Language of document : ECLI:EU:C:2021:942

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑18 ta’ Novembru 2021 (1)

Kawża C140/20

G.D.

vs

The Commissioner of the Garda Síochána,

Minister for Communications, Energy and Natural Resources,

Attorney General

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))

“Domanda preliminari – Telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Artikolu 4(2) TUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u ta’ lokalizzazzjoni – Aċċess għad-data miżmuma – Użu tad-data miżmuma bħala prova fi proċeduri kriminali”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, flimkien mat-talbiet tal-Kawżi magħquda C‑793/19, SpaceNet u C‑794/19, Telekom Deutschland, li dwarhom ukoll qiegħed nippreżenta konklużjonijiet (2) b’din l-istess data, għal darba oħra tenfasizza t-tħassib li tqajjem f’xi Stati Membri minħabba l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma tad-data personali ġġenerata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-aċċess għaliha.

2.        Fil-konklużjonijiet tal-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, La Quadrature du Net et (3), u C‑520/18, Ordre des barreaux francophones et germaophone et (4), identifikajt dawn li ġejjin bħala l-kisbiet l-iktar importanti ta’ din il-ġurisprudenza sa dan il-mument:

–        Is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (5), li ddikjarat l-invalidità tad-Direttiva 2006/24/KE (6) peress li kienet tippermetti ndħil sproporzjonat fid-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittiijet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

–        Is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (7), fejn ġie ddikjarat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE (8) huwa inkompatibbli ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

–        Is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (9), fejn ġiet ikkonfermata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u ġiet speċifikata l-importanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan ir-rigward.

3.        Fl‑2018, xi qrati ta’ ċerti Stati Membri ressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talbiet separati għal deċiżjoni preliminari li fihom kien hemm rifless id-dubji tagħhom dwar jekk dawk is-sentenzi (tal‑2014, tal‑2016 u tal‑2018) setgħux iċaħħdu lill-awtoritajiet statali minn strument neċessarju għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u għall-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu.

4.        Erba’ minn dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari wasslu għas-sentenzi Privacy International (10) u La Quadrature du Net et (11), it-tnejn tas‑6 ta’ Ottubru 2020, li kkorroboraw b’mod sostanzjali l-kummentarju tas-sentenza Tele2 Sverige, filwaqt li introduċew xi aspetti addizzjonali.

5.        Minħabba l-oriġini tagħhom (l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja), il-kontenut tagħhom u r-rieda tagħhom li jispjegaw fid-dettall, fi djalogu mal-qrati tar-rinviju, il-motivi li, minkejja kollox, jiġġustifikaw it-teżijiet esposti fihom, jista’ jkun mistenni li dawn iż-żewġ sentenzi rikapitulattivi” tas‑6 ta’ Ottubru 2020 ikunu solvew id-diskussjoni. Għaldaqstant, digriet motivat tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkorrispondi għal kwalunkwe talba oħra għal deċiżjoni preliminari dwar l-istess suġġett.

6.        Madankollu, sas‑6 ta’ Ottubru 2020, fil-Qorti tal-Ġustizzja kienu ġew irreġistrati tliet talbiet oħra għal deċiżjoni preliminari (dik ta’ din il-kawża u dawk tal-Kawżi magħquda C‑793/19 u C‑794/19), li l-kontenut tagħhom qajjem dubju dwar il-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

7.        Il-Qorti tal-Ġustizzja informat lill-qrati tar-rinviju dwar is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, f’każ li xtaqu jirtiraw it-talbiet tagħhom għal deċiżjoni preliminari. Fid-dawl tal-insistenza tagħha li tinżamm t-talba, bħalma ser nispjega iktar ’il quddiem (12), ġie deċiż li ma jiġix applikat l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura u li l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondiha.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2002/58

8.        Skont l-Artikolu 5(1) (“Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”):

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità”.

9.        L-Artikolu 6 (“Data dwar it-traffiku”) jipprovdi:

“1. Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2. Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

[…]”.

10.      L-Artikolu 15(1)(“Applikazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE” (13)) jipprevedi li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

B.      Id-dritt nazzjonali. Communications (Retention of Data) Act 2011 (il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet (Żamma ta’ Data) tal2011, iktar ’il quddiem, il-Liġi tal2011”)

11.      Il-preżentazzjoni tad-dritt nazzjonali li tirrifletti s-Supreme Court (il-Qorti Suprema) fil-punt 3 tad-digriet tar-rinviju tagħha hija din li ġejja:

–        “Il-Liġi tal‑2011 kienet ġiet approvata bl-għan espliċitu li tiġi inkorporata d-Direttiva 2006/24.

–        L-Artikolu 3 tal-Liġi tal‑2011 jeżiġi li l-fornituri kollha tas-servizzi jżommu ‘d-data tat-telefonija tan-network fiss u mobbli’ għal perijodu ta’ sentejn.

–        Din id-data tippermetti l-identifikazzjoni tas-sors, tad-destinazzjoni, tad-data u tal-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni, it-tip ta’ komunikazzjoni, it-tip ta’ tagħmir li ntuża u l-post ġeografiku tiegħu. Il-kontenut tal-komunikazzjonijiet ma jaqax f’din il-kategorija ta’ data.

–        Din id-data tista’ tiġi kkonsultata u ttrasferita wara talba għal trasferiment. L-Artikolu 6 tal-Liġi tal‑2011 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tiġi mressqa talba għat-trasferiment ta’ data, u, skont il-punt 1 tiegħu, membru tal-An Garda Síochána (il-Pulizija Nazzjonali, l-Irlanda) li l-grad tiegħu ma huwiex inferjuri għal “chief superintendent” (supretendent ewlieni), jista’ jressaq talba għat-trasferiment ta’ data, jekk iqis li tkun neċessarja, fost għanijiet oħra, għall-prevenzjoni, is-sejba, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reat serju, li jkun reat punibbli, mill-inqas, b’piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin, kif ukoll ir-reati l-oħra li huma elenkati fl-Anness I tal-Liġi tal‑2011.

–        Fost il-mekkaniżmi ta’ stħarriġ previsti fil-Liġi tal‑2011 hemm inklużi l-proċedura ta’ lment irregolata fl-Artikolu 10 tiegħu u l-funzjonijiet tad-‘designated judge’ (imħallef maħtur) tal-Artikolu 12, li għandha tirrevedi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

–        […] Minħabba raġunijiet ta’ politika interna, il-Commissioner of the Garda Síochána (il-Kummissarju tal-Pulizija Nazzjonali, l-Irlanda) ippreveda li t-talbiet għat-trasferiment ta’ data tat-telefonija mressqa skont il-Liġi tal‑2011 kellhom jiġu pproċessati b’mod iċċentralizzat minn supretendent ewlieni wieħed. Fir-rigward tat-trasferiment ta’ data, is-supretendent ewlieni responsabbli kien il-kap tad-dipartiment tal-intelligence u s-sigurtà tal-An Garda Síochána (il-Pulizija Nazzjonali), li għandu jiddeċiedi, finalment, jekk titressaqx talba għat-trasferiment ta’ data lill-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑2011. Twaqqfet taqsima żgħira indipendenti, imsejħa Telecommunications Liaison Unit (iktar ’il quddiem, it-‘TLU’), sabiex tappoġġja lis-supretendent ewlieni fil-kompiti tiegħu u taġixxi bħala punt uniku ta’ kuntatt mal-fornituri tas-servizz.

–        Fil-perijodu rilevanti għal din il-proċedura, it-talbiet kollha għat-trasferiment ta’ data kellhom jiġu approvati, fl-ewwel istanza, minn ‘superintendent’ (supretendent) jew minn ‘inspector’ (spettur) li jaġixxi bħala supretendent, imbagħad wara jintbagħtu lit-TLU sabiex jiġu pproċessati. L-investigaturi ġew ordnati sabiex jinkludu informazzjoni suffiċjenti fit-talbiet, sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni informata sew, u kienu ntalbu jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-supretendent ewlieni sussegwentement jista’ jkollu jiġġustifika din id-deċiżjoni quddiem qorti jew quddiem l-imħallef maħtur tal-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). Kemm it-TLU kif ukoll is-supretendent ewlieni inkwirenti huma meħtieġa jivverifikaw il-legalità, il-proporzjonalità u n-neċessità tat-talbiet għat-trasferiment ta’ data li jressqu l-membri tal-An Garda Síochána (il-Pulizija Nazzjonali). It-talbiet li kienu meqjusa li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fil-liġi jew fil-protokolli interni tal-pulizija Irlandiża kienu ġew irritornati għal kjarifiki jew informazzjoni addizzjonali. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Mejju 2011, l-operaturi tas-servizzi impenjaw ruħhom sabiex ma jipproċessawx talbiet għal data relatata ma’ telefonati li ma għaddewx minn dan il-proċess. It-TLU hija suġġetta wkoll, għal stħarriġ mid-Data Protection Commissioner (il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data)”.

12.      Fl-Anness I tad-digriet tar-rinviju jinsabu xi kjarifiki addizzjonali dwar il-kontenut tal-Liġi tal‑2011. Skont dawn il-kjarifiki:

–        L-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑2011 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “data” bħala “d-data dwar it-traffiku jew dwar il-lokalizzazzjoni u d-data relatata għall-identifikazzjoni tal-abbonat jew tal-utent”.

–        L-Artikolu 6(1) tal-Liġi tal‑2011 jawtorizza lil uffiċjal tal-pulizija, fit-termini spjegati iktar ’il fuq, jaċċessa din id-data jekk iqis li tkun meħtieġa: “a) għall-prevenzjoni, l-iskopertà, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reat serju; b) għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-Istat; u c) għall-preservazzjoni tal-ħajja tal-bniedem”.

II.    Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari

13.      Fl‑2015, G.D. kien ġie kkundannat għal priġunerija għal għomru minħabba reat ta’ qtil. Matul il-proċedura tal-appell quddiem l-Irish Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), huwa kkontesta, mingħajr suċċess, l-ammissibbiltà ta’ ċerti provi inkriminanti bbażati fuq data tat-telefonija miżmuma f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

14.      B’mod parallel mal-proċedura ta’ appell kriminali, G.D. beda proċedura ċivili (14) quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) sabiex jikkontesta l-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑2011 li taħthom inżammet u setgħet tiġi aċċessata l-imsemmija data tat-telefonija.

15.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2018, il-High Court (il-Qorti Għolja) laqgħet it-talba ta’ G.D. li fiha talab lill-qorti tiddikjara l-Artikolu 6(1)(a) tal-Liġi tal‑2011 bħala inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta.

16.      Il-Gvern Irlandiż ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), li tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Sistema ġenerali/universali ta’ żamma ta’ data – anki jekk suġġetta għal restrizzjonijiet stretti fil-qasam ta’ żamma u ta’ aċċess – hija, minnha nfisha, kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58], interpretati fid-dawl tal-Karta?

2)      Fil-kuntest tal-eżami dwar jekk jekk għandhiex tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali implimentata skont id-Direttiva [2006/24] u li tipprevedi sistema ġenerali ta’ żamma ta’ data (suġġetta għall-kontrolli stretti neċessarji fil-qasam taż-żamma jew ta’ aċċess), u b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ tali sistema, qorti nazzjonali hija intitolata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-data tista’ tinżamm legalment mill-fornituri ta’ servizzi għall-użu kummerċjali tagħhom stess u li ż-żamma tagħha tista’ tiġi imposta għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2002/58]?

3)      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Karta, ta’ miżura nazzjonali li tirregola l-aċċess għad-data miżmuma, liema kriterji għandha qorti nazzjonali tapplika meta teżamina jekk tali sistemi ta’ aċċess jipprevedux l-istħarriġ preliminari indipendenti kif iddeterminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha? F’dan il-kuntest, tista’ qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju ex post jew indipendenti?

4)      Fi kwalunkwe każ, qorti nazzjonali hija obbligata tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58], fil-każ fejn din il-miżura nazzjonali tipprevedi sistema ġenerali ta’ żamma ta’ data għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalita gravi, u fejn il-qorti nazzjonali tkun ikkonkludiet, fid-dawl tal-provi kollha disponibbli, li tali żamma hija kemm indispensabbli kif ukoll strettament neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi?

5)      Jekk qorti nazzjonali hija obbligata tikkonkludi li miżura nazzjonali hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58], interpretati fid-dawl tal-Karta, hija intitolata tillimita l-effetti ratione temporis ta’ tali konstatazzjoni, jekk hija tqis li n-nuqqas li tagħmel dan iwassal għal ‘kaos u dannu għall-interess pubbliku li jirriżulta’ (skont l-approċċ meħud, pereżempju, f’R (National Council for Civil Liberties) vs Secretary of State for Home Department and Secretary of State for Foreign Affairs [2018] EWHC 975, punt 46]?

6)      Qorti nazzjonali mitluba tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58] u/jew li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni, u/jew tiddikkjara li l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni kienet kisret id-drittijiet ta’ persuna fiżika, jew fil-kuntest ta’ proċedura mibdija sabiex tiġi ffaċilitata l-preżentazzjoni ta’ argument relatat mal-ammissibbiltà tal-provi fi proċeduri kriminali jew f’kuntest ieħor, tista’ tkun awtorizzata tirrifjuta li tilqa’ din it-talba f’dak li jikkonċerna d-data miżmuma b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali adottata skont l-obbligu, previst fl-Artikolu 288 TFUE, li jiġu trasposti b’mod fidil fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, jew li tillimita tali konstatazzjoni għall-perijodu wara d-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-Direttiva [2006/24] mill-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ April 2014?”

17.      Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tindika li l-provi bħal dawk prodotti fil-proċeduri kriminali kontra G.D. huma kruċjali għas-sejba u l-prosekuzzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ reati serji. Hija tenfasizza l-fatt li jekk ma tkunx permessa ż-żamma b’mod universali tal-metadata, anki bil-kundizzjonijiet ta’ aċċess li jistgħu jiġu stabbiliti, l-awturi ta’ ħafna minn dawn ir-reati ma jkunux jistgħu jiġu skoperti u ġġudikati b’suċċess.

18.      F’din il-linja, hija tikkunsidra dan li ġej:

–        Forom oħra alternattivi ta’ żamma tad-data, permezz tal-ġeoreferenzjar jew mezzi oħra, ma jkunux effikaċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejba u prosekuzzjoni ta’, mill-inqas, ċerti tipi ta’ reati serji, apparti li dawn possibbilment jiksru drittijiet oħra tal-individwu.

–        L-għan taż-żamma tad-data b’mezzi oħra inqas stretti minn sistema ġenerali ta’ żamma suġġetta għall-garanziji neċessarji ma huwiex prattiku.

–        L-għanijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejba u prosekuzzjoni ta’ reati serji jibqgħu serjament kompromessi fl-assenza ta’ sistema ġenerali ta’ żamma tad-data.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Marzu 2020.

20.      G.D., il-Commmisioner of the Garda Síochána (il-Kummissarju tal-Pulizija Nazzjonali), il-Gvern Belġjan, Ċek, Ċiprijott, Daniż, Spanjol, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Olandiż, Pollakk, Portugiż u dak Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

21.      Meta l-qorti tar-rinviju ntalbet sabiex tiddeċiedi dwar l-irtirar possibbli tad-domanda preliminari, ladarba tiġi deċiża s-sentenza La Quadrature du Net, hija esponiet, permezz ta’ ittra bil-miktub irreġistrata fis‑27 ta’ Ottubru 2020, l-intenzjoni tagħha li żżommha (15).

22.      Is-seduta pubblika, li saret flimkien ma’ dik tal-Kawżi magħquda C‑793/19, SpaceNet, u C‑794/19, Telekom Deutschland, saret fit‑13 ta’ Settembru 2021. Dehru dawk li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (bl-eċċezzjoni tal-Gvern Belġjan, Ċek u dak Portugiż) u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

IV.    Analiżi

A.      Kunsiderazzjoni preliminari

23.      Il-maġġoranza tal-partijiet irrappreżentati fil-proċedura jaqblu li s-sitt domandi preliminari tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema) dwar l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jistgħu jinġabru fi tlieta, fir-rigward ta’:

–      Il-legalità tas-sistema ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data, fiha nnifisha u sa fejn tikkonċerna l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda).

–      Il-karatteristiċi, f’dan il-każ, tal-aċċess għad-data miżmuma li għandhom jiġu ssodisfatti (it-tielet domanda).

–      Il-possibbiltà li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni possibbli ta’ inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar dan is-suġġett (il-ħames u s-sitt domanda).

24.      Fil-fehma tiegħi, dawn id-domandi kollha ngħatatilhom risposta fis-sentenzi La Quadrature du Net u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (16).

25.      Fir-rigward tas-sentenza La Quadrature du Net, ladarba kienet ġiet ikkomunikata lill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar kienet partikolarment lakonika fir-risposta tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Wara li rrikonoxxiet li din is-sentenza tikkontribwixxi għall-kjarifika tad-dritt tal-Unjoni, hija tiddikjara sempliċement li “t-tip ta’ każ sottostanti fil-proċedura li fiha s-Supreme Court (il-Qorti Suprema) għamlet id-domanda preliminari huwa differenti b’mod sinjifikattiv mit-tip ta’ sitwazzjonijiet sottostanti fil-proċeduri li wasslu għal din is-sentenza” (17).

27.      Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, sussegwentement għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ma jwasslux sabiex jitqiegħed f’dubju l-kummentarju tas-sentenza La Quadrature du Net (bħalma għamlu wħud mill-gvernijiet intervenjenti fil-proċedura) u lanqas ma jitolbu kjarifika dwar il-kontenut tagħha.

28.      Għalkemm is-“sitwazzjonijiet sottostanti” (18) fil-proċeduri deċiżi fis-sentenza La Quadrature du Net huma differenti minn dik ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, dak li huwa importanti huwa li l-kummentarju stabbilit f’din is-sentenza, b’mod ġenerali, mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi impost erga omnes u jorbot lill-qrati kollha tal-Istati Membri fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

29.      Fir-rigward tal-aċċess għad-data miżmuma, inqis ukoll li s-sentenza Prokuratuur, li ssegwi d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li jinżamm ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tneħħi d-dubji mqajma fih.

30.      F’dawn il-kundizzjonijiet, u b’differenza għall-approċċ li segwejt fil-konklużjonijiet SpaceNet u Telekom Deutschland (19), f’dawn il-konklużjonijiet ser nillimita ruħi sabiex niddeduċi l-konsegwenzi li, għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, kif ippreżentat fil-bidu, ġejjin mis-sentenzi La Quadrature du Net u Prokuratuur.

B.      Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni (l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda preliminari)

31.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fil-qosor:

–        Jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, interpretat fid-dawl tal-Karta, huwiex inkompatibbli ma’ sistema ġenerali ta’ żamma tad-data.

–        Jekk, waqt l-eżaminazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi sistema ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, suġġetta għal stħarriġ strett, huwiex rilevanti li l-fornituri tas-servizzi jistgħu legalment iżommu din id-data għall-finijiet kummerċjali tagħhom stess u li din iż-żamma tista’ tkun meħtieġa għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali.

–        Jekk l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58 tibqax meta din il-leġiżlazzjoni timponi ż-żamma ġġeneralizzata tal-imsemmija data għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

32.      Bħalma wkoll nargumenta fil-konklużjonijiet SpaceNet u Telekom Deutschland (20), ir-risposta għal dawn id-domandi ma tistax tkun differenti minn dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza La Quadrature du Net, li rrikapitulat il-ġurisprudenza f’dan ir-rigward.

33.      Għaldaqstant, għandi nfakkar, qabelxejn, fil-kummentarju tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, li l-punt 168 tagħha jiġbru fil-qosor b’dan il-mod:

“[L]‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet previsti f’dan l‑Artikolu 15(1), b’mod preventiv, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 15(1) moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi

–        li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data relatata mal-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi; u

–        li jippermettu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż-żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż”.

34.      L-idea ewlenija tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 2002/58 hija li l-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala prinċipju, li l-komunikazzjonijiet u d-data relatata magħhom jibqgħu, fin-nuqqas tal-kunsens tagħhom, anonimi u li ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni (21).

35.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti eċċezzjonijiet għall-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità u għall-obbligi korrispondenti. Is-sentenza La Quadrature du Net tkompli teżamina kif dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jiġu rrikonċiljati mad-drittijiet fundamentali li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun affettwat (22).

36.      Iż-żamma ġġeneralizzata u nondiskriminatorja tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-għan tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, li l-importanza tagħha “tmur lil hinn minn dik tal-għanijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58” (23).

37.      F’dan il-każ (sigurtà nazzjonali), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta, “ma jipprekludix, bħala regola, miżura leġiżlattiva li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jipproċedu biż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni tal-utenti kollha tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi matul perijodu limitat, meta jkun hemm ċirkustanzi suffiċjentement konkreti li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Istat Membru kkonċernat huwa affaċċjat b’theddida serja […] għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli” (24).

38.      Dawn ir-rekwiżiti ċertament jagħtu lok għal sistema iktar rigoruża u stretta minn dik li toħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB). Li “s-sens u l-portata tad-drittijiet” tal-Karta li jikkorrispondu għal dawk tal-KEDB għandhom ikunu l-istess bħal dawk mogħtija minn din tal-aħħar ma jipprekludix, skont l-Artikolu 52(3), in fine, tal-Karta, lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estensiva.

39.      Barra minn hekk, il-kummentarju tal-QEDB, fis-sentenzi tagħha tal‑25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir‑Renju Unit (25) u Centrum för Rätvisa vs L‑Isvezja (26), kif ukoll dik tal‑4 ta’ Diċembru 2015, Zahharov vs Ir‑Russja (27) jikkonċerna każijiet li, bħalma kienet il-pożizzjoni predominanti matul is-seduta, ma humiex komparabbli ma’ dak diskuss f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Is-soluzzjoni għal dawn għandha tinsab billi jiġu applikati leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jkunu meqjusa li huma konformi mar-regolament eżawrjenti tad-Direttiva 2002/58, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

40.      Tkun xi tkun il-fehma dwar l-invokazzjoni tas-sigurtà nazzjonali, fis-sentenza La Quadrature du Net, bħala motiv sabiex titneħħa, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-projbizzjoni fuq iż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni (fil-fehma tiegħi, il-limiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja huma wesgħin b’mod eċċessiv), għandhom jiġu rrispettati r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 137 sa 139 ta’ din is-sentenza.

41.      Apparti din il-ipoteżi, għandu jiġi analizzat jekk ir-regolament nazzjonali huwiex ibbażat fuq kriterji suffiċjentement immirati sabiex jikkonforma mal-kundizzjonijiet li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġġustifikaw indħil partikolarment serju, bħaż-żamma tad-data, fid-drittijiet fundamentali kkonċernati.

42.      Madankollu, it-tifsira tas-sentenza La Quadrature du Net ma tiġix irrispettata jekk id-dikjarazzjonijiet tagħha dwar is-sigurtà nazzjonali jkunu jistgħu jiġu estrapolati għar-reati, inklużi dawk serji, li ma jippreġudikawhiex, iżda jippreġudikaw is-sigurtà pubblika jew interessi oħra li huma protetti b’mod ġuridiku.

43.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bir-reqqa bejn il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jistabbilixxu ż-żamma preventiva, iġġeneralizzata u indifferenzjata, tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni sabiex tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali (punti 134 sa 139 tas-sentenza La Quadrature du Net) u dawk li jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-protezzjoni tas-sigurtà pubblika (punti 140 sa 151 tal-istess sentenza). It-tnejn li huma ma jistax ikollhom l-istess portata, inkella din id-distinzjoni tispiċċa mingħajr ebda tifsira.

44.      L-istrumenti ta’ żamma tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja huma esposti, nirrepeti, fil-punti 140 sa 151 tas-sentenza La Quadrature du Net. Ma’ dawn għandhom jiżdiedu, għall-istess finijiet, dawk li jawtorizzaw iż-żamma preventiva tal-indirizzi IP u tad-data dwar l-identità ċivili tal-persuna (punti 152 sa 159 ta’ din is-sentenza), kif ukoll iż-“żamma rapida” tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni (punti 160 sa 166 tal-imsemmija sentenza).

45.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar l-impatt tal-“fatt li d-data tista’ tinżamm legalment mill-fornituri ta’ servizzi għall-użu kummerċjali tagħhom stess u li ż-żamma tagħha tista’ tiġi imposta għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE”.

46.      Issa, fir-rigward tad-data li dawn l-operaturi jżommu għal għanijiet kummerċjali, is-sentenza La Quadrature du Net torbot lil dawn tal-aħħar mal-għan li għalih tinġabar id-data, u ż-“żamma rapida” possibbli tagħha hija awtorizzata biss fit-termini tal-punti 160 sa 166 imsemmija iktar ’il fuq ta’ din is-sentenza.

47.      L-imperattivi tas-sigurtà nazzjonali jaċċettaw, bil-mod u bil-garanziji u r-restrizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza La Quadrature du Net, iż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni. L-istess ma japplikax, madankollu, għall-għan ta’ prosekuzzjoni tar-reati, inklużi dawk serji, li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 6(1)(a) tal-Liġi tal‑2011, li huwa s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

48.      Fir-rigward tal-problemi mqajma miż-żamma mmirata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni (28), ser nagħmel riferiment, għaldaqstant, għall-punti 43 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħi SpaceNet u Telekom Deutschland.

49.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tintalab tassumi funzjonijiet regolatorji u tippreċiża, fid-dettall, liema kategoriji ta’ data jistgħu jinżammu u għal kemm żmien (29), wisq inqas ikun xieraq li, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, taġixxi bħala leġiżlatur, billi tintroduċi f’din id-dispożizzjoni kategoriji intermedji bejn is-sigurtà nazzjonali u s-sigurtà pubblika, sabiex lit-tieni waħda tapplikalha r-rekwiżiti li huma inerenti għall-ewwel waħda.

50.      Bħalma sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-lista tal‑għanijiet li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id‑direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li miżura leġiżlattiva adottata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandha effettivament u strettament tissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet” (30).

51.      Il-proposta magħmula mill-Kummissjoni fis-seduta (31) (sabiex jiġi introdott tertium genus ta’ ksur) testendi, sa estremi vagi, l-unika kawża li tista’ tiġġustifika ż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – jiġifieri, is-sigurtà nazzjonali – billi tqabbel it-theddid għas-sigurtà nazzjonali mat-theddid li jkun ġej mill-kriminalità serja.

52.      Id-diffikultajiet li saru evidenti matul din id-diskussjoni waqt is-seduta pubblika, fid-delimitazzjoni tal-każijiet kriminali li jistgħu jikkostitwixxu dan it-tertium genus, jikkorroboraw il-fatt li dan ma huwiex kompitu li għandu jitwettaq minn qorti.

53.      Għandu jiġi nnotat ukoll li fid-deskrizzjoni tal-“attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi” ta’ pajjiż u, sa dan l-istess punt, jikkawżaw dannu “[għall]-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà”, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment “[għall]-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali” ta’ dan il-pajjiż (32).

54.      Abbażi ta’ dawn il-premessi, il-leġiżlazzjoni Irlandiża deskritta mill-qorti tar-rinviju ma hijiex differenti b’mod sinjifikattiv mil-leġiżlazzjonijiet analizzati fil-proċeduri li fihom ġiet deċiża s-sentenza La Quadrature du Net. Tkun xi tkun is-sistema ta’ aċċess għad-data stabbilita fil-Liġi tal‑2011 (li hija s-suġġett tat-tielet domanda preliminari), ir-regoli ta’ żamma imposti f’din il-liġi huma simili għal dawk eżaminati f’din is-sentenza, u għaldaqstant jiksru l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 bl-istess mod.

55.      Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Irlandiża, għal raġunijiet li jmorru lil hinn minn dawk li huma inerenti għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tawtorizza ż-żamma preventiva, iġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati kollha għal perijodu ta’ sentejn.

56.      Fil-qosor, nissuġġerixxi li l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda preliminari tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema) jingħataw risposta fl-istess termini li bihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet is-sentenza La Quadrature du Net.

C.      Aċċess għad-data miżmuma (it-tielet domanda preliminari)

57.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema kriterji għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina jekk ir-regoli nazzjonali ta’ aċċess għad-data miżmuma jipprevedux l-istħarriġ minn qabel meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew jekk ikunx biżżejjed stħarriġ, ġudizzjarju jew indipendenti, ex post.

58.      Is-sentenza Prokuratuur ukoll tat risposta lil din id-domanda. Sabiex jiġi ggarantit l-issodisfar tar-rekwiżiti li għandha tissodisfa l-leġiżlazzjoni regolatorja dwar l-aċċess għad-data miżmuma (33), “huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali”(34).

59.      Għall-Qorti tal-Ġustizzja, dan “il-kontroll minn qabel jeħtieġ fost l-oħrajn, […] li l-qorti jew l-entità inkarigata li twettaq l-imsemmi kontroll minn qabel ikollha s-setgħat kollha u tippreżenta l-garanziji kollha neċessarji sabiex tiżgura konċiljazzjoni tal-interessi u tad-drittijiet differenti inkwistjoni. Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ investigazzjoni kriminali, tali kontroll jeżiġi li din il-qorti jew din l-entità tkun f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi marbuta mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom hija kkonċernata mill-aċċess” (35).

60.      Jekk l-istħarriġ minn qabel jiġi fdat lil awtorità indipendenti, hija “għandha tgawdi minn status li jippermettilha taġixxi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha b’mod oġġettiv u imparzjali u għandha tkun, għal dan il-għan, ħielsa minn kull influwenza esterna” (36).

61.      Preċiżament, “[i]r-rekwiżit ta’ indipendenza li għandha tissodisfa l-awtorità inkarigata li teżerċita l-kontroll minn qabel […] jimponi li din l-awtorità jkollha l-kwalità ta’ terz meta mqabbel ma’ dik li titlob l-aċċess għad-data, b’tali mod li tal-ewwel tkun f’pożizzjoni li teżerċita dan il-kontroll b’mod oġġettiv u imparzjali maqtugħa minn kull influwenza esterna. B’mod partikolari, fil-qasam kriminali, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika […] li l-awtorità inkarigata minn dan il-kontroll minn qabel, minn naħa, ma tkunx involuta fit-tmexxija tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jkollha pożizzjoni ta’ newtralità fil-konfront tal-partijiet fil-proċedura kriminali” (37).

62.      Skont id-deskrizzjoni tar-regoli Irlandiżi pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-aċċess għad-data miżmuma ma jidhirx li huwa suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn awtorità indipendenti, iżda huwa suġġett għad-diskrezzjoni ta’ uffiċjal tal-pulizija ta’ ċertu grad, li għandu jiddeċiedi jekk jippreżentax, jew le, it-talba lill-fornituri tas-servizz.

63.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-uffiċjal li lilu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tafda l-istħarriġ minn qabel tal-aċċess għad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma jgawdix l-istatus ta’ “awtorità indipendenti” u ta’ “terz” meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

64.      Fit-twettiq ta’ din il-verifika, il-qorti kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni li, fis-sentenza Prokuratuur, ġie miċħud il-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru ma għandux ikollu dawn il-kwalitajiet ta’ indipendenza u ta’ “terz” meta, jeżegwixxi wkoll funzjonijiet ta’ investigazzjoni fi proċeduri kriminali.

65.      Fir-rigward tal-possibbiltà li l-istħarriġ li tagħmel riferiment għalih il-qorti tar-rinviju jseħħ ex post, is-sentenza Prokuratuur toffri wkoll risposta (fin-negattiv):

–        ma “tistax tkun sostitut fl-assenza ta’ kontroll imwettaq minn awtorità indipendenti permezz ta’ stħarriġ ulterjuri eżerċitat minn qorti tal-legalità tal-aċċess minn awtorità nazzjonali għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni”;

–        “[i]l-kontroll indipendenti għandu jsir […] qabel kull aċċess, ħlief fil-każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, f’liema każ l-istħarriġ għandu jsir f’termini qosra” (38).

D.      Il-possibbiltà li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tar-regola nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (il-ħames u s-sitt domanda)

66.      Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tistaqsi, finalment, jekk:

–        Tistax tillimita l-effett ratione temporis ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tar-regola nazzjonali mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, meta, fejn ma jsirx dan, iseħħ “kaos u dannu għall-interess pubbliku li jirriżulta”.

–        Tistax, meta tkun affaċċjata minn talba biex ma tiġix applikata r-regola nazzjonali adottata sabiex jiġu inkorporati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, titħassar jew tiġi limitata d-dikjarazzjoni tagħha għal perijodu wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ April 2014 (39) li ddikjarat id-Direttiva 2006/24 bħala invalida.

67.      Għal darba oħra, is-soluzzjoni għal din id-domanda tinsab fis-sentenza La Quadrature du Net, li segwiet il-ġurisprudenza tradizzjonali f’dan ir-rigward.

68.      Fil-Kawża C‑520/18, il-Cour Constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) Belġjana kienet ifformulat lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda simili għal dik tas-Supreme Court (il-Qorti suprema) Irlandiża li hija s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari (40).

69.      Fir-risposta għal din id-domanda fis-sentenza La Quadrature du Net, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret dwar l-eżiġenzi li huma ġejjin mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni (punti 214 u 215), hija rriproduċiet il-kummentarju tagħha fir-rigward tal-limitazzjoni tal-effetti tas-sentenzi tagħha: “[h]ija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, b’mod eċċezzjonali u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal‑Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jmur kontriha. Tali limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ dan id‑dritt [tal-Unjoni] tista’ tiġi ammessa biss fl-istess sentenza li tiddeċiedi dwar l‑interpretazzjoni mitluba” (41).

70.      Immedjatament wara, iddikjarat li, “b’kuntrast ma’ ommissjoni ta’ obbligu proċedurali bħall‑evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett fil-qasam speċifiku tal-protezzjoni tal-ambjent, ksur tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ proċedura simili għal dik imsemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, iż‑żamma ta’ effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, tfisser li din il-leġiżlazzjoni tkompli timponi fuq il‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligi li huma kuntrarji għad‑dritt tal-Unjoni u li jġibu magħhom indħil serju fid‑drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data tagħhom ġiet miżmuma” (42).

71.      Minn dawn il-premessi l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “[l]-qorti tar-rinviju ma tistax tapplika dispożizzjoni tad‑dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, skont dak id-dritt, tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali” (43).

72.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma applikabbli b’mod sħiħ għall-ħames u s-sitt domanda preliminari tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema).

73.      Fl-ewwel lok, huwa irrilevanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet adottata sabiex tiġi inkorporata d-Direttiva 2006/24 fid-dritt intern. Dak li huwa deċiżiv, f’dan ir-rigward, huwa li r-regola nazzjonali jkollha l-kontenut tagħha konformi mad-dritt tal-Unjoni fl-intier tagħha, u dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

74.      L-invalidità ta’ direttiva, iddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-inkompatibbiltà tagħha ma’ dispożizzjonijiet sostantivi tat-Trattati, tfisser li din l-istess inkompatibbiltà mad-dritt primarju tal-Unjoni taffettwa lir-regoli nazzjonali li sempliċement jittrasponu din id-direttiva.

75.      Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Liġi tal‑2011 kienet ġiet adottata sabiex tirrispetta l-Artikolu 288 TFUE, billi tinkorpora d-Direttiva 2006/24 fid-dritt Irlandiż. Ħadd ma jiċħad li dan huwa minnu, iżda, bħalma għadni kif indikajt, dak li huwa rilevanti huwa li din id-direttiva kienet invalida mill-bidu (bħalma sostniet is-sentenza Digital Rights), billi timplika ndħil sproporzjonat fid-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u li ż-żamma tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni għandha tiġi rregolata mid-Direttiva 2002/58, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

76.      Fit-tieni lok, huwa magħruf sew li s-sentenzi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jkollhom effett mill-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regola tad-dritt tal-Unjoni li hija s-suġġett tal-interpretazzjoni (44).

77.      Jekk il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun ammissibbli biss fis-sentenza nnifisha li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba, infakkar li dan ma kienx il-każ fis-sentenza Digital Rights, li ċċitat il-qorti tar-rinviju.

78.      Dan lanqas ma huwa l-każ:

–        Fis-sentenza Tele2 Sverige, mogħtija fil‑21 ta’ Diċembru 2016, li fiha ġiet interpretata d-Direttiva 2002/58/KE u ġie ddikjarat li hija inkompatibbli ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni f’dak li jikkonċerna l-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

–        Fis-sentenza La Quadrature du Net, li, fis‑6 ta’ Ottubru 2020, reġgħet ikkorroborat l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58 bil-mod spjegat iktar ’il fuq.

79.      Fit-tielet lok, f’dan ir-rinviju ma humiex indirizzati l-problemi marbuta mal-esklużjoni tal-provi fil-proċeduri penali kontra l-persuna li ġiet ikkundannata minħabba qtil. Għall-kuntrarju, din hija proċedura ċivili (kif ikklassifikata mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema)) li għandha tiġi solvuta permezz tat-tqabbil oġġettiv bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni.

80.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza dan kif ġej: “fil-kuntest tal-appell li bħalissa huwa pendenti quddiem din il-qorti (is-Supreme Court (il-Qorti Suprema)], l-unika kwistjoni li tqum hija jekk il-High Court (il-Qorti Għolja) aġixxietx b’mod korrett fid-deċiżjoni tagħha li l-Artikolu 6(1)(a) tal-Liġi [tal‑2011] kien inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni” (45).

81.      Ir-risposta għal din l-“unika kwistjoni” hija li l-Artikolu 6(1)(a) tal-Liġi tal‑2011 ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u li ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi mdewma ratione temporis il-portata tas-sentenza li tiddikjara hekk.

V.      Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) kif ġej:

“1.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), fil-verżjoni emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 4 TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa inkompatibbli ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li:

– tobbliga lill-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku jżommu, b’mod preventiv, ġenerali u indifferenzjat, id-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti finali ta’ dawn is-servizzi għal għanijiet differenti minn dawk tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali kontra theddida li hija reali u attwali jew prevedibbli;

– ma tissuġġettax l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma għal stħarriġ minn qabel imwettaq minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

2.      Qorti nazzjonali ma tistax tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ leġiżlazzjoni interna li timponi fuq il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, sabiex, b’mod partikolari, tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali u tiġi miġġielda l-kriminalità, obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Iktar ’il quddiem, il-“konklużjonijiet SpaceNet u Telekom Deutschland”.


3      EU:C:2020:6.


4      Iktar ’il quddiem, il-“konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germanophone”, (EU:C:2020:7).


5      Kawżi C‑293/12 u C‑594/12 (EU:C:2014/238, iktar ’il quddiem is-“sentenza Digital Rights”).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).


7      Kawżi C‑203/15 u C‑698/15 (EU:C:2016:970), iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2 Sverige”).


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).


9      Kawża C‑207/16, (EU:C:2018:788).


10      Kawża Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790).


11      Kawżi C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18 (EU:C:2020:791, iktar ’il quddiem, is-“sentenza La Quadrature du Net”).


12      Punti 25 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


14      Ara l-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Punti 25 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Kawża C‑746/18, EU:C:2021:152, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prokuratuur”. Il-kontenut tas-sentenza ġie diskuss fis-seduta.


17      Huwa f’dawn it-termini li s-Supreme Court (il-Qorti Suprema) ħadet id-deċiżjoni, fl-ittra bil-miktub irreġistrata fis‑27 ta’ Ottubru 2020, li biha wieġbet it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara jekk hijiex ser iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari, ladarba tiġi deċiża s-sentenza La Quadrature du Net.


18      Tali “sitwazzjonijiet”, fl-assenza ta’ spjegazzjonijiet oħra, ifissru dawk li jikkonċernaw il-fatti inkwistjoni u r-regoli nazzjonali applikabbli.


19      Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) spjegat id-disparitajiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha li hemm ma’ dawk analizzati fis-sentenza La Quadrature du Net u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fid-dawl ta’ dawn id-disparitajiet.


20      Il-punti 33 sa 41 iktar ’il quddiem, jirriproduċu l-korrelattivi ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21      Sentenza La Quadrature du Net, punt 109.


22      Ibidem, punti 111 sa 133.


23      Ibidem, punt 136.


24      Ibidem, punt 137 (enfasi miżjuda minni). Dan huwa minnu, tkompli l-Qorti tal-Ġustizzja, “[a]nki jekk tali miżura tkopri, mingħajr distinzjoni, l-utenti kollha ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr ma dawn ikunu jidhru li għandhom rabta, mal-ewwel daqqa ta’ għajn […] ma’ theddida għas-sigurtà nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru”, u għaldaqstant hemm lok “li jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ tali theddida hija ta’ natura, minnha nnifisha, li tistabbilixxi din ir-rabta” (loc. ult. cit.).


25      CE:ECHR:2021:0525JUD005817013.


26      CE:ECHR:2021:0525JUD003525208.


27      CE:ECHR:2015:1204JUD004714306.


28      Sentenza La Quadrature du Net, punt 147: “l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tippermetti, b’mod preventiv, iż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, kif ukoll għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, bil-kundizzjoni li tali żamma tkun, fir-rigward tal-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni koperti, tal-persuni kkonċernati kif ukoll tal-perijodu taż-żamma, limitata għal dak li jkun strettament neċessarju”. Enfasi miżjuda minni.


29      Konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germanophone, punt 101.


30      Sentenza La Quadrature du Net, punt 112, b’ġurisprudenza ċċitata.


31      Bl-appoġġ ta’ ħafna mill-gvernijiet preżenti.


32      Punt 135 tas-sentenza La Quadrature du Net.


33      Leġiżlazzjoni li “għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data inkwistjoni. F’dan ir-rigward, inkonnessjoni mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, bħala prinċipju jista’ jingħata biss tali aċċess għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat gravi jew inkella li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’tali reat. Madankollu, f’sitwazzjonijiet partikolari, bħalma huma dawk li fihom interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża jew tas-sigurtà pubblika jkunu mhedda minn attivitajiet ta’ terroriżmu, l-aċċess għad-data ta’ persuni oħra jista’ jingħata wkoll meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li din id-data tista’, f’każ partikolari, tagħti kontribuzzjoni effettiva għall-ġlieda kontra tali attivitajiet”. Sentenza Prokuratuur, punt 50.


34      Sentenza Prokuratuur, punt 51 mingħajr enfasi fl-oriġinali. Skont dan il-punt, f’konformità mas-sentenza La Quadrature du Net, punt 189, “[f]’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, il-kontroll għandu jsir f’terminu qasir”.


35      Ibidem, punt 52.


36      Ibidem, punt 53.


37      Ibidem, punt 54.


38      Ibidem, punt 58.


39      Sentenza Digital Rights.


40      Il-punt 213 tas-sentenza La Quadrature du Net jesponi l-kontenut tat-tielet domanda preliminari li saret fil-Kawża C‑520/18 f’dawn it-termini: “il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk qorti nazzjonali tistax tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis l‑effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, taħt dak id-dritt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fid-dawl, fost l-oħrajn, tal‑għanijiet li għandhom jintlaħqu ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni, minħabba li dik il-leġiżlazzjoni hija inkompatibbli mal‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta”. Mingħajr korsiv fl-oriġinali.


41      Sentenza La Quadrature du Net, punt 216.


42      Ibidem, punt 219.


43      Ibidem, punt 220.


44      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola li ġiet interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti għal rapporti ġuridiċi li jinħolqu u jiġu stabbiliti qabel ma tingħata s-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għall-interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni ta’ dik ir-regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu ssodisfatti (sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 60; u tas‑16 ta’ Settembru 2020, Romenergo u Aris Capital, C‑339/19, EU:C:2020:709, punt 47).


45      Digriet tar-rinviju, punt 6 tal-Anness II in fine.