Language of document : ECLI:EU:T:2022:299

Kawża T-609/19

(pubblikazzjoni b’estratti)

Canon Inc.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Mejju 2022

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Settur tal-manifattura ta’ strumenti mediċi – Deċiżjoni li timponi multi għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel il-komunikazzjoni u l-awtorizzazzjoni tagħha – Artikolu 4(1), Artikolu 7(1), u Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Tranżazzjoni provviżorja u tranżazzjoni finali – Struttura ta’ holding – Konċentrazzjoni waħda – Drittijiet tad-difiża – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ legalità – Proporzjonalità – Ammont tal-multi – Ċirkustanzi attenwanti”

1.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ sospensjoni – Konċentrazzjoni – Kunċett – Implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni – Kisba tal-kontroll fuq impriża permezz ta’ żewġ tranżazzjonijiet ġuridiċi distinti marbuta permezz ta’ rabta funzjonali diretta – Tranżazzjoni ta’ holding ta’ azzjonijiet – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 4(1) u 7(1))

(ara l-punti 61-70, 73-80, 99, 105, 108-115, 216-224, 228-235, 306, 312)

2.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Twettiq deliberat jew b’riżultat ta’ negliġenza – Kunċett – Impriża li ma tistax tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha – Assenza ta’ deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni dwar ksur simili – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 4(1), 7(1) u 14(2))

(ara l-punti 366, 367, 370-374)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ġenerali tad-dritt – Prinċipju ta’ legalità tal-pieni – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1); Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 4(1), 7(1) u 14(2))

(ara l-punti 382-391)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni – Assenza ta’ rilevanza

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

(ara l-punti 392-396, 398, 399)

5.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Komunikazzjoni – Obbligu – Ksur – Konsegwenzi – Ksur awtomatiku tal-projbizzjonijiet korrispondenti – Sanzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 4(1), 7(1) u 14(2)(a) u (b))

(ara l-punti 403-407)

6.      Kompetizzjoni – Multi –Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi diversi sanzjonijiet għall-istess fatti – Prinċipji li jirregolaw il-konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur – Ksur – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 14(2))

(ara l-punti 409-411, 418)

7.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni – Natura indikattiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 14)

(ara l-punti 425, 426, 428)

8.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Assenza ta’ Linji Gwida – Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa – Portata

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 14)

(ara l-punti 436, 437)

9.      Kompetizzjoni – Proċedura Amministrattiva – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Kontenut neċessarju – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Portata – Obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-persuni interessati b’dikjarazzjoni addizzjonali tal-oġġezzjonijiet – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(2); Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 18)

(ara l-punti 469-472)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors ta’ Canon li ngħatat multa ta’ EUR 28 miljun mill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet meta xtrat lil Toshiba Medical Systems Corporation

Fl-2016, Canon Inc. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), kumpannija multinazzjonali Ġappuniża speċjalizzata fil-manifattura ta’ prodotti ottiċi u ta’ pproċessar tal-immaġni, xtrat lil Toshiba Medical Systems Corporation (TMSC), sussidjarja 100 % ta’ Toshiba Corporation (iktar ’il quddiem “Toshiba”).

Dan l-akkwist ġie implimentat f’żewġ stadji, permezz ta’ kumpannija ta’ finanzjament (MS Holding) maħluqa speċifikament għal dan il-għan. Fl-ewwel lok, fis-17 ta’ Marzu 2016, MS Holding akkwistat ċerti azzjonijiet bi dritt ta’ vot ta’ TMSC għal ammont ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 800, filwaqt li r-rikorrenti, bħala korrispettiv għall-ħlas tal-ammont kollu tal-prezz miftiehem għax-xiri ta’ TMSC (bejn wieħed u ieħor EUR 5.28 biljun), akkwistat opzjonijiet ta’ xiri fuq l-azzjonijiet kollha bi dritt ta’ vot li kien fadal ta’ TMSC. Ir-rikorrenti, barra minn hekk, akkwistat l-unika azzjoni mingħajr dritt ta’ vot ta’ TMSC għall-ammont ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 40 (iktar ’il quddiem it-“tranzazzjoni provviżorja”).

Fit-tieni lok, fid-19 ta’ Diċembru 2016, wara li kisbet l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti eżerċitat l-opzjonijiet tagħha sabiex tikseb l-azzjonijiet bi dritt ta’ vot sottostanti ta’ TMSC, filwaqt li TMSC xtrat l-azzjonijiet tagħha bi dritt ta’ vot miżmuma minn MS Holding kif ukoll l-azzjoni mingħajr dritt ta’ vot miżmuma mir-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjoni finali”). Permezz ta’ dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet, TMSC saret sussidjarja 100 % tar-rikorrenti.

Ir-raġuni ta’ dan l-akkwist gradwali kienet sabiex il-bejgħ ta’ TMSC jiġi rikonoxxut bħala kontribuzzjoni fil-kapital fil-kontijiet ta’ Toshiba sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2016, mingħajr ma r-rikorrenti takkwista formalment il-kontroll tagħha qabel ma tkun kisbet l-awtorizzazzjonijiet neċessarji mingħand l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kompetenti.

Wara komunikazzjoni minn qabel mibgħuta mir-rikorrenti f’Marzu 2016, il-konċentrazzjoni ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni f’Awwissu u ġiet awtorizzata minn din tal-aħħar f’Settembru tal-istess sena.

Madankollu, b’mod parallel, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni minħabba ksur possibbli tal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ sospensjoni previsti mir-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet (1). Abbażi ta’ dan l-obbligi, l-impriżi partijiet f’konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Ewropea għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-proġetti tagħhom għal eżami qabel ma jiġu implimentati (“obbligu ta’ komunikazzjoni”) (2) u ma jistgħux jimplimentaw it-tranżazzjoni kkomunikata qabel ma jiksbu awtorizzazzjoni minn din tal-aħħar (“obbligu ta’ sospensjoni”) (3).

Permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2019 (4), il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-imsemmija obbligi mir-rikorrenti sa fejn din implimentat b’mod prematur l-akkwist tagħha ta’ TMSC. Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li, billi wettqet it-tranżazzjoni provviżorja, ir-rikorrenti kienet implimentat parzjalment il-konċentrazzjoni waħda li tikkonsisti fl-akkwist ta’ TMSC u għaldaqstant kienet kisret l-obbligi tagħha ta’ komunikazzjoni u ta’ sospensjoni. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni imponiet fuqha żewġ multi ta’ total ta’ EUR 28 miljun.

Ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud fl-intier tiegħu mis-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali..

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tibda billi tiċħad l-argument tar-rikorrenti li t-tranżazzjoni provviżorja ma wasslitx għall-ksib tal-kontroll ta’ TMSC u għalhekk ma tikkostitwixxix ksur tal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ sospensjoni previsti mir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.

Billi tirreferi għal ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja (5), il-Qorti Ġenerali tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni sseħħ mill-mument meta l-partijiet għall-konċentrazzjoni jwettqu tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu sabiex jinbidel b’mod dejjiemi l-kontroll tal-impriża mmirata. Kull implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni taqa’, għalhekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ sospensjoni, li jirrispondi għar-rekwiżit li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet. Huwa taħt din il-perspettiva li r-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jittratta bħala konċentrazzjoni waħda tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib, bl-unika eċċezzjoni tal-każijiet fejn tali tranżazzjonijiet ma humiex neċessarji sabiex iseħħ bdil fil-kontroll tal-impriża mmirata u ma għandhomx għalhekk rabta funzjonali diretta mat-twettiq tat-tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

Għalhekk il-Kummissjoni kellha raġun meta osservat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “konċentrazzjoni” u ta’ “implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni”. Fil-fatt, għalkemm “konċentrazzjoni” hija kkunsidrata bħala implimentata biss meta jkun seħħ bdil dejjiemi fil-kontroll, l-“implimentazzjoni” ta’ konċentrazzjoni tista’ sseħħ sa minn meta l-partijiet f’konċentrazzjoni jwettqu tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu sabiex jinbidel b’mod dejjiemi l-kontroll tal-impriża mmirata, jiġifieri eventwalment qabel il-kisba tal-kontroll ta’ tali impriża.

Għalhekk, il-kriterju sabiex jiġi ddeterminat jekk l-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ sospensjoni nkisrux mir-rikorrenti ma huwiex dak dwar jekk ġiex akkwistat il-kontroll ta’ TMSC qabel l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni, iżda dak dwar jekk l-azzjonijiet ikkontestati kkontribwixxewx, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, għall-bdil tal-kontroll ta’ din l-impriża qabel din id-data.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq li l-kontroll tat-tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni mill-Kummissjoni fl-ebda mument u bl-ebda mod ma ġie ostakolat, peress li r-rikorrenti kisbet il-kontroll ta’ TMSC biss wara li kisbet l-awtorizzazzjonijiet kollha mill-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni kkonċernati. Skont ir-rikorrenti, sakemm il-kontroll ikun għadu ma nkisibx, ma jkunx hemm implimentazzjoni antiċipata tal-konċentrazzjoni. Implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni teżiġi għalhekk il-kisba ta’ kontroll parjzali. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, jew il-kontroll inkiseb, peress li entità għandha l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinata fuq il-kumpannija mmirata, jew ma nkisibx. Għaldaqstant, allegat “kontroll parzjali” ma jistax ikun il-kundizzjoni ta’ implimentazzjoni parzjali tal-konċentrazzjoni. Il-Qorti Ġenerali fakkret barra minn hekk li, sabiex ikun effettiv, il-kontroll tal-Kummissjoni għandu jsir qabel l-implimentazzjoni, anki parzjali, tal-konċentrazzjoni.

Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tagħha (6), il-Qorti Ġenerali tiċħad, barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li t-tranżazzjoni provviżorja ma wasslitx għal implimentazzjoni parzjali tal-konċentrazzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni tista’ tiġi implimentata fil-preżenza ta’ diversi tranżazzjonijiet ġuridiċi formalment distinti u li f’każ bħal dan hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk dawn it-tranżazzjonijiet jikkostitwixxux tranżazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni sa fejn għandhom natura unitarja. Fil-preżenza ta’ diversi tranżazzjonijiet ġuridikament distinti, hija għalhekk il-Kummissjoni li għandha tidentifika, skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt proposti f’kull każ inkwistjoni, il-finalità ekonomika intiża mill-partijiet, billi teżamina jekk l-impriżi kkonċernati kinux ippreparati sabiex jikkonkludu kull tranżazzjoni meħuda waħidha jew jekk, għall-kuntrarju, kull tranżazzjoni tikkostitwixxix element ta’ tranżazzjoni iktar kumplessa, li mingħajrha hija ma kinitx tkun konkluża mill-partijiet.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma għamlitx żball meta kkwalifikat it-tranżazzjoni provviżorja bħala implimentazzjoni parzjali tal-konċentrazzjoni. Fil-fatt, hija ġustament ikkonstatat li mid-data tat-tranżazzjoni provviżorja, u indipendentement mir-riżultati tal-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni, ir-rikorrenti kienet kisbet il-possibbiltà li teżerċita ċertu grad ta’ influwenza fuq TMSC peress li, wara l-implimentazzjoni tal-imsemmija tranżazzjoni, hija kellha l-kompetenza esklużiva sabiex tiddetermina l-identità tal-akkwirent finali ta’ din tal-aħħar.

Il-Qorti Ġenerali tikkontesta wkoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq li t-tranżazzjoni provviżorja ma għandhiex rabta funzjonali diretta mal-bidla fil-kontroll ta’ TMSC u għalhekk ma kkontribwixxitx għall-bidla tal-imsemmi kontroll. Il-Qorti Ġenerali tqis li, mingħajr l-istruttura ta’ tranżazzjoni f’żewġ stadji proposta mir-rikorrenti, kien ikun impossibbli għal Toshiba li tirrinunzja għall-kontroll ta’ TMSC u li tirċievi b’mod irriversibbli l-ħlas ta’ TMSC qabel it-tmiem tax-xahar ta’ Marzu 2016. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-istruttura f’żewġ stadji, it-tranżazzjoni provviżorja tikkostitwixxi stadju neċessarju sabiex ikun hemm bidla fil-kontroll ta’ TMSC. Fil-fatt, l-għan ta’ din l-istruttura f’żewġ stadji kien li t-tranżazzjoni provviżorja tippermetti, minn naħa, lil xerrej intermedju li jixtri t-titoli ta’ vot kollha ta’ TMSC u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti tħallas il-prezz ta’ TMSC lil Toshiba b’mod irriversibbli filwaqt li tikseb l-ikbar ċertezzi rigward il-fatt li finalment kienet qiegħda tikseb il-kontroll ta’ TMSC.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ħlas tal-ispejjeż.


1      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


2      Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.


3      Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.


4      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4559 final, tas‑27 ta’ Ġunju 2019, li timponi multi minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament (Każ M.8179 – Canon vs Toshiba Medical Systems Corporation).


5      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16.


6      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02.