Language of document : ECLI:EU:T:2010:244

Kawża T-549/08

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FSE — Sospensjoni ta’ għajnuna finanzjarja — Ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi relatati mas-suq tax-xogħol — Nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni jew ta’ kontroll li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi — Artikolu 39(2)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 — Aspettattivi leġittimi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Koeżjoni ekonomika u soċjali — Interventi strutturali — Finanzjament Komunitarju — Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll

(Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, Artikoli 38(1) u 39(2)(ċ) u (3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 438/2001, Artikoli 3(a), 7 u 9(4))

2.      Koeżjoni ekonomika u soċjali — Interventi strutturali — Finanzjament Komunitarju — Deċiżjoni li tiġi sospiża l-għajnuna mogħtija inizjalment

(Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999)

1.      Ir-regola li tgħid li biss l-infiq li sar mill-awtoritajiet nazzjonali skont ir-regoli Komunitarji huwa kopert mill-baġit tapplika wkoll fil-każ li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

Għaldaqstant, skont ir-rekwiżit ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba li huwa l-bażi tal-implementazzjoni tal-fondi strutturali u meta jiġu kkunsidrati r-responsabbiltajiet mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali f’din l-implementazzjoni, l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll, previst fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali u li l-modalitajiet tiegħu huma ppreċiżati fl-Artikoli 2 sa 8 tar-Regolament Nru 438/2001, huwa ta’ natura essenzjali. Skont l-Artikolu 39(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999, il-Kummissjoni tissospendi l-ħlasijiet provviżorji jekk, wara li twettaq il-verifiki neċessarji, tikkonkludi li jeżistu nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni jew ta’ kontroll li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi.

F’dan ir-rigward, billi l-awtorità amministrattiva u l-awtorità ta’ ħlas għandhom, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għajnuna ffinanzjata mill-FSE, jeżerċitaw kontrolli ta’ natura differenti fi stadji distinti, l-eżerċizzju konkomitanti tal-funzjonijiet mogħtija lil dawn l-awtoritajiet jippreżenta riskju mhux negliġibbli ta’ koordinazzjoni, jew saħansitra ta’ fużjoni, bejn l-imsemmija kontrolli u, għaldaqstant, huwa ta’ natura li joħloq dubji dwar l-affidabbiltà tal-imsemmija kontrolli. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 438/2001 ma jipprekludix li l-awtorità amministrattiva u l-awtorità ta’ ħlas jappartjenu għall-istess korp, għandha xorta waħda teżisti allokazzjoni ċara u separazzjoni adegwata tal-funzjonijiet ġewwa l-organizzazzjoni kkonċernata, kif previst fl-Artikolu 3(a) tal-imsemmi regolament.

Barra minn hekk, kemm fl-istadju tal-verifiki tal-ewwel livell imwettqa mill-awtorità amministrattiva kif ukoll f’dak taċ-ċertifikazzjoni mwettqa mill-awtorità ta’ ħlas, li jikkostitwixxu garanziji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw ex ante u b’mod eżawrjenti kemm ir-realtà kif ukoll il-konformità tal-infiq previst. Ma huwiex biżżejjed li l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu verifiki ex post segwiti, skont il-każ, b’korrezzjonijiet finanzjarji.

Għal dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tas-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 438/2001, is-sempliċi rinviju tal-formoli ta’ applikazzjoni relatati ma’ intervent fil-kuntest ta’ programm iffinanzjat mill-FSE ma jistax waħdu jipprovdi l-indikazzjonijiet kollha preċiżi rikjesti mill-Artikolu 7(2) u (3) tal-imsemmi regolament.

Il-Kummissjoni tista’ għalhekk tikkonkludi li hemm nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ kontroll u l-amministrazzjoni li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi u, għaldaqstant, tissospendi l-ħlasijiet provviżorji għall-għajnuna inkwistjoni, meta hija tikkonstata, fil-kuntest ta’ programm iffinanzjat mill-FSE, l-eżerċizzju konġunt tal-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni u ta’ ħlas, in-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-verifiki tal-ewwel livell kif ukoll, għal dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tas-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet, in-nuqqas li jkun hemm u li jinżammu, fil-livell adattat ta’ amministrazzjoni, l-indikazzjonijiet preċiżi kollha rikjesti mill-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament Nru 438/2001.

(ara l-punti 45-47, 52, 54, 57-61)

2.      Il-ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat minn persuna li hija ħatja ta’ ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat fl-oppożizzjoni tas-sospensjoni ta’ għajnuna Komunitarja meta l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-imsemmija għajnuna ma ġewx sodisfatti manifestament. Fil-każ ta’ nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi, tali irregolaritajiet għandhom, bħal fil-każ tal-ksur manifest tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li abbażi tiegħu titfassal deċiżjoni ta’ għoti ta’ għajnuna Komunitarja jew bħal fil-każ tad-dispożizzjonijiet f’deċiżjoni ta’ għoti, jiġu kkwalifikati bħala ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

L-eżistenza eventwali ta’ irregolaritajiet li ma kinux segwiti jew identifikati preċedentement fl-ebda każ ma tista’ tifforma l-bażi ta’ aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, xejn ma jwaqqaf lill-Kummissjoni, wara li tidentifika nuqqasijiet waqt kontroll speċifiku, milli tasal għal konsegwenzi finanzjarji. L-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli qabel kollox għall-kontroll finanzjarju tal-għajnuna, ma jistgħux jeżentaw lilhom infushom mir-responsabbiltà tagħhom billi jinvokaw il-fatt li l-Kummissjoni ma kkonstatat ebda irregolarità f’kontroll preċedenti. Fil-fatt, u f’kull każ, hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat waqt is-seduta, rapporti ta’ verifika redatti mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ operazzjonijiet iffinanzjati minn fondi strutturali ma humiex, bħala prinċipju, ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi, fis-sens tal-ġurisprudenza għal dak li jirrigwarda l-konformità tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Tali rapporti huma stabbiliti ġeneralment permezz ta’ kampjuni, abbażi ta’ elementi rappreżentattivi, u mhux eżawrjenti, relatati mal-għajnuna, u huma limitati li jiddeskrivu s-sitwazzjoni osservata fid-data meta seħħet il-verifika. Barra minn hekk, dawn ir-rapporti jirriflettu biss l-opinjoni professjonali ta’ aġenti responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ kontroll fuq il-post u mhux dik tal-Kummissjoni, li tesprimi ruħha sussegwentement wara proċedura kontradittorja li tinvolvi mill-viċin lill-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punti 73-77, 79)