Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2020 – Applia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-140/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Applia - Home Appliance Europe (Woluwe-Saint-Lambert, il-Belġju) (rappreżentanti: Y. Desmedt, L. Salernitano and K. Olsthoorn, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-partijiet li ġejjin tal-att ikkontestat: (i)l-Artikolu 1(42) tal-Anness I li jipprevedi d-definizzjoni ta’ “valur iddikjarat”; (ii)il-paragrafu 2(2)(a) tal-Anness IX fil-parti fejn jiddikjara li “valuri ddikjarati” jikkorrispondu ma’ dawk il-“valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika”; u (iii)il-paragrafu 2(2)(b) tal-Anness IX;

tannulla t-Tabella 9 dwar “Tolleranzi ta’ verifika” tal-Anness IX fil-parti fejn fiha l-parametri li huma inklużi fl-Anness VI u li ma humiex imniżżla fl-Anness V, jiġifieri: “Effiċjenza totali tal-mains ηTM”, “Fattur ta’ manutenzjoni tal-lumen (għal FL u HID)”,“Fattur ta’ sopravivenza (għal FL u HID)” u “Purità tal-eċċitament”;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2015 1 .

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-att ikkontestat jikser l-Artikoli 3, 12 u 16 tar-Regolament Qafas 2 u l-Kummissjoni aġixxiet ultra vires billi introduċiet rekwiżiti inkonsistenti fir-rigward tad-dokumentazzjoni teknika li l-fornituri għandhom itellgħu fid-database u l-proċedura ta’ verifika li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom id-dritt li jwettqu.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-att ikkontestat jikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-ugwaljanza fit-trattament minħabba li jonqos milli jistabbilixxi qafas regolatorju ċar u univokali li jpoġġi lill-fornituri fl-impossibiltà li jiddeterminaw id-dmirijiet tagħhom f’dak li jirrigwarda d-data ipprovduta fid-dokumentazzjoni teknika; u l-proċedura ta’ verifika applikabbli biex tevalwa l-eżattezza tad-data.

____________

1 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2015 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissuplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tas-sorsi tad-dawl u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 874/2012 (ĠU 2019 L 315, p. 68).

2 Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU 2017 L 198, p. 1).