Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fid-9 ta’ Frar 2022 – Papier Mettler Italia S.r.l. vs Ministero della Transizione Ecologica (già Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare), Ministero dello Sviluppo Economico

(Kawża C-86/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Papier Mettler Italia S.r.l.

Konvenuti: Ministero della Transizione Ecologica (già Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare), Ministero dello Sviluppo Economico

Domandi preliminari

L-Artikolu 114(5) u (6) TFUE, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 1 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi 2 jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista mid-digriet interministerjali kkontestat, li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tax-xiri li jintużaw darba biss immanifatturati b’materjali mhux bijodegradabbli iżda li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti mid-Direttiva 94/62/KE, meta din id-dispożizzjoni nazzjonali li jkun fiha regoli tekniċi iktar restrittivi mid-dritt tal-Unjoni ma tkunx ġiet ikkomunikata minn qabel mill-Istat Membru lill-Kummissjoni Ewropea, iżda tkun ġiet ikkomunikata biss wara l-adozzjoni tagħha u qabel il-pubblikazzjoni tal-miżura?

L-Artikoli 1, 2, 9(1) u 18 tad-Direttiva 94/62/KE, ikkompletati bid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2 u 3 tal-Anness II tad-Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tax-xiri li jintużaw darba biss immanifatturati b’materjali mhux bijodegradabbli iżda li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti mid-Direttiva 94/62/KE, jew inkella l-istandards tekniċi supplimentari previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jkunu ġġustifikati mill-għan li jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali, fid-dawl, skont il-każ, tan-natura partikolari tal-problemi tal-ġbir tal-iskart fl-Istat Membru u tan-neċessità li dan l-Istat stess jimplimenta wkoll l-obbligi Komunitarji f’dan il-qasam?

L-Artikoli 1, 2, 9(1) u 18 tad-Direttiva 94/62/KE, ikkompletati bid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2 u 3 tal-Anness II tad-Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu regola ċara u preċiża li tipprojbixxi kull ostakolu għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva u li tobbliga lill-korpi kollha tal-Istat, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, li jippermettu li ma tiġix applikata kull leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun kuntrarja għal din ir-regola?

Fl-aħħar, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tax-xiri żgħar li jintużaw darba biss u li ma humiex bijodegradabbli, iżda li jkunu ġew immanifatturati skont ir-rekwiżiti previsti fid-Direttiva 94/62/KE, meta din ma tkunx iġġustifikata mill-għan li jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali, min-natura partikolari tal-problemi tal-ġbir tal-iskart fl-Istat Membru u min-neċessità li l-Istat stess jimplimenta wkoll l-obbligi Komunitarji previsti f’dan ir-rigward, tista’ tikkostitwixxi ksur serju u manifest tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337.