Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Settembru 2023 minn Anna Nardi mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Rabà Awla) fil-25 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-131/23, Anna Nardi vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

(Kawża C-574/23 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Anna Nardi (rappreżentant: M. De Siena, avukata)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

L-appellanti titlob l-annullament tad-digriet ta’ ċaħda tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-131/23 ippreżentata minn Anna Narda fil-konfront tal-Bank Ċentrali Ewropew u, konsegwentement, li jintlaqgħu t-talbiet imressqa fir-rikors fl-ewwel istanza u għalhekk titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja: jogħġobha

I. tistabbilixxi u tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat mill-Presidenta Christine Lagarde, peress li:

I. a) kkawża fir-rigward tat-titoli finanzjarji ta’ Anna Nardi, bl-isem SI FTSE.COPERP, imsemmija, deskritti u prodotti bħala anness għar-rikors fl-ewwel istanza, tnaqqis fil-valur b’telf kapitali ta’ EUR 626 134.29, b’telf ta’ 81.54 % tal-valur totali tal-kapital investit ekwivalenti għal EUR 767 856.16, peress li fit-12 ta’ Marzu 2020, Christine Lagarde, fil-kwalità ta’ Presidenta tal-BĊE, filwaqt li qalet il-frażi famuża “Aħna mhux qegħdin hawnhekk biex innaqsu l-firxiet, dan ma huwiex ir-rwol tal-BĊE”, kienet ikkawżat tnaqqis sinjifikattiv fil-valur tat-titoli fil-boroż kollha madwar id-dinja u telf ta’ 16.92 % fil-Borża ta’ Milano kkwantifikat f’perċentwali li qatt ma seħħ qabel fl-istorja tal-imsemmija istituzzjoni, u fejn ikkomunikat permezz ta’ stqarrija għall-istampa, lid-dinja kollha, li l-BĊE ma kienx ser jibqa’ jappoġġa l-valur tat-titoli maħruġa minn pajjiżi f’diffikultà u, għalhekk, ikkomunikat il-bidla sħiħa fl-orjentazzjoni tal-politika monetarja adottata mill-BĊE taħt it-tmexxija tal-President preċedenti, li kien temm il-mandat tiegħu f’Novembru 2019;

I.b) peress li bl-imsemmi aġir, u bħala konsegwenza tal-fuq imsemmi tnaqqis sinjifikattiv tal-indiċi tal-Borża ta’ Milano, ikkawża tnaqqis fil-valur tal-assi tal-appellanti;

I.c) peress li kkawża lill-appellanti dannu materjali ta’ lucrum cessans ekwivalenti għal EUR 906 223.85;

I.d) peress li kkawża, konsegwentement, dannu materjali totali ekwivalenti għal EUR 1 532 358.14;

I.e) peress li kkawża danni morali bit-tbatija psikoloġika tagħha stess u tal-familja tagħha, dannu tal-unur, reputazzjoni, identità personali u professjonali tagħha kkwantifikati fis-somma ta’ EUR 500 000;

Għal dan il-għan:

II) tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat mill-President pro tempore, għall-kumpens tad-danni materjali, li jinkludu d-damnum emergens u l-lucrum cessans, tad-danni mhux u tad-danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità Anna Nardi evalwati abbażi tal-kriterji indikati fil-kapitoli u paragrafi rispettivi ta’ dan ir-rikors, permezz tal-pagament tal-ammonti li ġejjin:

II.1. EUR 1 532 358.14, bħala danni materjali,

II.2. EUR 500 000,00, bħala dannu morali;

II.3. u għaldaqstant, għall-pagament tas-somma totali ta’ EUR 2 032 358.14;

II.4. għall-pagament ta’ kwalunwe somma li l-Qorti Ġenerali tiddetermina u tordna, abbażi ta’ ekwità, għad-danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità;

II.5 għall-pagament tal-interessi moratorji kkalkolati mit-12 ta’ Marzu 2020, id-data li fiha seħħ l-avveniment dannuż, sar-rimbors effettiv;

III) sussidjarjament, għall-pagament ta’ kwalunkwe somma oħra li tirriżulta mill-proċedura ġudizzjarja, sal-ammont li jitqies xieraq;

IV) tikkundanna lill-konvenut għar-rimbors tal-ispejjeż legali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti ssostni, fl-ewwel lok u preliminarjament, li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar jekk permezz tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Marzu 2020 il-Presidenta tal-BĊE kisritx id-dispożizzjonijet legali indikati fir-rikors, filwaqt li sempliċement iddikjarat li tali dispożizzjonijet legali ma għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, b’tali mod li pprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti u inkompleta.

Fit-tieni lok, l-appellanti tikkontesta l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali indikati fil-punti 15 sa 28 tad-digriet ikkontestat, li abbażi tagħhom ma setgħetx tiġi invokata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE sa fejn, f’dan il-każ, il-BĊE ma kisirx dispożizzjonijet legali intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi. L-appellanti ssostni li d-dispożizzjonijiet imsemmija huma regoli istituzzjonali li jistabbilixxu l-kompetenzi tal-korpi individwali tal-BĊE, li jagħtuhom poteri speċifiċi. L-istess regoli jagħtu drittijiet lill-individwi, b’mod speċifiku jagħtu dritt lill-individwi li l-korpi differenti jaġixxu b’osservanza tal-kompetenzi istituzzjonali attribwiti lilhom permezz tal-liġi, skont il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

Fit-tielet lok, sussidjarjament, l-appellanti ssostni li anki jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet legali miksura mill-Presidenta tal-BĊE ma għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi kif indikat mill-Qorti Ġenerali, il-motivazzjoni li fuqha bbażat ruħha din tal-aħħar hija żbaljata sa fejn tirriżulta minn interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 340 TFUE. Tali dispożizzjoni, bħall-Artikolu 2043 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, ma tagħmel l-ebda distinzjoni li tiffavorixxi d-dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi minflok dispożizzjonijiet oħra, b’tali mod li huwa esklużivament il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jaqgħu fl-ewwel kategorija li jagħti lok għar-rimbors tal-persuna leża. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tmur kontra l-prinċipji espressi fis-sentenza tal-istess Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-868/16, li fiha ġie stabbilit li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi invokata fir-rigward ta’ kwalunkwe aġir illegali li jikkawża dannu li jista’ jagħti lok għal tali responsabbiltà.

Fir-raba’ lok, l-appellanti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 32 tad-digriet li tipprovdi li l-appellanti, meta sostniet li l-Presidenta tal-BĊE wettqet abbuż ta’ poter, ma żviluppatx tali argument fir-rikors u ressqet dan l-argument biss bħala konsegwenza tal-ksur tad-dispożizzjonijiet indikati fir-rikors li ma għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi. L-appellanti ssostni li l-abbuż ta’ poter huwa “l-użu tal-poter b’mod mhux konformi mad-direttiva leġiżlattiva” u jseħħ meta istituzzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-prinċipji ġenerali, bħalma huma l-korrettezza, il-bona fide, id-diliġenza; ma kienx hemm dubju li, permezz tad-dikjarazzjoni kontroversa, l-Presidenta tal-BĊE kienet kisret il-prinċipji ta’ korrettezza u ta’ diliġenza.

Fil-ħames lok, l-appellanti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li abbażi tagħha ma ġietx prodotta l-prova tal-eżistenza tar-rabta kawżali bejn id-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tal-BĊE kkontestati u t-tnaqqis tal-indiċi tal-borża, peress li hija ssostni li tali prova tirriżulta mir-rikors u mill-annessi tiegħu. Hija tenfasizza kif mill-istqarrija għall-istampa li tirrigwarda l-konferenza stampa mogħtija mill-Presidenta tal-BĊE fit-12 ta’ Marzu 2020, mill-kummenti ta’ artikli tal-istampa Taljani u internazzjonali kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tal-President tar-Repubblika Taljana jirriżulta li kienet perċezzjoni ġenerali li t-tnaqqis tal-indiċi tal-boroż kien ikkawżat esklużivament mid-dikjarazzjoni kkontestata tal-Presidenta tal-BĊE. Barra minn hekk, l-inizjattiva tal-Presidenta tal-BĊE li tiskuża ruħha u tbiddel id-dikjarazzjoni magħmula kienet tindika r-rikonoxximent tagħha stess tal-konsegwenzi dannużi ħafna għas-suq ikkawżati minnha. L-imsemmija prova ġiet prodotta wkoll mill-kontenut, mill-konklużjonijiet u mill-annessi tar-rapport ġuramentat tal-konsulent innominat mill-appellanti.

Fis-sitt lok, l-appellanti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 33 tad-digriet ikkontestat dwar il-valur probatorju limitat ħafna tar-rapport tekniku ġuramentat, sa fejn dan tal-aħħar tfassal mill-konsulent innominat mill-appellanti. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni li dan kien jikkonsisti f’rapport ġuramentat, liema ġurament ittieħed mill-konsulent quddiem il-korp ġudizzjarju kompetenti bit-tlissin tal-frażi segwenti: “Naħlef li wettaqt fedelment u b’diliġenza l-kompiti fdati lili bl-uniku skop li tiġi żvelata l-verità lill-imħallef”.

____________