Language of document :

Kawżi magħquda T-241/05, T-262/05 sa T-264/05, T-346/05, T-347/05,   T-29/06 sa T-31/06

The Procter & Gamble Company

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni)

(L-UASI)

“Trade mark Komunitarja — Talba għal trade marks Komunitarji tridimensjonali — Pilloli kwadri bojod b’disinn ta’ fjura kkulurita — Raġuni assoluta għal rifjut — Artikolu7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Nuqqas ta’ karattru distintiv”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv — Trade marks tridimensjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv — Trade marks tridimensjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

1.      Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tad-drawwiet tal-konsumatur ikkonċernat, li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-għanijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu kkunsidrati l-metodi abitwali ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott in kwistjoni. B’hekk, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tridimensjonali li hija ppreżentata taħt forma ta’ pilloli deterġenti, jista’ legalment jiġi kkunsidrat il-fatt li l-pilloli deterġenti jinbiegħu, normalment, f’pakketti li jkollhom l-isem tal-prodott u li fuqhom ikunu jidhru, ta’ spiss, trade marks verbali jew figurattivi jew elementi figurattivi oħra li fosthom jidhru dawk li jistgħu jirrappreżentaw ix-xbieha tal-prodott. Madankollu, bħala regola ġenerali, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward ta’ l-apparenza tal-prodotti kkummerċjalizzati b’dan il-mod mhuwiex għoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikant għal trade mark għandu juri, permezz ta’ indikazzjonijiet konkreti u sostnuti, li d-drawwiet tal-konsumaturi fis-suq ikkonċernat huma differenti.

(ara l-punti 52-54)

2.      Mhumiex ta’ karattru distintiv, meta mqabbla mal-prodotti kkonċernati, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, is-sinjali tridimensjonali li huma ppreżentati taħt forma ta’ pilloli kwadri bojod b’disinn ta’ fjura kkulurita, li r-reġistrazzjoni hija mitluba għal “Preparazzjonijiet ta’ bliċ, ta’ ħasil u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; prodotti għat-tindif, għal-lustrar, għal ħasil fix-xott u li joborxu; prodotti għall-ħasil u għat-tindif u ħasil tal-platti ; sapun” li jaqgħu taħt il-klassi 3 skond il-Ftehim ta’ Nizza. Fil-fatt, iż-żieda, f’nofs il-pillola, ta’ figura simetrika bħal dik li tirrappreżenta kull wieħed mid-disinni in kwisjtoni ma tbiddilx l-apparenza tal-pillola b’mod sinjifikattiv. Il-kombinazzjoni tal-forma kwadra bajda tal-pilloli kkonċernati b’disinn ikkulurit, jiġifieri x-xbihat ta’ fjura b’erba’, b’ħames jew b’sitt petali in kwistjoni, ma titbigħedx b’mod sinjifikattiv mill-preżentazzjoni li hija l-aktar ovvja tal-pillola tad-deterġenti, li fiha d-diversi sustanzi attivi huma mqassmin b’mod dekorattiv. B’hekk, fir-rigward ta’ l-impressjoni kollha li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-forma, tal-kuluri u tad-disinn tal-pilloli kkonċernati, dawn ma jippermettux lill-konsumatur medju kkonċernat li jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti in kwistjoni, meta dan iwettaq l-għażla tiegħu matul xirja.

(ara l-punti 78, 90)