Language of document : ECLI:EU:C:2020:1031

Kawża C-336/19

Centraal Israëlitisch Consistorie van België et  

vs

Vlaamse Regering

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Grondwettelijk Hof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza (Awla Manja) tas-17 ta’ Diċembru 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Artikolu 4(1) – Obbligu li l-annimali jiġu storduti qabel il-qtil tagħhom – Artikolu 4(4) – Deroga fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi – Artikolu 26(2) – Possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw regoli nazzjonali intiżi sabiex tiġi żgurata protezzjoni ikbar lill-annimali fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi – Interpretazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi, sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt – Artikolu 13 TFUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 10 – Libertà tar-reliġjon – Libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu – Limitazzjoni – Proporzjonalità – Assenza ta’ konsensus fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea – Marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Validità – Trattamenti differenzjati tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi u l-qtil ta’ annimali waqt attivitajiet ta’ kaċċa jew ta’ sajd kif ukoll waqt avvenimenti kulturali jew sportivi – Assenza ta’ diskriminazzjoni – Artikoli 20, 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

1.        Agrikultura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla – Obbligu li l-annimali jiġu storduti qabel il-qtil tagħhom – Deroga fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi – Dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti – Possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw regoli nazzjonali intiżi sabiex tiġi żgurata protezzjoni ikbar lill-annimali fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi – Portata

(Artikolu 13 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 10; Regolament tal-Kunsill Nru 1099/2009, premessi 15, 18 u 20 u l-Artikoli 2(f), 4(4), u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2))

(ara l-punti 43, 44, 47, 48)

2.        Agrikultura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla – Obbligu li l-annimali jiġu storduti qabel il-qtil tagħhom – Deroga fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi – Dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, proċedura ta’ sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal – Ammissibbiltà – Ksur tal-libertà tar-reliġjon – Assenza

(Artikolu 13 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 10; Regolament tal-Kunsill Nru 1099/2009, premessa 2 u Artikoli 4 u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) u (4))

(ara l-punti 51, 55, 60 sa 63, 65 sa 68, 71, 74 sa 79, 81, u d-dispożittiv 1)

3.        Agrikultura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla – Obbligu li l-annimali jiġu storduti qabel il-qtil tagħhom – Esklużjoni tal-qtil tal-annimali waqt attivitajiet ta’ kaċċa jew ta’ sajd kif ukoll waqt avvenimenti kulturali jew sportivi – Trattamenti differenzjati tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi – Sitwazzjonijiet mhux paragunabbli – Ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20, 21 u 22; Regolament tal-Kunsill Nru 1099/2009, Artikolu l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2))

(ara l-punti 85, 88 sa 95, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Sabiex jippromwovu l-benesseri tal-annimali fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr ma jiksru id-drittijiet fundamentali sanċiti fil-Karta, jimponu proċedura ta’ sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal

Digriet tar-Reġjun ta’ Vlaanderen (il-Belġju) tas-7 ta’ Lulju 2017, li jemenda l-liġi dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali fir-rigward tal-metodi permessi għall-qatla tal-annimali, għandu l-effett li jipprojbixxi l-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament minn qabel, inkluż għall-qatliet preskritti minn rit reliġjuż. Fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, dan jipprevedi l-użu ta’ sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal.

Dan it-test ġie b’mod partikolari kkontestat minn diversi assoċjazzjonijiet Lhud u Musulmani, li talbu l-annullament totali jew parzjali tiegħu. Fl-opinjoni tagħhom, billi ma jippermettix li ċ-ċittadini Lhud u Musulmani jiksbu laħam li ġej minn annimali maqtula skont il-preċetti reliġjużi tagħhom, li jopponu t-teknika tal-isturdament reversibbli, id-Digriet jikser ir-Regolament Nru 1099/2009 (1) u, għaldaqstant, jipprekludi lill-fidili milli jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) iddeċidiet li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistaqsi, prinċipalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, proċedura ta’ sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal.

Din id-domanda twassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja, għat-tielet darba (2), tibbilanċja l-libertà tar-reliġjon, iggarantita fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u l-benesseri tal-annimali, kif stipulat fl-Artikolu 13 TFUE u kkonkretizzat fir-Regolament Nru 1099/2009.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kompożizzjoni ta’ Awla Manja, tosserva, qabel kollox, li l-prinċipju tal-isturdament tal-annimal qabel ma jinqatel, stabbilit fir-Regolament Nru 1099/2009, jissodisfa l-għan prinċipali ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali mfittex minn dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, għalkemm ir-Regolament (3) jippermetti l-prattika tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, li fil-kuntest tagħha l-annimal jista’ jinqatel mingħajr sturdament minn qabel, din il-forma ta’ qatla hija permessa biss b’deroga fl-Unjoni u biss sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-libertà tar-reliġjon. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli nazzjonali intiżi li jiżguraw lill-annimali, meta jinqatlu, protezzjoni ikbar minn dik prevista fir-Regolament fil-qasam tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi (4). Għalhekk, ir-Regolament jirrifletti l-fatt li l-Unjoni u l-Istati Membri jieħdu kompletament inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali, filwaqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet u l-użanzi tal-Istati Membri fil-qasam, b’mod partikolari, tar-riti reliġjużi. Madankollu, ir-Regolament ma jwettaqx huwa nnifsu r-rikonċiljazzjoni neċessarja bejn il-benesseri tal-annimali u l-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu, iżda jillimita ruħu li jirregola r-rikonċiljazzjoni li l-Istati Membri għandhom iwettqu bejn dawn iż-żewġ valuri.

Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 1099/2009 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ sturdament minn qabel il-qtil tal-annimali li japplika wkoll fil-kuntest ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi, sa kemm, madankollu, meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet fundamentali sanċiti fil-Karta.

F’dak li jirrigwarda speċifikament il-kwistjoni ta’ jekk id-Digriet jirrispettax dawn id-drittijiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-qatla għal raġunijiet reliġjużi taqa’ taħt il-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu, iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta. Billi jimponi, fil-kuntest ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi, sturdament reversibbli, konformement mal-preċetti reliġjużi tal-fidili Lhud u Musulmani, id-Digriet jinvolvi għalhekk limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-fidili Lhud u Musulmani li juru r-reliġjon tagħhom.

Sabiex tevalwa jekk tali limitazzjoni hijiex permessa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata qabel kollox li l-indħil fil-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu li jirriżulta mid-Digriet huwa tabilħaqq previst mil-liġi u, barra minn hekk, jirrispetta l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 10 tal-Karta sa kemm dan ikun limitat għal aspett tal-att ritwali speċifiku li tikkostitwixxi l-imsemmija qatla, sa fejn din tal-aħħar ma hijiex, bħala tali, ipprojbita.

Il-Qorti tal-Ġustizzja wara dan tosserva li dan l-indħil jissodisfa għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni, jiġifieri l-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali.

Fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-limitazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-miżuri previsti mid-Digriet jippermettu li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-importanza mogħtija lill-benesseri tal-annimali u l-libertà li l-fidili Lhud u Musulmani juru r-reliġjon tagħhom. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata, fl-ewwel lok, li l-obbligu ta’ sturdament reversibbli huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan tal-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali. Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja tal-indħil, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirrikonoxxi lil kull Stat Membru marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tar-rikonċiljazzjoni tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali waqt il-qatla tagħhom u tar-rispett tal-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu. Issa, ntlaħaq konsensus xjentifiku dwar il-fatt li l-isturdament minn qabel jikkostitwixxi l-aħjar mezz sabiex titnaqqas is-sofferenza tal-annimal fil-mument tal-qtil tiegħu. Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura proporzjonali ta’ dan l-indħil, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva, qabel kollox, li l-leġiżlatur ta’ Vlaanderen ibbaża ruħu fuq riċerki xjentifiċi u li ried li jiġi pprivileġġat l-iktar qtil awtorizzat modern. Hija tosserva, wara dan, li dan il-leġiżlatur ippożizzjona ruħu f’kuntest ta’ soċjetà u ta’ leġiżlazzjoni fi żvilupp kontinwu, li huwa kkaratterizzat minn sensibilizzazzjoni dejjem tikber għall-kwistjoni tal-benesseri tal-annimali. Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-Digriet la jipprojbixxi u lanqas ma jostakola t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti li ġejjin minn annimali li nqatlu għal raġunijiet reliġjużi meta dawn il-prodotti jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor jew minn Stat terz.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-Regolament Nru 1099/2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE u tal-Artikolu 10(1) tal-Karta ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, proċedura ta’ sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-validità tar-Regolament Nru 1099/2009 (5) fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, kif iggarantiti fil-Karta (6). Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li r-Regolament jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri bħall-isturdament obbligatorju fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, iżda li ma jinkludi ebda dispożizzjoni paragunabbli għall-qtil tal-annimali fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ kaċċa u ta’ sajd jew matul avvenimenti kulturali jew sportivi, ma tmurx kontra dawn il-prinċipji.

F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li l-avvenimenti kulturali u sportivi jwasslu, l-iktar l-iktar, għal produzzjoni marġinali ta’ laħam li ma hijiex sinjifikattiva fuq livell ekonomiku. B’konsegwenza ta’ dan, tali avveniment ma jistax raġonevolment jiġi kkonċepit bħala attività ta’ produzzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, fatt li jiġġustifika li dan jiġi trattat b’mod differenti meta mqabbel ma operazzjoni ta’ qatla. Il-Qorti tal-Ġustizzja tislet l-istess konklużjoni f’dak li jirrigwarda l-kaċċa u s-sajd rikreattiv. Fil-fatt, dawn l-attivitajiet iseħħu f’kuntest fejn il-kondizzjonijiet tal-qtil huma differenti ħafna minn dawk użati għal annimali mrobbija.


1      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU 2009, L 303, p. 1).


2      Wara s-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C-426/16, EU:C:2018:335), kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2019, Œuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C‑497/17, EU:C:2019:137).


3      Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009.


4      Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009.


5      B’mod partikolari l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tiegħu, dwar il-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw regoli nazzjonali intiżi sabiex tiġi żgurata protezzjoni ikbar lill-annimali fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi.


6      Artikoli 20, 21 u, rispettivament, 22 tal-Karta.