Language of document : ECLI:EU:C:2012:504

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Lulju 2012 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru — Ċittadina Tajlandiża li kienet miżżewġa ma’ ħaddiem Tork u li għexet miegħu għal iktar minn tliet snin”

Fil-Kawża C‑451/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Gieβen (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Settembru 2011, fil-proċedura

Natthaya Dülger

vs

Wetteraukreis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Mejju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Dülger, minn Ch. Momberger, avukat,

–        għall-Wetteraukreis, minn D. Mayer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Wiedmann, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn F. Koppensteiner, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kien twaqqaf bil-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li kien ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn N. Dülger, ċittadina Tajlandiża u Wetteraukreis (id-distrett ta’ Wetterau) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjutalha l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 L-assoċjazzjoni KEE-Turkija

–       Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll permezz tal-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bl-għan li jittejjeb il-livell ta’ għajxien tal-poplu Tork u sussegwentment tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità.

–       Il-Protokoll Addizzjonali

4        Il-Protokoll Addizzjonali, li ġie ffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”) jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u l-istadji tal-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja msemmija fl-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Skont l-Artikolu 62 tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali jagħmel parti integrali tal-imsemmi ftehim.

5        L-Artikolu 59 ta’ dan il-protokoll jipprovdi li:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità.”

–       Id-Deċiżjoni Nru 1/80

6        Skont it-tielet premessa tagħha, id-Deċiżjoni Nru 1/80 hija intiża sabiex ittejjeb, fil-qasam soċjali, is-sistema li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom meta mqabbla mas-sistema prevista mid-Deċiżjoni Nru 2/76 li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kien adotta fl-20 ta’ Diċembru 1976.

7        L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu:

–        għandhom id-dritt, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jirrispondu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-anqas tliet snin;

–        għandhom igawdu, minn aċċess liberu għal kull attività bħala persuna impjegata tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-inqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-anqas tliet snin, jirrispondu għal kull offerta ta’ xogħol fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni

8        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 69, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”) kien ifformulat kif ġej:

“Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

(a)      il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

(b)      qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara tiegħu.”

9        Dan l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 tħassar mll-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

10      Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38:

“Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jiġu mitluba biss li jkollhom visa ta’ dħul skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jew, fejn xieraq, skond il-liġi nazzjonali. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-pussess ta’ karta ta’ residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta’ visa.

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lil dawn il-persuni kull faċilità biex jiksbu l-visas neċessarji. Dawn il-visas għandhom jinħarġu b’xejn kemm jista’ jkun malajr u skond il-proċedura aċċelerata.”

11      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur” jipprovdi li:

“1.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

12      Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva, id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti.

13      L-Artikolu 38(3) ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Ir-referenzi li jsiru għad-disposizzjonijiet u għad-Direttivi mħassra għandhom jitqiesu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva.”

 Id-dritt Ġermaniż

14      L-Artikolu 4(5) tal-liġi dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950,), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-fatti tal-kawża prinċipali (BGBl. 2008 I, p. 162, iktar ’il quddiem l-“Aufenthaltsgesetz”), jipprovdi li:

“Barrani li, skont il-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni], għandu dritt ta’ residenza, għandu jipprova l-eżistenza ta’ dan id-dritt billi juri li huwa għandu permess ta’ residenza jekk ma għandu la l-permess ta’ stabbiliment u lanqas permess ta’ residenza permanenti KE. Il-permess ta’ residenza jinħareġ fuq talba.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali daħlet fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fit‑30 ta’ Ġunju 2002 b’viża turistika. Fit-12 ta’ Settembru 2002 hija żżewġet lil Dülger, ċittadin Tork, fid-Danimarka.

16      Sa mill-1988 Dülger huwa fil-pussess ta’ permess ta’ residenza mingħajr limitu ta’ żmien fil-Ġermanja. Matul il-perijodu li fih il-konjuġi Dülger kienu qiegħdin jgħixu l-ħajja konjugali, Dülger kien impjegat minn diversi persuni f’dan l-Istat Membru, mill-1 ta’ Ottubru 2002 sat-30 ta’ Ġunju 2004, mill-1 ta’ Awwissu 2004 sat-8 ta’ Ġunju 2005, mill-1 ta’ Marzu 2006 sal-15 ta’ Marzu 2008 kif ukoll mill-1 ta’ Ġunju 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2009.

17      Fit-18 ta’ Settembru 2002, N. Dülger talbet li jinħarġilha permess ta’ residenza. Hija indikat li kienet miżżewġa u li kellha żewġ itfal, imwielda fl-1996 u 1998 fit-Tajlandja. Sabiex tkun tista’ tgħix ħajja konjugali mal-konjuġi tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisbet permess ta’ residenza għal żmien limitat li sussegwentement ġie estiż diversi drabi, fosthom l-aħħar darba, mill-10 ta’ Settembru 2008 sas-26 ta’Ġunju 2011. Mill‑21 ta’ Ġunju 2011 N. Dülger hija fil-pussess ta’ “ċertifikat li joħloq fictio juris sabiex id-dritt ta’ residenza jibqa’ jeżisti”.

18      Il-bniet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipjali daħlu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-1 ta’ Lulju 2006.

19      N. Dülger isseparat minn mal-konjuġi tagħha fit-3 ta’ Ġunju 2009 u marret tgħix f’dar li tilqa’ lin-nisa fi Friedberg (il-Ġermanja) maż-żewġt ibniet tagħha. Sa minn dak iż-żmien hija tirċievi benefiċċji taħt il-Ktieb II tal-Kodiċi dwar is-sigurtà soċjali — Benefiċċji bażiċi favur persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol (Zweites Buch Sozialgesetzbuch —Grundsicherung für Arbeitsuchende, iktar ’il quddiem is-“SGB II”).

20      Id-divorzju tagħha minn ma’ Dülger sar finali fit-3 ta’ Frar 2011.

21      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Settembru 2009 id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni għad-distrett ta’ Wetterau (iktar ’il quddiem id-“Dipartiment tal-Immigrazzjoni”) ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fuq il-fatt li hija kienet akkwistat dritt indipendenti ta’ residenza wara s-separazzjoni tagħha, li kien validu għal sena, mingħajr ma jkun suġġett għall-obbligu li din ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tipprova li kienet f’pożizzjoni li tmantni lilha nnifisha u lil dawn iż-żewġt itfal tagħha. Hija ġiet informata li, fil-każ li kellha tkompli tiddependi fuq l-għajnuna soċjali wara l-4 ta’ Ġunju 2010, il-kundizzjonijiet tal-validità tad-dritt tagħha ta’ residenza, bħal dak tat-tfal tagħha, ma kinux ser ikunu ssodisfatti u kien ikollha titlaq mit-territorju Ġermaniż. Kien ikun biss jekk, f’dak iż-żmien, hija setgħet tmantni lilha nfisha b’mod indipendenti kif ukoll lil uliedha, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tista’ tkompli tgawdi d-dritt tagħha ta’ residenza.

22      Fit-18 ta’ Settembru 2009 N. Dülger talbet li jinħarġilha permess ta’ residenza taħt l-Artikolu 4(5) tal-Aufenthaltsgesetz fuq il-bażi li, bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru, li miegħu hija kienet legalment residenti għal mill-inqas tliet snin, hija kienet akkwistat drittijiet taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2010, id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni rrifjuta t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali inkwantu hija ma kienet akkwistat l-ebda dritt taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Fil-fatt, huma biss il-membri Torok tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jinsabu f’pożizzjoni li jinvokaw din id-dispożizzjoni.

24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din id-deċiżjoni billi sostniet li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jinkludi ebda kundizzjoni speċifika għal dak li jikkonċerna n-nazzjonalità tal-membri tal-familja. Hija talbet lill-qorti tar-rinviju tannulla d-deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tobbligah joħorġilha permess ta’ residenza skont l-Artikolu 4(5) tal-Aufenthaltsgesetz.

25      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-permess ta’ residenza mitlub ma jistax jinħareġ lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont l-imsemmi Artikolu 4(5) ħlief jekk hija awtorizzata tirrisjedi fit-territorju Ġermaniż taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Skont din il-qorti, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, l-unika kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija dwar jekk N. Dülger, bħala ċittadina Tajlandiża, tistax titqies bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Gieβen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ċittadina Tajlandiża, li kienet miżżewġa lil ċittadin Tork li jagħmel parti mis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru u li, wara li kienet awtorizzata tingħaqad miegħu, għexet miegħu għal iktar minn tliet snin mingħajr waqfien, tista’ tinvoka d-drittijiet stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] bil-konsegwenza li, minħabba l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni, din iċ-ċittadina tgawdi minn dritt ta’ residenza?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikol 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork, ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex it-Turkija, jista’ jinvoka, fl-Istat Membru ospitanti, id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, ladarba l-kundizzjonijiet l-oħra previsti minnu jkunu sodisfatti.

28      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork jibbenefikaw, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet elenkati fih, minn dritt proprju ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat membru ospitanti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-drittijiet mogħtija mill-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 7 lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Trok fil-livell ta’ xogħol fl-Istat Membru kkonċernat jimplikaw neċessarjament l-eżistenza ta’ dritt korrelattiv ta’ residenza għall-persuna kkonċernata u, fin-nuqqas tiegħu, jitneħħa kull effett mid-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u dak li effettivament jiġi eżerċitat impjieg (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin, C‑325/05, Ġabra p. I‑6495, punt 47, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt, C‑303/08, Ġabra p. I‑13445, punt 36).

29      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-kisba tad-drittijiet previsti f’din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi:

–        il-persuna kkonċernata għandha tkun membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jinsab diġà fis-suq regolari tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti;

–        din il-persuna għandha tkun ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat sabiex tingħaqad mal-isemmi ħaddiem, u

–        hija għandha tkun ilha legalment residenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal ċertu żmien.

30      Fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u, b’mod iktar partikolari, mill-kliem stess tad-domanda preliminari, N. Dülger kienet miżżewġa ma’ ħaddiem Tork li kien fis-suq regolari tax-xogħol tal-Ġermanja u hija għexet, b’mod kontinwu, ma’ dan il-ħaddiem miż-żwieġ tagħhom, f’Settembru 2002, sas-separazzjoni tagħhom, f’Ġunju 2009, wara li kienet ġiet awtorizzata tingħaqad miegħu f’dan l-Istat Membru. Prima facie, il-kundizzjonijiet indikati fil-punt preċedenti jidhru sodisfatti.

31      Madankollu, il-Gvern Ġermaniż, Taljan u Awstrijak isostnu li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jinkludi biss il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li għandhom wkoll in-nazzjonalità Torka. Għaldaqstant, in-nazzjonalità Tajlandiża ta’ N. Dülger tipprekludiha milli tinvoka d-drittijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

32      Din it-teorija ma tistax tintlaqa’.

33      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jifforma parti integrali mid-Dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince, C‑192/89, Ġabra p. I‑3461, punti 8 u 9 u tad-29 ta’ Marzu 2012, Kahveci et Inan, C‑7/10 u C‑9/10, punt 23).

34      Dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 la jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “membri tal-familja” tal-ħaddiem u lanqas riferimenti espressi għad-drittijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, ma tinsab fih ebda kundizzjoni relattiva għan-nazzjonalità tal-membri tal-familja.

35      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, barra minn hekk, li għal dak li jikkonċerna l-ħaddiem il-kunċett ta’ “membri tal-familja” ma huwiex limitat għall-familja tad-demm tiegħu biss (ara, s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz, C‑275/02, Ġabra p. I‑8765, punt 46).

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri tal-kunċett ta’ “membri tal-familja” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dan għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-livell tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ayaz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

37      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, il-kunċett ta’ “membri tal-familja” ta’ ħaddiem għandu jiġi interpretat skont l-għan tiegħu kif ukoll il-kuntest li jinsab fih (sentenza Ayaz, iċċitata iktar ’il fuq, point 40).

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sistema ta’ kisba gradwali ta’ drittijiet prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha għan doppju.

39      Fl-ewwel lok, qabel l-iskadenza tat-terminu inizjali ta’ tliet snin, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tippermetti l-preżenza ta’ membri tal-familja tal-ħaddiem immigrant għand dan tal-aħħar, sabiex b’hekk tinkoraġġixxi, permezz ta’ riunifikazzjoni tal-familja, l-impjieg u r-residenza tal-ħaddiem Tork diġà regolarment integrat fl-Istat Membru ospitanti (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Kahveci u Inan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fit-tieni lok, l-istess dispożizzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ id-dħul fit-tul tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork fl-Istat Membru ospitanti, billi wara tliet snin ta’ residenza regolari fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, il-membru tal-familja kkonċernat jingħata l‑possibbiltà li huwa stess ikun jista’ jaċċedi għas-suq tax-xogħol. L-għan essenzjali hekk imfittex huwa li jikkonsolida l-pożizzjoni tal-imsemmi membru tal-familja li, f’dan l-istadju, ikun diġà integrat legalment fl-Istat Membru ospitanti, billi jingħata l-mezzi sabiex jaqla’ l-għajxien tiegħu fl-Istat inkwistjoni u, b’dan il-mod, ikun awtonomu mill-ħaddiem immigrant (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C‑467/02, Ġabra p. I‑10895, punt 25, kif ukoll Kahveci u Inan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

41      Minn dan jirriżulta li r-riunifikazzjoni tal-familja għandha rwol ċentrali fis-sistema implementata mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

42      Fir-rigward ta’ mezz indispensabbli sabiex il-ħajja tal-familja tkun possibbli, ir-riunifikazzjoni tal-familja li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema Torok li huma fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri tikkontribwixxi kemm għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħhom, kif ukoll kif ukoll l-integrazzjoni f’dan l-Istat Membru u, minħabba dan, tippromwovi l-koeżjoni soċjali tas-soċjetà kkonċernata.

43      Madankollu, il-Gvern Ġermaniż jallega li kemm is-sens kif ukoll l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jargumentaw kontra l-idea li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni japplika wkoll għaċ-ċittadini li ma humiex Torok. L-imsemmi ftehim għandu, l-ewwel nett, għanijiet ekonomiċi. L-approċċ leġiżlattiv tad-dritt ta’ residenza tal-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li ġejja minn pajjiż terz ma hijiex, għaldaqstant, problema attwali ta’ assoċjazzjoni bbażata fuq tali għanijiet.

44      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

45      Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dan għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, xorta jibqa’ l-fatt li, billi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprevedu l-possibbiltà għall-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jingħaqdu miegħu fl-Istat Membru fejn jaħdem, il-partijiet kontraenti bbażaw ruħhom fuq motivi li jmorru kunsiderevolment lil hinn minn kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi.

46      Fil-fatt, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta’ din id-deċiżjoni intitolata “Dispożizzjonijiet Soċjali”. Din it-taqsima tikkonċerna l-kwistjonijiet dwar ix-xogħol u l-moviment liberu tal-ħaddiema.

47      Il-vantaġġi li r-riunifikazzjoni tal-familja tagħti lill-ħajja tal-familja, lill-kwalità tal-ħajja tiegħu meta jirrisjedi fl-Istat Membu kif ukoll lill-integrazzjoni tal-ħaddiem Tork fi ħdan l-Istat Membru fejn huwa jaħdem u jirrisjedi, huma manifestament inidpendenti min-nazzjonalità tal-membri tal-familja tiegħu li huma awtorizzati jingħaqdu miegħu f’dan l-Istat.

48      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet soċjali tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tagħha jagħmel parti minnhom, jikkostitwixxu pass ieħor lejn li jintlaħaq il-moviment liberu tal-ħaddiema, abbażi tal-Artikoli 45 TFUE, 46 TFUE u 47 TFUE u li, għaldaqstant, il-prinċipji ammessi fil-kuntest ta’ dawn l-aħħar artikoli għandhom jiġu ttrasposti, sa fejn huwa possibbli, għaċ-ċittadini Torok li jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija mill-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik, C‑171/95, Ġabra p. I‑329, punt 20, u tas-17 ta’ April 1997, Kadiman, C‑351/95, Ġabra p. I‑2133, punt 30).

49      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandu jsir riferiment għall-interpretazzjoni mogħtija lill-istess kunċett fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema li huma ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, għall-portata rrikonoxxuta lill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1612/68 (sentenza Ayaz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

50      Issa, l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru kellhom id-dritt li jinstallaw ruħhom miegħu fl-Istat Membru fejn huwa kien jaħdem, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

51      Din id-dispożizzjoni tħassret iżda l-Artikoli 6(2) u 7(2) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxu wkoll il-prinċipju li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru għandhom id-dritt li jakkompanjawh jew li jingħaqdu miegħu fl-Istat Membru ospitanti.

52      Kwalunkwe limitazzjoni eventwali tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, li neċessarjament tirriżulta jekk id-drittijiet mogħtija mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jiġu applikati biss lill-membri tal-familja li għandhom in-nazzjonalità Torka, tikkostitwixxi preġudizzju għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

53      Tali limitazzjoni tmur ukoll kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma marbuta josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-isemmi Artikolu 7 ta’ din il-karta, li lilu l-Artikolu 6(1) TUE jagħti l-istess valur legali bħal dak tat-Trattati.

54      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “membri tal-familja” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru1/80 hija importanti fid-dawl tal-fatt li hija s-soluzzjoni meħtieġa wkoll għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom (ĠU 1983, C 110, p. 60).

55      Fil-fatt, l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jipprevedi, b’mod partikolari, li għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-espressjoni “membru tal-familja”, għandha t-tifsira mogħtija lilha fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet mitluba tinterpreta l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, iddeċidiet ripetutament li l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament huwa intiż għal żewġ kategoriji kompletament distinti ta’ persuni, jiġifieri l-ħaddiema, minn naħa, u l-membri tal-familji tagħhom kif ukoll is-superstiti tagħhom, min-naħa l-oħra. Il-persuni fl-ewwek kategorija għandhom, sabiex jaqgħu taħt dan ir-regolament, ikunu ċittadini ta’ Stat Membru, persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu fit-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, ebda kundizzjoni ta’ nazzjonalità ma hija meħtieġa għall-membri tal-familja jew għas-superstiti tal-ħaddiema, ċittadini tal-Unjoni, sabiex dan ir-regolament japplika għalihom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, Cabanis-Issarte, C‑308/93, Ġabra p. I‑2097, punt 21, u tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ruhr, C‑189/00, Ġabra p. I‑8225, punt 19).

57      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Deċiżjoni Nru 3/80 li tinsab fl-Artikolu 2 tiegħu, hija ispirata mill-istess definizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Sürül, C‑262/96, Ġabra p. I‑2685, punt 84).

58      Interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha ma tistax tiġi mminata mill-fatt li, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, f’diversi sentenzi mogħtija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għan-nazzjonalità Torka tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C‑329/97, Ġabra p. I‑1487, punt 67, tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp, C‑65/98, Ġabra p. I‑4747, punt 48, Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, kif ukoll Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

59      Fil-fatt, f’dawn is-sentenzi kollha, il-kawżi prinċipali kienu jirrigwardaw l-għoti tal-vantaġġi previsti mid-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-ulied jew lill-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li huma stess kienu ta’ nazzjonalità Torka wkoll. Fid-dawl ta’ dan, ir-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja għan-nazzjonalità tal-membri tal-familja ma għandux tifsira partikolari.

60      Il-Gvern Ġermaniż, Taljan u Awstrijak isostnu, barra minn hekk, li interpretazzjoni estensiva tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 twassal għal tkabbir eċċessiv tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Deċiżjoni Nru 1/80, filwaqt li tippermetti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li n-numru tagħhom huwa diffiċli li jiġi ddeterminat, jinvokaw l-imsemmija dispożizzjoni.

61      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jissuġġetta espressament ir-riunifikazzjoni tal-familja għall-awtorizzazzjoni li l-membru tal-familja jingħaqad mal-ħaddiem immigrant Tork, mogħtija skont il-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Ayaz, punti 34 u 35, kif ukoll Derin, punt 63).

62      Din il-kundizzjoni, li hija intiża sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 il-membri tal-familja tal-ħaddiem Tork li jkunu daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li jkunu baqgħu jirrisjedu fih bi preġudizzju għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat (sentenza Cetinkaya, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23), tispjega ruħha mill-fatt li, fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija ir-riunifikazzjoni tal-familja ma tikkostitwixxix dritt għall-membri tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork, iżda tiddependi, għall-kuntrarju, minn deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali meħuda biss skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, bla ħsara għar-rekwiżit li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq. punt 64).

63      Għal din l-istess raġuni, lanqas ma jista’ jiġi sostnut li l-fatt li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jiġu inklużi l-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li ma għandhomx in-nazzjonalità Torka, bi ksur tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, jikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ dawn meta mqabbla mal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

64      Fil-fatt, bil-kontra tas-sistema applikabbli għall-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork, il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stati terzi jibbenefikaw, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, minn dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri suġġetti biss għall-kundizzjoni li jkollhom fil-pussess tagħhom viża tad-dħul jew permess ta’ residenza validu.

65      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork, ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex it-Turkija, jista’ jinvoka, fl-Istat Membru ospitanti, id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, ladarba l-kundizzjonijiet l-oħra kollha previsti minnha jkunu ssodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li kien ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork, ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex it-Turkija, jista’ jinvoka, fl-Istat Membru ospitanti, id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, ladarba l-kundizzjonijiet l-oħra kollha previsti minnha jkunu ssodisfatti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.