Language of document : ECLI:EU:F:2013:140

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

2 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑111/12

Albert Nardone

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Ex uffiċjal — Espożizzjoni għall-asbestos u għal sustanzi oħra — Mard ikkaġunat mix-xogħol — Inċident — Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Kumitat Mediku — Motivazzjoni — Rikors għad-danni — Tul tal-proċeduri”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a, li bih A. Nardone, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ʼil quddiem l-“AIPN”), tat-8 ta’ Novembru 2011, li tikkonferma l-konklużjonijiet tal-Kumitat Mediku tal-25 ta’ Awwissu 2011, kif ukoll l-għoti ta’ somma stabbilita ex aequo et bono u provviżorjament fl-ammont ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali allegatament subit.

Deċiżjoni:      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil A. Nardone l-interessi moratorji għall-perijodu bejn l-1 ta’ Marzu 2006 u l-15 ta’ Lulju 2010 fuq l-ammont ta’ EUR 8 448.51 bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet ewlenin ta’ finanzjament u applikabbli għall-perijodu inkwistjoni, miżjuda b’żewġ punti, kif ukoll is-somma ta’ EUR 3 000. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati kwart tal-ispejjeż imġarrba minn A. Nardone. A. Nardone għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Setgħa diskrezzjonali tal-Kumitat Mediku — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 23)

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Proċessar ta’ talba għal rikonoxximent tal-oriġini professjonali ta’ marda — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Ksur — Effett fuq l-opinjoni tal-Kumitat Mediku — Limiti — Imputazzjoni tal-amministrazzjoni — Kundizzjonijiet

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

1.      Il-missjoni li għandu l-Kumitat Mediku, prevista fl-Artikolu 23 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, li ssir evalwazzjoni totalment oġġettiva u indipendenti tal-kwistjonijiet ta’ natura medika tirrikjedi, minn naħa, li dan il-kumitat ikollu l-elementi kollha li jistgħu jkunu utli għalih u, min-naħa l-oħra, li l-libertà diskrezzjonali tiegħu tkun sħiħa. L-evalwazzjonijiet mediċi fil-veru sens tal-kelma, magħmula mill-Kumitat Mediku, għandhom jiġu kkunsidrati finali meta dawn ikunu maħruġa f’kundizzjonijiet regolari. Il-qorti tista’ biss tivverifika, minn naħa, jekk l-imsemmi kumitat ġiex ikkostitwit u jiffunzjonax regolarment u, min-naħa l-oħra, jekk l-opinjoni tiegħu hijiex regolari, b’mod partikolari jekk għandhiex motivazzjoni sabiex tevalwa l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata u jekk stabbilixxietx rabta li tinftiehem bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li fiha u l-konklużjonijiet li wasal għalihom. Meta l-Kumitat Mediku huwa adit bi kwistjonijiet mediċi kumplessi relatati b’mod partikolari ma’ dijanjosi diffiċli, huwa għandu jindika fl-opinjoni tiegħu il-fatti tal-każ li fuqhom huwa jibbaża ruħu u li jispeċifika, fil-każ ta’ diskrepanza sinjifikattiva, ir-raġunijiet għaliex ma mexiex skont ċerti rapporti mediċi, preċedenti u rilevanti, iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata.

Il-fatt li l-Kumitat Mediku ma għamilx riferiment espliċitu, fir-rapport tiegħu, għal ċerti dokumenti, lanqas a fortiori għall-kontenut ta’ ċerti dokumenti redatti fuq it-talba tar-rikorrent, ma huwiex biżżejjed li jivvizzja l-validità tal-konklużjonijiet tiegħu. Madankollu, fir-rigward ta’ kwistjonijiet mediċi li fuqhom il-Kumitat Mediku għandu jiddeċiedi b’oġġettività u indipendenza sħiħa, id-diskrezzjoni ta’ ta’ dan tal-aħħar għandha tkun sħiħa. Konsegwentement, huwa dan il-kumitat li għandu jiddeċiedi sa fejn għandu jikkunsidra r-rapporti mediċi redatti preċedentement. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk għandux jagħmel jew le investigazzjonijiet mediċi oħra hija kwistjoni medika, li, bħala tali, tmur lil hinn mill-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni meta l-Kumitat Mediku jkun għamel l-evalwazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet regolari.

(ara l-punti 42, 43, 48, 49 u 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Novembru 1984, Suss vs Il-Kummissjoni 265/83, punt 13; 19 ta’ Jannar 1988, Biedermann vs Il-Qorti tal-Awdituri, 2/87, punt 19; 24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Royal belge, C‑76/95, punt 73

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il-Kummissjoni, T‑300/97, punti 30, 41, 68, 78, u 87 ; 26 ta’ Frar 2003, Latino vs Il-Kummissjoni, T‑145/01, punt 47

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2006, Beau vs Il-Kummissjoni, F‑39/05, punt 35; 14 ta’ Settembru 2010, AE vs Il-Kummissjoni, F‑79/09, punti 64 u 65

2.      L-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fl-andament tal-proċeduri amministrattivi jammonta għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu għandha tiġi żgurata mill-qorti tal-Unjoni u li huwa kkunsidrat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-ksur ta’ dan il-prinċipju ma jwassalx, bħal regola ġenerali, għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss meta d-dewmien żejjed jista’ jaffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva.

F’dan ir-rigward, dewmien żejjed possibbli għall-ipproċessar ta’ talbiet għar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-marda jew tal-aggravament tad-diżabbiltà parzjali permanenti minħabba, b’mod partikolari, konsegwenzi ta’ inċident ma jistax, fil-prinċipju, ikollu effett fuq il-kontenut stess tal-opinjoni adottata mill-kumitat lanqas fuq id-deċiżjoni finali adottata mill-istituzzjoni. Fil-fatt, dan id-dewmien ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ibiddel l-evalwazzjoni mill-Kumitat Mediku, tal-oriġini professjonali jew le tal-marda tal-uffiċjal ikkonċernat jew l-aggravar tad-diżabbiltà permanenti parzjali minħabba konsegwenzi ta’ inċident li kien vittma tiegħu. Il-fatt li l-qorti tal-Unjoni tannulla l-imsemmija deċiżjoni finali ikollu bħala l-konsegwenza prattika prinċipali l-effett negattiv li jittawwal iktar il-proċeduri għall-motiv li kienu diġà twal wisq.

Barra minn hekk, l-istituzzjoni hija responsabbli għall-ħeffa tal-ħidma tat-tobba maħtura minnha sabiex jagħtu l-konklużjonijiet dwar ir-rata ta’ diżabbiltà permanenti parzjali. Madankollu, sa fejn ikun stabbilit li dewmien fil-ħidma ta’ Kumitat Mediku huwa dovut għal aġir li jtawwal jew li jxekkel, mill-uffiċjal jew mit-tabib li dan tal-aħħar ħatar, l-istituzzjoni ma għandhiex titqies responsabbli għal dan id-dewmien. Barra minn hekk, l-użu ta’ rimedji mill-uffiċjal ikkonċernat huwa fatt oġġettiv li, bħala tali, ma huwiex attribwibbli lill-istituzzjoni, fin-nuqqas li jintwerew li kien hemm tattiċi ta’ dewmien li jistgħu jiġu imputati lil din tal-aħħar.

(ara l-punti 60 sa 62, 66, 69 u 76)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il-Kummissjoni, C-39/00 P, punt 44

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, punt 123; 13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T‑67/01, punti 36 u 40, u l-ġurisprudenza ċċitata; 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T‑394/03, punti 152, 154, 162 u 163

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Füller-Tomlinson vs Il-Parlament, F‑97/08, punt 167; AE vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 101; 14 ta’ Settembru 2011, A vs Il-Kummissjoni, F‑12/09, punt 226; 13 ta’ Marzu 2013, AK vs Il-Kummissjoni, F‑91/10, punt 78, li hija suġġetta ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-288/13 P

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 6 ta’ Diċembru 2012, Füller-Tomlinson vs Il-Parlament, T‑390/10 P, punti 115 u 116