Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2021 – Ir-Repubblika tal-Latvja vs Ir-Renju tal-Isvezja

(Kawża C-822/21)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Latvja (rappreżentanti: K. Pommere, J. Davidoviča u I. Romanovska)

Konvenut: Ir-Renju tal-Isvezja

Talbiet

Ir-Repubblika tal-Latvja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt:

l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti 1 , sa fejn, billi rrifjuta li jittrasferixxi għall-FGD (il-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti) tal-Latvja l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank AB ikkalkolati għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni konformement mal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE, ir-Renju tal-Isvezja aġixxa b’mod kuntrarju għall-għan tad-Direttiva 2019/49/UE u ma żgurax l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva;

l-Artikolu 4(3) TUE, sa fejn, billi rrifjuta li jittrasferixxi għall-FGD tal-Latvja l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank AB ikkalkolati għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni konformement mal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE, ir-Renju tal-Isvezja jaffettwa negattivament l-integrazzjoni tas-suq uniku u jippreġudika għalhekk il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li hija prerekwiżit għall-integrazzjoni transkonfinali.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE u taħt l-Artikolu 4(3) TUE:

timponi fuq ir-Renju tal-Isvezja l-obbligu li jirrimedja l-ksur billi jittrasferixxi għall-FGD tal-Latvja l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank AB ikkalkolati għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2019/49/UE;

fil-każ li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE jista’ jiġi interpretat b’mod strett, tiddikjara l-kompatibbiltà tiegħu mal-għan tad-Direttiva 2014/49/UE u l-obbligu tal-FDG tal-Isvezja li jittrasferixxi għall-FGD tal-Latvja l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank AB;

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE u tat-Trattat UE (prinċipju ta’ kooperazzjoni leali).

Billi rrifjuta li jittrasferixxi għall-FGD tal-Latvja l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank AB ikkalkolati għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE, ir-Renju tal-Isvezja aġixxa b’mod kuntrarju għall-għanijiet tad-Direttiva 2014/49/UE.

Billi rrifjuta li jittrasferixxi għall-FGD tal-Latvja l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank AG ikkalkolati għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE, ir-Renju tal-Isvezja jaffettwa b’mod negattiv l-integrazzjoni tas-suq uniku u jippreġudika għalhekk il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li hija prerekwiżit għall-integrazzjoni transkonfinali. B’dan il-mod, ir-Renju tal-Isvezja jikser l-Artikolu 4(3) TUE.

Ir-Repubblika tal-Latvja tallega li, billi rrifjuta li jittrasferixxi l-kontribuzzjonijiet imħallsa u billi jibbaża formalment ir-rifjut tiegħu fuq id-data li fiha fil-fatt tħallsu l-kontribuzzjonijiet, ir-Renju tal-Isvezja kiser id-Direttiva 2014/49/UE, ksur li jimmina l-ilħiq tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea u jċaħħad lil-Latvja mid-dritt li tirċievi l-kontribuzzjonijiet li jikkumpensawha għar-riskju assoċjat mad-depożiti ggarantiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ttrasferiti taħt ir-responsabbiltà tagħha, bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u tal-għanijiet tad-Direttiva 2014/49/UE.

____________

1 ĠU 2014, L 173, p. 149, u rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47, u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37.