Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ April 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court - l-Irlanda) – G.D. vs The Commissioner of An Garda Síochána, Minister for Communications, Energy and Natural Resources, Attorney General

(Kawża C-140/20) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal komunikazzjonijiet elettroniċi – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data relatata mat-traffiku u ta’ data ta’ lokalizzazzjoni – Aċċess għad-data miżmuma – Stħarriġ ġudizzjarju a posteriori – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Esklużjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: G.D.

Konvenut: The Commissioner of An Garda Síochána, Minister for Communications, Energy and Natural Resources, Attorney General

Dispożittiv

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, bħala prevenzjoni, għall-finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid gravi kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni. Għall-kuntrarju, l-imsemmi Artikolu 15(1), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika,

– żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

–    żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perċijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

–    żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data relatata mal‑identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u

–    l-għoti ta’ ordni lill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni li dawn il‑fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż‑żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal‑kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ipproċessar iċċentralizzat ta’ talbiet għal aċċess għal data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li toriġina mill-pulizija fil-kuntest ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji, għandu jsir minn uffiċjal tal-pulizija, assistit minn unità stabbilita fi ħdan il-pulizija li tgawdi minn ċertu grad ta’ awtonomija fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha u li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu ulterjorment is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-ammissibbiltà tal-provi miksuba permezz ta’ tali żamma taqa’, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

____________

1     ĠU C 247, 27.7.2020