Language of document : ECLI:EU:C:2005:594

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

         6 ta’ Ottubru 2005(*)

"Trade Marks – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 5(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Użu tat-trade mark minn terż – Sinjal kompost, magħmul mid-denominazzjoni ta’ terż segwit mit-trade mark"

Fil-kawża C-120/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2004, fil-proċedura

Medion AG

vs

Thomson multimedia Sales Germany & Austria GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, C. Gulmann (Relatur), R. Schintgen, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ April 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal Medion AG, minn P.-M. Weisse, Rechtsanwalt, u T. Becker, Patentanwalt,

–       għal Thomson multimedia Sales Germany & Austria GmbH, minn W. Kellenter, Rechtsanwalt,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. Jürgensen u N. B. Rasmussen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b), ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, li tarmonizza l-liġijiet ta’ l-Istati Membri fuq it-trade marks [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1989, L 40, p. 1, iktar ’il quddiem id-"Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Medion AG (iktar ’il quddiem "Medion") u Thomson multimedia Sales Germany & Austria GmbH (iktar ’il quddiem "Thomson") dwar l-użu minn Thomson, fis-sinjal "THOMSON LIFE", tat-trade mark irreġistrata LIFE, fejn Medion hija l-proprjetarja.

 Il-Kuntest Ġuridiku

3       It-tieni premessa tad-Direttiva, dwar il-protezzjoni mogħtija mit-trade mark, tgħid:

"[…] il-protezzjoni mogħtija minn trade mark irreġistrata, li għandha l-għan partikolari li jiggarantixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, hija assoluta f’każ ta’ identiċità bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi; […] din il-protezzjoni tapplika wkoll f’każijiet ta’ xebħ bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi; […] huma indispensabbli li l-kunċett ta’ xebħ jingħata interpretazzjoni marbuta mal-probabbiltà ta’ konfużjoni; […] il-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-apprezzament tagħha tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn is-sinjal użat u dak irreġistrat, il-livell ta’ xebħ bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika għal tali protezzjoni [Traduzzjoni mhux uffiċjali – meħudha mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993]"

4       L-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva taqra hekk:

"It-trade mark irreġistrata tagħti lill-proprjetarju dritt esklussiv fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jwaqqaf lil terzi persuni, li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu, milli jużaw fil-kummerċ:

[…]

b)      kull sinjal li għalih, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, jeżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni jinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark" [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

5       Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta fil-liġi Ġermaniża permezz ta’ l-Artikolu 14(2)(2) tal-liġi fuq il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra (Markengesetz), tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082).

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6       Medion hija l-proprjetarja, fil-Ġermanja, tat-trade mark LIFE, irreġistrata fid-29 ta’ Awwissu 1998, għal apparat elettroniku għal ħin liberu. Hija għandha fatturat ta’ bosta biljuni ta’ EUR fis-sena fil-qasam tal-fabbrikazzjoni u tat-tqegħid fis-suq ta’ dan it-tip ta’ prodotti.

7       Thomson tappartjeni għal wieħed mill-gruppi prinċipali fid-dinja tas-settur ta’ l-elettronika tal-ħin liberu. Hija tqiegħed tpoġġi fis-suq x’uħud mill-prodotti tagħha taħt id-denominazzjoni "THOMSON LIFE".

8       Fix-xahar ta’ Lulju 2002, Medion ressqet rikors quddiem il-Landgericht Düsseldorf għal ksur tal-liġi tat-trade marks. Hija talbet sabiex Thomson tiġi mwaqqfa milli tuża s-sinjal "THOMSON LIFE" bħala l-isem għal ċertu apparat elettroniku għal ħin liberu.

9       Il-Landgericht Düsseldorf ċaħdet ir-rikors peress li kkunsidrat li ma kien jeżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark LIFE.

10     Medion appellat quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf. Hija talbet lil din il-qorti sabiex twaqqaf lil Thomson milli tuża s-sinjal "THOMSON LIFE" għal settijiet tat-televiżjoni, radju kassetti (Radio Cassettes), plejers tad-Diski Kompatti (Compact Disk Players) u settijiet tal-hifi.

11     Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-soluzzjoni għal kontroversja tiddependi fuq jekk jeżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva, bejn it-trade mark LIFE u s-sinjal kompost "THOMSON LIFE".

12     Hija ssostni li, skond il-ġurisprudenza kurrenti tal-Bundesgerichtshof, ispirata minn teorija magħrufa bħala "Prägetheorie" (teorija ta’ l-impressjoni kkreata), sabiex tiġi evalwata s-similarità tas-sinjal ikkontestat, jeħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq l-impressjoni ġenerali ta’ kull wieħed miż-żewġ sinjali u jistħarreġ jekk il-parti identika tikkaratterizzax is-sinjal kompost b’tali mod li l-elementi l-oħra fil-parti l-kbira jiġu mpoġġija fl-isfond għall-kreazzjoni ta’ l-impressjoni ġenerali. Ma jistgħax jiġi meqjus li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni jekk l-element identiku jikkontribwixxi biss sabiex jikkrea l-impressjoni ġenerali ta’ sinjal. Mhux rilevanti li t-trade mark użata żammet pożizzjoni distintiva ("kennzeichnende Stellung") awtonoma fis-sinjal kompost.

13     Skond l-Oberlandesgericht, fis-settur tal-prodotti in kwistjoni tal-kawża li qed tidher quddiema, hemm prassi ta’ denominazzjoni li tikkonsisti f'li jitpoġġa fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni l-isem tal-fabbrikant. Aktar speċifikament, fil-kawża prinċipali, l-isem tal-fabbrikant "THOMSON" tikkontribwixxi b’mod essenzjali għall-impressjoni ġenerali tas-sinjal "THOMSON LIFE". Il-poter normali distintiv marbut ma’ l-element "LIFE" mhux biżżejjed sabiex jeskludi li l-isem tal-fabbrikant "THOMSON" jikkontribwixxi sabiex jikkrea l-impressjoni ġenerali tas-sinjal.

14     Madankollu, il-Qorti tar-rinviju tirrileva li l-ġurisprudenza kurrenti tal-Bundesgerichtshof mhix uniformi. Parti mid-dutrina ssostni teżi differenti. Madankollu, hija konformi mal-ġurisprudenza preċedenti ta’ l-istess Bundesgerichtshof, li skond din hemm lok li tiġi ammessa probabbiltà ta’ konfużjoni meta l-parti identika tippossjedi pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal ikkontestat, ma tilfitx il-pożizzjoni tagħha u ma marritx fl-isfond sal-punt li ssir inkapaċi li tqajjem tifkira tat-trade mark irreġistrata.

15     L-Oberlandesgericht issostni li, jekk din it-teżi kellha tiġi applikata fil-kawża prinċipali, ikun meħtieġ li tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, it-trade mark LIFE iżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal "THOMSON LIFE".

16     Il-Qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment kif inhu possibbli, fl-applikazzjoni tal-kriterju bbażat fuq l-impressjoni ġenerali prodott mis-sinjali, li tevita li terz jagħmel użu minn trade mark irreġistrata u jżid magħha d-denominazzjoni ta’ l-intrapriża tiegħu.

17     F’dan il-kuntest, l-Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti:

"L-Artikolu 5(1)(b), tad-[Direttiva] irid jiġi interpretat fis-sens li, min-naħa tal-pubbliku, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni – f’każ ta’ identiċità tal-prodotti jew ta’ servizzi koperti mis-sinjali preżenti – anki jekk trade mark verbali aktar antik – dotat minn poter distintiv normali – huwa inkluż fis-sinjal verbali kompost l-aktar reċenti ta’ terz jew fis-sinjal verbali/figurattiv ikkaratterizzat minn elementi verbali b’tali mod li t-trade mark l-aktar antik huwa preċedut mid-denominazzjoni ta’ l-intrapriża ta’ terz u li t-trade mark l-aktar antik, mingħajr ma jikkrea lilha biss l-impressjoni ġenerali tas-sinjal kompost, u iżomm fih pożizzjoni distintiva awtonoma?"

 Fuq id-domanda preliminari

18     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva jridx jiġi interpretat fis-sens li probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ teżisti min-naħa tal-pubbliku, f’każ ta’ identiċità tal-prodotti jew ta’ servizzi, meta s-sinjal ikkontestat huwa magħmul permezz ta' taħlita, min-naħa, tad-denominazzjoni ta’ l-intrapriża ta’ terzi u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark irreġistrata, li għandha setgħa distintiva normali, u li dan, mingħajr ma jikkrea lilha biss l-impressjoni ġenerali tas-sinjal kompost, iżomm fis-sinjal kompost pożizzjoni distintiva awtonoma.

 Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19     Medion u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jipproponu li jirrispondu fl-affermattiv għall-mistoqsija magħmula.

20     Medion tikkontesta l-"Prägetheorie". Din tippermetti l-użu tat-trade mark irreġistrat b’sempliċi żieda ta’ l-isem ta’ fabbrikant. Użu bħal dan tat-trade mark tikkomprometti l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti.

21     Il-Kummissjoni ssostni li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, iż-żewġ kelmiet użati fis-sinjal kompost huma ekwivalenti. Il-kelma "LIFE" ma kellhiex rwol totalment subordinat. Fil-miżura fejn id-denominazzjoni "THOMSON" ma tikkreax esklussivament l-impressjoni ġenerali, is-sinjal kompost u t-trade mark irreġistrata jkunu simili fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva. Għalhekk tista’ tkun ammessa probabbiltà ta’ konfużjoni peress li ż-żewġ intrapriżi joffru prodotti identiċi.

22     Thomson tipproponi li tirrispondi fin-negattiv għal domanda magħmula. Hija ssostni interpretazzjoni tad-Direttiva konformi mal-"Prägetheorie". Is-sinjal ikkontestat fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi mħawwad mat-trade mark ta’ Medion, peress li hu jinkludi l-element "THOMSON", isem tal-fabbrikant li għandu l-istess importanza bħall-element l-ieħor li jagħmlu. Il-kelma "LIFE" għandha l-funzjoni biss li tindika ċerti prodotti tal-gamma kummerċjali. Fil-probabbiltà kollha, ikun eskluż li l-element "LIFE" jiddomina l-impressjoni ġenerali prodott mid-denominazzjoni "THOMSON LIFE".

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

23     Il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz immarkat, li tagħmilha possibli għalih sabiex jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibli dak il-prodott jew servizz minn dak li għandu provenjenza oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 28, u tad-29 ta’ April 2004, Björnekulla Fruktindustrier, C-371/02, Ġabra. p. I-5791, punt 20).

24     It-tieni premessa tad-Direttiva tisħaq li l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata għandha bħala għan il-funzjoni li tiggarantixxi l-oriġini tat-trade mark u li f’każ ta’ xebħ bejn il-marka u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika tal-protezzjoni.

25     L-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva għandu japplika biss jekk jeżisti, min-naħa tal-pubbliku, probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba l-identiċità jew ix-xebħ ta’ trade marks u ta’ prodotti jew servizzi indikati.

26     Isseħħ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jkun hemm probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess intrapriża jew, eventwalment, minn intrapriżi konnessi ekonomikament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17).

27     L-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku trid tiġi evalwata b’mod ġenerali billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti ta' l-każ partikolari [ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitat iktar ’il fuq, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode, C-425/98, Ġabra p. I-4861, punt 40, kif ukoll, fir-rigward ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), redatt b’mod li fis-sustanza huma identiċi għal dawk ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva, id-Digriet tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs. OHMI, C-3/03 P, Ġabra p. I-3657, punt 28].

28     L-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni trid, għal dak li jirrigwarda x-xebħ viżwali, auditiva jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġenerali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-insjem tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-detalji differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SABEL, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 25, kif ukoll id-Digriet Matratzen Concord vs. OHMI, ċċitat iktar ’il fuq, punt 29).

29     Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, l-evalwazzjoni tax-xebħ bejn żewġ marki ma jfissirx li jrid jittieħed biss in kunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumpless u li jiġi mqabbel ma’ trade mark ieħor. Kuntrarjament, hemm lok li jsir paragun meta jsir l-eżami tat-trade marks in kwistjoni, fejn kull wieħed jiġi kkunsidrat kollu kemm hu, li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew aktar tal-komponenti tagħha (ara d-Digriet Matratzen Concord vs. OHMI, iċċitat iktar ’il fuq, punt 32).

30     Madankollu, lil hinn mill-każ normali li fih il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark fl-insjem tagħha, u minkejja ċ-ċirkustanza li l-impressjoni ġenerali tista’ tkun iddominata minn wieħed jew bosta komponenti ta’ trade mark kumpless, ma jistax ikun eskluż li, f’każ partikolari, trade mark preċedenti, użat minn terz f’sinjal kompost li jinkludi d-denominazzjoni ta’ l-intrapriża ta’ dan it-terz, iżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, mingħajr madankollu ma jikkostitwixxi l-element dominanti.

31     F’tali ipoteżi, l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost jista’ jwassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni kienu ġejjin, għallinqas, minn intrapriżi marbuta ekonomikament, f’liema każ trid tkun meqjusa l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

32     Il-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost hija ddominata minn dik il-parti tagħha kkostitwita mit-trade mark preċedenti.

33     Jekk kundizzjoni tali hija meħtieġa, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun miċħud mid-dritt esklussiv mogħti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva anki fil-każ fejn dan it-trade mark iżomm fis-sinjal kompost pożizzjoni distintiva awtonoma, iżda li din il-pożizzjoni ma tkunx dominanti.

34     Dan ikun il-każ, per eżempju, meta l-proprjetarju ta’ trade mark rinomata jagħmel użu minn sinjal kompost flimkien ma' trade mark preċedenti li mhix rinomata. Dan ikun il-każ ukoll, jekk is-sinjal kompost ikun magħmul minn dan it-trade mark preċedenti u minn isem kummerċjali magħruf. Fil-fatt, l-impressjoni ġenerali għalhekk tkun, f’każ bħal dan, iddominata mit-trade mark rinomat jew l-isem kummerċjali rinomat inkluż f’sinjal kompost.

35     B’hekk, kuntrarjament għall-intenzjoni tal-leġiżlatur komunitarju espressa fit-tieni premessa tad-Direttiva, il-protezzjoni tal-funzjoni ta’ l-oriġini tat-trade mark preċedenti ma tkunx iggarantita, peress li dan it-trade mark ikun żamm il-pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost.

36     Għalhekk għandu jiġi rikonoxxut li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa suffiċjenti li, minħabba l-pożizzjoni distintiva awtonoma kkonservata mit-trade mark preċedenti, il-pubbliku xorta jattribwixxi lill-proprjetarju ta’ dan it-trade mark l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mis-sinjal kompost.

37     Għalhekk, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva jrid jiġi interpretat fis-sens li probabbiltà ta’ konfużjoni jista’ jeżisti min-naħa tal-pubbliku, f’każ ta’ l-identiċità tal-prodotti jew ta’ servizzi, meta s-sinjal ikkontestat huwa magħmul permezz ta' taħlita, min-naħa, tad-denominazzjoni ta’ l-intrapriża ta’ terzi u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark irreġistrata, li għandha setgħa distintiva normali, u li dan, mingħajr ma jikkrea lilha biss l-impressjoni ġenerali tas-sinjal kompost, iżomm fis-sinjal kompost pożizzjoni distintiva awtonoma.

 Fuq l-ispejjeż

38     Peress li l-proċedura preżenti għandha, fir-rigward għall-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għaldaqstant tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(1)(b), ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, li tarmonizza l-liġijiet ta’ l-Istati Membri fuq it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku jista’ jeżisti fil-każ ta’ identiċità bejn prodotti jew servizzi, meta s-sinjal ikkontestat huwa magħmul minn taħlita, min-naħa, tad-denominazzjoni ta’ l-impriża ta’ terżi u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark irreġistrata, dotat minn setgħa normali ta’ distinzjoni, u dan, mingħajr ma joħolqilha waħidha l-impressjoni tas-sinjal kompost kollu kemm hu, iżomm pożizzjoni awtonoma distintiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.