Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu) fit-18 ta’ Diċembru 2015 – Berlioz Investment Fund S.A. vs Directeur de l’administration des Contributions directes

(Kawża C-682/15)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour administrative

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Berlioz Investment Fund S.A.

Konvenut: Directeur de l’administration des Contributions directes

Domandi preliminari

Stat Membru jkun qed jimplementa d-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, irendi applikabbli l-Karta, skont l-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ meta huwa jimponi, fil-konfront ta’ individwu, sanzjoni amministrattiva pekunjarja minħabba n-nuqqas min-naħa ta’ dan tal-aħħar li jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw minn deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni, meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu abbażi ta’ regoli proċedurali tad-dritt nazzjonali stabbiliti għal dan il-għan fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, minn dan l-Istat Membru fil-kwalità tiegħu ta’ Stat mitlub, ta’ talba għal skambju ta’ informazzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor u bbażata minn dan tal-aħħar b’mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16 1 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba?

Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, individwu jista’ jinvoka l-Artikolu 47 tal-Karta meta jqis li s-sanzjoni amministrattiva pekunjarja, imsemmija iktar ’il fuq, imposta fuqu. hija intiża tobbligah jipprovdi informazzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub, li tiegħu huwa residenti, ta’ talba għal informazzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor li ma għandha ebda ġustifikazzjoni rigward l-iskop fiskali reali, b’tali mod li f’dan il-każ ma hemm ebda skop leġittimu u li hija intiża tikseb informazzjoni li ma għandha ebda rilevanza prevedibbli għall-każ ta’ taxxa kkonċernat?

Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi, mingħajr ma l-Artikolu 52(1) tal-Karta jippermetti li jiġu previsti restrizzjonijiet, li l-qorti nazzjonali kompetenti għandu jkollha ġurisdizzjoni sħiħa u għaldaqstant, setgħa li tistħarreġ, għall-inqas b’riżultat ta’ eċċezzjoni, il-validità ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ talba għal skambju ta’ informazzjoni magħmula mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor b’mod partikolari abbażi tad-Direttiva 2011/16 fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn terz li għandu l-informazzjoni u li huwa d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni u intiż kontra deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva pekunjarja minħabba l-allegat nuqqas li l-individwu jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkollabora fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija talba?

Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, l-Artikoli 1(1) u 5 tad-Direttiva 2001/16 għandhom, fid-dawl, minn naħa, tal-paralelliżmu mal-istandard ta’ rilevanza prevedibbli li jirriżulta mill-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tal-OECD u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4 TUE, li flimkien jifformaw l-għan tad-Direttiva 2011/16, jiġu interpretati fis-sens li n-natura prevedibbilment rilevanti, fir-rigward tal-każ ta’ taxxa msemmi u tal-għan fiskali indikat, tal-informazzjoni mitluba minn Stat Membru mingħand Stat Membru ieħor tikkostitwixxi kundizzjoni li t-talba għal informazzjoni għandha tissodisfa sabiex jiskatta l-obbligu tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub li taġixxi fuq din it-talba u sabiex tiġi ġġustifikata deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni lil terz meħuda minn din l-awtorità?

Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 1(1) u 5 tad-Direttiva 2001/16, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li tillimita b’mod ġenerali l-eżami, mill-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu li taġixxi bħala l-awtorità tal-Istat mitlub, il-validità ta’ talba għal informazzjoni, għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali u fis-sens li huma jeżiġu li l-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ rikors kontenzjuż kif deskritt fit-tielet domanda iktar ’il fuq li hija jkollha quddiemha, tivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni tar-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba taħt l-aspetti kollha relatati mar-rabtiet mal-każ ta’ taxxa inkwistjoni, mal-għan finali invokat u mal-osservanza tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/16?

Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, l-Artikolu 47(2) tal-Karta jipprekludi dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li teskludi s-sottomissjoni lill-qorti nazzjonali kompetenti tal-Istat mitlub, fil-kuntest ta’ riskors kontenzjuż kif deskritt fit-tielet domanda iktar ’il fuq li hija jkollha quddiemha, tat-talba għal informazzjoni magħmula mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor u jeżiġi li dan id-dokument jiġi prodott quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti u li jingħata aċċess lit-terz li għandu l-informazzjoni, jew saħansitra li dan id-dokument jiġi prodott quddiem il-qorti nazzjonali mingħajr ma jingħata aċċess lit-terz li għandu l-informazzjoni minħabba n-natura kunfidenzjali ta’ dan id-dokument bil-kundizzjoni li d-diffikulatjiet kollha kkawżati lit-terz li għandu l-informazzjoni bil-limitazzjoni tad-drittijiet tiegħu għandhom jiġu kkumpensati b’mod suffiċjenti mill-proċedura segwita quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, p. 1).