Language of document : ECLI:EU:C:2018:871

Kawżi Magħquda C569/16 u C570/16

Stadt Wuppertal
vs
Maria Elisabeth Bauer

u

Volker Willmeroth
vs
Martina Broßonn

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Relazzjoni tax-xogħol li tintemm minħabba l-mewt tal-ħaddiem – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi l-ħlas, lill-aventi kawża tal-ħaddiem, ta’ kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud minnu – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Invokabbiltà fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Novembru 2018

1.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Portata – Kumpens finanzjarju għal leave mhux meħud imħallas fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estinzjoni tad-dritt għal kumpens fil-każ ta’ mewt tal-ħaddiem – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 31(2) u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7; Direttiva tal-Kunsill 93/104, Artikolu 7)

2.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Direttiva 2003/88 – Artikolu 7 – Effett dirett – Possibbiltà li jiġi invokat f’tilwima bejn individwi – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7)

3.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari – Portata

(Artikolu 151 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 21(1), 27, 31(2) u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7; Direttiva tal-Kunsill 93/104, Artikolu 7)

4.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Kumpens finanzjarju għal leave mhux meħud imħallas fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa kuntrarja għad-Direttiva 2003/88 u għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligi ta’ qorti nazzjonali li quddiemha tressqet tilwima bejn individwi – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali u għoti tal-kumpens finanzjarju lill-aventi kawża ta’ ħaddiem li miet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 31(2) u 51(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7)

1.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’applikazzjoni tagħha, meta r-relazzjoni ta’ xogħol tintemm minħabba l-mewt tal-ħaddiem, id-dritt għal-leave annwali mħallas miksub skont l-imsemmija dispożizzjonijiet u mhux meħud minn dan il-ħaddiem qabel il-mewt tiegħu jispiċċa mingħajr ma jkun jista’ jagħti lok għal dritt għal kumpens finanzjarju għall-imsemmi leave li jkun trażmissibbli lill-aventi kawża tal-imsemmi ħaddiem permezz tas-suċċessjoni.

Fil-fatt, l-estinzjoni tad-dritt miksub ta’ ħaddiem għal leave annwali mħallas jew tad-dritt tiegħu korrispondenti għall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave mhux meħud fil-każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, mingħajr ma l-persuna kkonċernata jkollha effettivament il-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt għal-leave annwali mħallas, tippreġudika s-sustanza stess ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX–II, EU:C:2013:570, punt 32).

Għalhekk, il-benefiċċju ta’ kumpens pekunjarju fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol intemmet minħabba l-mewt tal-ħaddiem huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti lill-ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 24).

F’dan il-kuntest, fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-espressjoni “leave annwali bil-ħlas” li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li għandha tiġi assimilata ma’ dik ta’ “perjodu annwali ta’ leave imħallas” li tinsab fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, tfisser li, tul il-perijodu ta’ leave annwali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-remunerazzjoni għandha tinżamm u li, fi kliem ieħor, il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta’ mistrieħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Williams et, C‑155/10, EU:C:2011:588, punti 18 u 19).

Kif ġie mfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ aspetti tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni rifless fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104 u fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li fil-frattemp ġie espressament stabbilit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 31(2) tal-Karta. Dan id-dritt fundamentali għaldaqstant jinvolvi wkoll dritt għal ksib ta’ ħlas kif ukoll, bħala dritt inerenti għal dan id-dritt għal-leave annwali “imħallas”, id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud meta r-relazzjoni ta’ xogħol tiġi fi tmiemha.

F’dan ir-rigward, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dan id-dritt biss taħt kundizzjonijiet stretti previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u, b’mod partikolari, b’osservanza tal-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mill-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, li jgħid li dritt għal-leave annwali mħallas miksub ma jistax jiġi estint mal-iskadenza tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu għar-rimandar tal-leave stabbilit mid-dritt nazzjonali, meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 56).

(ara l-punti 49, 50, 57 sa 59, 61, 63, u d-dispożittiv 1)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 72, 73, 77, 78)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 80, 81, 83, 84)

4.      Fil-każ ta’ impossibbiltà li tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod li tiżgura l-konformità tagħha mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn l-aventi kawża ta’ ħaddiem li miet u l-persuna li kienet timpjega lil dan il-ħaddiem, għandha tħalli mhux applikata l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali u tiżgura li l-imsemmi aventi kawża jingħata, għad-detriment ta’ din il-persuna li timpjega, il-benefiċċju ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas miksub skont l-imsemmija dispożizzjonijiet u mhux meħud minn dan il-ħaddiem qabel mewtu. Dan l-obbligu huwa impost fuq il-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta t-tilwima tkun bejn tali aventi kawża u persuna li timpjega li għandha l-kwalità ta’ awtorità pubblika, u skont it-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet meta t-tilwima tkun bejn l-aventi kawża u l-persuna li timpjega li jkollha l-kwalità ta’ individwu.

Id-dritt għal perijodu ta’ leave annwali mħallas, stabbilit għal kull ħaddiem mill-Artikolu 31(2) tal-Karta, għaldaqstant għandu, fir-rigward tal-eżistenza tiegħu stess, natura kemm imperattiva u inkundizzjonata, u din tal-aħħar fil-fatt ma teħtieġx li tiġi kkonkretizzata permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, liema drittijiet huma biss meħtieġa jippreċiżaw it-tul eżatt tal-leave annwali u, fejn xieraq, ċerti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni hija suffiċjenti fiha nfisha sabiex tagħti lill-ħaddiema dritt invokabbli bħala tali f’tilwima bejnhom u l-persuna li timpjegahom f’sitwazzjoni koperta mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76).

Fir-rigward tal-effett maħluq mill-Artikolu 31(2) tal-Karta fir-rigward tal-persuni li jimpjegaw li jkollhom il-kwalità ta’ individwu, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 51(1) ta’ din il-Karta jispeċifika li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fl-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-imsemmi Artikolu 51(1), min-naħa l-oħra, ma jikkonċernax il-punt dwar jekk tali individwi jistgħux, skont il-każ, jinsabu direttament suġġetti għall-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija Karta u, għaldaqstant, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeskludi sistematikament tali eventwalità.

Qabelxejn, u kif l-Avukat Ġenerali fakkar fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju huma indirizzati, primarjament, lill-Istati Membri, dan ma huwiex ta’ natura li jeskludi li dawn jistgħu japplikaw fir-relazzjonijiet bejn individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 77).

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, diġà aċċettat li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta hija suffiċjenti fiha nfisha sabiex tagħti lil individwu dritt invokabbli bħala tali f’tilwima ma’ individwu ieħor (sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76), mingħajr, għalhekk, ma l-Artikolu 51(1) tal-Karta jxekkel dan.

Fl-aħħar nett, u fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt, għal kull ħaddiem, għal perijodi ta’ leave annwali mħallas jimponi, min-natura tiegħu stess, obbligu korrispondenti fuq il-persuna li timpjega, jiġifieri dak tal-għoti ta’ tali perijodi ta’ leave imħallas.

(ara l-punti 85, 87 sa 90, 92, u d-dispożittiv 2)