Language of document : ECLI:EU:T:2017:865

Kawża T728/16

Sabine Tuerck

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal‑5 ta’ Diċembru 2017

1.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Modalitajiet ta’ kalkolu – Bażi fuq l-ammont tal-kapital trasferibbli – Apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv – Modalitajiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Modalitajiet – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

1.      Mill-Artikolu 7(1) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda t-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn uffiċjal taħt skema nazzjonali jew internazzjonali tal-pensjoni, id-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz huma bbażati fuq l-ammont tal-kapital trasferibbli fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, kif ikkomunikat mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti lill-Awtorità tal-Ħatra, wara li jitnaqqas, jekk ikun il-każ ), l-ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data tar-reġistrazzjoni tat-talba u dik tat-trasferiment effettiv. Minn dan jirriżulta barra minn hekk li huwa biss fil-każ li l-korp nazzjonali jew internazzjonali kompetenti ma jkunx jista’ jikkomunika l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni li interessi sempliċi għandhom jitnaqqsu mill-kapital aġġornat effettivament ittrasferit. Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti jkunu kkomunikaw lill-Awtorità tal-Ħatra l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, hija ma tkun tista’ twettaq ebda tnaqqis minn dan l-ammont u l-kalkolu tas-snin ta’ servizz għal pensjoni skont ir-Regolamenti tal-Persunal ikollu għalhekk isir fuq il-bażi tat-totalità tal-imsemmi ammont.

(ara l-punt 23)

2.      Għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti tal-valur tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba sad-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, din l-operazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza unika tal-awtorità li tamministra l-iskema tal-pensjoni li magħha l-persuna kkonċernata kienet affiljata qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni, fejn tali operazzjoni tiddetermina l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-iskema nazzjonali abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadottaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom li jimplementaw l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 24)