Language of document : ECLI:EU:C:2019:212

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

14 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skemi ta’ sigurtà soċjali – Benefiċċji tal-invalidità – Artikoli 45 u 48 TFUE – Moviment liberu tal-ħaddiema – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Skemi distinti ta’ allowance skont l-Istati Membri – ‘Perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol’ – Tul taż-żmien – Għoti tal-allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol – Żvantaġġi għall-ħaddiema migranti”

Fil-Kawża C‑134/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-arbeidsrechtbank Antwerpen (it-Tribunal Industrijali ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Maria Vester

vs

Rijksinstituut voor ziekte- en invaliditeitsverzekering,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Vester, minn D. Volders, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 48 TFUE, tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Maria Vester u r-Rijksinstituut voor ziekte-en invaliditeitsverzekering (l-Istitut Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni għall-Mard-Invalidità, iktar ’il quddiem l-“INAMI”) rigward ir-rifjut, minn dan tal-aħħar, li jagħti lil M. Vester il-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 883/2004

3        It-Titolu I tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, jinkludi l-Artikolu 6 li jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel:

–        il-kisba, iż-żamma, id-dewmien jew l-irkupru tad-dritt għal benefiċċji,

[…]

kondizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza, għandha, sa fejn ikun hemm bżonn, tqis perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor bħallikieku kienu perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni applikabbli.”

4        It-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Determinazzjoni ta’ Liema Leġislazzjoni Tapplika”, jinkludi l-Artikolu 11(3)(ċ),li jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

[…]

(ċ)      persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru”.

5        Il-Kapitolu 5, intitolat “Pensjonijiet ta’ l-età u tas-superstiti”, tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004, jinkludi l-Artikoli 50 sa 60.

6        L-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Disposizzjonijiet speċjali fuq l-għadd flimkien ta’ perjodi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Meta l-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tagħmel l-għoti ta’ ċerti benefiċċji kondizzjonali fuq il-perjodi ta’ assigurazzjoni magħmula biss f’attività speċifika bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha jew f’xi ħidma li hija suġġetta għal skema speċjali għal persuni impjegati jew għal persuni li jaħdmlu għal rashom, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tqis il-perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stati Membri oħra biss jekk dawn il-perjodi kienu magħmula taħt skema korrispondenti jew, jekk dan ma jkunx il-każ, fl-istess ħidma, jew fejn jixraq, fl-istess attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.

Jekk, wara li kienu ikkunsidrati l-perjodi magħmulin b’dan il-mod, il-persuna konċernata ma tissodisfax il-kondizzjonijiet biex tirċievi il-benefiċċji ta’ skema speċjali, dawn il-perjodi għandhom jitqiesu għall-għanijiet ta’ l-għoti tal-benefiċċji ta’ l-iskema ġenerali jew, jekk dan ma jkunx il-każ, ta’ l-iskema applikabbli għal ħaddiema li jaħdmu b’idejhom jew għal ħaddiema klerikali, skond il-każ. Dan iżda bil-kondizzjoni li l-persuna konċernata kienet miktuba f’waħda jew l-oħra minn dawn l-iskemi.

2.      Il-perjodi ta’ assigurazzjoni magħmula taħt skema speċjali ta’ Stat Membru għandhom jitqiesu għall-għanijiet ta’ għoti ta’ benefiċċji ta’ l-iskema ġenerali jew, jekk ma jkunx hemm skema ġenerali, ta’ l-iskema li tapplika għal ħaddiema li jaħdmu b’idejhom jew għal ħaddiema klerikali, skond il-każ, ta’ Stat Membru ieħor u dan anki jekk dawk il-perjodi tqiesu diġà f’dan l-Istat Membru taħt skema speċjali. Dan iżda bil-kondizzjoni li l-persuna konċernata kienet miktuba f’waħda jew l-oħra minn dawk l-iskemi.”

7        L-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għoti ta’ benefiċċji” jipprovdi:

“1.      L-istituzzjoni kompetenti għandha tikkalkula l-ammont tal-benefiċċju li jkollu jingħata:

a)      taħt il-leġislazzjoni applikata minnha, meta l-kondizzjonijiet għall-intitolar għal benefiċċji kienu sodisfatti b’mod esklużiv taħt liġi nazzjonali biss (benefiċċju indipendenti);

b)      billi tasal għal ammont teoretiku u mbagħad għal ammont attwali (benefiċċju pro rata), kif ġej:

i)      l-ammont teoretiku tal-benefiċċju huwa daqs il-benefiċċju li l-persuna konċernata tista’ titlob jekk il-perjodi kollha ta’ assigurazzjoni jew/u ta’ residenza li kienu magħmula taħt il-leġislazzjonijiet ta’ l-Istati Membri l-oħra kienu magħmula taħt il-leġislazzjoni applikata minnha fil-jum ta’ l-għoti tal-benefiċċju. Jekk, taħt din il-leġislazzjoni, l-ammont ma jiddependix mit-tul tal-perjodi magħmula, dak l-ammont għandu jitqies bħala l-ammont teoretiku;

ii)      l-istituzzjoni kompetenti għandha imbagħad tistabbilixxi l-ammont attwali tal-benefiċċju pro rata billi tapplika għall-ammont teoretiku il-proporzjoni bejn it-tul tal-perjodi magħmula qabel immaterjalizza ruħu r-riskju taħt il-leġislazzjoni applikata minnha u t-tul totali tal-perjodi magħmula qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjonijiet ta’ l-Istati Membri kollha konċernati.”

8        L-Artikolu 57 tal-istess regolament, intitolat “Perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza ta’ anqas minn sena waħda”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 52(1)(b), l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ma għandhiex tintalab tagħti benefiċċji fir-rigward ta’ perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni applikata minnha u li jkunu ikkunsidrati meta jimmaterjalizza ruħu r-riskju, jekk:

–        it-tul ta’ dawn il-perjodi jkun ta’ anqas minn sena,

u

–        jekk jitqiesu dawn il-perjodi biss ma jkun miksub l-ebda dritt għal benefiċċju taħt dik il-leġislazzjoni.

Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘perjodi’ għandha tfisser il-perjodi kollha ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza li jew jikkwalifikaw għal, jew iżidu direttament, il-benefiċċju konċernat.”

9        L-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Persuni li ma għandhomx xogħol li kienu residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti”, jipprovdi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tiegħu u fil-paragrafu 5(a) tiegħu:

“2.      Persuna li ma għandha l-ebda impjieg u li, matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, kienet residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti u li tibqa’ residenti f’dak l-Istat Membru jew tmur lura lejn dak l-Istat Membru, għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg fl-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha. […]

[…]

5.      a)      Il-persuna li ma għandhiex impjieg imsemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 għandha tirċievi benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha bħallikieku kienet suġġetta għal dik il-leġislazzjoni matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha għal rasha. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

 Ir-Regolament Nru 987/2009

10      Ir-Regolament Nru 987/2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, jipprevedi, fil-Kapitolu IV tat-Titolu III tiegħu, ir-regoli dwar il-benefiċċji tal-invalidità u dwar il-pensjonijiet tax-xjuħija u tas-superstiti.

11      L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Talba għall-benefiċċji”, jipprovdi b’mod partikolari:

“A.      Preżentazzjoni tat-talba għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ tip A taħt l-Artikolu 44(2) tar-Regolament [Nru 883/2004]

[…]

B.      Preżentazzjoni ta’ talbiet oħrajn għall-benefiċċji

4.      F’sitwazzjonijiet barra dawk imsemmijin fil-paragrafu 1, l-applikant għandu jippreżenta talba lill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tiegħu jew lill-istituzzjoni tal-aħħar Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu kienet applikabbli. […]

[…]”

12      L-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Investigazzjoni ta’ talbiet mill-istituzzjonijiet konċernati”, jipprovdi b’mod partikolari:

“A.      Istituzzjoni ta’ kuntatt

1.      L-istituzzjoni li lilha tiġi preżentata jew mgħoddija t-talba għall-benefiċċji taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1) jew (4) tar-Regolament [Nru 987/2009] minn issa ’l quddiem ser issir referenza għaliha bħala l-‘istituzzjoni ta’ kuntatt’ […]

Barra li tinvestiga t-talba għall-benefiċċji konformement mal-leġislazzjoni li hija tapplika, din l-istituzzjoni għandha, fil-kapaċità tagħha bħala istituzzjoni ta’ kuntatt, tippromwovi l-iskambju ta’ data, il-komunikazzjoni ta’ deċiżjonijiet u l-operazzjonijiet meħtieġa għall-investigazzjoni tat-talba mill-istituzzjonijiet konċernati, u tipprovdi lill-applikant, fuq talba, bi kwalunkwe informazzjoni relevanti għall-aspetti Komunitarji tal-investigazzjoni u żżommu informat bil-progress tagħha.

B.      Investigazzjoni ta’ talbiet għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ tip A taħt l-Artikolu 44 tar-Regolament [Nru 883/2004]

[…]

C.      Investigazzjoni ta’ talbiet oħrajn għall-benefiċċji

4.      F’sitwazzjonijiet ħlief għal dawk imsemmija fil-paragrafu 2, l-istituzzjoni ta’ kuntatt għandha, mingħajr dewmien, tibgħat t-talbiet għall-benefiċċji u d-dokumenti kollha li hija għandha disponibbli u, fejn ikun il-każ, id-dokumenti relevanti ppreżentati mill-applikant lill-istituzzjonijiet kollha konċernati sabiex dawn ikunu kollha jistgħu jibdew l-investigazzjoni tat-talba fl-istess żmien. L-istituzzjoni ta’ kuntatt għandha tinnotifika lill-istituzzjonijiet l-oħrajn bil-perijodi ta’ assigurazzjoni jew residenza suġġetti għal-leġislazzjoni tagħha. Hija għandha tindika wkoll liema dokumenti għandhom ikunu ppreżentati f’data aktar tard u tissupplementa t-talba kemm jista’ jkun malajr.

5.      Kull waħda mill-istituzzjonijiet in kwistjoni għandha tinnotifika lill-istituzzjoni ta’ kuntatt u lill-istituzzjonijiet l-oħrajn in kwistjoni, kemm jista’ jkun malajr, bil-perijodi tal-assigurazzjoni jew tar-residenza suġġetti għal-leġislazzjoni tagħhom.

6.      Kull waħda mill-istituzzjonijiet in kwistjoni għandha tikkalkula l-ammont ta’ benefiċċji b’konformità mal-Artikolu 52 tar-Regolament [Nru 883/2004] u għandha tinnotifika lill-istituzzjoni ta’ kuntatt u lill-istituzzjonijiet l-oħrajn konċernati bid-deċiżjoni tagħha, bl-ammont ta’ benefiċċji dovut u bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-Artikoli 53 sa 55 tar-Regolament [Nru 883/2004].

[…]”

 Id-dritt Belġjan

13      Skont l-Artikolu 32 tal-gecoördineerde betreffende de verplichte verzekering voor geneeskundige verzorging f’uitkeringen (il-Liġi Koordinata dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja għall-Kura tas-Saħħa u Allowances), tal-14 ta’ Lulju 1994 (iktar ’il quddiem il-“Liġi ZIV”), il-ħaddiema li jinsabu f’qgħad ikkontrollat huma benefiċjarji tad-dritt għall-benefiċċji tas-saħħa hekk kif dawn huma ddefiniti fil-Kapitolu III tat-Titolu III ta’ din il-liġi u fil-kundizzjonijiet previsti minnha.

14      L-Artikolu 86(1)(c) tal-Liġi ZIV jipprevedi li l-ħaddiema li jinsabu f’qgħad ikkontrollat huma wkoll benefiċjarji, inkwantu detenturi, tad-dritt għall-allowances minħabba inkapaċità għax-xogħol hekk kif huma ddefiniti fil-Kapitolu III tat-Titolu IV ta’ din il-liġi u fil-kundizzjonijiet previsti minnha.

15      L-Artikolu 87 tal-Liġi ZIV jipprovdi li d-detentur imsemmi fl-Artikolu 86(1) ta’ din il-liġi, li huwa fi stat ta’ inkapaċità għax-xogħol, jirċievi għal kull jum ta’ xogħol għal perijodu ta’ sena li jiddekorri mid-data ta’ bidu tal-inkapaċità għax-xogħol tiegħu jew għal kull jum ta’ dan l-istess perijodu assimilat ma’ jum ta’ xogħol allowance imsejħa “tal-inkapaċità primarja”.

16      Skont l-Artikolu 93 tal-Liġi ZIV, meta l-inkapaċità għax-xogħol tiġi estiża lil hinn mill-perijodu ta’ inkapaċità primarja, titħallas għal kull jum ta’ xogħol minħabba l-inkapaċità għax-xogħol jew għal kull jum assimilat miegħu, allowance imsejħa “tal-invalidità”.

17      F’dak li jikkonċerna l-inkapaċitajiet għax-xogħol li bdew qabel l-1 ta’ Mejju 2017, l-Artikolu 128(1) tal-Liġi ZIV jipprevedi li, sabiex jinkiseb id-dritt għall-benefiċċji previsti skont it-Titolu IV ta’ din il-liġi, id-detenturi msemmija fl-Artikolu 86(1) ta’ din il-liġi għandhom ikunu ttotalizzaw, matul perijodu ta’ sitt xhur qabel id-data ta’ kisba tad-dritt, 120 jum ta’ xogħol, u dan konformement mal-Artikolu 203 tal-Koninklijk besluit tot uitvoering van de wet betreffende de verplichte verzekering voor geneeskundige verzorging en uitkeringen (id-Digriet Irjali dwar l-Eżekuzzjoni tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja għall-Kura tas-Saħħa u Allowances), tat-3 ta’ Lulju 1996 (Moniteur belge tal-31 ta’ Lulju 1996, p. 20285), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-inkapaċitajiet għax-xogħol qabel l-1 ta’ Mejju 2017.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Wara li ħadmet fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-10 ta’ Novembru 1997 sal-31 ta’ Marzu 2015, M. Vester, ċittadina tal-Pajjiżi l-Baxxi residenti fil-Belġju, irċeviet, mit-2 ta’ April 2015, allowance tal-qgħad min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti Belġjana.

19      Fis-7 ta’ April 2015, M. Vester ġiet iddikjarata bħala inkapaċi għax-xogħol mal-istituzzjoni kompetenti Belġjana. Minkejja li hija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Belġjana, l-istituzzjoni kompetenti Belġjana tagħtha, b’effett minn din id-data u sas-6 ta’ April 2016, allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol abbażi tal-prinċipju ta’ total tal-perijodi ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004.

20      Fis-7 ta’ April 2016, M. Vester kisbet l-istatus bħala persuna invalida fil-Belġju.

21      B’ittra tas-17 ta’ Mejju 2016, M. Vester ressqet, quddiem l-Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen (l-Istitut ta’ Amministrazzjoni tal-Assigurazzjonijiet għall-Ħaddiema Impjegati, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-“UWV”), talba intiża għall-għoti ta’ allowance tal-invalidità fil-Pajjiżi l-Baxxi.

22      Fit-tweġiba tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2016, l-UWV informa lil M. Vester li, konformement mal-leġiżlazzjoni Olandiża, il-kisba tal-istatus bħala persuna invalida u l-għoti ta’ allowance relatat ma’ dan kienu possibbli biss wara l-ikkompletar ta’ “perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol” ta’ 104 ġimgħa u li, sa fejn hija kkompletat biss 52 ġimgħa ta’ “perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol” fil-Belġju, ma setax jagħtiha tali allowance, li setgħet titħallas lilha biss mill-4 ta’ April 2017.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2016, l-INAMI fakkar lil M. Vester li, sa fejn hija kienet ikkontabilizzat biss erbat ijiem ta’ assigurazzjoni fil-Belġju fid-data li fiha ddikjarat ruħha bħala inkapaċi għax-xogħol, li kienet ġiet segwita mill-invalidità tagħha, hija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn allowance tal-invalidità fil-Belġju u, għaldaqstant, irrifjuta fir-rigward tagħha, abbażi tal-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 883/2004, l-għoti ta’ din l-allowance. M. Vester ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

24      Fl-istess jum, l-INAMI, skont l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 987/2009, ippreżenta applikazzjoni għal benefiċċju lill-UWV, li ġiet miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

25      Mill-4 ta’ April 2017, data li fiha M. Vester ikkompletat il-“perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol” ta’ 104 ġimgħa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Olandiża, li matulu hija ma rċevietx l-allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol li, bħala prinċipju, tingħata lill-ħaddiema li jikkompletaw tali perijodu, l-istatus bħala persuna invalida ġie rrikonoxxut lilha fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-allowance tal-invalidità ġiet mogħtija lilha mill-istituzzjoni kompetenti Olandiża.

26      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minħabba d-diverġenza eżistenti bejn il-leġiżlazzjoni Belġjana u dik Olandiża rigward it-tul tal-“perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol” li tikkundizzjona l-kisba tal-istatus bħala persuna invalida fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi, M. Vester ma rċeviet ebda allowance bejn is-7 ta’ April 2016, data tat-tmiem tal-“perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol” previst mid-dritt Belġjan, u t-3 ta’ April 2017, data tat-tmiem tal-“perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol” previst mid-dritt Olandiż. Din il-qorti tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali sitwazzjoni mal-Artikoli 45 u 48 TFUE.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arbeidsrechtbank Antwerpen (il-Qorti Industrijali ta’ Antwerpen, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Jeżisti ksur tal-Artikoli 45 u 48 [TFUE] f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru li kien kompetenti l-aħħar mal-bidu tal-inkapaċità għax-xogħol jirrifjuta d-dritt għall-benefiċċji għall-inkapaċità abbażi tal-Artikolu 57 tar-[Regolament Nru 883/2004], wara terminu ta’ 52 ġimgħa ta’ inkapaċità għax-xogħol li matulhom ingħataw benefiċċji tal-mard, u fejn l-Istat Membru l-ieħor, li ma huwiex l-Istat Membru li kien kompetenti l-aħħar, applika għall-finijiet tal-eżami tad-dritt għal benefiċċju ta’ invalidità pro rata, terminu ta’ stennija ta’ 104 ġimgħat, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali?

2)      F’dan il-każ, huwa konformi mad-dritt ta’ moviment liberu li l-persuna kkonċernata tiddependi fuq l-għajnuna soċjali matul dan it-terminu ta’ stennija, jew l-Artikoli 45 u 48 [TFUE] jobbligaw l-Istat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li huwa kompetenti l-aħħar sabiex jeżamina d-dritt għall-benefiċċji għall-inkapaċità fi tmiem it-terminu ta’ stennija previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li kien kompetenti l-aħħar, anki jekk il-liġi nazzjonali tal-Istat preċedenti ma tippermettix dan?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiem, li, wara perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol ta’ sena, ikun ġie rrikonoxxut bħala persuna invalida mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza tiegħu mingħajr għaldaqstant ma jkun jista’ jibbenefika minn allowance tal-invalidità abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, jiġi impost fuqu, mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih huwa jkun ikkompleta l-perijodi tiegħu kollha ta’ assigurazzjoni, perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol addizzjonali ta’ sena sabiex jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus bħala persuna invalida u jingħatawlu l-benefiċċji tal-invalidità pro rata, mingħajr madankollu ma jirċievi allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol matul dan il-perijodu.

29      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 883/2004, li l-għan tiegħu huwa li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn l-iskemi nazzjonali differenti iħalli lil dawn tal-aħħar jeżistu u ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex imexxu s-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck, C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 38).

30      Għalhekk, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji (sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck, C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 39).

31      Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri (sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck, C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 40).

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-Trattat FUE ma jiggarantixxix lil ħaddiem li l-estensjoni tal-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat Membru wieħed jew it-trasferiment tagħhom fi Stat Membru ieħor ikunu newtrali fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Fid-dawl tad-differenzi bejn leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, tali estensjoni jew tali trasferiment jistgħu, skont il-każijiet, ikunu xi ftit jew wisq vantaġġużi jew żvantaġġużi għall-ħaddiem fil-livell tal-protezzjoni soċjali. Minn dan jirriżulta li, anki fil-każ fejn l-applikazzjoni tagħha hija għaldaqstant inqas favorevoli, tali leġiżlazzjoni tibqa’ konformi mal-Artikoli 45 u 48 TFUE jekk hija ma tpoġġix fi żvantaġġ lill-ħaddiem ikkonċernat meta pparagunat ma’ dawk li jeżerċitaw l-attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru fejn hija tapplika jew meta pparagunat ma’ dawk li kienu diġà preċedentement ġew suġġetti għaliha u jekk hija ma twassalx purament u sempliċement sabiex jitħallsu kontribuzzjonijiet soċjali mingħajr ebda ritorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Leyman, C‑3/08, EU:C:2009:595, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-għan tal-Artikolu 45 TFUE ma jintlaħaqx jekk, sussegwentement għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu, il-ħaddiema migranti kellhom jitilfu vantaġġi tas-sigurtà soċjali li tiżguralhom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Tali konsegwenza tista’, fil-fatt, tiddisswadi lill-ħaddiem tal-Unjoni milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu u tikkostitwixxi, għaldaqstant, ostakolu għal din il-libertà (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Leyman, C‑3/08, EU:C:2009:595, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema Belġjana u dik Olandiża tal-assigurazzjoni tal-invalidità jissuġġettaw ir-rikonoxximent tal-istatus bħala persuna invalida għall-ikkompletar, mill-ħaddiem ikkonċernat, ta’ “perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol” li matulu dan tal-aħħar jirċievi allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol. Huwa biss fl-iskadenza ta’ dan il-perijodu li l-ħaddiem ikkonċernat jikseb l-istatus bħala persuna invalida u jirċievi allowance tal-invalidità. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Belġjana u dik Olandiża huma differenti f’dak li jikkonċerna t-tul ta’ dan il-perijodu, peress li dawn jipprevedu li l-istess perijodu jdum, rispettivament, sena u sentejn.

35      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, M. Vester, li, fis-7 ta’ April 2015, irċeviet allowance tal-qgħad skont il-leġiżlazzjoni Belġjana u taqa’ taħt din il-leġiżlazzjoni konformement mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 883/2004, ikkompletat fil-Belġju “perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol” għal tul ta’ sena, kif previst minn din il-leġiżlazzjoni, u rċeviet, matul dan il-perijodu, allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol mhux fuq il-bażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati fil-Belġju, billi dawn kienu insuffiċjenti, iżda abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati fil-Pajjiżi l-Baxxi, konformement mal-prinċipju tat-total tal-perijodi ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004.

36      Fi tmiem dan il-perijodu, l-istituzzjoni Belġjana kompetenti rrikonoxxiet lil M. Vester l-istatus bħala persuna invalida, iżda rrifjutat li tagħtiha allowance tal-invalidità.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 883/2004, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru tista’ jirrifjuta l-għoti ta’ benefiċċji fir-rigward ta’ perijodi kkompletati taħt il-leġiżlazzjoni li hija tapplika jekk it-tul totali tal-imsemmija perijodi ma jilħaqx sena, u jekk, meta jitqiesu dawn il-perijodi biss, ma jkun miksub l-ebda dritt għall-benefiċċji skont din il-leġiżlazzjoni.

38      F’dan il-każ, huwa paċifiku li M. Vester ma ħallsitx biżżejjed kontribuzzjonijiet fil-Belġju u setgħet tirċievi biss allowance tal-invalidità abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati fil-Pajjiżi l-Baxxi.

39      Madankollu, meta l-awtoritajiet Belġjani, skont l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 987/2009, ittrażmettew lill-istituzzjoni kompetenti Olandiża applikazzjoni għal benefiċċju tal-invalidità, din irrifjutat li tirrikonoxxi lil M. Vester l-istatus bħala persuna invalida u li tagħtiha l-allowance relatata magħha għar-raġuni li din tal-aħħar ma kinitx ikkompletat perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol ta’ sentejn, kif previst fil-leġiżlazzjoni Olandiża.

40      Konsegwentement, din l-istituzzjoni imponiet fuq M. Vester li tikkompleta t-tieni sena ta’ “perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol” previst mil-leġiżlazzjoni Olandiża mingħajr madankollu ma tagħtha l-allowance relatata miegħu.

41      Issa, għalkemm il-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, a priori, ma tagħmilx distinzjoni bejn il-ħaddiema migranti u l-ħaddiema mhux migranti, sa fejn tipprevedi, b’mod ġenerali, il-bidla fl-istatus bħala persuna invalida fit-tmiem ta’ perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol ta’ sentejn, din twassal, fil-prattika, li tiżvantaġġa, matul it-tieni sena ta’ inkapaċità għax-xogħol, il-ħaddiema migranti li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni bħal dik ta’ M. Vester, meta pparagunata mal-ħaddiema mhux migranti u twassal sabiex tal-ewwel jitilfu vantaġġ tas-sigurtà soċjali li din il-leġiżlazzjoni kienet mistennija li tiżguralhom.

42      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ħaddiema li, kuntrarjament għal M. Vester, ma jagħmlux użu mid-dritt għall-moviment liberu tagħhom u jwettqu il-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol tagħhom kollu taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża jirċievu, matul is-sentejn daqs kemm idum dan il-perijodu, allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti Olandiża.

43      Issa, huwa paċifiku li, matul it-tieni sena ta’ inkapaċità għax-xogħol, li hija wettqet taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża, M. Vester ma rċevietx din l-allowance.

44      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-ħaddiem migrant li jsib ruħu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ M. Vester tipproduċi effetti li huma inkompatibbli mal-għan tal-Artikolu 45 TFUE, marbuta mal-fatt li d-dritt għall-benefiċċji ta’ invalidità ta’ M. Vester ġie sussegwentement irregolat minn leġiżlazzjonijiet diverġenti.

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, quddiem tali leġiżlazzjonijiet diverġenti, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimplimentaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jitwettaq l-għan tal-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Leyman, C‑3/08, EU:C:2009:595, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Hemm lok li jitfakkar li, f’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-dritt nazzjonali, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, jipprevedi trattament differenzjat bejn diversi gruppi ta’ persuni, il-membri tal-grupp żvantaġġat għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod u fir-rigward tagħhom għandha tiġi applikata l-istess skema bħal dik applikata għall-persuni kkonċernati l-oħra. L-iskema applikabbli għall-membri tal-grupp vantaġġat tibqa’, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, l-unika sistema ta’ riferiment valida (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2018, Crespo Rey, C‑2/17, EU:C:2018:511, punt 73).

47      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u li ġie diġà ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-ħaddiema mhux migranti li ma jagħmlux użu mid-dritt għall-moviment liberu tagħhom u li jikkompletaw il-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol tagħhom kollu taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża jirċievu allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol matul dan il-perijodu kollu. Huwa għaldaqstant dan il-kuntest ġuridiku li jikkostitwixxi s-sistema ta’ riferiment valida, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti.

48      Ċertament, huwa l-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati li jistabbilixxu liema huma, fid-dritt intern, il-miżuri l-iktar xierqa sabiex tintlaħaq l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema migranti u l-ħaddiema mhux migranti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li dan l-għan jista’, a priori, jintlaħaq billi tingħata wkoll lill-ħaddiema migranti li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol matul it-tieni sena ta’ inkapaċità għax-xogħol li timponi fuqhom il-leġiżlazzjoni Olandiża.

49      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li d-domandi magħmula jiġu risposti li l-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiem, li kien inkapaċi għax-xogħol matul sena u li ġie rrikonoxxut bħala persuna invalida mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza tiegħu mingħajr għaldaqstant ma jkun jista’ jibbenefika minn allowance tal-invalidità abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, jiġi impost fuqu, mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih huwa kkompleta l-perijodi ta’ assigurazzjoni tiegħu kollha, perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol addizzjonali ta’ sena sabiex jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus bħala persuna invalida u jingħatawlu l-benefiċċji tal-invalidità pro rata, mingħajr madankollu ma jirċievi allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol matul dan il-perijodu.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiem, li kien inkapaċi għax-xogħol matul sena u li ġie rrikonoxxut bħala persuna invalida mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza tiegħu mingħajr għaldaqstant ma jkun jista’ jibbenefika minn allowance tal-invalidità abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, jiġi impost fuqu, mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih huwa kkompleta l-perijodi ta’ assigurazzjoni tiegħu kollha, perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol addizzjonali ta’ sena sabiex jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus bħala persuna invalida u jingħatawlu l-benefiċċji tal-invalidità pro rata, mingħajr madankollu ma jirċievi allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol matul dan il-perijodu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.