir-rigward tad-domandi l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta f’kawża reali dwar l-eżekuzzjoni ta’ diversi mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa mill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontra C.V. Radu.

26      Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ C.V. Radu, jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali, sabiex huwa jopponi l-konsenja tiegħu, huwa jsostni li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jċaħħdu lill-awtoritajiet Rumeni ta’ eżekuzzjoni mill-possibbiltà li jivverifikaw jekk id-drittijiet għal smigħ xieraq, għall-preżunzjoni tal-innoċenza u għal-libertà li huwa jislet mill-Karta u mill-KEDB ġewx rispettati, filwaqt li l-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni nħarġu mingħajr la ġie nnotifikat u lanqas ma kellu l-possibbiltà li jkollu avukat jew li jippreżenta d-difiża tiegħu. C.V. Radu, essenzjalment reġa’ sostna dawn l-istess allegazzjonijiet matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel erba’ domandi kif ukoll is-sitt domanda huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

28      Kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ din is-sentenza, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet, mhux ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, iżda ta’ eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali.

29      Skont l-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja kif jirriżultaw fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jidher li, fil-kawża prinċipali, il-persuna rikjesta, C.V. Radu, isostni, sabiex tipprekludi l-konsenja tagħha, li l-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni nħarġu mingħajr ma nstema’ qabel il-ħruġ ta’ dawn il-mandati ta’ arrest mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ emissjoni, bi ksur tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta kif ukoll tal-Arikolu 6 tal-KEDB.

30      B’mod ċert, fid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 6 tal-Karta u għall-Artikolu 5 tal-KEDB. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, mill-atti mehmuża mad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, quddiem il-qorti adita bil-kawża prinċipali, C.V. Radu sostna li din il-qorti għandha tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej “li permezz tagħhom huwa ċċaħħad mil-libertà”, għaliex inħarġu bi ksur tad-drittijiet ta’ difiża tiegħu. Dan l-argument ta’ C.V. Radu dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 6 tal-Karta u tal-Artikolu 5 tal-KEDB fl-Istat Membru ta’ emissjoni, jikkoinċidi għalhekk mal-argument tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu f’dan l-Istat Membru.

31      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel erba’ domandi preliminari tagħha kif ukoll tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 6 tal-KEDB, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għaliex l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ emissjoni ma semgħux il-persuna rikjesta qabel il-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest.

32      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li d-dritt għal smigħ, iggarantit bl-Artikolu 6 tal-KEDB u msemmi mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, huwa llum stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Għalhekk, hemm lok li jsir riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C-199/11, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tagħha, għandha bħala għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn Stati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ proċeduri, peress li din l-aħħar sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge, C-42/11, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża li tistabbilixxi sistema ġdida simplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati bi ksur tal-liġi kriminali, biex tiġi ffaċilitata u aċċellerata l-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tiġi bbażata fuq grad ta’ fiduċja għolja li għandha teżisti bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, West, C‑192/12 PPU, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Abbażi tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri għandhom bħala regola prinċipali jilqgħu mandat ta’ arrest Ewropew.

36      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ tali mandati biss fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 3 tagħha kif ukoll fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva elenkati fl-Artikoli 4 u 4a tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C‑388/08 PPU, Ġabra p. I‑8983, punt 51, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, Ġabra p. I‑11477, punt 37). Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biss għall-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas.

37      B’mod ċert, abbażi tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-mori tal-kawża li wasslu għal kundanna penali fil-każ ta’ kontumaċi jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkostitwixxi raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

38      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-mandat ta’ arrest Ewropew kien inħareġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali mingħajr ma l-persuna rikjesta nstemgħet mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ emissjoni ma hijiex inkluża fost ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat, kif previst mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

39      Kuntrarjament għal dak li jsostni C.V. Radu, l-osservanza tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ma teżiġix li l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali minħabba l-fatt li l-persuna rikjesta ma nstemgħetx mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ emissjoni qabel il-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest.

40      Għandu jiġi kkonstatat li obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ emissjoni li jisimgħu lill-persuna rikjesta qabel il-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest Ewropew iqiegħed inevitabbilment f’falliment is-sistema stess ta’ konsenja prevista fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, għalhekk, it-twettiq ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, għaliex, b’mod partikolari għall-finijiet li tiġi evitata l-ħarba tal-persuna kkonċernata, tali mandat għandu jibbenefika minn ċertu effett ta’ sorpriża.

41      Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlatur Ewropew żgura r-rispett tad-dritt għal smigħ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni b’mod li ma jikkompromettix l-effikaċità tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

42      Għalhekk, mill-Artikoli 8 u 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li, qabel ma tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna rikjesta għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, l-awtorità ġudizzjarja għandha teżerċita ċertu stħarriġ fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li l-persuna rikjesta għandha d-dritt li tkun assistita minn avukat meta taċċetta l-konsenja tagħha u, jekk ikun il-każ, tirrinunċja għar-regola ta’ speċjalità. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikoli 14 u 19 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-persuna rikjesta, meta ma tagħtix il-kunsens tagħha għall-konsenja tagħha u li hija tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, għandha d-dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bi ftehim komuni mal-awtorità ġudizzjarja ta’ emissjoni.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel erba’ domandi kif ukoll għas-sitt domanda għandha tkun li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għar-raġuni li l-persuna rikjesta ma nstemgħetx fl-Istat Membru ta’ emissjoni qabel il-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas- 26 ta’ Frar 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għar-raġuni li l-persuna rikjesta ma nstemgħetx fl-Istat Membru ta’ emissjoni qabel il-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.