Language of document : ECLI:EU:T:2010:244

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

18 ta’ Ġunju 2010 (*)

“FSE – Sospensjoni ta’ għajnuna finanzjarja – Ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi relatati mas-suq tax-xogħol – Nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni jew ta’ kontroll li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi – Artikolu 39(2)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑549/08,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn M. Fisch, bħala aġent, assistita minn P. Kinsch, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė u B. Conte, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni C (2008) 5383 tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar is-sospensjoni ta’ ħlasijiet provviżorji tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) lid-dokument uniku ta’ pprogrammar għall-għajnuna strutturali Komunitarja li taqa’ taħt l-objettiv Nru 3 fil-Lussemburgu, u tad-Deċiżjoni C (2008) 5730 tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Ottubru 2008, dwar is-sospensjoni ta’ ħlasijiet provviżorji tal-programm ta’ inizjattiva Komunitarja tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi relatati mas-suq tax-xogħol (EQUAL) fil-Lussemburgu,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 147 KE jagħti lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-amministrazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) stabbilit permezz tal-Artikolu 146 KE. Il-FSE huwa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 159 KE, wieħed mill-Fondi Strutturali.

2        Il-kuntest ġuridiku li jirregola l-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-għanijiet, l-organizzazzjoni, il-ħidma u l-implementazzjoni tal-għajnuna kif ukoll ir-rwol u l-kompetenzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri f’dan il-qasam, huwa stabbilit essenzjalment, għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ pprogrammar 2000-2006, rilevanti għall-kawża inkwistjoni, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).

3        Skont l-Artikolu 9(n) tal-imsemmi regolament, “awtorità amministrattiva” tfisser kull awtorità jew korp pubbliku jew privat fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali nominat mill-Istat Membru, jew l-Istat Membru meta huwa stess jeżerċita din il-funzjoni, sabiex jamministra l-għajnuna għall-finijiet ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 9(o) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi “awtorità li tħallas [ta’ ħlas]” bħala “awtorità waħda jew iktar nazzjonali, reġjonali jew lokali jew korpi nominati mill-Istati Membri bl-iskop li jfasslu u jissottomettu applikazzjonijiet għall-ħlas u jirċievu l-ħlasijiet mill-Kummissjoni”.

4        L-Artikolu 34(1)(f) tar-Regolament Nru 1260/1999 jipprovdi b’mod partikolari li l-awtorità amministrattiva għandha tiżgura l-korrettezza tal-operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-għajnuna, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni ta’ kontrolli interni konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba.

5        L-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1260/1999 jipprovdi li:

“1.       Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna. Għal dak l-iskop, il-miżuri li jieħdu għandhom:

a)       jivverifikaw li l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-kontroll ikunu ġew stabbiliti u qegħdin jiġu implimentati b’tali mod li jiżguraw li l-fondi Komunitarji qegħdin jintużaw b’effiċjenza u korrettezza;

b)       jagħtu lill-Kummissjoni deskrizzjoni ta’ dawn l-arranġamenti;

ċ)       jiżguraw li l-għajnuna tiġi amministrata skond ir-regoli Komunitarji kollha applikabbli u li l-fondi li jkunu tpoġġew għad-disposizzjponi tagħhom jintużaw skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja serja;

d)       jiċċertifikaw li d-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispiża [nfiq] preżentati lill-Kummissjoni jkunu eżatti u jiżguraw li jkunu jirriżultaw minn sistemi ta’ kontabilità ibbażati fuq dokumenti appoġġanti li huma verifikabbli[;]

e)       jipprevjenu, jiskopru u jikkoreġu irregolaritajiet, jgħarrfuhom lill-Kummissjoni, skond ir-regoli, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċeduri amministtrattivi u legali;

f)       jippresentaw lill-Kummissjoni, meta kull assistenza tiġi terminata, dikjarazzjoni mfassla minn persuna jew dipartiment li għandu funzjoni indipendenti mill-awtorità amministrattiva nominata Din id-dikjarazzjoni għandha tagħti fil-qosor il-konklużjonijiet tal-kontroll imwettaq fis-snin ta’ qabel u għandha tiżen il-validità ta’ l-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ finali u l-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet koperti miċ-ċertifikat finali ta’ l-ispiża. L-Istati Membri jistgħu jehmżu l-opinjoni tagħhom ma’ dan iċ-ċertifikat jekk iqisu li dan ikun meħtieġ;

g)       jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-Fondi Komunitarji jintużaw skond il-prinnċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja serja;

h)       jirkupraw kull ammont mitluf minħabba irregolarità li tkun instabet u, fejn hu xieraq, jimponu l-imgħax fuq ħlasijiet tardivi.

2.       Il-Kummissjoni fir-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tiżgura li l-Istati Membri jkollhom sistemi ta’ amministrazzjoni u kontroll li jaħdmu sewwa biex il-fondi Komunitarji jintużaw b’effiċjenza u b’korrettezza.

Għal dan il-għan, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli imwettqa mill-Istati Membri skond il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-disposizzjonijet amministrattivi, l-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu, skond l-arranġamenti miftiehma ma’ l-Istat Membru fil-parametri tal-kooperazzjoni mfissra fil-paragrafu 3, jagħmlu kontrolli fuq il-post, inkluż kontrolli f’forma ta’ kampjuni, ta’ l-operazzjonijet finanzjati mill-Fondi u tas-sistemi ta’ l-amministrazzjoni u tal-kontroll b’avviż ta’ mhux anqas minn ġurnata utli waħda. Il-Kummissjoni għandha tagħti avviż lill-Istat Membru konċernat bil-objettiv li tikseb l-għajnuna kollha meħtieġa. L-uffiċjali jew l-impjegati ta’ l-Istat Membru konċernat jistgħu jieħdu sehem f’dawn il-kontrolli.

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru konċernat sabiex jagħmel kontroll fuq il-post sabiex jikkontrolla l-korrettezza ta’ transazzjoni waħda jew iżjed. L-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’dawn il-kontrolli.

3.       Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom fuq il-bażi ta’ l-arranġamenti amministrattivi bilaterali jikkooperaw sabiex jikkoordinaw il-pjanijiet, il-metodi u l-implimentazzjoni tal-kontrolli sabiex ikabbru l-utilità ta’ dawk imwettqa. Huma għandhom immedjatament ipartu r-riżultati tal-kontrolli mwettqa.

Ta’ mill-inqas darba fis-sena u, fi kwalunkwe każ, qabel ir-reviżjoni annwali provduta minn Artikolu 34(2), għandu jiġi eżaminat u evalwat dan li ġej:

a)       ir-riżultati tal-kontrolli li jkun saru mill-Istat Membru u mill-Kummissjoni;

b)       kull kummenti li jkunu saru minn korpi jew istituzzjonijiet ta’ kontroll oħra nazzjonali jew Komunitarji;

ċ)       l-impatt finanzjarju ta’ l-irregolaritajiet li jkunu ġew osservati, il-passi li jkunu ttieħdu jew li jkunu għadhom meħtieġa biex jiġu koreġuti u, fejn ikun meħtieġ, aġġustamenti fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u kontroll.

4.       Wara dawn l-eżaminazzjoni u evalwazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-miżuri li għandhom jittieħdu immedjatament mill-Istat Membru skond dan l-Artikolu u Artikolu 39, il-Kummissjoni tista’ tagħmel osservazzjonijet, b’mod partikolari dwar l-impatt finanzjarju ta’ xi irregolaritajiet li jkunu nstabu. Dawn l-osservazzjonijiet għandhom jiġu ndirizzati lill-Istat Membru u lill-awtorità amministrattiva tal-għajnuna konċernata. Ma l-osservazzjonijiet għandu jkun hemm, fejn ikun meeħtieġ, it-talbiet għal miżuri korrettivi biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet li jkunu nstabu fil-amministrazzjoni u biex jiġu koreġuti dawk l-irregolaritajiet li jkunu nstabu u li jkunu għadhom ma ġewx koreġuti. L-Istat Membru għandu jkollu l-opportunità li jikkummenta dwar dawn l-osservazzjonijet.

Jekk, wara li jkunu saru u anke fin-nuqqas ta’ kummenti mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tadotta l-konklużjonijiet, l-Istat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa fiż-żmien stipulat sabiex jikkonforma mat-talbiet tal-Kummissjoni u jinforma lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet tiegħu.

5.       Mingħajr preġudizzju għal dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, wara l-verifika meħtieġa, tista’ tissospendi l-pagament provisorju jew parti minnu jekk issib li n-nefqa konċernata tkun konnessa ma irregolarità serja li ma ġietx korretta u li tkun meħtieġa azzjoni immedjata. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat dwar l-azzjoni li ttieħdet u r-raġunijiet għaliha.. Jekk, wara ħames xhur, ir-raġunijiet għas-sospensjoni jibqgħu jeżistu jew l-Istat Membru konċernat ma jkunx informa lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex l-irregolarità serja tiġi rimedjata, id-dispożizzjonijiet stabbiliti taħt Artikolu 39 għandhom japplikaw.

6.       Għal perjodu ta’ tliet snin, jekk ma jkunx deċiż mod ieħor fl-arranġamenti amministrattivi bilaterali, wara li l-Kummissjoni tħallas il-bilanċ finali fir-rigward ta’ xi għajnuna, l-awtoritajiet responsabbli għandhom iħallu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti ta’ appoġġ kollha (jew l-oriġinali jew verżjonijiet attestati li jkunu konformi ma’ l-oriġinali permezz ta’ mezzi komunement aċċettati għat-trasmissjoni ta’ informazzjoni) dwar in-nefqa u l-verifika ta’ l-għajnuna konċernata. Dan il-perjodu għandu jiġi interrott jew fil-każ ta’ proċeduri legali jew fuq talba debitament motivata tal-Kummissjoni.”

6        L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji”, jgħid dan li ġej:

“1.       L-Istati Membri għandhom, l-ewwel nett, jerfgħu r-responsabbiltà biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq l-evidenza ta’ xi bidla kbira li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijet għall-implimentazzjoni jew is-superviżjoni ta’ l-għajnuna u biex jagħmlu l-korrezzjonijet finanzjarji meħtieġa.

L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijet finali meħtieġa b’konnessjoni ma’ l-irregolarità individwali jew sistematika. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fil-kanċellament tal-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha. Il-fondi Komunitarji rilaxxati b’dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru għall-għajnuna konċernata, b’konformità ma l-arranġamenti li għandhom jiġu definiti skond Artikolu 53(2).

2.       Jekk, wara li jintemmu l-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li:

[…]

(ċ)       hemm nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ kontroll u l-amministrazzjoni li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi;

il-Kummissjoni għandha tissospendi l-ħlasijiet provisorji in kwestjoni u, waqt li tispjega r-raġunijiet tagħha, titlob lill-Istat Membru jissottometti l-kummenti tiegħu u, fejn ikun approprjat, jagħmel korrezzjonijiet, fi żmien speċifikat.

Jekk l-Istat Membru joġġezzjona għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden għal smigħ mill-Kummissjoni, li fih iż-żewġ naħat f’kooperazzjoni ibbażata fuq is-sħubija jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jirrisultaw minnhom.

3.       Fi tmiem il-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ma jkunx intlaħaq ftehim u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet u waqt li tagħti kas tal-kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur li:

a)       tnaqqas il-ħlas akkont imsemmi f’Artikolu 32(2);

jew

b)       tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni tal-Fondi kollha jew parti minnha lill-għajnuna konċernata.

Il-Kummissjoni għandha meta tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ korrezzjoni tieħu in konsiderazzjoni, b’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, it-tip ta’ irregolarità jew bidla u d-daqs jew l-implikazzjonijet finanzjari tan-nuqqasijiet misjuba fis-sistemi ta’ l-amministrazzjoni jew ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li taġixxi skond (a) jew (b) is-sospensjoni tal-ħlas provisorju għandha tintemm immedjatament.

[…]”

7        Skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni [amministrazzjoni] u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132), is-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-awtoritajiet amministrattivi u ta’ ħlas u ta’ korpi intermedjarji għandhom, suġġett għall-proporzjonalità fir-rigward tal-volum tal-assistenza mogħtija, jipprovdu għal definizzjoni u allokazzjoni ċara u – sa fejn hija neċessarja sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni finanzjarja tajba – separazzjoni adegwata tal-funzjonijiet fi ħdan l-organizzazzjoni kkonċernata.

8        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001 jipprovdi li:

“Sistemi ta’ ġestjoni [amministrazzjoni] u ta’ kontroll għandhom jinkludu proċeduri sabiex tiġi vverifikata l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati u r-realtà ta’ l-infiq mitlub u sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-termini tad-deċiżjoni relevanti tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament […] Nru 1260/1999 u mar-regoli nazzjonali u tal-Komunità applikabbli dwar, b’mod partikolari, l-eliġibbilità ta’ l-infiq għal għajnuna mill-Fondi Strutturali taħt l-assistenza konċernata, l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat (inklużi regoli dwar il-kumulazzjoni ta’ l-għajnuna), protezzjoni ta’ l-ambjent u l-ugwaljanza fl-opportunità.

Il-proċeduri għandhom jeħtieġu r-reġistrazzjoni tal-verifiki ta’ ħidmiet individwali fuq il-post. Ir-records għandhom jiddikjaraw ix-xogħol imwettaq, ir-riżultati tal-verifiki u l-miżuri meħuda fir-rigward tad-diskrepanzi. Fejn xi verifiki fiżiċi jew amministrattivi ma jkunux eżawrenti, iżda jiġu mwettqa fuq kampjun ta’ ħidmiet, ir-records għandhom jidentifikaw il-ħidmiet magħżula u għandhom jiddeskrivu l-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni.”

9        Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 438/2001:

“1.       Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri għandhom jipprovdu sekwenza ta’ transazzjonijiet ade[g]wati.

2.       Sekwenza ta’ transazzjonijiet għandha titqies [a]degwata fejn din tippermetti:

a)       rikonċiljazzjoni ta’ l-ammonti sommarji ċċertifikati lill-Kummissjoni bir-records ta’ infiq individwali u bid-dokumenti ta’ appoġġ miżmuma fil-varji livelli amministrattivi u mill-benefiċċjarji finali nklużi, fejn dawn ta’ l-aħħar mhumiex ir-reċipjenti finali tal-fondi, il-korpi jew ditti li jwettqu l-ħidmiet; u

b)       verifikazzjoni ta’ l-allokazzjoni u tat-trasferimenti tal-fondi tal-Komunità u nazzjonali disponibbli.

Deskrizzjoni indikattiva tal-ħtiġiet ta’ l-informazzjoni għal sekwenza ta’ transazzjonijiiet adegwata hija mogħtija fl-Anness I.

[…]”

10      L-Artikolu 9 tal-istess regolament, dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ nfiq, jgħid dan li ġej:

“1.       Iċ-ċertifikati tad-dikjarazzjonjiet ta’ nfiq interim u finali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 32(3) u (4) tar-Regolament […] Nru 1260/1999 għandhom jiġu stabbiliti fil-forma preskritta fl-Anness II minn persuna jew dipartiment fi ħdan l-awtorità ta’ ħlas li hija indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe servizzi ta’ approvazzjoni tat-talbiet.

2.       Qabel ma tiċċertifika dikjarazzjoni partikolari, l-awtorità ta’ ħlas għandha tissodisfa lilha nnifisha li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)       l-awtorità ta’ ġestjoni [amministrattiva] u l-korpi intermedjarji ssodisfaw il-ħtiġiet tar-Regolament […] Nru 1260/1999, b’mod partikolari l-Artikolu 38(1)(ċ) u (e) u l-Artikolu 32(3) u (4), u osservaw it-termini tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament;

b)       id-dikjarazzjoni ta’ nfiq tinkludi l-infiq biss:

i)       li jkun fil-fatt ġie magħmul fi ħdan il-perjodu ta’ eliġibbilità stabbilit fid-deċiżjoni fil-forma ta’ nfiq mill-benefiċċjarji finali, fi ħdan it-tifsira tal-paragrafi 1.2, 1.3 u 2 tar-Regola Nru 1 ta’ l-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000 [tat-28 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eliġibbilità ta’ l-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 122)], li jista’ jiġi sostnut b’fatturi jew b’dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet ta’ valur probatorju ekwivalenti;

ii)       li jkun ġie mġarrab fil-ħidmiet li ġew magħżula għall-fondi taħt l-assistenza partikolari konċernata bi qbil mal-kriterji ta’ għażla u ta’ proċedura tagħha u li jkunu ġew soġġetti għar-regoli tal-Komunità matul il-perjodu kollu li matulu jkun ġie mġarrab l-infiq; u

iii)  minn miżuri li għalihom l-għajnuna kollha ta’ l-Istat ġiet approvata b’mod formali mill-Kummissjoni, fejn relevanti.

3.       Sabiex l-ade[g]watezza tas-sistemi ta’ kontroll [amministrazzjoni] u tas-sekwenza ta’ transazzjonijiet tkun tista’ dejjem tiġi kkunsidrata qabel ma tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ nfiq lill-Kummissjoni, l-awtorità ta’ ġestjoni [amministrattiva] għandha tiżgura li l-awtorità ta’ ħlas tinżamm informata bil-proċeduri mħaddma mill-awtorità ta’ ġestjoni [amministrattiva] u minn korpi intermedji [intermedjarji] sabiex:

a)       tivverifika l-kunsinna tal-prodotti u servizzi ko-iffinanzjati u l-verità ta’ l-infiq mistqarr;

b)       tiżgura l-konformità mar-regoli applikabbli; u

c)       żżomm is-sekwenza tat-transazzjonijiet.

4.       F’każijiet fejn l-awtorità ta’ ġestjoni [amministrattiva] u l-awtorità ta’ ħlas huma jew jappartjenu għall-istess korp, dan il-korp għandu jiżgura li jiġu applikati l-proċeduri li joffru standards ekwivalenti ta’ kontroll għal dawk stipulati fil-paragrafi 2 u 3.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Fit-8 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2000) 1128 li tapprova d-dokument uniku ta’ pprogrammar għall-għajnuna strutturali Komunitarja li taqa’ taħt l-objettiv Nru 3 fil-Lussemburgu (CCI Nru 1999LU053DO001), li pprovdiet għal nefqa totali ta’ EUR 93 578 900 u kofinanzjament Komunitarju ta’ ammont massimu ta’ EUR 39 452 700. Din id-deċiżjoni ġiet emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni C (2007) 4256, tal-10 ta’ Settembru 2007, li bidlet in-nefqa totali għal EUR 83 289 224 u l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FSE għal EUR 35 576 935.

12      Fit-22 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2001) 42 li tapprova l-programm ta’ inizjattiva Komunitarja tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi relatati mas-suq tax-xogħol (EQUAL) fil-Lussemburgu (CCI Nru 2000LU050PC001), li pprovdiet għal nefqa totali ta EUR 8 800 000 u kontribuzzjoni tal-FSE ta’ EUR 4 400 000. Din id-deċiżjoni ġiet emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni C (2007) 3658, tal-24 ta’ Lulju 2007, li bidlet in-nefqa totali għal EUR 8 707 522 u l-kontribuzzjoni tal-FSE għal EUR 4 353 761.

13      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2002, l-awtoritajiet Lussemburgiżi bagħtu, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 438/2001, deskrizzjoni tas-sistemi tagħhom ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll għaż-żewġ għotjiet ta’ għajnuna koperti mid-Deċiżjonijiet C (2000) 1128 u C (2001) 42 (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”).

14      Bejn it-8 u l-10 ta’ Lulju 2002, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, abbażi tad-deskrizzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, missjoni ta’ verifika preventiva fil-kuntest tal-perijodu ta’ pprogrammar 2000-2006 sabiex tiġi evalwata l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll.

15      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport ta’ verifika finali lill-awtoritajiet Lussemburgiżi. F’dan ir-rapport, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonkludew b’mod partikolari, abbażi ta’ dikjarazzjoni teoretika, li s-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll stabbiliti mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu joffru garanziji suffiċjenti ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni eżistenti u ta’ kriterji ġeneralment aċċettati ta’ amministrazzjoni tajba.

16      Fil-kuntest ta’ missjoni ta’ verifika mwettqa fis-7 u fit-8 ta’ Lulju 2003 sabiex jiġi redatt b’mod partikolari r-rendikont tal-proċeduri dwar l-għeluq tal-perijodu ta’ pprogrammar 1994-1999, is-servizzi tal-Kummissjoni eżaminaw ukoll is-sistemi stabbiliti għall-perijodu ta’ pprogrammar 2000-2006.

17      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2003, ir-rapport ta’ verifika dwar din il-missjoni ta’ kontroll intbagħat lill-awtoritajiet Lussemburgiżi. F’dan ir-rapport ta’ verifika, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonstataw li r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta’ verifika preċedenti kienu ġeneralment ġew segwiti.

18      Mill-14 sas-16 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni wettqet verifika li kopriet is-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-programm EQUAL. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2005, hija bagħtet ir-rapport ta’ verifika dwar din il-missjoni. Skont dan ir-rapport ta’ verifika, dawn is-sistemi ssodisfaw il-kriterji leġiżlattivi mingħajr preġudizzju għall-kontrolli msejħa “ta’ 5 %” li kienu għadhom ma twettqux.

19      Bejn il-11 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju 2007, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu diversi missjonijiet sabiex jikkonfermaw, abbażi ta’ kampjuni każwali, il-livell ta’ garanzija tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll stabbiliti fil-kuntest tal-għajnuna inkwistjoni. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2007, ir-rapport ta’ verifika ta’ din il-missjoni ntbagħat lill-awtoritajiet Lussemburgiżi (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ verifika tad-29 ta’ Novembru 2007”). Dan ir-rapport enfasizza nuqqasijiet materjali fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-għajnuna inkwistjoni, għal dak li jirrigwarda s-separazzjoni tal-funzjonijiet li jaqgħu taħt l-awtorità amministrattiva u dawk li jaqgħu taħt l-awtorità ta’ ħlas, l-ewwel verifiki mwettqa mill-awtorità amministrattiva, iċ-ċertifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq mill-awtorità ta’ ħlas u s-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet.

20      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2008, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rapport ta’ verifika tad-29 ta’ Novembru 2007.

21      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Lussemburgiżi li kellhom l-obbligu li jistabbilixxu mill-ġdid l-amministrazzjoni tajba tal-għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-baġit Komunitarju.

22      Fil-laqgħa annwali tad-29 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni avżat lill-awtoritajiet Lussemburgiżi li, f’każ li jonqsu milli jistabbilixxu mill-ġdid l-amministrazzjoni tajba tal-għajnuna inkwistjoni, hija setgħet tadotta deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-ħlasijiet provviżorji.

23      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ser iżżomm il-pożizzjoni tagħha u wieġbet għall-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Lussemburgiżi fl-ittra tagħhom tas-16 ta’ Jannar 2008. Hija indikat li l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ verifika tad-29 ta’ Novembru 2007 ma setgħet “tingħalaq” abbażi tal-elementi ppreżentati. Skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Lussemburgiżi sabiex iressqu, fi żmien xahrejn mid-data meta waslet l-imsemmija ittra, l-osservazzjonijiet tagħhom kif ukoll id-deskrizzjoni tal-miżuri korrettivi meħuda sabiex itejbu l-operat tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll għall-għajnuna inkwistjoni u tal-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji.

24      F’laqgħa tal-20 ta’ Mejju 2008 bejn ir-rappreżentanti tal-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi Lussemburgiż u s-servizzi tal-Kummissjoni, dawn tal-aħħar iddeskrivew b’mod iktar dettaljat ir-raġunijiet insostenn tal-pożizzjoni tagħhom għal dak li jirrigwarda n-nuqqasijiet tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll. L-awtoritajiet Lussemburgiżi indikaw, min-naħa tagħhom, li huma jżommu l-pożizzjoni tagħhom li spjegaw fl-ittra tas-16 ta’ Jannar 2008. F’laqgħa li saret fis‑17 ta’ Ġunju 2008 bejn ir-rappreżentanti tal-awtorità amministrattiva Lussemburgiża u s-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtorità amministrattiva żammet ukoll il-pożizzjoni tagħha.

25      Permezz tad-Deċiżjoni C (2008) 5383, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar is-sospensjoni tal-ħlasijiet provviżorji tal-FSE lid-dokumenti uniku ta’ pprogrammar għall-għajnuna strutturali Komunitarja li taqa’ taħt l-objettiv Nru 3 fil-Lussemburgu u d-Deċiżjoni C (2008) 5730, tas-6 ta’ Ottubru 2008, dwar is-sospensjoni tal-ħlasijiet provviżorji tal-programm EQUAL lil-Lussemburgu (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), il-Kummissjoni ssospendiet il-ħlasijiet provviżorji tal-FSE li jirrigwardaw l-għajnuna inkwistjoni. Hija kkonkludiet li kienu jeżistu nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni jew ta’ kontroll li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi fis-sens tal-Artikolu 39(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999 għal dak li jirrigwarda l-imsemmija għajnuna.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tas-16 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat il-preżenti rikors.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

28      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2010.

29      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara inammissibbli r-rikors sa fejn jikkonċerna d-Deċiżjoni C (2008) 5383;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors;

–        tordna li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

31      Il-Kummissjoni ssostni li l-preżenti rikors huwa tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli sa fejn huwa indirizzat kontra d-Deċiżjoni C (2008) 5383. Fil-fatt, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni tal-miżura lir-rikorrent. Issa, fil-każ inkwistjoni, id-Deċiżjoni C (2008) 5383 waslet lir-Rappreżentanza Permanenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-Unjoni fil-25 ta’ Settembru 2008. Għaldaqstant, il-preżenti rikors ġie ppreżentat wara t-terminu sa fejn jikkonċerna d-Deċiżjoni C (2008) 5383.

32      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma ressaq l-ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward fin-noti tiegħu. Huwa madankollu indika, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li hija ma tikkontestax li d-Deċiżjoni C (2008) 5383 waslet għandu fil-25 ta’ Settembru 2008, u saret nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

33      Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni lir-rikorrent tal-att ikkontestat. Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dan it-terminu għandu jiżdied b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

34      Skont ġurisprudenza kostanti, dan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ ordni pubbliku u ma huwiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, billi ġie stabbilit bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen, C‑246/95, Ġabra p. I‑403, punt 21, u tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T‑121/96 u T‑151/96, Ġabra p. II‑1355, punt 38).

35      Fil-każ inkwistjoni, skont l-Artikolu 101(1)(a) u (b) u l-Artikolu 101(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni C (2008) 5383 beda jiddekorri mis-26 ta’ Settembru 2008, il-ġurnata wara d-data ta’ notifikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

36      Għaldaqstant, it-terminu għall-preżentata tar-rikors kontra din id-deċiżjoni, li kien jinkludi mhux biss it-terminu ta’ xahrejn previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, iżda wkoll it-terminu għal raġuni ta’ distanza previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għalaq fil-5 ta’ Diċembru 2008.

37      Minn dan jirriżulta li, sa fejn jirrigwarda d-Deċiżjoni C (2008) 5383, il-preżenti rikors għal annullament, ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2008, ġie ppreżentat tardivament u għandu, konsegwentement, jiġi ddikjarat inammissibbli. Ir-rikors huwa, min-naħa l-oħra, ammissibbli sa fejn jirrigwarda d-Deċiżjoni C (2008) 5730, billi din tal-aħħar ġiet notifikata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fis-7 ta’ Ottubru 2008.

 Fuq il-mertu

38      Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqajjem, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 39(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999, peress li l-Kummissjoni ssospendiet il-ħlasijiet relatati mal-għajnuna inkwistjoni filwaqt li l-kundizzjonijiet meħtieġa ma kinux sodisfatti.

39      Għal dak li jirrigwarda l-ordni li fih għandhom jiġu eżaminati l-motivi mqajma mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, kwistjoni li fuqha ma hemmx qbil bejn il-partijiet, jidher li jaqbel li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 39(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999 qabel dak ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 39(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999

 L-argumenti tal-partijiet

40      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 39(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999 billi ssospendiet l-għajnuna inkwistjoni għalkemm il-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni ma kinux sodisfatti. Il-konklużjoni li jeżistu nuqqasijiet serji li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi hija manifestament żbaljata. Anki jekk jeżistu xi irregolaritajiet, huma żgħar u mhux sistematiċi.

41      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-awtorità amministrattiva u tal-awtorità ta’ ħlas, la l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 438/2001 u lanqas kull dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament ma jipprekludu li dawn iż-żewġ awtoritajiet jappartjenu lill-istess korp. Din l-ipoteżi hija barra minn hekk prevista fl-Artikolu 9(4) tal-istess regolament u xejn ma jwaqqaf lill-awtorità amministrattiva u lill-awtorità ta’ ħlas milli jwettqu flimkien il-verifiki tagħhom. Billi talbet tali grad ta’ separazzjoni fl-operat, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Fir-replika, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jippreċiża li, għalkemm huwa veru li l-kontrolluri taż-żewġ awtoritajiet jeżerċitaw il-kontroll fl-istess ħin mal-istess benefiċjarju finali, ma jirriżulta ebda riskju ta’ kompliċità bejn il-kontrollur u l-kontroll, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli ta’ etika applikabbli fi ħdan is-servizz pubbliku Lussemburgiż.

42      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-verifiki tal-ewwel livell mill-awtorità amministrattiva u ċ-ċertifikazzjonijiet ta’ nfiq mill-awtorità ta’ ħlas, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li ċ-ċertifikazzjoni ta’ nfiq suċċessiv, jiġifieri l-għażla tal-awtorità amministrattiva nazzjonali li tiddikjara l-infiq li dwaru hemm dubju iżda li l-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ ineligibbiltà ma tkunx għandha ġiet stabbilita fil-mument tad-dikjarazzjoni, hija konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001. Bl-istess mod, il-fatt li jiġi eskluż biss l-element ivvizzjat ta’ nefqa msejħa “parzjalment ineliġibbli” u mhux in-nefqa kollha ma jiksirx din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, hija tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-operat tas-sistemi tagħhom ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll, bil-kundizzjoni li dawn is-sistemi jipprovdu għal proċeduri sabiex tiġi vverifikata l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi kofinanzjati u r-realtà tal-infiq iddikjarat u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ma kienx hemm l-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dokument ta’ ħidma tal-21 ta’ Diċembru 2005 dwar il-prattiki tajbin li jikkonċernaw il-verifiki ta’ amministrazzjoni li għandhom jiġu effettwati mill-Istati Membri fir-rigward tal-proġetti kofinanzjati mill-fondi strutturali u mill-fondi ta’ koeżjoni, invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-interpretazzjoni tagħha, fl-eżekuzzjoni tal-programmi. Ma hemmx dubju li meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontrolli a posteriori effettwati mill-awtoritajiet lussemburgiżi, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ser jiġu protetti.

43      It-tielet nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkunsidra li l-konstatazzjonijiet magħmula fir-rapport ta’ verifika tad-29 ta’ Novembru 2007 dwar is-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet, li huma riprodotti fil-punti 30 sa 32 tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li skonthom il-fajls miżmuma mill-awtorità amministrattiva huma inkompleti u ma jinkludux ċerti elementi essenzjali sabiex tintwera l-eliġibbiltà u r-regolarità tal-infiq, ma humiex eżatti. Dan il-punt tqajjem diġà mill-awtoritajiet Lussemburgiżi fl-osservazzjonijiet tagħhom tas-16 ta’ Jannar 2008, fejn b’mod partikolari ġie enfasizzat li kien definittivament possibbli li tinstab l-informazzjoni kollha dwar il-baġit dettaljat u dwar ir-riżultati li jridu jintlaħqu fil-formola ta’ applikazzjoni għal kull proġett iffinanzjat. Fl-aħħar nett, fil-kontroreplika, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jenfasizza li l-informazzjoni li allegatament hija nieqsa qatt ma ntalbet mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali.

44      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Hija tenfasizza li, kuntrarjament għal dak li jsostni, f’dan il-każ ma humiex inkwistjoni irregolaritajiet żgħar, iżda ċertu numru ta’ nuqqasijiet serji li jeffettwaw l-organizzazzjoni, il-verifiki tal-ewwel livell mill-awtorità amministrattiva, iċ-ċertifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq mill-awtorità ta’ ħlas u s-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet, li jikkostitwixxu elementi prinċipali tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll u li kull wieħed minnhom kien jiġġustifika sospensjoni tal-ħlasijiet provviżorji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

45      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li r-regola li tgħid li biss l-infiq li sar mill-awtoritajiet nazzjonali skont ir-regoli Komunitarji huwa kopert mill-baġit tapplika wkoll fil-każ li tingħata għajnuna finanzjarja mill-FSE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra p. I‑8027, punt 26).

46      Skont l-Artikolu 39(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999, il-Kummissjoni tissospendi l-ħlasijiet provviżorji jekk, wara li twettaq il-verifiki neċessarji, tikkonkludi li jeżistu nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni jew ta’ kontroll li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi. L-Artikolu 39(3) tal-istess regolament jindika li l-Kummissjoni tista’ sussegwentement, skont il-każ, tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni tal-fondi kollha jew parti minnha lill-għajnuna kkonċernata.

47      Skont ir-rekwiżit ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba li huwa l-bażi tal-implementazzjoni tal-fondi strutturali u meta jiġu kkunsidrati r-responsabbiltajiet mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali f’din l-implementazzjoni, l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll, previst fl‑Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 u li l-modalitajiet tiegħu huma ppreċiżati fl-Artikoli 2 sa 8 tar-Regolament Nru 438/2001, huwa ta’ natura essenzjali.

48      F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun li tissospendi l-ħlasijiet provviżorji relatati mal-programm EQUAL lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu meta jittieħdu inkunsiderazzjoni n-nuqqasijiet li hija identifikat u li huma marbuta, l-ewwel nett, mal-organizzazzjoni tal-awtorità amministrattiva u tal-awtorità ta’ ħlas, it-tieni nett, mal-verifiki tal-ewwel livell effettwati mill-awtorità amministrattiva u maċ-ċertifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq mill-awtorità ta’ ħlas, u, it-tielet nett, mas-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet.

49      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-awtorità amministrattiva u tal-awtorità ta’ ħlas, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 3.1.1.5 tar-rapport ta’ verifika tad-29 ta’ Novembru 2007, li “deher li l-persuni responsabbli sabiex jeżegwixxu l-verifiki previsti fl-Artikolu 4 [tar-Regolament Nru 438/2001] u dawk previsti fl-Artikolu 9 [tal-imsemmi regolament] għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni ta’ nfiq jeżerċitaw dawn il-funzjonijiet flimkien”.

50      Il-Kummissjoni ddeduċiet minn din il-konstatazzjoni, fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni C (2008) 5730, li “l-organizzazzjoni tal-awtorità amministrattiva u tal-awtorità ta’ ħlas ma [setgħetx] tiġi kkunsidrata bħala adegwata u ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 438/2001 (definizzjoni u allokazzjoni ċara u separazzjoni adegwata tal-funzjonijiet; garanzija li l-funzjonijiet jiġu mwettqa b’mod sodisfaċenti)”. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni essenzjalment li, kuntrarjament għall-interpretazzjoni mressqa mill-Kummissjoni, l-eżerċizzju konġunt tal-kontrolli tal-awtorità amministrattiva u tal-awtorità ta’ ħlas relatati mal-għajnuna li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni C (2008) 5730 (iktar ’il quddiem l-“għajnuna EQUAL”) effettwati rispettivament mill-awtorità ta’ ħlas u amministrattiva ma jmurx kontra r-Regolament 438/2001.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 438/2001 jipprovdi li “[i]s-sistemi ta’ ġestjoni [amministrazzjoni] u ta’ kontroll ta’ awtoritajiet amministrattivi u ta’ ħlas u korpi intermedji [intermedjarji] għandhom, soġġett għall-proporzjonalità fir-rigward tal-volum ta’ assistenza mogħtija, jipprovdu għal definizzjoni ċara, allokazzjoni ċara u, dak li [sa fejn] jkun hemm bżonn sabiex tiġi żgurata prattika [amministrazzjoni] finanzjarja tajba, separazzjoni [a]degwata tal-funzjonijiet fi ħdan l-organizzazzjoni konċernata”.

52      Għalkemm, kif isostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament ma jipprekludix li l-awtorità amministrattiva u l-awtorità ta’ ħlas jappartjenu għall-istess korp, għandha xorta waħda teżisti “allokazzjoni ċara” u “separazzjoni [a]degwata” tal-funzjonijiet ġewwa l-organizzazzjoni kkonċernata.

53      F’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar mill-motivazzjoni tad-Deċiżjoni C (2008) 5730 fuq dan il-punt li ma hijiex tant il-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet fil-kontrolli effettwati mill-imsemmija awtoritajiet, iżda pjuttost n-nuqqas ta’ affidabbiltà li ġiet enfasizzata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-eżerċizzju konġunt tal-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni u ta’ ħlas toħloq dubju fuq l-imparzjalità tal-aġenti responsabbli għall-kontrolli meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-qrubija u l-“kompliċità” li tali eżerċizzju konġunt jimplika. Jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 17 tad-Deċiżjoni C (2008) 5730 li “il-verifiki previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament 438/2001 u l-kontrolli previsti fl‑Artikolu 9 ta’ dan l-istess regolament ma jistgħux [...] jitwettqu flimkien, minħabba r-riskju ta’ distorsjoni tal-ġudizzju tal-awtorità li għandha tiċċertifika l-applikazzjonijiet ta’ ħlas”.

54      Din il-kunsiderazzjoni għandha tiġi approvata. Fil-fatt, billi l-awtorità amministrattiva u l-awtorità ta’ ħlas għandhom, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għajnuna ffinanzjata mill-FSE, jeżerċitaw kontrolli ta’ natura differenti fi stadji distinti, l-eżerċizzju konkomitanti tal-funzjonijiet mogħtija lil dawn l-awtoritajiet jippreżenta riskju mhux negliġibbli ta’ koordinazzjoni, jew saħansitra ta’ fużjoni, bejn l-imsemmija kontrolli u, għaldaqstant, huwa ta’ natura li joħloq dubji dwar l-affidabbiltà tal-imsemmija kontrolli.

55      Barra minn hekk, u mingħajr ma kien hemm lok li tirreferi għall-indikazzjonijiet li jidhru fid-dokument ta’ ħidma dwar il-prattiki tajbin li japplikaw għall-funzjoni ta’ ċertifikazzjoni tal-awtorità ta’ ħlas ippreżentat mis-servizzi tal-Kummissjoni lill-Istati Membri, iċċitat mill-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha raġun li tikkonkludi li l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet ta’ ħlas u amministrattivi Lussemburgiżi kisru l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 438/2001.

56      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda n-nuqqasijiet fil-verifiki tal-ewwel livell mill-awtorità amministrattiva u fiċ-ċertifikazzjonijiet ta’ nfiq mill-awtorità ta’ ħlas, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni, essenzjalment, li, billi kkritikat is-sistema ta’ verifiki tal-ewwel livell u ta’ ċertifikazzjonijiet relatati mal-għajnuna EQUAL, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ebda nefqa mhux eliġibbli ma ttieħdet effettivament inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kontrolli mwettqa a posteriori u li, definittivament, l-interessi finanzjarji tal-Komunità ġew protetti.

57      Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni osservat fir-rapport ta’ verifika tagħha tad-29 ta’ Novembru 2007 li, għal dak li jirrigwarda ċertu nfiq, mhux biss l-awtorità amministrattiva ma kinitx wettqet jew ma wettqitx b’mod adegwat il-verifiki tal-ewwel livell, bi ksur tal-artikolu 34 tar-Regolament Nru 1260/1999 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001, iżda wkoll li l-awtorità ta’ ħlas ma għamlitx iċ-ċertifikazzjoni tal-infiq skont l-Artikolu 38(1)(d) tar-Regolament Nru 438/2001. Fil-fatt, dawn l-awtoritajiet iddikjaraw, f’ċertu numru ta’ każijiet, infiq li dwaru huma kellhom dubju. B’mod iktar preċiż, l-awtorità amministrattiva wettqet verifiki inkompleti ta’ nfiq iddikjarat. Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet eventwali ta’ irregolaritajiet magħmula fil-kuntest ta’ verifiki tal-ewwel livell ma ttiħdux sistematikament inkunsiderazzjoni mill-awtorità ta’ ħlas fl-istadju taċ-ċertifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq.

58      Tali nuqqasijiet huma serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll u jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi. Fil-fatt, kemm fl-istadju tal-verifiki tal-ewwel livell imwettqa mill-awtorità amministrattiva kif ukoll f’dak taċ-ċertifikazzjoni mwettqa mill-awtorità ta’ ħlas, li jikkostitwixxu garanziji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw ex ante u b’mod eżawrjenti kemm ir-realtà kif ukoll il-konformità tal-infiq previst. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ma huwiex biżżejjed li l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu verifiki ex post segwiti, skont il-każ, b’korrezzjonijiet finanzjarji.

59      It-tielet nett, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi wkoll għal dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tas-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 438/2001. F’dan ir-rigward, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma weriex li s-sempliċi rinviju tal-formoli ta’ applikazzjoni relatati mal-għajnuna EQUAL seta’ waħdu jipprovdi l-indikazzjonijiet preċiżi kollha rikjesti mill-Artikolu 7(2) u (3) tal-imsemmi regolament.

60      Fuq dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li l-Anness I tar-Regolament Nru 438/2001, intitolat “Deskrizzjoni indikattiva tal-ħtiġiet ta’ informazzjoni għal sekwenza tat-transazzjonijiet adegwata”, jagħti indikazzjonijiet preċiżi ħafna għal dak li jirrigwarda l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali. Issa, huwa indikat b’mod ċar li dawn l-awtoritajiet għandhom ikollhom u jżommu, fil-livell adattat ta’ amministrazzjoni, kotba tal-kontijiet kif ukoll l-informazzjoni kollha għal kull operazzjoni kofinanzjata.

61      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Kummissjoni kellha raġun li tikkonkludi li jeżistu nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll, li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi u, għaldaqstant, li tissospendi l-ħlasijiet provviżorji għall-għajnuna EQUAL. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu tal-applikanti u tal-benefiċjarji ta’ għajnuna Komunitarja li jiżguraw li jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni suffiċjentement preċiża, sabiex is-sistema ta’ kontroll u ta’ prova mwaqqfa sabiex tivverifika jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna tkun tista’ taħdem b’mod korrett, hija inerenti fis-sistema ta’ għajnuna tal-FSE u essenzjali għat-tħaddim tajjeb tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ġunju 2007, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, T‑251/05 u T‑425/05, Ġabra p. II‑85, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għaldaqstant, dan il-motiv ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

63      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkunsidra li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li hija kienet espressament ikkonstatat, fir-rapporti ta’ verifika preventivi mibgħuta fit-22 ta’ Awwissu 2002 u fl-4 ta’ Settembru 2003 rispettivament, iżda wkoll f’dak tas-7 ta’ Frar 2005, li s-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll għall-għajnuna inkwistjoni joffru garanziji sodisfaċenti ħafna. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni waslet, fil-missjonijiet ta’ verifika, għal konklużjonijiet dijametrikament opposti minn dawk fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

64      Issa, minn naħa, dawn il-verifiki preventivi tal-2002 u tal-2003 imwettqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, kienu l-uniċi li twettqu matul dak il-perijodu ta’ pprogrammar u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet ikkontestati rriżultaw biss wara verifika mwettqa wara dan il-perijodu, jiġifieri fi żmien meta ma kienx għadu possibbli li jsiru tibdiliet fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll inkwistjoni. F’dan il-każ, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ma kellhom l-ebda raġuni sabiex ma jafdawx fl-evalwazzjoni fl-imsemmija rapporti għal dak li jirrigwarda l-konformità tas-sistemi tagħhom ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll.

65      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jippreċiża li, fil-missjonijiet ta’ verifika preċedenti tagħhom, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu vvalidaw espressament il-metodu ta’ organizzazzjoni tal-awtorità amministrattiva u tal-awtorità ta’ ħlas kif ukoll il-monitoraġġ tas-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet u l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ nfiq suċċessiv ipprattikata mill-awtoritajiet Lussemburgiżi.

66      Għal dak li jirrigwarda d-dokumenti ta’ ħidma dwar il-prattiki tajbin li għalihom tirreferi l-Kummissjoni, b’kull probabbiltà dawn ġew redatti fl-aħħar tas-sena 2005, jiġifieri sewwa wara l-bidu tal-għajnuna li taqa’ taħt il-perijodu ta’ pprogrammar rilevanti.

67      Għal dak li jirrigwarda r-rapport tas-7 ta’ Frar 2005 li ġie wara l-verifika addizzjonali ta’ Ġunju 2004, li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fl-Anness tar-risposta, dan jikkonferma l-fatt li s-servizzi tal-Kummissjoni kienu kollox ma’ kollox sodisfatti bis-sistema ta’ għażla tal-proġetti, bid-dikjarazzjoni ta’ nfiq u bil-kontroll.

68      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkunsidra li, kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni, il-verifiki ta’ Lulju 2002, ta’ Lulju 2003 u ta’ Ġunju 2004 ma kellhomx portata limitata. Jirriżulta minn ħarsa oġġettiva lejn it-tliet rapporti ta’ verifika relatati li huma ġew redatti wara eżami dettaljat sabiex, minn naħa, jiġi ddeterminat jekk il-proċeduri realment stabbiliti kinux jikkorrispondu għal dawk notifikati lill-Kummissjoni u jekk kinux konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli u, min-naħa l-oħra, jiġi vverifikat, permezz ta’ kampjuni minn promoturi speċifiċi, jekk is-sistemi setgħux jiġu vvalidati b’mod konkret. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi allegat fir-rigward tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li l-kampjun ta’ operazzjonijiet ikkontrollati f’dawn il-missjonijiet ta’ verifika kien limitat u, għaldaqstant, mhux rappreżentattiv.

69      Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet perfettament informata u approvat fl-intier tagħhom is-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll Lussemburgiżi.

70      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Hija ssostni, essenzjalment, li r-rapporti ta’ verifika ma humiex ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi u li, f’kull każ, ma ħolqux tali aspettattivi fil-każ inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

71      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġu invokati l-aspettattivi leġittimi jippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra p. II‑2555, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra p. II-319, punt 77).

72      F’dan il-każ, titqajjem il-mistoqsija jekk l-evalwazzjonijiet fir-rapporti ta’ verifika tal-2002, 2003 u 2005 dwar il-proġetti kofinanzjati mill-FSE kinux ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi tal-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli, qabel kollox, għall-amministrazzjoni u l-kontroll tal-għajnuna.

73      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat minn persuna li hija ħatja ta’ ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1985, Sideradria vs Il-Kummissjoni, 67/84, Ġabra p. 3983, punt 21, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Novembru 2004, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, C‑18/03 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 117 sa 119; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ April 2003, Forum des migrants vs Il-Kummissjoni, T‑217/01, Ġabra p. II-1563, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Diġà ġie ppreċiżat fil-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat fl-oppożizzjoni tas-sospensjoni ta’ għajnuna Komunitarja meta l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-imsemmija għajnuna ma ġewx sodisfatti manifestament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 1999, Sonasa vs Il-Kummissjoni, T‑126/97, Ġabra p. II-2793, punt 39, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑162/04, Ġabra p. II‑102, punt 123, u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fid-Deċiżjoni C (2008) 5730, li kienu jeżistu “diversi nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll” li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi u li, konsegwentement, kellhom jiġu sospiżi l-ħlasijiet provviżorji relatati mal-għajnuna EQUAL.

76      Tali irregolaritajiet għandhom, bħal fil-każ tal-ksur manifest tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li abbażi tiegħu titfassal deċiżjoni ta’ għoti ta’ għajnuna Komunitarja jew bħal fil-każ tad-dispożizzjonijiet f’deċiżjoni ta’ għoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sonasa vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35, 36 u 39, u d-digriet Vela vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 117 u 118), jiġu kkwalifikati bħala ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

77      L-eżistenza eventwali ta’ irregolaritajiet li ma kinux segwiti jew identifikati preċedentement fl-ebda każ ma tista’ tifforma l-bażi ta’ aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 2003, Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑339/00, Ġabra p. I-11757, punt 81). Barra minn hekk, xejn ma jwaqqaf lill-Kummissjoni, wara li tidentifika nuqqasijiet waqt kontroll speċifiku, milli tasal għal konsegwenzi finanzjarji. L-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli qabel kollox għall-kontroll finanzjarju tal-għajnuna (ara l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 1260/1999), ma jistgħux jeżentaw lilhom infushom mir-responsabbiltà tagħhom billi jinvokaw il-fatt li l-Kummissjoni ma kkonstatat ebda irregolarità f’kontroll preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ April 1999, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑28/94, Ġabra p. I-1973, punt 76).

78      Għaldaqstant, billi ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistax isostni li l-evalwazzjonijiet fir-rapporti ta’ verifika magħmula bejn l-2002 u l-2004 ħolqu xi tamiet fondati kemm fir-rigward tal-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja tas-sistema ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll bħal dik ikkunsidrata f’dan il-każ u għalhekk kif ukoll fir-rigward tal-għoti definittiv tal-ħlasijiet effettwati għall-għajnuna EQUAL.

79      F’kull każ, hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat waqt is-seduta, rapporti ta’ verifika redatti mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ operazzjonijiet iffinanzjati minn fondi strutturali ma humiex, bħala prinċipju, ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, għal dak li jirrigwarda l-konformità tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Tali rapporti huma stabbiliti ġeneralment permezz ta’ kampjuni, abbażi ta’ elementi rappreżentattivi, u mhux eżawrjenti, relatati mal-għajnuna, u huma limitati li jiddeskrivu s-sitwazzjoni osservata fid-data meta seħħet il-verifika. Barra minn hekk, dawn ir-rapporti jirriflettu biss l-opinjoni professjonali ta’ aġenti responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ kontroll fuq il-post u mhux dik tal-Kummissjoni, li tesprimi ruħha sussegwentement wara proċedura kontradittorja li tinvolvi mill-viċin lill-Istat Membru kkonċernat.

80      Din il-konstatazzjoni tapplika iktar u iktar f’dan il-każ billi ma jirriżultax mill-elementi tal-proċess li l-konklużjonijiet fir-rapporti ta’ verifika redatti wara dak tad-29 ta’ Novembru 2007 taw xi garanzija preċiża lill-awtoritajiet Lussemburgiżi ta’ natura li toħloq tamiet għal dak li jirrigwarda l-konformità tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-għajnuna EQUAL u, b’hekk, ħolqu aspettattivi leġittimi dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ser tissospendi l-għajnuna finanzjarja Komunitarja mogħtija għall-imsemmija għajnuna.

81      Huwa ċar li r-rapporti ta’ verifika preċedenti ma kellhomx fil-fatt la l-istess għan u lanqas l-istess portata bħal dak tad-29 ta’ Novembru 2007. L-ewwel nett, ir-rapport dwar il-verifika preventiva mwettqa mit-8 sat-12 ta’ Lulju 2002 jindika biċ-ċar li għandu bħala għan li jistabbilixxi “rendikont ġenerali tal-karatteristiċi tas-sistema ta’ amministrazzjoni, ta’ ħlas u ta’ kontroll relatati mal-għajnuna”. Din il-missjoni ta’ verifika kellha biss, fil-kliem tar-rapport stess, “il-permess li turi li s-sistema ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll implementati mill-Istat Membru joffru garanziji suffiċjenti” abbażi ta’ “dikjarazzjoni teoretika”. It-tieni nett, ir-rapport tal-4 ta’ Settembru 2003 dwar il-verifika mwettqa f’Lulju 2003 jsemmi li, minbarra r-rendikont tal-proċeduri ta’ għeluq li jirrigwardaw il-perijodu ta’ pprogrammar 1994-1999, kien intiż sabiex “tanalizza s-segwitu għar-rapport ta’ verifika tal-2002”. It-tielet nett, ir-rapport tas-7 ta’ Frar 2005 dwar il-verifika ta’ Ġunju 2004 kellu bħala għan li janalizza s-sitwazzjoni abbażi ta’ aspetti differenti tal-leġiżlazzjoni indirizzati mill-awdituri (ara l-punt 6 tal-Parti I tal-imsemmi rapport).

82      Għaldaqstant, dawn il-verifiki kienu intiżi sabiex isiru ċerti kontrolli dwar l-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-għajnuna EQUAL. Kien biss ir-rapport tad-29 ta’ Novembru 2007, li jindika fis-suġġett tiegħu li huwa intiż sabiex “jikkontrolla proġetti abbażi ta’ kampjuni każwali bl-għan li jiġi kkonfermat il-livell ta’ garanzija tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll għall-perijodu ta’ pprogrammar 2000-2006”, li seta’ jikkonferma l-livell ta’ garanzija mogħti lis-sistemi fis-seħħ matul il-verifiki preċedenti (ara l-punt 1 tal-imsemmi rapport). Il-fatt li dan ir-rapport ta’ verifika definittiv kien disponibbli biss wara l-perijodu ta’ pprogrammar previst fil-każ inkwistjoni, jiġifieri l-perijodu 2000-2006, ma huwiex tort tal-Kummissjoni, peress li huwa inerenti fis-sistema ta’ kontroll finanzjarju li jirriżulta mir-Regolament Nru 1260/1999.

83      Għal dawn il-motivi, għandu jiġi miċħud ukoll it-tieni motiv imqajjem mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.