Language of document : ECLI:EU:C:2017:373

Kawża C-682/15

Berlioz Investment Fund SA

vs

Directeur de l’administration des contributions directes

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/16/UE – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Artikolu 1(1) – Artikolu 5 – Talba għal informazzjoni indirizzata lil terzi – Rifjut li tingħata risposta – Sanzjoni – Rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba – Stħarriġ tal-awtorità rikjesta – Stħarriġ tal-qorti – Portata – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 51 – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Aċċess tal-qorti u tat-terzi għat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-awtorità rikjesta”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Mejju 2017

1.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni pekunjarja f’każ ta’ rifjut li tiġi pprovduta informazzjoni skont id-Direttiva 2011/16 – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea Artikolu 51(1); Direttiva tal-Kunsill 2011/16, Artikoli 18 u 22(1))

2.        Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Limiti – Deċiżjoni li tordna intiża sabiex tingħata segwitu talba abbażi tad-Direttiva 2011/16 kif ukoll miżura li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-deċiżjoni – Inklużjoni – Kundizzjoni – Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li tordna

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Direttiva 2011/16 – Skambju ta’ informazzjoni fuq talba – Talba għal informazzjoni indirizzata lil terzi – Skattar ta’ obbligu għall-Istat Membru rikjest biex jagħtiha segwitu u l-legalità ta’ deċiżjoni li tordna indirizzata minn dan l-Istat Membru lil persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi – Kundizzjoni – Rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba – Evalwazzjoni min-naħa tal-awtorità rikjedenti – Limiti

(Direttiva tal-Kunsill 2011/16, Artikoli 1(1), 5 u 17(1))

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Direttiva 2011/16 – Skambju ta’ informazzjoni fuq talba – Talba għal informazzjoni indirizzata lil terzi – Eżami mill-awtorità rikjesta tal-validità tal-imsemmija talba – Obbligi imposti fuq l-awtorità rikjedenti – Provvista ta’ motivazzjoni adegwata fir-rigward tal-finalità tal-informazzjoni mitluba

(Direttiva tal-Kunsill 2011/16, Artikoli 1(1), 5 u 17(1))

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Direttiva 2011/16 – Skambju ta’ informazzjoni fuq talba – Talba għal informazzjoni indirizzata lil terzi – Eżami mill-awtorità rikjesta tal-validità tal-imsemmija talba – Portata – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Stħarriġ ġudizzjarju ta’ sanzjoni imposta abbażi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li tordna – Stħarriġ tal-legalità tal-imsemmija deċiżjoni li tordna – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Kunsill 2011/16, Artikolu 1(1) u 5)

6.        Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Direttiva 2011/16 – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju ta’ talba għal informazzjoni indirizzata lil terzi – Dritt ta’ aċċess għall-imsemmija talba għall-qorti tal-Istat Membru rikjest – Assenza ta’ tali dritt ta’ aċċess għall-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kkonċernata mill-imsemmija talba

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea Artikolu 47; Direttiva tal-Kunsill 2011/16, Artikoli 16 u 20(2))

1.      L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jkun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li, għaldaqstant, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija applikabbli, meta jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu sanzjoni pekunjarja fil-konfront ta’ persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn awtoritajiet fiskali, ibbażat, b’mod partikolari, fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE.

Il-fatt li d-Direttiva 2011/16 ma tipprevedix espressament l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjoni ma jipprekludix li jiġi kkunsidrat li dawn jaqgħu fl-ambitu tal-implementazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “miżuri tiegħu bil-għan li tinġabar informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, u dak ta’ “miżuri kollha meħtieġa biex il-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din l-istess direttiva, huma ta’ natura li tinkludi tali miżuri.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa irrilevanti li d-dispożizzjoni nazzjonali li sservi bħala bażi ta’ miżura ta’ sanzjoni bħal dik imposta fuq Berlioz hija inkluża f’liġi li ma kinitx ġiet adottata sabiex tittrasponi d-Direttiva 2011/16, peress li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali tfittex li tiġi ggarantita dik tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 28).

(ara l-punti 39, 40, 42, u d-dispożittiv 1)

2.      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li tiġi imposta fuqha sanzjoni pekunjarja għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni amministrattiva li tobbligaha tipprovdi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali skont id-Direttiva 2011/16 għandha dritt li tikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma applikabbli fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni u li l-applikabbiltà ta’ dan id-dritt timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali ggarantiti permezz ta’ din il-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punti 19 sa 21, kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C-418/11, EU:C:2013:588, punti 72 u 73).

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rekwiżit ta’ dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni kontra interventi arbitrarji u sproporzjonati fil-qasam tal-attivitajiet privati ta’ kwalunkwe persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C-94/00, EU:C:2002:603, punt 27, kif ukoll id-digriet tas-17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, C-121/04 P, mhux ippubblikat, EU:C:2005:695, punt 30).

Fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ quddiem qorti indipendenti u imparzjali. Ir-rispett ta’ dan id-dritt jippreżumi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija nfisha r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità hija suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ organu ġudizzjarju li, b’mod partikolari, għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex jindirizza l-kwistjonijiet kollha rilevanti.

Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-Konklużjonijiet tiegħu, il-qorti nazzjonali, adita b’rikors kontra s-sanzjoni amministrattiva pekunjarja imposta fuq il-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi għal nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni tal-ordni għandha teżamina l-legalità ta’ din tal-aħħar sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta.

(ara l-punti 49, 51, 55, 56, 59, u d-dispożittiv 2)

3.      L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-“rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor tikkostitwixxi rekwiżit li t-talba għal informazzjoni għandha tissodisfa sabiex jiskatta l-obbligu tal-Istat Membru rikjest li jeħtieġlu li jottempera ruħu ma’ dik it-talba u, bl-istess mod, kundizzjoni ta’ legalità tad-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni indirizzat minn dan l-Istat Membru lil persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi u tal-miżura ta’ sanzjoni imposta fuq din tal-aħħar għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-deċiżjoni.

L-għan tal-kunċett ta’ rilevanza prevedibbli kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16 huwa għalhekk li l-awtorità rikjedenti tkun tista’ tikseb kull informazzjoni li jidhrilha ġġustifikata għall-investigazzjoni tagħha mingħajr madankollu ma tkun awtorizzata li tmur lil hinn b’mod manifest mill-kuntest ta’ din l-investigazzjoni u mingħajr ma timponi piż eċċessiv fuq l-awtorità rikjesta.

Għaldaqstant, hija din l-awtorità, li tkun qegħda tmexxi l-investigazzjoni li minnha toriġina t-talba għal informazzjoni, li għandha tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, ir-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba għal din l-investigazzjoni skont l-evoluzzjoni tal-proċedura u, konformement mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2011/16, tal-użu tal-għejun abitwali ta’ informazzjoni li hija tista’ tuża.

Minkejja li l-awtorità rikjedenti għandha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, hija ma tistax titlob informazzjoni mingħajr rilevanza għall-investigazzjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 68, 70, 71, 74, u d-dispożittiv 3)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 78-80)

5.      L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-verifika tal-awtorità rikjesta, li quddiemha titressaq talba għal informazzjoni tal-awtorità rikjedenti abbażi ta’ din id-direttiva, ma tillimitax ruħha biss għar-regolarità proċedurali ta’ din it-talba iżda għandha tippermetti lil din l-awtorità rikjesta li tiżgura ruħha li l-informazzjoni mitluba ma hijiex nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli fid-dawl tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata u dik tat-terz possibbilment informat kif ukoll tal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fiskali inkwistjoni. Dawn l-istess dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kontra miżura ta’ sanzjoni li tkun ġiet imposta fuqha mill-awtorità rikjesta minħabba in-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni adottata minnha wara talba għal informazzjoni indirizzata mill-awtorità rikjedenti abbażi tad-Direttiva 2011/16, il-qorti nazzjonali għandha, mhux biss ġurisdizzjoni sabiex tbiddel is-sanzjoni imposta, iżda wkoll ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ din id-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni. Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ legalità tal-imsemmija deċiżjoni dwar ir-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-verifika tal-assenza manifesta ta’ din ir-rilevanza.

(ara l-punt 89 u d-dispożittiv 4)

6.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ġudizzjarju minn qorti tal-Istat Membru rikjest, din il-qorti għandu jkollha aċċess għat- talba għal informazzjoni indirizzata mill-Stat Membru rikjedenti lill-Istat Membru rikjest. Il-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kkonċernata ma għandhiex min-naħa l-oħra dritt ta’ aċċess għat talba għal informazzjoni sħiħa li tibqa’ dokument sigriet, konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/16. Sabiex ikollha smigħ tassew xieraq dwar is-suġġett tal-assenza ta’ rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, huwa suffiċjenti, bħala prinċipju, li hija jkollha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punt 101 u d-dispożittiv 5)