Language of document : ECLI:EU:C:2021:189

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

10 ta’ Marzu 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Pagamenti diretti – Regolament (UE) Nru°1307/2013 – Artikolu 24 – Bidwi żagħżugħ li jkun ibbenefika mill-ewwel allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament – Artikolu 30(6) – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 – Artikolu 28(2) – Allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali”

Fil-Kawża C‑365/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Schwerin (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Schwerin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

FD

vs

Staatliches Amt für Landwirtschaft und Umwelt Mittleres Mecklenburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal FD, minn R. Krüger, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7) u tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament Nru 1307/2013 u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn FD u l-iStaatliches Amt für Landwirtschaft und Umwelt Mittleres Mecklenburg (l-Uffiċċju Pubbliku għall-Agrikoltura u għall-Ambjent tal-Mecklenburg Ċentrali) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar talba għal allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali wara l-ewwel allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament bażiku.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1307/2013

3        Il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1307/2013 tistipula:

“L-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku turi li xi wħud mill-elementi ewlenin tagħha għandhom jinżammu, inkluża d-determinazzjoni ta’ limiti massimi nazzjonali biex ikun żgurat li l-livell totali ta’ appoġġ ma jaqbiżx ir-restrizzjonijiet baġitarji attwali. L-Istati Membri għandhom ukoll ikomplu joperaw riżerva nazzjonali, jew għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu riżervi reġjonali. Tali riżervi nazzjonali jew reġjonali għandhom jintużaw, bħala kwistjoni ta’ prijorità, biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ bdiewa żgħażagħ u bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom fl-iskema u għandhom jitħallew jintużaw biex jitqiesu ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi oħra. Għandhom jinżammu regoli dwar it-trasferiment u l-użu ta’ drittijiet għall-pagament.”

4        L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-ewwel allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-drittijiet għall-pagament għandhom jiġu allokati lill-bdiewa li huma intitolati għal pagamenti diretti skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament […]”

5        L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, intitolat “Stabbiliment u użu tar-riżerva nazzjonali jew riżervi reġjonali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi riżerva nazzjonali. Sabiex jagħmlu hekk, l-Istati Membri għandhom jipproċedu fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, għal tnaqqis lineari tal-perċentwal tal-limitu massimu tal-iskema ta’ pagamenti f’livell nazzjonali.

[…]

3.      It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 m’għandux ikun ikbar minn 3 %, sakemm ma jkun meħtieġ perċentwal ogħla, biex ikopri kwalunkwe ħtieġa ta’ allokazzjoni skont il-paragrafu 6 jew il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 7 għas-sena 2015 jew, għall-Istati Membri li qed japplikaw l-Artikolu 36, għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku.

4.      L-Istati Membri għandhom jallokaw drittijiet għall-pagament mir-riżervi nazzjonali jew reġjonali tagħhom skont kriterji oġġettivi u b’mod li jkun żgurat it-trattament indaqs tal-bdiewa u biex ikunu evitati distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni.

[…]

6.      L-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżervi nazzjonali jew reġjonali tagħhom biex jallokaw drittijiet għall-pagament, bħala kwistjoni ta’ prijorità, lil bdiewa żgħażagħ u lil bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom.

7.      L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżervi nazzjonali jew reġjonali tagħhom biex:

(a)      jallokaw drittijiet għall-pagament lill-bdiewa sabiex l-art ma titħalliex tiġi abbandunata, inkluż f’żoni soġġetti għal programmi ta’ ristrutturar u/jew ta’ żvilupp relatati ma’ għamla ta’ intervent pubbliku;

(b)      jallokaw drittijiet għall-pagament lill-bdiewa sabiex jikkumpensawhom għal żvantaġġi speċifiċi;

(c)      jallokaw drittijiet għall-pagament lill-bdiewa li ma setgħux jiġu allokati lilhom drittijiet għall-pagament taħt dan il-Kapitolu b’riżultat ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali;

(d)      jallokaw, f’każijiet fejn huma japplikaw l-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-Regolament, drittijiet għall-pagament lill-bdiewa li n-numru ta’ ettari eliġibbli tagħhom li ddikkjarw fl-2015 skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549 u rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83)] u li huma disponibbli għalihom f’data stabbilita mill-Istat Membru li m’għandhiex tkun aktar tard mid-data stabbilita f’dak l-Istat Membru biex issir emenda għall-imsemmija applikazzjoni għall-għajnuna tkun ogħla min-numru ta’ drittijiet għall-pagament bi sjieda jew b’kirja skont ir-Regolament [Nru 1782/2003] u r-Regolament [Nru 73/2009] li huma jkollhom fid-data finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet li għandha tiġi stabbilita skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolament [Nru 1306/2013];

(e)      iżidu b’mod lineari fuq bażi permanenti, l-valur tad-drittijiet għall-pagament kollha skont l-iskema ta’ pagament bażiku f’livell nazzjonali jew reġjonali jekk ir-riżerva nazzjonali jew reġjonali rilevanti taqbeż 0,5 % tal-limitu massimu annwali nazzjonali jew reġjonali għall-iskema ta’ pagament bażiku, bil-kondizzjoni li jibqgħu disponibbli ammonti biżżejjed għal allokazzjonijiet kollha taħt il-paragrafu 6, taħt il-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu u taħt il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

(f)      ikopru l-ħtiġijiet annwali għall-pagamenti li għandhom jingħataw skont l-Artikolu 51(2) u l-Artikolu 65(1), (2) u (3) ta’ dan l-Artikolu.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet bejn l-użu differenti msemmi hawnhekk.

[…]

11.      Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘bdiewa żgħażagħ’ tfisser bdiewa li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 50(2) u, fejn rilevanti, il-kundizzjonijiet msemmijin fl-Artikolu 50(3) u (11);

[…]”

6        L-Artikolu 31(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“Ir-riżerva nazzjonali jew ir-riżervi reġjonali għandhom jerġgħu jiġu fornuti b’ammonti li jirriżultaw minn:

[…]

(g)      fejn l-Istati Membri jqisu meħtieġ tnaqqis lineari tal-valur tad-drittijiet ta’ pagament taħt l-iskema ta’ pagament bażiku fil-livell nazzjonali jew reġjonali biex ikopru l-każijiet msemmija fl-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-Regolament;

[…]”

7        L-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistipula:

“Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jiġu ċċarati s-sitwazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jinqalgħu fl-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 70 dwar:

[…]

(c)      regoli dwar l-istabbiliment u l-kalkolu tal-valur u n-numru ta’ drittijiet għall-pagament riċevuti mir-riżerva nazzjonali jew ir-riżervi reġjonali;

[…]”

8        Skont l-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘bdiewa żgħażagħ’ tfisser persuni fiżiċi:

(a)      li qed jistabbilixxu għall-ewwel darba impriża agrikola bħala kap tal-impriża, jew li diġà stabbilixxew tali impriża fil-ħames snin preċedenti għall-ewwel preżentazzjoni ta’ applikazzjoni taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament [Nru 1306/2013], u

(b)      li m’għandhomx aktar minn 40 sena fis-sena ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni msemmija fil-punt (a).”

 Ir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014

9        Il-premessi 29 sa 32 tar-Regolament Nru 639/2014 jistipulaw:

“(29)      L-Artikolu 30 tar-Regolament [Nru 1307/2013] jipprovdi għall-każijiet obbligatorji u fakultattivi ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli għall-kalkolu tal-għadd u l-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati b’tali mod u li jiġi stipulat li l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 30(6) ta’ dak ir-Regolament mhumiex imxejna permezz tad-deċiżjonijiet li l-Istati Membri huma awtorizzati li jieħdu skont l-Artikolu 30(7) u (10) tar-Regolament [Nru 1307/2013]. Bl-istess mod, l-applikazzjoni tal-Artikolu 30(6) tar-Regolament [Nru 1307/2013] għandha tkun koerenti mal-Artikolu 24(6) u (7) ta’ dak ir-Regolament u mar-regoli dwar it-tbatija f’dan ir-Regolament. […]

[…]

(32)      L-Artikolu 24(3) sa (7) tar-Regolament [Nru 1307/2013] jipprovdi lill-Istati Membri b’għadd ta’ possibbiltajiet biex jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati lill-bdiewa. Għaldaqstant, xi bdiewa jista’ jkollhom proporzjon għoli ta’ ettari eliġibbli li mhumiex koperti minn drittijiet għall-pagament li jistgħu jwasslu għal każijiet ta’ tbatija hekk kif ċerti skemi ta’ appoġġ li huma addizzjonali għall-iskema ta’ pagament bażiku, b’mod partikolari l-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent, huma bbażati fuq l-ettari eliġibbli ddikjarati għall-attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament. Għaldaqstant, għandu jiġi ċċarat li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jallokaw drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali meta bidwi jiġi affettwat b’mod sinifikanti mil-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 24(3) sa (7) tar-Regolament [Nru 1307/2013]. Peress li ċerti oqsma mhumiex soġġetti għall-obbligi ta’ approċċ aktar ekoloġiku jew jinvolvu biss spejjeż limitati ta’ konformità mal-approċċ ekoloġiku, l-Istati Membri għandhom jitħallew ukoll jiddeċiedu li ma jinkludux dawn l-oqsma meta jiddeċiedu dwar il-każijiet ta’ tbatija.”

10      L-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament ta’ Delega, bit-titolu “Stabbiliment tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali skont l-Artikolu 30(6) tar-Regolament [Nru 1307/2013]”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Għall-finijiet tal-Artikolu 30(6) tar-Regolament [Nru 1307/2013], meta bidwi żagħżugħ jew bidwi li jibda l-attività agrikola tiegħu japplika għal drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali filwaqt li ma jkollu fil-pussess tiegħu l-ebda dritt għall-pagament (bi sjieda jew kirja), għandu jirċievi għadd ta’ drittijiet għall-pagament li jkunu daqs l-għadd ta’ ettari eliġibbli li jkollu fil-pussess tiegħu (bi sjieda jew kirja) fl-aħħar data għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għall-allokazzjoni jew żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament iffissati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament [Nru 1306/2013].

2.      Meta bidwi żagħżugħ jew bidwi li jibdabl-attività agrikola tiegħu japplika għal drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali filwaqt li diġà jkollu fil-pussess tiegħu drittijiet għall-pagament (bi sjieda jew kirja), għandu jirċievi għadd ta’ drittijiet għall-pagament li jkunu daqs l-għadd ta’ ettari eliġibbli li jkollu fil-pussess tiegħu (bi sjieda jew kirja) fl-aħħar data għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu msemmija fil-paragrafu 1 li għalih[om] ma jkollu l-ebda dritt għall-pagament (bi sjieda jew kirja).”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      FD hija “bidwija żagħżugħa”, fis-sens tal-Artikolu 30(11)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament. Fuq talba tagħha, l-Uffiċċju taha, skont l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, għas-sena tat-talba 2015 u fid-dawl tal-ettari eliġibbli li hija kellha fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tagħha, 32.17 dritt għall-pagament mil-limitu massimu reġjonali.

12      Fit-12 ta’ Mejju 2016, hija talbet l-allokazzjoni ta’ 30.32 dritt għall-pagament ġdid, għas-sena tat-talba 2016, bħala bidwija żagħżugħa, minħabba li ż-żona tal-azjenda agrikola tagħha issa kienet ta’ 62.777 ettaru. L-Uffiċċju ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2017.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2017, l-Uffiċċju ċaħad l-ilment li FD kienet ressqet kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2017. Din l-awtorità qieset li ma setgħetx tagħtiha drittijiet ġodda għall-pagament skont l-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, minkejja l-istatus tagħha ta’ bidwija żagħżugħa, minħabba l-fatt li hija kienet diġà bbenefikat minn allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament għas-sena tat-talba 2015.

14      Fit-22 ta’ Diċembru 2017, FD adixxiet lill-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgericht Schwerin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schwerin, il-Ġermanja), b’talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tas‑26 ta’ Jannar u tal-24 ta’ Novembru 2017. Hija tqis li tista’ titlob l-allokazzjoni ta’ 30.32 dritt għall-pagament abbażi tal-Artikolu 30(4) u (6) tar-Regolament Nru 1307/2013 jew, fi kwalunkwe każ, tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014. Skont FD, fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex li l-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprekludi lill-benefiċjarju tagħhom milli jkun jista’ jitlob id-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014.

15      Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju jsostni li r-rikors ta’ FD għandu jiġi miċħud, minħabba li din tal-aħħar tistabbilixxi distinzjoni żbaljata bejn ir-riżerva nazzjonali u l-limitu massimu reġjonali li minnu hija bbenefikat, għas-sena tat-talba 2015, minn drittijiet għall-pagament. Fil-fatt, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna diretta jirriżulta li kemm ir-riżerva nazzjonali kif ukoll il-limitu massimu reġjonali jifformaw parti mil-limitu massimu nazzjonali stabbilit għall-iskema ta’ pagament bażiku msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1307/2013.

16      Għaldaqstant, skont l-Uffiċċju, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1307/2013 huwa intiż sabiex jippermetti lil bdiewa li, wara li jkunu bdew l-ażjenda tagħhom matul is-sena, ma jkunux issodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament matul is-sena 2015, li xorta jkollhom il-possibbiltà li jingħataw drittijiet għall-pagament. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-bdiewa li jkunu diġà bbenefikaw minn drittijiet għall-pagament mil-limitu massimu reġjonali, peress li dawn ikunu diġà kisbu l-ewwel allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament.

17      Barra minn hekk, l-Uffiċċju jsostni li mill-premessa 29 tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 jirriżulta li l-Artikolu 28(2) ta’ dan tal-aħħar ma huwa l-bażi ta’ ebda dritt għall-pagament, iżda sempliċement jiddetermina l-metodu ta’ kalkolu tan-numru kif ukoll tal-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jingħataw b’mod obbligatorju u fakultattiv mir-riżerva nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 35(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013, li jawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tadotta atti ta’ delega, ma jippermettilhiex tiddetermina bażi għad-dritt għall-pagament skont dan ir-regolament.

18      Il-Qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-fatt li l-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistax jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi, fih innifsu, bażi legali għad-dritt għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament favur bdiewa żgħażagħ. Hija tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà tar-rikonoxximent ta’ dritt għal bidwi żagħżugħ li jingħata drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-regolament mal-obbligu li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa, stabbilit fl-Artikolu 30(4) tal-imsemmi regolament.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Schwerin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schwerin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 30(6) tar-Regolament [1307/2013] — fejn applikabbli moqri flimkien mal-Artikolu 28(2) tar-[Regolament ta’ Delega Nru 639/2014] — jistabbilixxi dritt għal bidwi żagħugħ sabiex jingħata drittijiet għall-pagament għas-sena [tat-talba] 2016, anki jekk dan ikun diġà bbenefika mingħajr ħlas minn drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 24 tar-[Regolament Nru 1307/2013] mil-limitu massimu nazzjonali għas-sena [tat-talba] 2015 skont id-daqs taż-żona allokata lilu dak iż-żmien?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien, fejn applikabbli, mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, għandux jiġi interpretat fis-sens li bidwi żagħżugħ, fis-sens tal-Artikolu 30(11)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament, li jkun diġà bbenefika, taħt l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, minn l-ewwel allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fl-ammont tal-ettari eliġibbli li huwa jkun iddikjara fil-mument tat-talba tiegħu, huwa intitolat jirċievi, sussegwentement, allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali u ugwali għan-numru addizzjonali ta’ ettari eliġibbli li huwa jkollu f’dak il-mument u li għalihom ma jkollu ebda dritt għall-pagament.

21      Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament bażiku, huwa l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1307/2013 li jirregola, bħala regola ġenerali, il-modalitajiet tal-ewwel allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament għall-bdiewa li għandhom id-dritt jingħataw pagamenti diretti.

22      Barra minn hekk, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li joħolqu riżerva nazzjonali billi tiġi applikata perċentwali ta’ tnaqqis lineari fil-limitu massimu tal-iskema ta’ pagament bażiku fil-livell nazzjonali. Konformement mal-Artikolu 30(4) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri għandhom jallokaw mir-riżervi nazzjonali tagħhom, drittijiet għall-pagament skont kriterji oġġettivi, filwaqt li jiżguraw l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa u li tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tas-suq u tal-kompetizzjoni.

23      L-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, min-naħa tiegħu, li “[l]-L-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżervi nazzjonali […] biex jallokaw drittijiet għall-pagament, bħala kwistjoni ta’ prijorità, lil bdiewa żgħażagħ u lil bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom”. L-Artikolu 30(7) tal-imsemmi regolament jipprevedi sensiela ta’ użu sussidjarju li għalih l-Istati Membri “jistgħu” jużaw ir-riżerva nazzjonali tagħhom.

24      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 30(11)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013 jiddefinixxi lill-bidwi żagħżugħ bħala “bdiewa li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 50(2) u, fejn rilevanti, il-kundizzjonijiet msemmijin fl-Artikolu 50(3) u (11)” ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tiegħu, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 30(11)(a) tal-imsemmi regolament, ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

25      Fil-fatt, il-kawża prinċipali tikkonċerna l-allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament bażiku mir-riżerva nazzjonali jew mir-riżervi reġjonali, liema allokazzjoni hija rregolata mill-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013.

26      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju joriġinaw b’mod partikolari mill-fatt li l-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li “d-drittijiet għall-pagament għandhom jiġu allokati lill-bdiewa”, jistabbilixxi, b’mod iktar ċar il-bażi ta’ dritt għal allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament milli l-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-regolament.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Baumgartner, C‑513/17, EU:C:2018:772, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandu jiġi rrilevat li l-użu tal-preżent indikattiv f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni jargumenta favur interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li tgħid li l-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżerva nazzjonali tagħhom jew ir-riżervi reġjonali tagħhom sabiex jallokaw drittijiet għall-pagament lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa li jibdew jeżerċitaw attività agrikola. Għaldaqstant, tali obbligu fuq l-Istati Membri jimplika l-eżistenza ta’ dritt għall-bdiewa kkonċernati.

29      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-użu, fl-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, tal-kelmiet “bħala kwistjoni ta’ prijorità” jirreferi għall-interrelazzjoni bejn il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 30. Għaldaqstant, huwa biss jekk jibqa biżżejjed fondi fir-riżerva nazzjonali jew reġjonali wara allokazzjoni prioritarja lill-bdiewa żagħżagħ, konformement mal-paragrafu 6 tal-imsemmi Artikolu 30, li l-Istati Membri “jistgħu” jallokaw il-fondi għal finijiet sussidjarji, bħal dawk imsemmija fil-pargrafu 7 tiegħu.

30      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li l-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-regolament jipprevedi qafas vinkolanti għall-Istati Membri fl-allokazzjoni, bħala kwistjoni ta’ prijorità, lill-bdiewa żgħażagħ tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew mir-riżervi reġjonali.

31      Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, li jikkompleta l-qafas stabbilit mir-regolament għal dak li jikkonċerna, fost oħrajn, l-iskema ta’ pagament bażiku. Dan ir-regolament ta’ delega ġie adottat mill-Kummissjoni fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 35(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013, li jawtorizza lil din l-istituzzjoni tadotta atti ta’ delega fir-rigward tar-regoli dwar l-istabbiliment u l-kalkolu tal-valur u tan-numru ta’ drittijiet għall-pagament irċevuti mir-riżerva nazzjonali jew mir-riżervi reġjonali.

32      Il-premessa 29 tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 tfakkar li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprevedi l-każijiet ta’ allokazzjoni obbligatorja u fakultattiva tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali. L-imsemmija premessa tgħid ukoll li huwa xieraq għar-regolament ta’ delega li jiddefinixxi r-regoli intiżi għall-kalkolu tan-numru u tal-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati b’dan il-mod, filwaqt li tippreċiża li l-prioritajiet stabbiliti fl-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma humiex imxejjna mid-deċiżjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jieħdu skont il-paragrafi 7 u 10 ta’ dan l-artikolu.

33      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 jipprevedi li, meta, bħal fil-każ ineżami, bidwi żagħżugħ japplika għal drittijiet għall-pagament ġodda mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali minkejja li huwa jkollu diġà drittijiet għall-pagament, “għandu jirċievi għadd ta’ drittijiet għall-pagament li jkunu daqs l-għadd ta’ ettari eliġibbli li jkollu […] li għalih[om] ma jkollu l-ebda dritt għall-pagament”.

34      Minn dan jirriżulta li, meta bidwi żagħżugħ ikollu diġà drittijiet għall-pagament, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jalloka, b’applikazzjoni tal-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, drittijiet għall-pagament addizzjonali lil dan il-bidwi żagħżugħ konformement mal-metodu deskritt fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014.

35      Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex bażi, fiha nnifisha, tal-allokazzjoni ta’ dritt għall-pagament skont ir-riżerva nazzjonali, peress li l-Artikolu 28 tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 għandu bħala għan uniku li jimplementa r-regoli dwar l-istabbiliment u l-kalkolu tan-numru ta’ drittijiet għall-pagament irċevuti mir-riżerva nazzjonali jew mir-riżervi reġjonali skont l-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013.

36      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ewwel allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1307/2013 ma teskludix l-allokazzjoni ta’ tali drittijiet mir-riżerva nazzjonali abbażi tal-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-regolament.

37      Fil-fatt, l-unika kundizzjoni prevista fl-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn allokazzjoni prijoritarja tad-drittijiet għall-pagament hija dik li wieħed ikun bidwi żagħżugħ jew bidwi li jibda jeżerċita attività agrikola.

38      F’dan ir-rigward, huwa mfakkar fil-premessa 32 tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 li “L-Artikolu 24(3) sa (7) tar-[Regolament Nru 1307/2013] jipprovdi lill-Istati Membri b’għadd ta’ possibbiltajiet biex jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati lill-bdiewa”. Issa, l-esklużjoni tal-allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali wara l-ewwel allokazzjoni ma tinsabx fost dawn il-limitazzjonijiet.

39      Minn dan isegwi li la mir-Regolament Nru 1307/2013 u lanqas mir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jeskludi allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali abbażi tal-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-regolament wara l-ewwel allokazzjoni ta’ tali drittijiet skont l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament.

40      L-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat fis-sens li bidwi żagħżugħ li jkollu diġà drittijiet għall-pagament relatati ma’ ettari eliġibbli li huwa għandu, u li japplika għal allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali, huwa intitolat jirċievi allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament bażiku ugwali “daqs l-għadd ta’ ettari eliġibbli li jkollu […] li għalih[om] ma jkollu l-ebda dritt għall-pagament”.

41      Tali interpretazzjoni hija konformi, fit-tielet lok, mal-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni, msemmi fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 1307/2013, li tipprovdi li “riżervi nazzjonali jew reġjonali għandhom jintużaw, bħala kwistjoni ta’ prijorità, biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ bdiewa żgħażagħ u bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom fl-iskema u għandhom jitħallew jintużaw biex jitqiesu ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi oħra”.

42      Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, għas-snin tat-talba sussegwenti għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, l-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali hija suġġetta, konformement mal-Artikolu 31(1)(g) tar-Regolament Nru 1307/2013, għad-disponibbiltà ta’ fondi fir-riżerva nazzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 31(1)(g) tar-Regolament Nru 1307/2013 jħalli għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri l-għażla li jżidu r-riżerva nazzjonali, sabiex ikopru l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-rgolament.

43      Jekk il-fondi disponibbli fir-riżerva nazzjonali ma jkunux suffiċjenti sabiex jissodisfaw id-drittijiet kollha tal-bdiewa żgħażagħ nazzjonali, l-allokazzjoni għandha ssir billi tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa eliġibbli għad-drittijiet skont l-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, u li tiġi evitata kull distorsjoni tas-suq u ta’ kompetizzjoni, skont l-Artikolu 30(4) ta’ dan ir-regolament.

44      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li bidwi żagħżugħ, fis-sens tal-Artikolu 30(11)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament, li jkun diġà bbenefika, skont l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, minn l-ewwel allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fl-ammont tal-ettari eliġibbli, li huwa jkun iddikjara, fil-mument tal-applikazzjoni tiegħu, huwa intitolat jirċievi, sussegwentement, allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali u ugwali għan-numru addizzjonali tal-ettari eliġibbli li huwa jkollu f’dak il-mument u li għalihom huwa ma jkollu ebda dritt għall-pagament. Dan id-dritt huwa suġġett għall-eżistenza ta’ fondi disponibbli b’mod suffiċjenti fir-riżervi nazzjonali jew reġjonali. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-allokazzjoni għandha ssir billi tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa eliġibbli għad-drittijiet skont l-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, u li tiġi evitata kull distorsjoni tas-suq u tal-kompetizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 30(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament Nru 1307/2013 u li jemenda l-Anness X tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li bidwi żagħżugħ, fis-sens tal-Artikolu 30(11)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament, li jkun diġà bbenefika, taħt l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, minn l-ewwel allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fl-ammont tal-ettari eliġibbli, li huwa jkun iddikjara fil-mument tal-applikazzjoni tiegħu, huwa intitolat jirċievi, sussegwentement, allokazzjoni supplimentari ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali u ugwali għan-numru addizzjonali tal-ettari eliġibbli li huwa jkollu f’dak il-mument u li għalihom huwa ma jkollu ebda dritt għall-pagament. Dan id-dritt huwa suġġett għall-eżistenza ta’ fondi disponibbli b’mod suffiċjenti fir-riżervi nazzjonali jew reġjonali. Jekk dan ma jkunx il-każ l-allokazzjoni għandha ssir billi tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa eliġibbli għad-drittijiet skont l-Artikolu 30(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, u li tiġi evitata kull distorsjoni tas-suq u tal-kompetizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.