Language of document : ECLI:EU:T:2013:259

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Mejju 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-manek marittimi — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva — Kunċett ta’ ksur kontinwu jew ripetut — Preskrizzjoni — Ċertezza legali — Ugwaljanza fit-trattament — Multi — Gravità u tul tal-ksur”

Fil-Kawżi magħquda T‑147/09 u T‑148/09,

Trelleborg Industrie SAS, stabbilita f’Clermont-Ferrand (Franza), irrappreżentata minn J. Joshua, barrister, u E. Aliende Rodríguez, avukat,

rikorrenti fil-kawża T‑147/09,

Trelleborg AB, stabbilita f’Trelleborg (l-Isvezja), irrappreżentata minn J. Joshua, barrister, u E. Aliende Rodríguez, avukat,

rikorrenti fil-kawża T‑148/09,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, V. Bottka u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 428 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.406 – Manek marittimi), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna r-rikorrenti, u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis sostanzjali tal-multa li ġiet imposta fuqhom f’din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, M. Prek u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Settur tal-manek marittimi għaż-żejt u għall-gass

1        Il-manek marittimi jintużaw sabiex żejt mhux raffinat ħelu jew ipproċessat u prodotti oħra taż-żejt minn faċilitajiet offshore (pereżempju, l-bagi — normalment ankrati ’l barra mix-xtut, li jservu bħala punt ta’ trakkar għat-tankers taż-żejt — jew il-pjattaformi ta’ estrazzjoni, ta’ ħażna jew tal-ħatt tal-produzzjoni li jżommu fil-wiċċ — li huma sistemi ta’ ċisterni li jżommu fil-wiċċ tal-ilma li jintużaw għall-estrazzjoni taż-żejt jew tal-gass minn pjattaforma viċina, għall-ipproċessar u għall-ħażna tiegħu sakemm dan jiġi ttrasferit lejn tanker) jitgħabba fuq bastimenti-ċisterni u, sussegwentement, sabiex dawn il-prodotti jiġu ttrasferiti minn dawn il-bastimenti lejn faċilitajiet offshore (pereżempju bagi) jew fuq l-art.

2        Il-manek marittimi jintużaw offshore — jiġifieri fil-baħar jew viċin il-baħar — filwaqt li l-manek industrijali jew tal-art jintużaw fuq l-art.

3        Kull installazzjoni ta’ manek marittimi tinvolvi, skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-klijenti, ċertu numru ta’ manek standard, ta’ manek speċifiċi li jinkludu ġonot maż-żewġ estremitajiet u dispożittivi addizzjonali, bħal valvoli, gear terminali jew ulterjorment tagħmir li jżomm fil-wiċċ tal-ilma. F’dan il-każ, l-espressjoni “manek marittimi” tinkludi dawn id-dispożittivi addizzjonali.

4        Il-manek marittimi jintużaw minn kumpanniji taż-żejt, mill-manifatturi ta’ bagi, mit-terminals tal-portijiet, mill-industrija taż-żejt u mill-gvernijiet, u jinxtraw jew għal proġetti ġodda jew għal finijiet ta’ sostituzzjoni.

5        Fir-rigward ta’ proġetti ġodda, it-terminals tat-tankers jew l-utenti finali l-oħra ġeneralment jikkuntrattaw kumpannija tal-inġinerija (imsejħa wkoll “kostruttur ta’ materjal”, “kostruttur OEM” jew “manifattur oriġinali ta’ tagħmir”) sabiex tikkostruwixxi jew tinstalla faċilitajiet ġodda ta’ distribuzzjoni taż-żejt, bħas-sistemi ta’ ttrakkar f’punt wieħed jew il-pjattaformi ta’ estrazzjoni, ta’ ħażna u ta’ ħatt tal-produzzjoni li jżommu fil-wiċċ tal-ilma. Għal tali proġetti, il-manifattur oriġinali ta’ tagħmir jixtri faċilità kompleta ta’ manek marittimi mingħand produttur.

6        Meta dawn il-manek marittimi jkunu ġew installati, il-partijiet individwali għandhom jiġu ssostitwiti f’perijodu inkluż bejn sena u seba’ snin. Ix-xiri ta’ manek marittimi għal finijiet ta’ sostituzzjoni (magħrufa wkoll taħt l-isem “settur tal-partijiet separati”) ta’ spiss isir direttament mill-utenti finali. Madankollu, f’ċerti każijiet, dawn jissubappaltaw u jiċċentralizzaw ix-xiri tagħhom lil sussidjarji jew impriżi esterni. Globalment, il-bejgħ għal finijiet ta’ sostituzzjoni jirrappreżenta sehem ikbar mis-suq tal-manek marittimi milli l-bejgħ ta’ prodotti ġodda.

7        Id-domanda għal manek marittimi tiddependi fil-parti l-kbira mill-iżvilupp tas-settur taż-żejt u, b’mod partikolari, mill-operat fl-isfruttament taż-żejt fiż-żoni ’l bogħod mill-post ta’ konsum. Id-domanda kibret matul iż-żmien. Hija ċiklika u, sa ċertu punt, marbuta mal-iżvilupp tal-prezzijiet taż-żejt. Hija bdiet tkun importanti fi tmiem is-snin 60 u żdiedet fil-bidu tas-snin 70, b’mod partikolari minn reġjuni produtturi ta’ żejt fil-golf Persiku, fil-baħar ta’ Fuq u fl-Afrika ta’ Fuq. Matul is-snin 80, id-domanda minn impriżi taż-żejt nazzjonali li kienu qed jiżviluppaw mill-Amerika t’Isfel żdiedet. Fi tmiem is-snin 90, id-domanda ttrasferixxiet ruħha lejn l-Afrika tal-Punent.

8        Il-manek marittimi huma ffabbrikati minn impriżi magħrufa għall-manifattura ta’ tajers u ta’ prodotti mill-gomma jew minn waħda mill-prodotti derivati tagħhom. Huma jiġu prodotti fuq id-domanda, skont il-bżonnijiet tal-klijenti. Peress li d-domanda għal manek marittimi hija mifruxa sew mill-perspettiva ġeografika, il-parti l-kbira tal-produtturi ta’ manek marittimi jikkuntrattaw numru kunsiderevoli ta’ aġenti li, fir-rigward ta’ swieq speċifiċi, jipprovdu servizzi ta’ marketing ġenerali u jipproponu l-prodotti tagħhom fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti li huma ppubblikati.

9        Il-manek marittimi huma kkummerċjalizzati fid-dinja kollha u l-produtturi prinċipali huma attivi fuq livell internazzjonali. Ir-rekwiżiti leġiżlattivi applikabbli għall-manek marittimi ma humiex fundamentalment differenti minn pajjiż għal ieħor u għalkemm ir-rekwiżiti tekniċi huma differenti skont l-ambjent u l-kundizzjonijiet ta’ użu, madankollu dan ma huwiex ipperċepit bħala ostakolu għall-bejgħ ta’ manek marittimi fid-dinja kollha.

10      Fl-aħħar nett, matul il-perijodu ikkunsidrat, il-parteċipanti fl-akkordju biegħu manek marittimi prodotti fil-Ġappun, fir-Renju Unit, fl-Italja u fi Franza lil utenti finali kif ukoll lil manifatturi oriġinali ta’ tagħmir stabbiliti f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Għalkemm il-parti l-kbira tas-sistemi ta’ manek marittimi għandhom reġjuni mhux Ewropej bħala destinazzjoni finali, min-naħa l-oħra wħud mill-manifatturi oriġinali ta’ tagħmir prinċipali fid-dinja jinsabu fid-diversi pajjiżi tal-Unjoni u taż-ŻEE.

 Preżentazzjoni tar-rikorrenti

11      Oriġinarjament, l-attività tal-manek marittimi kienet eżerċitata minn Michelin.

12      Fil-kuntest tal-grupp Michelin, din l-attività kienet issir minn kumpannija tal-grupp imsejħa CMP. Barra minn hekk, fit-28 ta’ Lulju 1993, Michelin ikkreat kumpannija bl-isem SIRA, li ma wettqet l-ebda attività sal-31 ta’ Marzu 1995, data li fiha l-attività tal-manek marittimi ta’ CMP ġiet ittrasferita lil SIRA. Fis-26 ta’ April 1995, l-isem SIRA ġie ssostitwit bl-isem CMP. CMP, fiha nnifisha, ġiet sussegwentement xolta.

13      Fit-28 ta’ Marzu 1996, waħda miż-żewġ rikorrenti, Trelleborg AB, ikkonkludiet ftehim ma’ Michelin li skont dan hija ntrabtet li tixtri s-sehem kollu ta’ din f’CMP. Barra minn hekk, il-kumpannija kellha ismijiet differenti li jinkludu fihom l-isem Trelleborg u, sa mill-2005, kienet topera taħt l-isem Trelleborg Industrie SAS.

14      Trelleborg AB hija kumpannija taħt il-liġi Svediża li ilha teżisti sa mill-1905 fejn id-dħul mill-bejgħ globali tagħha kien iqarreb is-27 biljun Krone Svediż (SEK) (ċirka EUR 2.9 biljun) fl-2006.

15      Trelleborg Group tinkludi erba’ oqsma ta’ attività: Trelleborg Engineered Systems (li tinkludi l-manek marittimi), Trelleborg Automotive, Trelleborg Sealing Solutions u Trelleborg Wheel Systems.

16      Trelleborg AB hija attiva fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-manek marittimi permezz tas-sussidjarja tagħha Trelleborg Industrie, ir-rikorrenti l-oħra li hija stess hija kumpannija taħt il-liġi Franċiża.

 Il-proċedura amministrattiva

17      Meta ngħata bidu għal investigazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Ġappun u tar-Renju Unit għal fatti simili, [kunfidenzjali] (1), billi kienet invokat il-pjan ta’ klemenza previst mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jikkonċernaw akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17), ippreżentat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fl-20 ta’ Diċembru 2006, talba għal immunità billi allegat l-eżistenza ta’ akkordju fis-suq tal-manek marittimi.

18      Għalhekk il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u, fit-2 ta’ Mejju 2007, wettqet sensiela ta’ ispezzjonijiet għand Parker ITR, għand produtturi oħra kkonċernati kif ukoll għand [kunfidenzjali] u għand W.

19      Manuli Rubber Industries SpA (MRI), Parker ITR u Bridgestone ppreżentaw rispettivament talba għall-klemenza lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Mejju, fis-17 ta’ Lulju u fis-7 ta’ Diċembru 2007.

20      Fit-28 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija nnotifikat lill-kumpanniji kkonċernati bejn id-29 ta’ April u l-1 ta’ Mejju 2008.

21      Il-kumpanniji rrispondew għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-termini mogħtija u talbu, bl-eċċezzjoni ta’ [kunfidenzjali]/DOM, ta’ ContiTech AG u ta’ Continental AG, sabiex jinstemgħu fi smigħ li ġie organizzat fit-23 ta’ Lulju 2008.

 Id-deċiżjoni kkontestata

22      Fit-28 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 428 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 – Manek marittimi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Essenzjalment, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li:

–        hija kienet indirizzata lil ħdax-il kumpannija, fosthom ir-rikorrenti;

–        il-kumpanniji li jaqgħu taħtha pparteċipaw, skont metodi xi kultant differenti, fi ksur uniku u kumpless, li kellu bħala għan l-għoti ta’ sejħa għal offerti, l-iffissar tal-prezzijiet, l-iffissar ta’ kwoti, l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, it-tqassim ta’ swieq ġeografiċi, u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ u s-sejħiet għal offerti;

–        l-akkordju ġie fis-seħħ definittivament fl-1 ta’ April 1986 (għalkemm jidher li jmur lura għall-bidu tas-snin 70) u ntemm fit-2 ta’ Mejju 2007;

–        mit-13 ta’ Mejju 1997 sal-21 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“perijodu intermedju”), l-akkordju kellu attività limitata u kien hemm problemi bejn il-membri tiegħu; madankollu, dan ma tax lok għal interruzzjoni ġenwina tal-ksur; fil-fatt, l-istruttura organizzata tal-akkordju ġiet stabbilita mill-ġdid kompletament minn Ġunju 1999 skont l-istess metodu u bl-istess parteċipanti (bl-eċċezzjoni ta’ impriża li integrat ruħha mill-ġdid kompletament fl-akkordju s-sena ta’ wara); konsegwentement hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-produtturi wettqu ksur uniku u kontinwu mill-1 ta’ April 1986 sat-2 ta’ Mejju 2007, jew, mill-inqas, kieku minkejja kollox kellu jiġi kkunsidrat li kien hemm interruzzjoni, ksur uniku u ripetut; il-perijodu intermedju madankollu ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa, fid-dawl tan-numru limitat ta’ provi tal-ksur għal dan il-perijodu;

–        ir-responsabbiltà tar-rikorrenti ġiet ikkunsidrata għall-perijodi segwenti:

–        Trelleborg Industrie: mill-1 ta’ April 1986 sat-2 ta’ Mejju 2007;

–        Trelleborg AB: mit-28 ta’ Marzu 1996 sat-2 ta’ Mejju 2007;

–        b’applikazzjoni tal-kriterji previsti mil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta lil kull waħda mill-kumpanniji ġiet iddeterminata kif ġej:

–        il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-medja tal-bejgħ annwali globali ta’ kull waħda mill-kumpanniji matul il-perijodu 2004-2006 u kkunsidrat il-bejgħ iffatturat lix-xerrejja stabbiliti fiż-ŻEE;

–        hija ddeterminat il-bejgħ rilevanti ta’ kull waħda minnhom billi applikat is-sehem tagħhom fis-suq globali għall-bejgħ aggregat ġewwa ż-ŻEE, skont il-punt 18 tal-linji gwida;

–        hija stabbilixxiet 25 % ta’ dan l-aħħar valur (minflok 30 %, il-massimu previst mil-linji gwida) b’kunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur;

–        hija mmoltiplikat il-valur miksub b’dan il-mod man-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni ta’ kull kumpannija fil-ksur;

–        b’mod konformi mal-paragrafu 25 tal-linji gwida, finalment hija stabbilixxiet ammont addizzjonali ta’ 25 % tal-bejgħ rilevanti għal finijiet dissważivi;

–        sussegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet ċirkustanzi aggravanti kontra ż-żewġ kumpanniji u ċaħdet iċ-ċirkustanzi attenwanti kollha għall-kumpanniji l-oħra;

–        fl-aħħar nett, hija applikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jikkonċernaw akkordji (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) għal żewġ kumpanniji.

23      F’dak li jirrigwarda Trelleborg u Trelleborg Industrie, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-valur tal-bejgħ kien jitla’ għal EUR 4 909 332 fuq il-bażi minn naħa tas-suq globali ta’ 15 %, li Trelleborg Industrie kienet ħadet sehem f’akkordju għal perijodu ta’ 18-il sena, 11-il xahar u 23 jum, li jagħti moltiplikatur ta’ 19, u Trelleborg għal perijodu ta’ 8 snin, 11-il xahar u 28 jum, li jagħti moltiplikatur ta’ 9, u, bl-applikazzjoni tal-fatturi ppreċiżati fil-punt preċedenti, stabbilixxa l-ammont bażiku tal-multa għal EUR 24 500 000 għat-Trelleborg Industrie fejn Trelleborg hija responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 12 200 000.

24      Peress li l-ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti ma ġiet stabbilita fir-rigward tagħhom, dawn l-ammonti jammontaw għall-multa finali imposta fuq kull waħda miż-żewġ kumpanniji.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ April 2009, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

26      Peress li membru tal-Ewwel Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti u għamlitilhom diversi mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw rwieħhom ma’ din it-talba.

28      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Frar 2012, il-Kawżi T‑147/09 u T‑148/09 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri orali u tas-sentenza, b’mod konformi mal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

29      B’ittra tat-13 ta’ April 2012, ir-rikorrenti fil-kawża T‑147/09 informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qed tirrinunzja għat-tielet motiv tagħha ppreżentat sussidjarjament.

30      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw talba sabiex is-seduta tinstema’ in camera.

31      Fis-seduta tas-26 ta’ April 2012, instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

32      F’din l-okkażjoni r-rikorrenti rtiraw it-talba tagħhom sabiex is-seduta tinstema’ in camera.

33      Trelleborg Industrie titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna u fi kwalunkwe każ għall-inqas sa fejn jikkonstata t-twettiq ta’ ksur qabel il-21 ta’ Ġunju 1999;

–        tnaqqas il-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2 b’mod li tikkoreġi l-iżbalji manifesti kontenuti fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Trelleborg titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna u fi kwalunkwe każ għall-inqas sa fejn jikkonstata t-twettiq ta’ ksur qabel il-21 ta’ Ġunju 1999;

–        tnaqqas il-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2 b’mod li tikkoreġi l-iżbalji manifesti kontenuti fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

36      Ir-rikorrenti ressqu żewġ motivi komuni insostenn tar-rikorsi tagħhom.

37      L-ewwel motiv huwa bbażat, minn naħa, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti li wasslu lill-Kummissjoni tikkunsidra li Trelleborg Industrie kienet ipparteċipat għal ksur kontinwu bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007 u li Trelleborg AB kienet ipparteċipat għal ksur kontinwu bejn it-28 ta’ Marzu 1996 u t-2 ta’ Mejju 2007 u, min-naħa l-oħra, għal ksur tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

38      It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ interess leġittimu tal-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur qabel l-1999.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, minn naħa, fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li wasslu lill-Kummissjoni tikkunsidra li Trelleborg Industrie kienet ipparteċipat fi ksur kontinwu bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007 u li Trelleborg AB kienet ipparteċipat fi ksur kontinwu bejn it-28 ta’ Marzu 1996 u t-2 ta’ Mejju 2007 u, min-naħa l-oħra, ta’ ksur tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003

 Id-deċiżjoni kkontestata

39      Jirriżulta, essenzjalment, mill-premessi 148 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata li, bejn it-13 ta’ Mejju 1997 u l-11 ta’ Ġunju 1999, għal ċerti kumpanniji, u l-21 ta’ Ġunju 1999, għal kumpanniji oħra fosthom ir-rikorrenti, l-akkordju għadda minn perijodu fejn l-attività tiegħu naqset minħabba nuqqas ta’ qbil bejn il-membri tiegħu. Madankollu, skont il-Kummissjoni, kien hemm ħafna provi li jistabbilixxu li matul dan il-perijodu, il-protagonisti prinċipali tal-akkordju — P., W., F., C., b’mod partikolari — kienu regolarment f’kuntatt bil-għan, b’mod partikolari, li jiskambjaw informazzjoni kummerċjali u li jitħaddem l-akkordju mill-ġdid, ħaġa li finalment seħħet f’Ġunju 1999.

40      Il-premessi 289 sa 307 tad-deċiżjoni kkontestata jesponu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur kien kontinwu, jew, sussidjarjament, ripetut, minkejja l-fatt li hija kienet tikkunsidra li l-akkordju kellu attività limitata matul il-perijodu intermedju u li ma kienx hemm lok li tiġi imposta multa għal dan il-perijodu.

41      Min-naħa l-oħra jirriżulta li l-Artikolu 1(g) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala ksur kontinwu, kien twettaq bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007 li fih Trelleborg Industrie ħadet sehem mill-1 ta’ April 1986 sat-2 ta’ Mejju 2007 u Trelleborg AB mit-28 ta’ Marzu 1996 tat-2 ta’ Mejju 2007, u tal-premessi 187, 201 sa 208 u 466 sa 448 tad-deċiżjoni kkontestata li l-perijodu intermedju huwa kkunsidrat, f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti, bħala perijodu ta’ attività ridotta tal-akkordju ma jiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ multa.

 L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, minn naħa, li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru li turi t-tul tal-ksur, naqset milli tistabbilixxi li dan baqa’ jseħħ matul il-perijodu intermedju, il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni għal dan il-għan ġew interpretati ħażin, u, min-naħa l-oħra, li, f’kull każ, hija ma kienet tiddisponi minn ebda prova li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Trelleborg Industrie jew ta’ Trelleborg AB fl-imsemmi ksur matul dan il-perijodu. Huma jikkontestaw b’mod partikolari f’dan ir-rigward l-analiżi tal-Kummissjoni li skont din l-offerti attribwiti qabel l-okkorrenza tal-perijodu intermedju fittxew l-effetti tagħhom sal-aħħar tas-sena 1997, ħaġa li tippermetti għall-inqas, skont din tal-aħħar, li tinkludi fil-perijodu tal-ksur, il-perijodu kurrenti minn Settembru sa Diċembru 1997.

43      Ir-rikorrenti jikkunsidraw min-naħa l-oħra, essenzjalment, li, b’hekk, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kklassifikat il-ksur bħala wieħed kontinwu u li hija ċaħdet l-argumenti tagħhom dwar il-preskrizzjoni tal-ksur għall-perijodu qabel l-interruzzjoni tal-akkordju, bi ksur tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

44      Huma jikkontestaw f’dan ir-rigward il-possibbiltà li jiġi kkunsidrat il-kunċett ta’ ksur kontinwu, hekk kif issostni l-Kummissjoni, meta jkun hemm interruzzjoni ta’ kważi sentejn mill-akkordju, kif ukoll il-possibbiltà li jiġi kkunsidrat, sussidjarjament, il-kunċett ta’ ksur ripetut, li, skont ir-rikorrenti, jinkludu wkoll idea ta’ kontinwità li topponi l-applikazzjoni tiegħu fil-każ ta’ interruzzjoni tal-ksur li jkun seħħ. Li jiġi kklassifikat bħala ksur ripetut, il-ksur f’każ bħal dan, imur barra minn hekk, kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ b’hekk jiġi estiż b’mod indefinit mill-Kummissjoni. Huma fl-aħħar nett isostnu li l-klassifikazzjoni tal-ksur ripetut ma tirriżulta b’ebda mod fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

45      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni injorat il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u li huma kienu s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju fir-rigward ta’ MRI, li għaliha l-Kummissjoni kkunsidrat li interruzzjoni ta’ erba’ snin, bejn ix-xahar ta’ Awwissu 1992 u x-xahar ta’ Settembru 1996, kienet tippermetti li ma tiġix imposta iktar multa għall-fatti mwettqa minn din il-kumpannija li seħħew qabel l-1 ta’ Awwissu 1992.

46      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet u tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata turi b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-ksur seħħ fil-perijodu intermedju, anki jekk l-akkordju kien daħal f’fażi ta’ attivitajiet limitati. Hija madankollu tirrikonoxxi, fil-kitbiet tagħha u staqsiet f’dan ir-rigward fis-seduta, li hija ma għandha l-ebda prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’kuntatti bejn membri tal-akkordju fil-perijodu intermedju.

47      Hija minn naħa l-oħra tikkunsidra li hemm lok li jiġu kkunsidrati, minn naħa, offerti li saru qabel dan il-perijodu u fejn l-effetti seħħew sa’ Novembru jew Diċembru 1997, u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li r-rikorrenti ma ddistanzjawx ruħhom mill-akkordju f’dik l-epoka, ħaġa li tiġġustifika, fir-rigward tal-ġurisprudenza, li l-parteċipazzjoni tagħhom għall-ksur tkun ikkunsidrata bħala kontinwa bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007.

48      Il-Kummissjoni żżid, essenzjalment, li, fi kwalunkwe każ, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-ksur ma huwiex kontinwu, hija jkollha terġa tikklassifika bħala ksur ripetut, klassifikazzjoni li hija inċidentalment semmiet sussidjarjament fil-premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk jirriżulta skont din, li l-poter tagħha li timponi multa għall-perijodu ta’ ksur li huwa mill-1986 sal-1997 ma kienx preskritt meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Hija barra minn hekk tikkunsidra li huwa għalhekk irrilevanti li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi biss l-eżistenza ta’ ksur kontinwu.

49      Għandu jiġi ppreċiżat li, mistoqsija mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxew li huma ma jikkontestawx il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur la għall-perijodu qabel it-13 ta’ Mejju 1997 u lanqas għall-perijodu wara l-21 ta’ Ġunju 1999. Huma jikkunsidraw madankollu li dawn huma ksur separati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

50      Għandu l-ewwel nett jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huwa oneru tal-Kummissjoni li tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju, iżda wkoll it-tul ta’ żmien tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 2802, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod iktar partikolari, f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi neċessarji sabiex tintwera, b’mod korrett, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86). L-eżistenza ta’ dubju fil-moħħ tal-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma għandhiex tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod korrett jekk ikun għadu jippersisti dubju f’moħħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors li jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa. Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li huma protetti fis-sistema ġuridika tal-Unjoni u li ġie kkristalizzat fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1). Fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll in-natura u l-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150, u tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punti 215 u 216). B’hekk huwa neċessarju li l-Kummissjoni tressaq provi preċiżi u konkordanti sabiex tibbaża l-konvinzjoni soda li l-ksur twettaq (ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Ikun suffiċjenti li l-indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Barra minn dan, huwa abitwali li l-attivitajiet li l-ftehim antikompetittivi jinvolvu jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti tal-laqgħat, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 51).

53      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79, u tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Issa, huwa stabbilit, f’din il-kawża, li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda prova li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntatti bejn membri tal-akkordju u fl-attività ridotta ta’ dan matul il-perijodu intermedju li hija ddeskriviet fil-premessi 148 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata.

55      Il-Kummissjoni fil-fatt tillimita ruħha li tikkunsidra li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti tista’ tkun dedotta mill-fatt li huma ma ddistanzjawx ruħhom mill-akkordju matul il-perijodu intermedju u li, għall-inqas, din il-parteċipazzjoni hija stabbilita sa’ Novembru jew Diċembru 1997, minħabba l-effetti kontinwi tal-kuntratti mogħtija bejn membri tal-akkordju qabel it-13 ta’ Mejju 1997 (ara b’mod partikolari l-premessi 150, 162 u 187 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      B’hekk għandu jiġi ppreċiżat jekk, fuq il-bażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikklassifika bħala kontinwu, il-ksur imwettaq minn Trelleborg Industrie bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007 u minn Trelleborg bejn it-28 ta’ Marzu 1996 u t-2 ta’ Mejju 2007 u, b’hekk, tikkunsidra li t-terminu ta’ preskrizzjoni, skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kien beda jiddekorri biss minn din l-aħħar imsemmija data.

–       Fuq l-eżistenza ta’ ksur kontinwu

57      Għandu jitfakkar li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Tali indizji u koinċidenzi jippermettu li tinkixef mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 57, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punti 94 sa 96, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Min-naħa l-oħra, ksur bħal dan jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata peress li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda waħedhom, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 258, u Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 110).

59      Fir-rigward tal-assenza ta’ prova dwar l-eżistenza ta’ ftehim matul ċerti perijodi speċifiċi jew għall-inqas dwar l-implementazzjoni minn impriża matul perijodu speċifiku, għandu jitfakkar li l-fatt li tali prova tal-ksur ma tressqitx għal ċerti perijodi speċifiċi ma tostakolax dan il-ksur b’tali mod li dan jitqies li huwa kkostitwit matul perijodu globali iktar estiż minn dan, meta tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u kkorroborati. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punti 97 u 98; ara wkoll f’dan is-sens is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 260).

60      F’dan ir-rigward, ġew identifikati numru ta’ kriterji mill-ġurisprudenza bħala rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura unika tal-ksur, jiġifieri l-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 67; ara wkoll, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punti 170 u 171, u tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 312), l-identità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 118, 119 u 124, u Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 312), l-identità tal-impriżi li ħadu sehem fih (sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 312) u l-identità tal-metodi tal-implementazzjoni tiegħu (sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). Barra minn hekk, l-identità tal-persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-prattiki inkwistjoni jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-eżami.

61      B’hekk il-ġurisprudenza tippermetti lill-Kummissjoni tassumi li l-ksur — jew li s-sehem ta’ impriża fil-ksur — ma ġiex interrott, anki jekk hija ma għandhiex il-provi tal-ksur għal ċerti perijodi speċifiċi, inkwantu l-azzjonijiet differenti li jagħmlu parti minn dan il-ksur kellhom għan wieħed u jistgħu jidħlu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa, fejn tali konstatazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq indikazzjonijiet oġġettivi u kkorroborati li juru l-eżistenza ta’ pjan globali.

62      Meta jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, il-kunċett ta’ ksur kontinwu jippermetti b’hekk lill-Kummissjoni timponi multa għall-perijodu kollu li matulu seħħ il-ksur meħud inkunsiderazzjoni u jiddetermina d-data li fiha beda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, jiġifieri d-data li fiha l-ksur kontinwu ntemm.

63      Madankollu, l-impriżi akkużati b’kollużjoni jistgħu jaqilbu din il-preżunzjoni, billi jinvokaw il-ħjiel jew il-provi li jistabbilixxu li, bil-kontra, il-ksur — jew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur — ma żvolġiex matul dawn l-istess perijodi.

64      F’din il-kawża, hemm ċertament lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontestawx, matul is-seduta, l-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li ħadu sehem fil-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tagħha, tal-persuni fiżiċi implikati għan nom tal-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-imsemmija prattiki qabel Mejju 1997 u wara Ġunju 1999.

65      Jekk konstatazzjonijiet bħal dawn jippermettu li tiġi sostnuta t-teżi ta’ pjan sħiħ identifikabbli qabel u wara l-perijodu intermedju, madankollu jeħtieġ ukoll li jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa, li, l-akkordju kien għadda minn perijodu ta’ kriżi, li fih il-funzjoni tiegħu kien sinjifikattivament alterat u r-relazzjonijiet bejn il-membri tiegħu kienu nettament laxki, b’mod li l-attività tiegħu kienet tnaqqset ħafna matul il-perijodu intermedju u, min-naħa l-oħra, li, matul dan il-perijodu, ċerti protagonisti — b’mod partikolari P., F., C., W., — kienu, għall-parti l-kbira, approfittaw mill-kuntatti tagħhom sabiex jagħmlu attentat li jerġa’ jkun hemm kooperazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati (ara l-premessi 148 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata), raġuni li għaliha l-Kummissjoni inġiegħlet ma timponix multa fuq ebda waħda mill-membri tal-akkordju għal dan il-perijodu intermedju.

66      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda prova tal-involviment tar-rikorrenti f’dawn il-kuntatti multilaterali matul dan il-perijodu intermedju, li dam għaddej għal iktar minn sentejn, jew li huma kienu pparteċipaw fil-laqgħat li seħħew bil-għan li jitħaddem l-akkordju mill-ġdid, u lanqas li huma kienu konxji dwar dan.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument imressaq mir-rikorrenti li skont dan huma effettivament interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom tidher suffiċjentement sostanzjata u plawżibbli sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni, imsemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq, li skont din il-parteċipazzjoni tagħhom, minkejja passiva, għall-ksur seħħet ukoll fl-assenza ta’ provi f’dan is-sens. Fil-fatt, fir-rigward tal-fatt li, fil-perijodu intermedju, l-attività tal-akkordju kien imnaqqas, anki saħansitra sar ineżistenti, u fin-nuqqas ta’ indizji oġġettivi u konsistenti fir-rigward ta’ volontà persistenti eventwali tar-rikorrenti li jerġgħu japplikaw mill-ġdid dan l-akkordju jew li jissottoskrivu għall-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni ma kinitx ġustifikata li tippreżumi parteċipazzjoni kontinwa, anki passiva, minn naħa tagħhom.

68      Il-Kummissjoni tinvoka madankollu, fil-kitbiet tagħha, il-ġurisprudenza (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 50 iktar ’il fuq, punti 83 u 84) li skont din, l-impriża għandha tiddistanzja ruħha bil-miftuħ u b’mod inekwivokabbli mill-akkordju, b’mod li l-parteċipanti l-oħra jkunu konxji mill-fatt li hija ma ssostnix iktar l-għanijiet ġenerali tal-akkordju, sabiex iġġib fit-tmiem ir-responsabbiltà tagħha. Hija tikkonkludi li, billi tastjeni milli tiddistanzja matul il-perijodu intermedju, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-perijodu ta’ ksur ta’ intensità iktar baxxa, tista’ madankollu tinżamm kontra tagħha, mingħajr, madankollu, ma din twassal għall-impożizzjoni ta’ multa għal dak il-perjodu. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva, mingħajr ma tiddistanzja ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiġi rrappurtata lill-awtoritajiet amministrattivi, għandha bħala effett li tinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tagħha, li tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li huwa tali li jirrendi responsabbli l-impriża kkonċernata. Issa, peress li, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-funzjonament normali tal-akkordju ġie interrott fil-perijodu intermedju, li dam iktar minn sentejn, it-tieni nett, ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti kienu ħadu sehem f’kuntatti li seħħew matul il-perijodu intermedju bil-għan li jitħaddem l-akkordju mill-ġdid jew li kienu konxji dwarhom, it-tielet nett, biex insegwu wkoll lill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-offerti attribwiti qabel Mejju 1997, dawn l-effetti seħħew l-iktar sa’ Novembru jew Diċembru 1997, li fi kwalunkwe każ iħalli perijodu ta’ 18-il xahar qabel ma’ jerġa’ jingħata bidu għall-akkordju li fih ma kienet teżisti l-ebda indikazzjoni oġġettiva u konkordanti li tippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienu involuti fil-kuntatti li seħħew matul il-perijodu ta’ kriżi tal-akkordju, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li r-rikorrenti ma ddistanzjawx ruħhom, matul il-perijodu intermedju, tal-azzjonijiet li seħħew minn ċerti membri tal-akkordju sabiex terġa’ titqajjem l-eżistenza tagħha.

69      Fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ distanzjar pubbliku bħal dan minn naħa tar-rikorrenti fir-rigward tal-membri l-oħra tal-akkordju ma jistax ikollu bħala konsegwenza li dawn tal-aħħar jieħdu l-impressjoni ta’ kompliċità għall-inqas passiva tar-rikorrenti, b’mod li l-imġieba tagħhom ma tistax tkun assimilata ma’ approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva antikompetittiva. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienu jafu dwar il-kuntatti bejn il-membri l-oħra tal-akkordju matul il-perijodu intermedju sabiex jerġa’ jingħata bidu għall-akkordju, fejn il-funzjonament normali kien ġie interrott, il-Kummissjoni b’hekk ma kinitx ġustifikata li tiddeduċi r-responsabbiltà konġunta tagħhom peress li huma ma kinux iddistanzjaw ruħhom pubblikament mill-kontenut tal-akkordju. Fil-fatt, dan il-motiv, waħdu, ma jkunx suffiċjenti sabiex jagħmel tajjeb għall-assenza kompleta tal-indizji oġġettivi u konsistenti li setgħu jistabbilixxu, mill-perspettiva kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva, l-apparenza tal-parteċipazzjoni tagħhom u tal-kompliċità kontinwa tagħhom għal ksur uniku matul dan il-perijodu.

70      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħetx legalment tikkonstata li l-ksur imwettaq mir-rikorrenti kien ksur uniku u kontinwu. Dan l-iżball madankollu ma għandux neċessarjament bħala konsegwenza li l-Kummissjoni tkun injorat l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

71      Fil-fatt, fir-rigward tal-fatt li l-ksur ma jistax, f’din il-kawża, ikun ikklassifikat bħala kontinwu, b’hekk jibqa’ jrid jiġi vverifikat, sabiex jiġi stabbilit jekk il-preskrizzjoni hija miksuba skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jekk il-ksur għandu jiġi kklassifikat bħala ripetut, ħaġa li hija kkontestata mir-rikorrenti.

–       Fuq l-eżistenza ta’ ksur ripetut

72      Wara li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ksur ripetut ġie diskuss bejn il-partijiet, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi ppreċiżat is-sens ta’ dan il-kunċett meta mqabbel ma’ dak ta’ ksur kontinwu fis-sens tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

73      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni litterali, ta’ dispożizzjoni tad-Dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-testi tad-dritt tal-Unjoni jinkitbu f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti huma lkoll awtentiċi; l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal din timplika għaldaqstant li jiġu pparagunati l-verżjonijiet lingwistiċi differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 18). In-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni teskludi li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies separatament f’wieħed mill-verżjonijiet tiegħu, iżda minflok titlob li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2007, Profisa, C‑63/06, Ġabra p. I‑3239, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (ara s-sentenza Profisa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      B’mod iktar ġenerali, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12), kif ukoll tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni (sentenza CILFIT, punt 73 iktar ’il fuq, punt 20).

75      L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li, fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1 p. 61), li wassal għad-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni li tidher fir-Regolament Nru 1/2003 l-Artikolu 1(2) jipprovdi għal “infractions continues ou continuées” (ksur kontinwu jew ripetut).

76      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, fir-rigward tal-ksur ripetut li jidher fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/74, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk il-kunċett ta’ ksur ripetut għandu kontenut kemmxejn differenti fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri differenti, din tinkludi fi kwalunkwe każ pluralità ta’ imġieba ta’ ksur li jingħaqdu permezz ta’ element suġġettiv komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punt 195).

77      Dan il-kunċett ġie sostitwit, fil-verżjoni tal-lingwa Franċiża tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, bil-kunċett ta’ ksur “continue ou répétée” (kontinwu jew ripetut).

78      Din il-modifika madankollu ma saritx fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ din id-dispożizzjoni.

79      Fil-fatt, il-kliem “continuing or repeated infringements” kienu diġà ġew użati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/74 fil-verżjoni Ingliża ta’ dan ir-regolament u din it-terminoloġija nżammet fil-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

80      Barra minn hekk, fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 il-leġiżlatur żamm, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, it-terminoloġija li kienet tidher preċedentement fir-Regolament Nru 2988/74 (li f’dan il-każ tirrigwarda l-verżjonijiet lingwistiċi: Spanjol, Daniż, Ġermaniż, Grieg, Olandiż, Finlandiż u Svediż), filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kienu wkoll modifikati sabiex jinżamm il-kunċett ta’ ksur ripetut fis-seħħ u mpoġġi fil-kunċett ta’ ksur kontinwu (dan huwa l-każ tal-verżjonijiet bit-Taljan u l-Portugiż).

81      Il-premessa 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tippreċiża minn naħa l-oħra li:

“Ir-regoli fuq il-perijodu ta’ limitazzjoni fuq l-imposizzjoni ta’ l-pagamenti ġew stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kunsill […] Nru 2988/74, li tikkonċerna ukoll fuq pieni fl-oqsma tat-Trasport […] Biex tikklarifika l-istruttura legali, Regolament […] Nru 2988/74 għandu jkun emendat biex ma jitħalliex jiġi applikat għall-materji kopruti f’dan ir-Regolament, u dan ir-Regolament għandu jinkludi disposizzjonijiet fuq il-perjodu ta’ limitazzjoni.”

82      B’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jibdel is-sens tad-dispożizzjoni preċedenti għall-okkażjoni tat-tfassil mill-ġdid tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), minkejja l-bidla terminoloġika li seħħet f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, iżda, għall-kuntrarju, li titneħħa l-konfużjoni eventwali li tqanqal l-użu tal-kunċett ta’ ksur kontinwu.

83      It-tieni nett, il-kunċett ta’ ksur ripetut huwa kunċett distint minn dak ta’ ksur kontinwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il-Kummissjoni, T‑18/05, Ġabra p. II‑1769, punti 96 u 97), din id-distinzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-użu tal-konġunzjoni “jew” fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

84      L-argumenti tar-rikorrenti li skont dawn jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-ksur “klassiku” u l-ksur “kontinwu u ripetut”, għandhom konsegwentement jiġu miċħuda.

85      It-tielet nett, il-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew fi ksur individwali marbuta flimkien mill-istess għan u l-istess suġġetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 257, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 89).

86      Fi kliem ieħor, il-metodi li permezz tagħhom twettaq il-ksur li jippermettu li l-ksur jiġi kklassifikat bħala ksur uniku kemm bħala kontinwu, kif ukoll bħala ripetut.

87      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar, għal dak li jirrigwarda l-ksur kontinwu, li l-kunċett ta’ pjan sħiħ jippermetti lill-Kummissjoni li tippreżumi li t-twettiq ta’ ksur ma ġiex interrott anki jekk, għal ċertu perijodu, hija ma tiddisponix minn prova tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata b’dan il-ksur, sa fejn din ipparteċipat fil-ksur qabel u wara dan il-perijodu u sa fejn ma jeżistux provi jew indikazzjonijiet li l-ksur ġie interrott fejn jikkonċernahom. F’dan il-każ, hija tista’ timponi multa għall-perijodu kollu tal-ksur, inkluż fosthom il-perijodu li għalih hija ma għandhiex prova tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata (ara l-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq).

88      Min-naħa l-oħra, fejn jista’ jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur ġiet interrotta u li l-impriża pparteċipat fil-ksur qabel u wara din l-interruzzjoni, dan il-ksur jista’ jiġi kklassifikat b’mod ripetut jekk — fil-każ tal-ksur kontinwu (ara l-punt 60 iktar ’il fuq) — jeżisti għan uniku mħaddan minn din qabel u wara l-interruzzjoni, li jista’ jiġi dedott mill-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw għall-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tagħha, tal-persuni fiżiċi implikati għan-nom tal-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-imsemmija prattiki. Il-ksur huwa b’hekk uniku u ripetut u jekk il-Kummissjoni tista’ timponi multa għall-perijodu tal-ksur, hija ma tistax tagħmel dan, min-naħa l-oħra, għall-perijodu li fih il-ksur ġie interrott.

89      B’hekk, xi episodji ta’ ksur distinti li għalihom ipparteċipat l-istess impriża, iżda li għalihom ma jistax jintwera għan komuni, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ksur uniku — kontinwu jew ripetut — u jammontaw għal ksur distinti.

90      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tammetti li ma għandhiex provi li r-rikorrenti kienu involuti fil-perijodu intermedju, li dam iktar minn sentejn. Barra minn hekk, dan il-perijodu ma wassalx għall-impożizzjoni ta’ ebda multa.

91      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti rrikonoxxew li pparteċipaw fi ksur qabel u wara l-perijodu intermedju u huma ammettew li ma kkontestawx, matul is-seduta, l-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw fil-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tagħha, tal-persuni fiżiċi implikati għan-nom tal-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-imsemmija prattiki qabel Mejju 1997 u wara Ġunju 1999.

92      Konsegwentement, hija responsabbiltà tal-Qorti Ġenerali li tikkonstata li Trelleborg Industrie wettqet ksur uniku u ripetut minn April 1986 sat-13 ta’ Mejju 1997 u mill-21 ta’ Ġunju 1999 sa Mejju 2007 u li Trelleborg wettqet ksur uniku u ripetut mit-28 ta’ Marzu 1996 sat-13 ta’ Mejju 1997 u mill-21 ta’ Ġunju 1999 sa Mejju 2007. Il-klassifikazzjoni żbaljata tal-ksur mill-Kummissjoni bħala kontinwu fil-fatt ma pprevjenitx lill-Qorti Ġenerali milli tikklassifikah mill-ġdid bħala ripetut fir-rigward tal-punti ta’ fatt mill-fajl amministrattiv u li fuqhom hija bbażata r-risposta tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza IMI et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 96 u 97; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra p. II‑4315, punti 322 sa 325, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, Ġabra p. I‑12899, punti 80 et seq).

93      Din il-konklużjoni ma tpoġġietx indiskussjoni mill-argumenti tar-rikorrenti li skont dawn, ibbażaw ruħhom fuq it-teorija tal-ksur ripetut, li rrikorriet għaliha l-Kummissjoni sussidjarjament fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 22 u 40 iktar ’il fuq), hija tista’ tmexxi b’mod indefinit il-preskrizzjoni u b’hekk tnaqqasha fix-xejn, ħaġa li tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali.

94      Għandu jiġi miċħud dan l-argument, peress li, minn naħa, peress li seħħew il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ ksur ripetut, mill-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-preskrizzjoni hija estiża. Min-naħa l-oħra, in-natura abbużiva eventwali tar-rikors għat-teorija tal-ksur ripetut ma jkunx evalwat in abstracto u jiddependi, għall-parti l-kbira, fuq ċirkustanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, tal-kapaċità tal-Kummissjoni li turi li dan huwa każ ta’ ksur uniku matul il-perijodi differenti kkunsidrati.

–       Fuq il-konsegwenzi tal-eżistenza ta’ ksur ripetut fuq il-preskrizzjoni

95      Peress li Trelleborg Industrie wettqet ksur uniku u ripetut minn April 1986 sa Mejju 1997 u minn Ġunju 1999 sa Mejju 2007, u li Trelleborg AB wettqet ksur uniku u ripetut minn Marzu 1996 sa Mejju 1997 u minn Ġunju 1999 sa Mejju 2007, għandu jiġi kkonstatat li l-perijodu ta’ ksur preċedenti għat-13 ta’ Mejju 1997 ma huwiex preskritt.

–       Fuq l-ilmenti l-oħra

96      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif. B’hekk, peress li ċertu livell ta’ inċertezza fir-rigward tas-sens u l-portata tad-dispożizzjoni legali huwa inerenti għaliha, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjoni legali inkwistjoni għandhiex ambigwità li tipprekludi li l-individwi jistgħux iqajmu dubji eventwali b’ċertezza suffiċjenti fuq il-portata jew is-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punti 30 u 31).

97      Peress li l-kriterji li jippermettu li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ ksur ripetut huma ċari u preċiżi, u ma jinkludu l-ebda ambigwità li tostakola li l-individwi jistgħu jqajmu b’ċerta ċertezza suffiċjenti d-dubji eventwali li huma jista’ jkollhom fuq il-portata jew is-sens ta’ din ir-regola, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi hija żgurata u l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud.

98      Fir-rigward tal-ilment tat-trattament ugwali, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jew tan-nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jkunux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux trattati b’mod ugwali, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament ġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, Ġabra p. I‑3009, punt 70).

99      F’din il-kawża, il-Kummissjoni ssostni li hija, ċertament, ikkunsidrat li MRI kienet wettqet ksur mill-1 ta’ April 1986 sal-1 ta’ Awwissu 1992 u mit-3 ta’ Settembru 1996 sat-2 ta’ Mejju 2007, iżda li din madankollu ma applikatx it-teorija tal-ksur ripetut, u li, min-naħa l-oħra, hija ma imponietx fuqha multa għall-perijodu ta’ ksur preċedenti għall-1 ta’ Awwissu 1992, fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li ma tapplikax is-sanzjoni għall-perijodu preċedenti għall-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-MRI għall-akkordju, u dan anki meta setgħet tikkonstata li l-ksur kien ripetut.

100    Minn naħa, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament issostni li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni li timponi multa fuq l-awtur ta’ ksur fl-Artikolu 81 KE. Din is-setgħa għandha madankollu sseħħ b’osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

101    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjonijiet ta’ MRI u tar-rikorrenti ma humiex komparabbli.

102    Fil-fatt, MRI ma ġietx sanzjonata għall-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordju għall-perijodu qabel l-1 ta’ Awwissu 1992, l-interruzzjoni ikkunsidrata mill-Kummissjoni għal dan il-għan testendi minn din id-data sat-3 ta’ Settembru 1996, b’mod li l-interruzzjoni invokata mir-rikorrenti tikkonċerna biss il-perijodu intermedju.

103    B’hekk jirriżulta li għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

104    Barra minn hekk, u b’mod sussidjarju, anki fil-każ fejn il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterji li jirregolaw il-preskrizzjoni fir-rigward ta’ MRI, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali illegalità, li dwarha l-Qorti Ġenerali ma ġietx adita fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ma tfissirx li r-rikors tar-rikorrenti għal annullament huwa fondat. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jrid jaqbel ma’ dak tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka favurih illegalità li twettqet favur ħaddieħor. Fil-fatt, illegalità eventwali li ssir fil-konfront ta’ impriża oħra, li ma hijiex parti f’din il-proċedura, ma tistax twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata diskriminazzjoni u, għaldaqstant, illegalità fir-rigward tar-rikorrenti. Tali approċċ ikun ekwivalenti għall-implementazzjoni ta’ prinċipju ta’ “trattament ugwali fl-illegalità” għar-raġuni biss li impriża oħra li kienet tinsab eventwalment f’sitwazzjoni simili, illegalment, ma ġietx ippenalizzata (ara s-sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Bħala konklużjoni, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonstata li Trelleborg Industrie wettqet ksur kontinwu bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007, u li Trelleborg AB wettqet ksur kontinwu bejn it-28 ta’ Marzu 1996 u t-2 ta’ Mejju 2007, iżda li jiġi miċħud il-bqija tal-motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq assenza ta’ interess leġittimu tal-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur qabel l-1999

 L-argumenti tal-partijiet

106    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni hija bħala prinċipju ġustifikata li tikkonstata li ksur ġie mwettaq anki jekk huwa preskritt. Madankollu, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, hija kellha turi f’dan il-każ l-interess leġittimu li hija kellha tali konstatazzjoni, jiġifieri tispjega kif iċ-ċirkustanzi kienu għamlu neċessarju l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur li ntemmew għall-inqas tnax-il sena qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

107    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

108    Peress li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ġie konkluż li l-ksur imwettaq mir-rikorrenti għandu jiġi kklassifikat bħala uniku u ripetut (ara l-punt 92 iktar ’il fuq) u li l-perijodu tal-ksur qabel it-13 ta’ Mejju 1997 ma huwiex preskritt (ara l-punt 95 iktar ’il fuq), it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talbiet għal bidla fid-deċiżjoni

109    Ir-rikorrenti jitolbu bidla fid-deċiżjoni kkontestata u għat-tnaqqis tal-multa.

110    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 261 TFUE, ir-regolamenti adottati konġuntament mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, jistgħu jattribwixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja kompetenza illimitata ta’ ġurisdizzjoni, f’dak li jirrigwarda l-penali previsti fir-regolamenti tagħhom. Tali kompetenza ġiet mogħtija lill-Qorti Komunitarja mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1/2003. L-imsemmija qorti għandha għaldaqstant il-kapaċità, li tmur lil hinn minn stħarriġ sempliċi fuq il-legalità tal-penali, u li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dak tal-Kummissjoni u li, konsegwentement, tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Komunitarja għandha kompetenza illimitata meta l-kwistjoni dwar l-ammont tal-multa tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, u li din il-kompetenza tista’ tiġi eżerċitata kemm biex tnaqqas il-multa u kemm biex iżżidha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Minn naħa l-oħra, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandu jiġi kkunsidrat, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ żmien ta’ dan.

112    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għad-deċiżjoni dwar l-ammont tal-multi, għandu jiġi kkunsidrat it-tul ta’ żmien tal-ksur u tal-elementi kollha ta’ natura li jaqgħu fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ dawn, bħall-aġir ta’ kull wieħed mill-impriżi, ir-rwol ta’ kull wieħed minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-vantaġġ li huma jieħdu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li l-ksur ta’ dan it-tip jippreżenta għall-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul ta’ żmien tal-aġir anti kompetittiv, in-numru tagħhom u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni subita mill-ordni pubblika ekonomika kellha tiġi kkunsidrata. L-analiżi għandha wkoll tikkunsidra l-importanza dwar il-parti tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll rikorrenza possibbli (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 57).

114    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fin-natura tiegħu, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mill-kalkoli tal-Kummissjoni, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha, billi tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ preżenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2004, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T‑156/94, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

115    F’din il-kawża, għandu jitfakkar li jekk il-ksur imwettaq mir-rikorrenti ma jistax jiġi kklassifikat bħala kontinwu (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), xorta jibqa’ l-fatt li l-ksur huwa ripetut (ara l-punt 95 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma imponietx multa fuq ir-rikorrenti għall-perijodu intermedju. L-iżball imwettaq mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-karattru kontinwu tal-ksur attribwit lir-rikorrenti b’hekk ma kellux effett fuq it-tul tal-ksur ikkunsidrat minn dawn fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

116    Fil-każ preżenti, għandu jingħad li l-akkordju għandu gravità ċerta, fir-rigward tal-fatt li l-aġir tal-ksur, li għalihom ħadu sehem b’mod sħiħ ir-rikorrenti, huma kkaratterizzati permezz tal-għoti ta’ kuntratti, l-iffissar tal-prezzijiet, l-iffissar tal-kwoti, l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ, il-qsim tas-swieq ġeografiċi kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni sensibbli fuq il-prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ u s-sejħiet għall-offerti. Barra minn hekk dan huwa l-każ dwar akkordju ta’ daqs globali.

117    Barra minn hekk, il-ksur twettaq minn Trelleborg Industrie f’perijodu partikolarment twil ta’ 18-il sena u ħdax-il xahar, fejn Trelleborg minn naħa tagħha kienet responsabbli in solidum għall-aġir tas-sussidjarja tagħha għal perijodu ta’ tmien snin u ħdax-il xahar.

118    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li konsegwentement ma hemmx lok li titnaqqas il-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti.

119    Għalhekk, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għal tibdil ippreżentati mir-rikorrenti.

120    Konsegwentement hemm lok li tiġi annullata parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

121    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap, jew iktar, tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

122    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ġustament sostnew li l-Kummissjoni sostniet b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ ksur kontinwu bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007. Xorta jibqa’ l-fatt li din l-illegalità ma taffettwax il-kalkolu tal-multa. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tqis li tkun saret evalwazzjoni ġusta tal-fatti tal-kawża billi jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(g) u (h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 428 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 – Manek marittimi), huwa annullat sa fejn jirrigwarda l-perijodu mit-13 ta’ Mejju 1997 sal-21 ta’ Ġunju 1999.

2)      Hemm lok li l-bqija tar-rikors jiġi miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Prek

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Mejju 2013.

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawżaII – 2

Settur tal-manek marittimi għaż-żejt u għall-gassII – 2

Preżentazzjoni tar-rikorrentiII – 3

Il-proċedura amministrattivaII – 4

Id-deċiżjoni kkontestataII – 5

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijietII – 7

Id-drittII – 8

Fuq it-talbiet għal annullamentII – 8

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, minn naħa, fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li wasslu lill-Kummissjoni tikkunsidra li Trelleborg Industrie kienet ipparteċipat fi ksur kontinwu bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007 u li Trelleborg AB kienet ipparteċipat fi ksur kontinwu bejn it-28 ta’ Marzu 1996 u t-2 ta’ Mejju 2007 u, min-naħa l-oħra, ta’ ksur tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003II – 8

Id-deċiżjoni kkontestataII – 8

L-argumenti tal-partijietII – 9

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti ĠeneraliII – 10

– Kunsiderazzjonijiet preliminariII – 10

– Fuq l-eżistenza ta’ ksur kontinwuII – 12

– Fuq l-eżistenza ta’ ksur ripetutII – 16

– Fuq il-konsegwenzi tal-eżistenza ta’ ksur ripetut fuq il-preskrizzjoniII – 20

– Fuq l-ilmenti l-oħraII – 20

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq assenza ta’ interess leġittimu tal-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur qabel l-1999II – 22

L-argumenti tal-partijietII – 22

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti ĠeneraliII – 22

Fuq it-talbiet għal bidla fid-deċiżjoniII – 22

Fuq l-ispejjeżII – 24


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.