Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Marzu 2010 - Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-116/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller, aġent, u U. Karpenstein, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 10675, tat-23 ta' Diċembru 2009, li tnaqqas l-għajnuna mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (97) 1120, għall-programm "Ziel 2-Programm Nordrhein-Westfalen (1997-1999)" fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna tal-FEŻR għall-programm "Ziel 2-Programm Nordrhein-Westfalen (1997-1999) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja".

Ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni evalwat is-sitwazzjoni b'mod żbaljat. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni inkludiet ammonti żbaljati fil-kalkolu tar-rata ta' żbalji użata.

Skont it-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 1 għall-korrezzjoni finanzjarja ma ġewx sodisfatti. Hija tikkunsidra li din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax lill-Kummissjoni tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji minħabba żbalji amministrattivi jew allegati nuqqasijiet fis-sistemi ta' amministrazzjoni u ta' kontroll. Barra minn dan, hija ssostni li għal raġunijiet oħra wkoll, ma tistax tiġi kkunsidrata korrezzjoni finanzjarja tad-daqs ta' dik applikata mill-Kummissjoni. Minn naħa, "irregolaritajiet", bħal dawk ikkritikati hawnhekk mill-Kummissjoni, jistgħu jiġġustifikaw il-korrezzjonijiet finanzjarji biss jekk dawn għandhom jew kellhom effett negattiv fuq il-baġit tal-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-aġir li ġie kkontestat mill-Kummissjoni. Hija ssostni wkoll li ma kienx hemm, lanqas fuq il-mertu, ksur tad-dritt Komunitarju fil-każ ta' sensiela ta' proġetti kkontestati.

Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda dritt li tipproċedi permezz ta' estrapolazzjoni għal korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa skont ir-Regolament (KEE) Nru 4253/88. Hija ssostni li l-ifformular ċar tal-Artikolu 24 ta' dan ir-regolament japplika biss għal każijiet konkreti u għal somom li jistgħu jiġu kkwantifikati.

Taħt l-aħħar motiv, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jingħad li estrapolazzjoni għal korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa kienet leġittima, dawn il-korrezzjonijiet huma illegali f'dan il-każ. F'dan ir-rigward, hija tosserva li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi n-natura "inerenti fis-sistema" tal-aġir li hija tikkritika u li l-korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa ma kinux konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-9 ta' Diċembru 988, li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 dwar il-koordinazzjoni tad-diversi attivitajiet tal-Fondi Strutturali bejniethom u bejn dawn u l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 374, p. ).