Language of document : ECLI:EU:C:2017:607

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawża C-442/16

Florea Gusa

vs

Minister for Social Protection,

Attorney General,

L-Irlanda

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (qorti tal-appell, l-Irlanda)]

“Rinviju preliminari – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus – Allowances lil persuna li qiegħda tfittex impjieg – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7(3)(b) – Ċittadin tal-Unjoni li jkun għex u ħadem għal rasu fl-Istat Membru ospitanti – Tmiem tal-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem, prinċipalment, il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jeskludi mid-dritt għall-benefiċċji għall-għixien li ma humiex kontributorji, fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (2), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004), liċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkun ħadem bħala ħaddiem għal rasu għal iktar minn sena fuq it-territorju tiegħu jew jekk iċ-ċittadin inkwistjoni jżommx l-istatus ta’ “ħaddiem” (4) fis-sens tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (5).

2.        Iktar bażikament, permezz tad-diversi domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara t-tifsira taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea u li telimina l-inċertezzi li setgħu ħallew jeżistu, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597), tal-25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et (C‑299/14, EU:C:2016:114), kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 883/2004

3.        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Oqsma koperti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

h)      benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

[…]

2.      Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur.

3.      Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[…]”

4.        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Trattament ugwali”:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

5.        Il-Kapitolu 9 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 huwa ddedikat għall-“[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”. Huwa kkostitwit biss mill-Artikolu 70, li huwa intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali” u jipprovdi:

“1.      Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.      Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

a)      li huma maħsuba biex jagħtu jew:

i)      protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

jew

ii)      protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat;

u

b)      meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss; u

c)      huma elenkati fl-Anness X.

3.      L-Artikolu 7 [u] l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

6.        Fl-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji mogħtija fi flus”, jidher, fit-taqsima dwar l-Irlanda, il-punt a) dwar “[a]llowance għal min ikun qed ifittex impjieg (l-Att Konsolidat tal-2005 dwar l-Assistenza Soċjali, Parti III, Kapitolu 2)”.

2.      Id-Direttiva 2004/38

7.        Skont il-premessi 1 sa 4 tad-Direttiva 2004/38:

“(1)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

(2)      Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

(3)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

(4)      Bil-għan li jiġi rrimedjat dan l-approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, hemm il-bżonn li jkun hemm att leġislattiv uniku li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema fil-Komunità, u li jħassar l-atti li ġejjin: id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għall-ħaddiema ta’ l-Istati Membri u għall-familji tagħhom [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27], id-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ stabbiliment u ta’ provvediment ta’ servizzi [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 167], id-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 3], id-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività professjonali tagħhom [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 5] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 250].”

8.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur” jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

[…]

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

[…]

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

b)      il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

[…]”

9.        Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”:

“1.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż [mhux raġonevoli] fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

[…]

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

a)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

b)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

10.      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 jiddefinixxi r-regola ġenerali dwar id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, “[i]ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III”.

11.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti [boroż ta’ studju] jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

B.      Id-dritt nazzjonali

1.      Ir-Regolament tal-2006

12.      Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta, fid-dritt Irlandiż, bir-Regolament Nru 2 tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (moviment liberu tal-persuni) (6).

13.      Skont l-Artikolu 6(2) tar-regolament tal-2006:

“a)      Bla ħsara għall-Artikolu 20, ċittadin tal-Unjoni jista’ jirrisjedi fuq it-territorju tal-Istat għal tul ta’ iktar minn tliet xhur:

i)      jekk huwa jaħdem bħala impjegat jew għal rasu fl-Istat;

[…]

c)      Bla ħsara għall-Artikolu 20, persuna li għaliha huwa applikabbli l-punt (a)(i) tista’ tibqa’ fl-Istat wara t-tmiem tal-attività msemmija f’dak il-punt (a)(i):

i)      jekk hija tkun affettwata minn inkapaċità temporanja għax-xogħol riżultanti minn marda jew inċident;

ii)      jekk hija tkun f’sitwazzjoni ta’ qagħad involontarjament debitament irreġistrata wara li tkun għamlet iktar minn sena impjegata u jekk hija tkun ġiet irreġistrata bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-uffiċċju kompetenti tad-Department of Social and Family Affairs[Dipartiment tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, l-Irlanda]u tal-FÁS[Awtorità għat-taħriġ u għall-impjieg, l-Irlanda]”.

2.      Il-liġi tal-2005

14.      L-allowancelil min ifittex impjieg fl-Irlanda hija prevista fl-Artikolu 139 tal-liġi kkonsolidata tal-2005 fuq is-sigurtà soċjali u s-servizzi soċjali (kif emendata) (7).

15.      L-Artikolu 141 tal-liġi tal-2005 applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali jiddefinixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għoti tal-allowance, fosthom l-eżami tar-riżorsi tal-applikant u l-verifika tan-natura abitwali ta’ residenza fuq it-territorju tal-Istat. Bil-kuntrarju, ma huwiex ikkontestat li l-ħaddiem impjegat u l-ħaddiem li jaħdem għal rasu t-tnejn jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ allowancegħal min ikun qiegħed ifittex impjieg (8).

16.      Skont l-Artikolu 246(5) tal-liġi tal-2005, persuna li ma għandhiex id-dritt ta’ residenza fl-Irlanda ma hijiex ikkunsidrata bħala abitwalment residenti f’dan l-Istat għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dik il-liġi.

17.      L-Artikolu 246(6) tal-liġi tal-2005 jippreċiża li, fost il-persuni li huma meqjusa li għandhom id-dritt ta’ residenza fl-Irlanda għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-subartikolu 5 ta’ dan l-artikolu, hemm il-persuni li għandhom id-dritt jidħlu u jirrisjedu fuq it-territorju tal-Istat bis-saħħa tar-regolament tal-2006.

III. Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali

18.      F. Gusa, ċittadin Rumen, wasal fl-Irlanda matul ix-xahar ta’ Ottubru tal-2007. Matul l-ewwel sena tar-residenza tiegħu fl-Irlanda, it-tfal tiegħu, li wkoll kienu jirrisjedu fl-Irlanda, għenuh sabiex jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu. Imbagħad, minn Ottubru tal-2008 sa Ottubru tal-2012, huwa ħadem bħala kaħħal għal rasu.

19.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, F. Gusa kien kostrett jieqaf mill-attività tiegħu minħabba nuqqas ta’ klijenti minħabba r-riċezzjoni ekonomika. Imbagħad huwa ressaq applikazzjoni għal allowance għal min ikun qiegħed ifittex xogħol li kienet ġiet rifjutata b’deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2012.

20.      Id-deċiżjoni ta’ rifjut kienet ibbażata fuq il-motiv li F. Gusa ma kienx jirrisjedi abitwalment fl-Irlanda, għaliex l-istatus ta’ resident abitwali kien issubordinat għall-pussess ta’ dritt ta’ residenza fis-sens tar-regolament tal-2006. Issa, huwa kien meqjus li kien tilef dan id-dritt wara li waqaf mill-attività tiegħu ta’ ħaddiem għal rasu. Barra minn hekk, F. Gusa ma kienx wera li huwa kellu riżorsi suffiċjenti sabiex jiżgura l-għixien tiegħu u lanqas assigurazzjoni medika komprensiva. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkonstatat li F. Gusa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 6(2)(a) tar-regolament tal-2006 [li jittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38]. Barra minn hekk, bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu, huwa lanqas ma kien igawdi mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6(2)(ċ)(ii) tar-regolament tal-2006 [li jittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38].

21.      F. Gusa ġie awtorizzat iressaq rikors għal annullament quddiem il-High Court (qorti għolja, l-Irlanda) li kkonfermat id-deċiżjoni ta’ rifjut. Imbagħad, F. Gusa ppreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda).

22.      Skont l-Artikolu 64 tal-Kostituzzjoni Irlandiża, l-appell ġie mibgħut lill-qorti tar-rinviju li xtaqet takkwista l-għajnuna tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet applikabbli kienu jimplementaw diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Għalhekk, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2016, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2016, il-Court of Appeal (qorti tal-appell, l-Irlanda) iddeċidiet li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ċittadin tal-Unjoni 1) ċittadin ta’ Stat Membru ieħor; 2) li rrisjeda legalment u eżerċita attività ta’ persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ospitanti għal madwar erba’ snin; 3) li waqaf mix-xogħol tiegħu jew l-attività ekonomika tiegħu minħabba nuqqas ta’ xogħol u 4) li huwa persuna li qed tfittex xogħol irreġistrata mal-uffiċċju tal-impjiegi kompetenti jżomm il-kwalità ta’ persuna li taħdem għal rasha skont l-Artikolu 7(1)(a), jew l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE jew għal raġuni differenti?

2)      Jekk le, iżomm id-dritt li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti mingħajr ma jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 7(1) (b) jew (c) tad-Direttiva 2004/38/KE jew huwa protett kontra t-tkeċċija skont l-Artikolu 14(4)(b) tal-istess direttiva?

3)      Jekk le, ir-rifjut li tingħata lil tali persuna benefiċċju għal persuna li qed tfittex xogħol (li jikkostitwixxi benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004) minħabba li din il-persuna ma jkollhiex dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?”

24.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Irlandiż, Ċek, Daniż, Franċiż, Ungeriż, mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

25.      Barra minn hekk, ħlief għall-Gvern Daniż u għall-Gvern Ungeriż, huma kollha ttrattaw oralment waqt is-seduta li nżammet fl-14 ta’ Ġunju 2017. Il-Gvern Ġermaniż, li ma kienx ippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, esprima l-argumenti tiegħu wkoll waqt din is-seduta.

V.      Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38

26.      Fit-tqassim tal-kompetenzi li hemm fis-seħħ bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, fil-prinċipju, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet fattwali li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni humiex sodisfatti fil-kawża pendenti quddiemha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, jekk ikun il-każ, meta tiddeċiedi fuq rinviju preliminari, hija tista’ tagħmel xi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (9).

27.      F’dan il-każ, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir kif għandhom jiġu interpretati l-kundizzjonijiet li taħthom huwa awtorizzat id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni skont id-Direttiva 2004/38.

28.      F’dan il-kuntest, jidher li hija tiskarta l-possibbiltà li F. Gusa kien akkwista dritt ta’ residenza permanenti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-prinċipju li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma sostniex li huwa kellu d-dritt jibbenefika minn residenza permanenti fix-xahar ta’ Novembru 2012 (10). F. Gusa nnifsu jikkonferma, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li huwa ma jippretendix li kien issodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 matul il-perjodu ta’ residenza preċedenti x-xahar ta’ Ottubru 2008 (11). Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata waqt is-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2017.

29.      Jien sorpriż b’dawn id-dikjarazzjonijiet. Fil-fatt, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu rrisjedew legalment matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti f’dak it-territorju.

30.      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, wara l-ewwel tliet xhur, ir-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni hija legali jekk huwa għandu riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu u minn assigurazzjoni ta’ mard komprensiva f’dak l-Istat.

31.      Din id-dispożizzjoni ma tinkludi lanqas l-iċken rekwiżit dwar il-provenjenza ta’ dawk ir-riżorsi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kliem “għandhom biżżejjed riżorsi” li jidhru f’din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens “huwa biżżejjed li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiddisponu minn tali riżorsi, mingħajr ma tipprovdi l-iċken rekwiżit fir-rigward tas-sors tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, miċ-ċittadin ta’ Stat terz” (12). A fortiori għandu jkun aħjar meta r-riżorsi inkwistjoni huma pprovduti minn ċittadin tal-Unjoni.

32.      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, huma ulied F. Gusa, residenti legalment fl-Irlanda, li kienu għenu lil missierhom matul l-ewwel sena tar-residenza tiegħu fl-Irlanda (13). Minflok ma jikkontestaw din l-informazzjoni, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jirrepetu dan l-element fattwali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom (14).

33.      Il-fatt li F. Gusa jikkunsidra li s-sostenn li huwa kien jirċievi kien limitat u insuffiċjenti għall-finijiet tad-Direttiva 2004/38 (15) ma jidhirlix li huwa rilevanti sabiex tiġi evalwata l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

34.      Fil-fatt, b’effett mill-mument li fih F. Gusa ma talabx lis-sistema soċjali tal-Irlanda sabiex tgħin il-bżonnijiet tiegħu matul l-ewwel sena tar-residenza tiegħu, ir-riżorsi li fuqhom huwa bbaża ruħu kellhom jitqiesu li kienu biżżejjed. Huma ma setgħux jiġu kkunsidrati, a posteriori, bħala insuffiċjenti fis-sens tad-Direttiva 2004/38 la darba ċ-ċittadin tal-Unjoni ma kienx, skont il-kliem ta’ din id-direttiva, ta’ “piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti”.

35.      Għaldaqstant, nikkunsidra li l-ewwel sena ta’ residenza ta’ F. Gusa fuq it-territorju Irlandiż kienet legali. Imma, jekk dan l-ewwel perijodu jippreċedi, mingħajr interruzzjoni, l-erba’ snin li matulhom F. Gusa ħadem bħala kaħħal għal rasu, huwa għandu jiġi kkunsidrat li bbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti fuq it-territorju Irlandiż taħt l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 minn Ottubru tal-2012 (16).

36.      F’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk F. Gusa żammx jew le l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 ma tqumx iktar għaliex il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 ma japplikawx għad-dritt ta’ residenza permanenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, dan id-dritt ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tad-direttiva.

37.      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

38.      Mill-preċedenti jirriżulta li d-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju huma utli biss fil-każ li l-eżami tal-fatti fil-kawża prinċipali jkollu juri interruzzjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ F. Gusa li tista’ tirrendi inoperanti l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38. Issa, din l-interruzzjoni ma tidher imkien fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja (17). Huwa b’dawn l-osservazzjonijiet preliminari f’moħħi li sejjer neżamina d-domandi li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja.

B.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.      Eżami ta’ din il-kwistjoni inkonnessjoni biss mal-Artikolu 7(3) TFUE tad-Direttiva 2004/38 (u mhux mat-TFUE)

39.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ċittadin tal-Unjoni, li għex regolarment u wettaq attività ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ospitanti għal madwar erba’ snin, iżommx l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu taħt l-Artikolu 7(1)(a) jew l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 jew taħt xi titolu ieħor, wara li jkun waqaf mix-xogħol tiegħu jew l-attività tiegħu minħabba nuqqas ta’ xogħol u jkun irreġistra bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg ma’ uffiċċju ta’ impjieg kompetenti.

40.      Billi t-tieni domanda preliminari li saret mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda wkoll il-possibbiltà taż-żamma ta’ dritt ta’ residenza fil-każ fejn ċittadin tal-Unjoni li jsib ruħu fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jissodisfax la l-kriterji tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 lanqas il-kriterji tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38, fil-kuntest ta’ din l-ewwel domanda sejjer nindirizza biss il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ benefiċċju ta’ dritt ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 hija eskluża għaliex ma huwiex ikkontestat li, dakinhar tal-fatti, F. Gusa ma kienx għadu “ħaddiem” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-kwistjoni li tqum hija, preċiżament, dik jekk huwa setax iżomm dan l-istatus meta huwa ma baqax iwettaq iktar attività (bħala impjegat jew għal rasu) kif rikjest mill-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, sejjer neżamina l-possibbiltà ta’ benefiċċju mid-dritt ta’ residenza fuq bażi oħra minn dik tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari.

2.      Interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju

41.      Skont l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadin tal-Unjoni jżomm l-istatus ta’ ħaddiem – u għaldaqstant id-dritt ta’ residenza fuq it-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni għal aktar minn tliet xhur jekk – “il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti”.

42.      Il-qorti tar-rinviju tqis li kieku hija jkollha tinterpreta t-test li jittrasponi l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt Irlandiż b’konformità mat-tifsira abitwali tal-frażi “wara li ħadmet”, ma hijiex sejra tinkludi s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju turi li hija sensibbli għall-argument żviluppat quddiemha minn F. Gusa. Skont dan l-argument, din il-konsegwenza ma hijiex kompatibbli mal-intenzjoni li ssostni d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-leġiżlazzjoni adottata b’applikazzjoni tagħhom.

43.      Għaldaqstant, id-dubji tal-qorti tar-rinviju tqajjmu mill-kontradizzjoni li possibbilment teżisti bejn il-kliem tat-test applikabbli u l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

44.      F. Gusa, il-Gvern Daniż u Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li ma tista’ ssir l-ebda distinzjoni bejn ħaddiema impjegati u dawk għal rashom fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38. Bil-kuntrarju, il-Gvern Irlandiż, Ċek, Franċiż u dak tar-Renju Unit jikkunsidraw li huma biss il-ħaddiema impjegat li huma koperti b’din id-dispożizzjoni.

3.      Interpretazzjoni litterali

45.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (18).

46.      Fil-fatt, għalkemm “it-test ta’ dispożizzjoni […] huwa dejjem il-punt ta’ tluq u fl-istess ħin il-limitu ta’ kull interpretazzjoni” (19), l-interpretazzjoni teleoloġika ssir fakultattiva biss fil-każ fejn it-test inkwistjoni huwa assolutament ċar u univoku (20).

47.      Barra minn hekk, għandha titfakkar ukoll il-partikolarità marbuta mal-multilingwiżmu tal-Unjoni li minnha jirriżulta li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-unika bażi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Għaldaqstant, f’każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li minnha din id-dispożizzjoni tifforma parti (21).

48.      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 ma jikkonfermawx l-idea li l-leġiżlatur ried jillimita ż-żamma tal-istatus ta’ “ħaddiem” biss għal dawk iċ-ċittadini li huma impjegati għal iktar minn sena. Għall-kuntrarju, l-impressjoni li titnissel minn eżerċizzju komparattiv hija waħda ta’ newtralità fir-rigward tal-metodu li bih titwettaq l-attività professjonali.

49.      F’kull każ, kuntrarjament għal dak li jsostnu diversi Stati Membri li intervjenew fil-proċedura, huwa ċert li r-riferiment għall-fatt li “kienet impjegata” ma tidhirx fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha. Fil-fatt, jekk dan il-kliem jinsab fil-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (haber estado empleado”), fil-lingwa Ingliża (“having been employed”), fil-lingwa Franċiża (“avoir été employé”) jew ukoll fil-lingwa Slovena (“ko je bil zaposlen”), jeżistu kliem jew frażi kompletament newtri li huma użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħra. Huwa hekk, b’mod partikolari, li fil-verżjonijiet fil-lingwa Olandiża (“te hebben gewerkt”) u fil-lingwa Finlandiża (“työskenneltyään”) tintuża l-frażi “wara li tkun ħadmet”, li l-verżjoni fil-lingwa Griega (“επαγγελ μ ατική δραστηριότητα”) tinvoka l-eżerċizzju ta’ “attività professjonali”, filwaqt li l-verżjoni fil-lingwa Taljana tillimita ruħha saħansitra għal eżerċizzju ta’ “attività” inġenerali (“aver esercitato un’attività”). Fl-aħħarnett, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni li fihom jinsabu, il-kliem Bulgara “zaet” u l-kelma Ġermaniża “Beschäftigung” jistgħu wkoll jiġu tradotti bil-frażi ġenerali ta’ “okkupazzjoni” mingħajr konnotazzjonijiet oħra.

50.      Din id-disparità bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 tirrikjedi riferiment għall-istruttura tad-dispożizzjoni kif ukoll għall-għan tal-leġiżlazzjoni. Issa, kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni jikkonfermaw li l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħmilx distinzjoni bejn il-mod li bih iċ-ċittadin tal-Unjoni eżerċita l-attività ekonomika li permezz tagħha rebaħ l-istatus ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38.

4.      Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38

51.      Jien ma nikkontestax li d-Direttiva 2004/38 tissodisfa diversi għanijiet differenti, imma dawn jiffurmaw parti minn ġerarkija.

52.      Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-ewwel erba’ premessi tad-Direttiva 2004/38 li din hija intiża, qabel xejn sabiex “[tiffaċilita] u [sabiex i]saħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri” (22). Barra minn hekk, anki l-isem ta’ din id-direttiva jirrifletti dan. Għan ieħor huwa espress fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva. Skont din il-premessa, “[d]awk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza”. Madankollu dan it-tieni għan jeżisti biss minħabba l-ewwel wieħed: billi d-direttiva hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza, l-Istati Membri ħassew li kien meħtieġ li jiġi żgurat li l-piż finanzjarju ta’ din il-libertà jkun ikkontrollat.

53.      Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tirrifletti dan il-kompromess. Fil-fatt, meta l-Qorti tal-Ġustizzja użat għall-ewwel darba l-kliem li “iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni hija intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (23), hija żiedet li dan l-istatus jippermetti liċ-ċittadini tal-Istati Membri li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni li, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, jiksbu l-istess trattament ġuridiku, “bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward” (24). Billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà ta’ limiti fl-eżerċizzju taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (25).

54.      Huwa f’dan is-sens li għandhom jiftiehmu s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597), u tal-25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et (C‑299/14, EU:C:2016:114).

55.      Huwa minnu li fil-punt 74 tas-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[j]ekk jiġi aċċettat li persuni li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38 jkunu jistgħu jinvokaw dritt għal benefiċċji soċjali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali, dan ikun imur kontra wieħed mill-għanijiet tad-direttiva msemmija, imsemmi fil-premessa 10 tagħha, li huwa intiż biex jevita li ċ-ċittadini tal-Unjoni ċittadini ta’ Stati Membri oħra jsiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti”. Madankollu, dan xejn ma huwa każ ta’ treġġiegħ lura tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38. Għalkemm, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti importanza lill-għan sussidjarju tad-Direttiva 2004/38, dan kien minħabba s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari li tressqet quddiemha. Fil-fatt, is-suġġett prinċipali tal-kawżi li wasslu għat-tliet sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet ma kienx jikkonċerna l-kwistjoni tad-dritt ta’ residenza imma dak, partikolari, tad-dritt għal benefiċċji soċjali fl-Istat Membru ospitanti. Din il-kwistjoni kienet għaldaqstant tqum f’data wara l-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment imma kienet inseparabbli mil-legalità tar-residenza.

56.      Bil-kuntrarju, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja timmira primarjament il-legalità tar-residenza għaliex issemmi d-dispożizzjoni tad-direttiva li jirregolaw il-kwistjoni ta’ aktar mill-ewwel tliet xhur sakemm jiġi akkwistat dritt ta’ residenza permanenti (26). Imma l-leġiżlatur espressament xtaq jittratta s-suġġett tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza “[b]il-għan li jiġi rrimedjat dan l-approċċ settorjali u frammentarju” (27) prevalenti qabel, u dan “biex jiġi faċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt” (28). Għaldaqstant, l-ambizzjoni unifikatriċi ta’ din id-direttiva, ibbażata fuq il-kunċett fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, timmilita favur approċċ iġġeneralizzat tal-prinċipji, estensjonijiet u limiti li huma marbutin mad-dritt ta’ moviment liberu u mad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni (29).

57.      Inżid ukoll li, “[f]id-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/38, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv […]” (30).

58.      Minn din il-perspettiva, il-ħolqien ta’ distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet ta’ persuna impjegata u ħaddiem li jaħdem għal rasu fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 iwassal sabiex tiġi miċħuda r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li indika espressament fil-premessa 3 li kien “neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni” (31).

59.      Dan l-għan tad-direttiva ġie enfasizzat mill-ġdid mill-Qorti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 25). Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ssintesizzat l-ambitu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 billi stabbiliet l-erba’ każijiet li din id-dispożizzjoni tipprospetta mingħajr ma tiddistingwi bejn il-ħaddiema impjegati u dawk għal rashom. Għall-kuntrarju, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[l]-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, jispeċifika li, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a) tal-istess direttiva, iċ-ċittadin tal-Unjoni li ma jeżerċitax iktar attività bħala ħaddiem impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha, iżomm xorta waħda l-kwalità ta’ ħaddiem f’każijiet partikolari, jiġifieri meta dan iġarrab inkapaċità temporanja għax-xogħol minħabba mard jew inċident, meta, f’ċerti każijiet, huwa jsib ruħu b’mod involontarju mingħajr xogħol, jew ukoll meta jibda, taħt kundizzjonijiet determinati, taħriġ professjonali” (32).

5.      Fuq l-istruttura tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38

60.      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38, li tfisser li ma għandux ikun hemm distinzjoni skont jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni jkunx eżerċita għal tul ta’ sena l-attività professjonali tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ impjieg jew bħala ħaddiem għal rasu hija msaħħa mill-istruttura tal-artikolu.

61.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jirregola d-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur. L-istruttura tiegħu hija waħda loġika. Qabel xejn, il-paragrafu 1 jistabbilixxi l-prinċipju billi jsemmi tliet każi li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni għandhom d-dritt ta’ residenza fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal tul ta’ iktar minn tliet xhur. L-ewwel wieħed minn dawn il-każi huwa dak ta’ “ħaddiem jew nies li jaħdmu għal rashom”, it-tieni każ jikkonċerna ċ-ċittadin li għandu biżżejjed riżorsi sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti u assigurazzjoni ta’ mard komprensiva u t-tielet każ isemmi l-istudenti. Imbagħad, il-paragrafu 2 jestendi l-benefiċċju ta’ dan id-dritt għall-membri tal-familja ta’ ċittadin li jsib ruħu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 li ma għandux in-nazzjonalità ta’ Stat Membru (bla ħsara għal-limitazzjonijiet imposti fil-paragrafu 4. Fl-aħħarnett, il-paragrafu 3 jistabbilixxi finzjoni legali billi jżomm fis-seħħ l-effetti tal-ewwel każ imsemmi fil-paragrafu 1 – jiġifieri dak tal-ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha – fl-erba’ sitwazzjonijiet tassattivament elenkati.

62.      Moqri fit-totalità tiegħu, ma hemm l-ebda dubju li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn iċ-ċittadin li jkun ħadem bħala impjegat u dak li jkun wettaq attività għal rasu. Minn naħa, l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 li għalih huwa jirreferi jsemmi ż-żewġ sitwazzjonijiet espressament. Min-naħa l-oħra, l-erba’ każijiet imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 7 huma lkoll introdotti bl-istess kelma tal-bidu. Issa, dan isemmi wkoll, mingħajr ma jagħmel distinzjoni, “iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li ma għadux jew ma għadux jaħdem għal rasu”. Barra minn hekk, hija tippreċiża wkoll, espressament, li dan iċ-ċittadin “għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha” (33) fl-erba’ każijiet li jissemmew fid-dispożizzjoni mingħajr ma tagħmel l-ebda distinzjoni.

63.      Barra minn hekk, dan il-qari tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 huwa msaħħaħ mill-istruttura tad-Direttiva 2004/38 li hija bbażata fuq l-Artikoli 12 u 18 KE (illum l-Artikoli 18 u 21 TFUE) dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fuq it-territorju tal-Istati Membri, fuq l-Artikolu 40 KE (li sar l-Artikolu 46 TFUE) dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema imma wkoll fuq l-Artikoli 44 KE u 52 KE (illum l-Artikoli 50 u 59 TFUE) dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (34).

6.      Konklużjoni intermedjarja

64.      Fid-dawl tal-istruttura tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 u tal-għan prinċipali mfittex minnha, jiena nikkunsidra li l-punt b) ta’ din id-dispożizzjoni jkopri ċ-ċittadin tal-Unjoni li wettaq attività ekonomika għal perijodu ta’ sena, kemm jekk bħala ħaddiem kif ukoll bħala persuna li taħdem għal rasha.

65.      Konkretament, għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tapplika għal ċittadin tal-Unjoni li, bħal F. Gusa, ikun irrisjeda regolarment u wettaq attività ta’ xogħol għal rasu fi Stat Membru ospitanti għal tul ta’ madwar erba’ snin, li jkun waqaf mix-xogħol tiegħu jew mill-attività ekonomika minħabba nuqqas ta’ xogħol u li huwa persuna li qiegħda tfittex impjieg li rreġistra mal-uffiċċju ta’ impjieg kompetenti. Dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jżomm l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu taħt l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38.

66.      L-interpretazzjoni kuntrarja ser twassal sabiex iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun wettaq attività ekonomika bħala ħaddiem impjegat għal tul ta’ sena ser ikun “protett” aħjar minn ċittadin tal-Unjoni ieħor li jkun wettaq attività ekonomika u kkontribwixxa għall-finanzjament tas-sistema fiskali u soċjali tal-Istat Membru ospitanti għal tul ta’ erba’ snin imma bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu (l-attività inkwistjoni setgħet, jekk ikun il-każ, kienet identika fiż-żewġ każi).

C.      Fuq it-tieni domanda preliminari

67.      It-tieni domanda tqum biss fil-każ li l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 ikollu jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li jeskludi mill-kamp tal-applikazzjoni tiegħu l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom; għaldaqstant sejjer neżaminaha biss fil-qosor, sabiex inkun eżawrjenti.

68.      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda regolarment u wettaq attività ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ospitanti għal madwar erba’ snin u li jkun waqaf mix-xogħol tiegħu jew mill-attività ekonomika tiegħu minħabba nuqqas ta’ xogħol iżommx id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti biss jekk ikunu sodisfatti l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) jew (ċ) tad-Direttiva 2004/38, jew jekk huwiex protett kontra t-tkeċċija biss taħt l-Artikolu 14(4)(b) tal-istess direttiva.

69.      Preliminarjament, niċċara li jiena naqbel mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 pprospettata mill-qorti tar-rinviju fi tmiem it-tieni domanda tagħha. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-punt 58 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597) (35), l-istruttura tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 u l-kliem tal-Artikolu 14(4)(b) tagħha ma jippermettux li din id-dispożizzjoni titqies bħala l-bażi ta’ dritt ta’ residenza.

70.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 huwa intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”. Din is-sitwazzjoni hija prevista fl-ewwel żewġ paragrafi tal-artikolu, li jsemmu s-sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom “għandhom id-dritt ta’ residenza”, ħaġa li ma jagħmilx l-Artikolu 14(4) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 isemmi espressament sitwazzjoni “ta’ deroga” għall-ewwel żewġ paragrafi, jiġifieri, għaldaqstant, sitwazzjoni li fiha d-dritt ta’ residenza ma jeżistix iktar. F’dan il-każ, madankollu, iċ-ċittadin tal-Unjoni li daħal fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex ifittex xogħol huwa protett kontra t-tkeċċija sakemm huwa jista’ jipprovdi evidenza li qiegħed ikompli jfittex xogħol u li għandu ċans ġenwin li jsibu.

71.      Issa li ddikjarajt dan u sabiex nirrispondi għad-domanda li saret, nikkunsidra li ċittadin tal-Unjoni li jinsab fis-sitwazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju, jibbenefika minn ferm iktar minn sempliċi protezzjoni kontra t-tkeċċija.

72.      Fil-verità, il-problema li qajmet il-qorti tar-rinviju ma hijiex ġdida għal kollox. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma jirriżultax, la mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 lanqas minn dispożizzjonijiet oħra tagħha li ċittadin tal-Unjoni li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti f’dak l-artikolu kien, minħabba f’hekk, sistematikament imċaħħad mill-istatus ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn dan li ma setax jiġi sostnut li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 jelenka b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi li fihom ħaddiem emigrant, li ma għadux iktar f’kuntratt ta’ xogħol, jista’ madankollu jibqa’ jibbenefika minn dak l-istatus (36).

73.      Huwa ċar li din l-analiżi tad-Direttiva 2004/38 u b’mod partikolari tal-Artikolu 7(3) tagħha tapplika wkoll għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu li jkun uża l-libertà ta’ moviment iggarantita mill-Artikolu 49 TFUE. Fil-fatt, ma tistax issir distinzjoni f’dan ir-rigward fuq il-bażi tal-mod ta’ eżerċizzju tal-attività ekonomika mwettqa miċ-ċittadin tal-Unjoni – impjegat jew għal rasu – għaliex “[i]d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat [FUE] dwar il-moviment ħieles tan-nies għandhom il-għan li jtejbu, għaċ-[ċittadini tal-Unjoni], l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ kull natura fuq it-territorju kollu tal-[Unjoni] u ma jippermettux miżuri li jistgħu jiżvantaġġaw liċ-ċittadini meta huma jkollhom l-intenzjoni li jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” (37). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE jiżguraw l-istess protezzjoni legali, u għalhekk il-kwalifika tal-mod li bih tiġi eżerċitata l-attività ekonomika hija rrilevanti (38).

74.      Ninnota wkoll, b’mod sussidjarju, li huwa b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni li l-Artikolu 45(3)(ċ) TFUE jiggarantixxi liċ-ċittadin tal-Unjoni, id-dritt li “joqgħod f’kull Stat Membru sabiex jaħdem f’impjieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat” (39).

75.      Għaldaqstant, jekk l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 ġie interpretat fis-sens li ma jelenkax b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi li fihom ħaddiem emigrant li ma għadux iktar impjegat jista’ madankollu jibqa’ jibbenefika minn dan l-istatus, ma jistax ikun mod ieħor għall-ħaddiem emigrant li għadux iktar jaħdem għal rasu.

76.      Barra minn hekk, fil-każ kuntrarju, huwa sejjer jiġi ttrattat bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg għall-ewwel darba li ma tkun ikkontribwixxiet qatt, meta, l-istess bħall-ħaddiema impjegati, huwa jkun ikkontribwixxa għas-sistema fiskali u ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

77.      Fl-aħħarnett, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 tidħol fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, wara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 13), il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema timplika d-dritt għaċ-ċittadini tal-Istati Membri li jiċċirkulaw liberament fuq it-territorju tal-Istati Membri l-oħra imma wkoll dak li jirrisjedu hemm sabiex ifittxu xogħol. Huwa għalhekk li, abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-assenza temporanja ta’ persuna minn fuq is-suq tax-xogħol għal raġunijiet, pereżempju, ta’ inkarċerazzjoni (40) jew ta’ leave ta’ maternità (41), ma tfissirx li din ma baqgħetx tappartjeni lil dak is-suq matul dan il-perijodu bil-kundizzjoni li hija ssib xogħol fi żmien raġonevoli.

78.      Din is-soluzzjoni hija konformi mal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 1 sa 3 tat-Titolu IV tat-Trattat FUE li huma intiżi sabiex jiżguraw il-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, ċittadin tal-Unjoni ser jiġi skoraġġut milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu jekk, fil-każ li l-attività ekonomika tiegħu tiġi biex tonqos indipendentement mill-volontà tiegħu, anki jekk dan ikun għal żmien qasir biss, huwa jirriskja li jitlef l-istatus ta’ ħaddiem f’dan l-Istat (42).

79.      Għaldaqstant u fid-dawl tal-konklużjonijiet preċedenti, nikkunsidra li ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda regolarment u li jkun eżerċita attività ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ospitanti għal madwar erba’ snin u li jkun waqaf mix-xogħol tiegħu jew mill-attività ekonomika tiegħu minħabba nuqqas ta’ xogħol, iżomm l-istatus ta’ “ħaddiem”, u għalhekk id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, sakemm huwa jfittex xogħol, jerġa’ jibda l-attività ekonomika tiegħu jew jsib xogħol f’perijodu ta’ żmien raġonevoli wara l-waqfien tal-attività għal rasu li jkun iwettaq preċedentement, u dan abbażi tal-Artikoli 45 u 49 TFUE.

D.      Fuq it-tielet domanda preliminari

80.      It-tielet domanda tqum biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rifjut ta’ għoti lil persuna li tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ta’ allowancelil persuna li qiegħda tfittex impjieg (li tikkostitwixxi benefiċċju speċjali li ma huwiex kontributorju u li jingħata fi flus fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004) għall-motiv li dik il-persuna ma tgawdix mid-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

81.      Sabiex tingħata risposta għal din it-tielet domanda, jeħtieġ li tiġi ddelimitata preċiżament is-sitwazzjoni pprospettata: dan huwa każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għadux iktar igawdi mid-dritt ta’ residenza fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti imma ser ikun protett mit-tkeċċija minn dak it-territorju taħt l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38.

82.      Barra minn hekk, huwa neċessarju wkoll li tiġi stabbilita n-natura tal-benefiċċju mitlub. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju. Issa, skont dik il-qorti, jidher li l-allowancelil persuna li qiegħda tfittex impjieg mitlub hija benefiċċju speċjali li ma huwiex kontributorju u li jingħata fi flus fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 li jikkostitwixxi wkoll benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (43).

83.      F’dan il-każ speċifiku u fil-preżenza ta’ allowanceli għandha din in-natura doppja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-benefiċċju ta’ dan it-tip ta’ allowances liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra filwaqt li dawn ikunu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni (44).

84.      Bil-kuntrarju, jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkunsidra, finalment, li l-funzjoni prinċipali tal-allowances inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik li tiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol, ma jistax jiġi applikat l-istess raġunament (45).

85.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li “fid-dawl tal-ħolqien taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni u ta’ l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tad-dritt għal trattament ugwali li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, m’[huwiex] iktar possibbli li mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [45(2) TFUE], li huwa l-espressjoni tal-prinċipju fundamentali tat-trattament ugwali ggarantit mill-Artikolu [18 TFUE], jiġi eskluż benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru” (46).

86.      Madankollu, fil-punt 38 tas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li kien “leġittimu li Stat Membru jagħti tali għajnuna biss wara li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna li qed tfittex ix-xogħol u s-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat”.

87.      Jekk tista’ tiġi vverifikata din ir-rabta, b’mod partikolari, bil-konstatazzjoni li l-persuna inkwistjoni kienet, għal perijodu ta’ tul raġonevoli, effettivament u verament fittxet impjieg fl-Istat Membru inkwistjoni (47), dan ir-raġunament japplika a fortiori fejn il-persuna tkun effettivament wettqet xogħol – bħala impjegat jew għal rasu – għal diversi snin.

88.      Din l-interpretazzjoni ma hijiex kontradetta mis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436). Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li xejn ma jopponi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali lil ċittadini inattivi ekonomikament għall-kundizzjoni li dawn jissodisfaw rekwiżiti imposti sabiex igawdu minn dritt ta’ residenza legali fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip xorta tibqa’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta (48). Għaldaqstant, sabiex tkun iġġustifikata, hija għandha tfittex għan leġittimu u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu.

89.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huwa biss kontroll sistematiku tal-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva 2004/38 għall-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza li ser ikun kuntrarju għar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(2) ta’ dik id-direttiva (49). Issa, il-projbizzjoni ta’ kontroll sistematiku timplika, neċessarjament, ċertu kontroll individwalizzat. Fil-fatt, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni suġġett għall-evalwazzjoni tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436), il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonstata li “[h]uwa biss f’każijiet partikolari li l-persuni li jitolbu l-benefiċċji huma meħtieġa jipproduċu l-prova li effettivament igawdu minn dritt ta’ residenza regolari” (50). Għaldaqstant, jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma għandux il-possibbiltà li juri l-legalità tar-residenza tiegħu, kemm jekk din tkun ibbażata fuq id-Direttiva 2004/38 kemm fuq xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għar-regolarità tar-residenza ma tistax tkun ikkunsidrata bħala proporzjonata għall-għan imfittex.

90.      F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk l-allowancelil persuna li qiegħda tfittex impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija benefiċċju ta’ sigurtà soċjali fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-benefiċċju ta’ allowance lil persuna li qiegħda tfittex impjieg (li jikkostitwixxu benefiċċju speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004), liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li għandhom rabta reali mas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat u ma għandhomx l-opportunità li jippruvaw dan.

VI.    Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda) bil-mod kif ġej:

“1)      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fuq it-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar d-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tagħti dritt ta’ residenza permanenti liċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jkun għex għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti mingħajr ma applika għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

2)      L-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkun wettaq attività ekonomika għal perijodu ta’ sena fl-Istat Membru ospitanti, kemm jekk dik l-attività tkun ta’ ħaddiem impjegat kif ukoll jekk tkun ta’ persuna li taħdem għal rasha.

3)      L-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin tal-Unjoni li jkun għex regolarment u wettaq attività ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ospitanti għal madwar erba’ snin u li waqaf ix-xogħol tiegħu jew l-attività ekonomika tiegħu minħabba nuqqas ta’ xogħol, iżomm l-istatus ta’ ‘ħaddiem’, u għalhekk id-dritt li jgħix fl-Istat Membru ospitanti, sakemm huwa jfittex xogħol, jerġa’ jibda l-attività ekonomika tiegħu jew isib impjieg ieħor fi żmien raġonevoli wara t-tmiem tal-attività tiegħu ta’ ħaddiem għal rasu li kien iwettaq qabel.

4)      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jopponu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-benefiċċju ta’ ċerti ‘benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus’, fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, u li jiffurmaw ukoll parti minn ‘għajnuna soċjali’, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik li tissemma fl-Artikolu 14(4)(b) ta’ dik id-direttiva, meta dawn l-allowances huma ggarantiti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

Bil-kuntrarju, l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 988/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jopponu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-benefiċċju ta’ allowance lil persuna li qiegħda tfittex impjieg (li tikkostitwixxi ‘benefiċċju soċjali li ma huwiex kontributorju u li jingħata fi flus’ fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 mingħajr ma tissodisfa d-definizzjoni ta’ ‘għajnuna soċjali’, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38), liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li għandhom rabta reali mas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat u li ma għandhomx l-opportunità li jippruvaw dan.”


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.


3 –      ĠU 2009, L 284, p. 43.


4 –      Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kelma “ħaddiem” użata mingħajr ebda speċifikazzjoni oħra tirreferi b’mod ġenerali għall-persuna li teżerċita attività ekonomika, kemm jekk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk taħdem għal rasha.


5 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.


6      European Communities (Free Movement of Persons) (n° 2) Regulations 2006, (SI 2006, nº 656, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”).


7      Social Welfare Consolidation Act 2005 (as amended), iktar ’il quddiem il-“liġi tal-2005”.


8      Ara t-talba għal deċiżjoni preliminari, punt 16.


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 23).


10      Ara l-punt 5 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


11      Ara l-punt 9 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ F. Gusa.


12      Is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 74), enfasi miżjuda minni. Għal konferma iktar riċenti, ara is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 77).


13      Ara l-punt 2 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


14      Ara l-punt 3 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ppreżentati mill-Minister for Social Protection (ministru għall-protezzjoni soċjali, l-Irlanda), l-Avukat Ġenerali u l-Irlanda.


15      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn F. Gusa.


16      Ninnota li r-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jiżviluppaw argument simili fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Ara l-punti 42 sa 50 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-Repubblika Franċiża u l-punt 18 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Kummissjoni.


17      Waqt is-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2017, ir-rappreżentant ta’ F. Gusa semma interruzzjoni tal-attivitajiet ta’ xogħol għal rasu ta’ F. Gusa bejn Ottubru tal-2008 u Ottubru 2012, u dan għal tul ta’ erba’ xhur. Madankollu, ma jidhirlix li din l-interruzzjoni jista’ jkollha effett la fuq il-legalità lanqas fuq ir-regolarità tar-residenza ta’ F. Gusa għaliex huwa kien ħadem bħala impjegat matul dan il-perijodu (u anki jekk huwa ma kien ħadem xejn għaliex huwa ma kienx irrikorra għall-għajnuna soċjali).


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 35); tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 30), kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2017, Flibtravel International u Leonard Travel International (C‑253/16, EU:C:2017:211, punt 18).


19      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Agrana Zucker (C‑33/08, EU:C:2009:99, punt 37), enfasi miżjuda minni.


20      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Schulte (C‑350/03, EU:C:2004:568, punt 88).


21      Ara, għal tifkira riċenti, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27).


22      Is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 71). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 82).


23      Is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31).


24      Is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 28), u tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 58).


25      Ara, f’dan is-sens, D. Thym, “When Union Citizens Turn into Illegal Migrants: The Dano Case”, European Law Review, vol. 40, 2015, p. 249 sa 262, b’mod partikolari p. 255.


26      Għall-kwistjoni tad-dritt ta’ residenza permanenti wara ħames snin, ara hawn fuq, Titolu A, Osservazzjonijiet preliminari.


27      Premessa 4 tad-Direttiva 2004/38.


28      Premessa 4 tad-Direttiva 2004/38.


29      Ara, f’dan is-sens, A. Iliopoulou-Penot, “Deconstructing the former edifice of Union citizenship? The Alimanovic judgment” Common Market Law Review, vol. 53, 2016, p. 1007 sa 1036, b’mod partikolari p. 1024; D. Thym, “The Elusive Limits of Solidarity: Residence Rights of and Social Benefits for Economically Inactive Union Citizens”, Common Market Law Review, vol. 52, 2015, p. 17 sa 50, b’mod partikolari p. 18.


30      Is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84).


31      Enfasi miżjuda minni.


32      Is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 27). Enfasi miżjuda minni.


33      Enfasi miżjuda minni.


34      Fuq l-effett tal-bażi legali fil-kunċett ta’ “impjieg”, ara is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Czop u Punakova (C‑147/11 u C‑148/11, EU:C:2012:538, punt 31).


35      Skont il-punt 58 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597), “mir-riferenza magħmula mill-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għall-Artikolu 14(4)(b) tagħha, jirriżulta espressament li l-Istat Membru ospitanti jista’ jiċħad kull benefiċċju tal-assistenza soċjali lil ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika minn dritt ta’ residenza abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar biss” (enfasi miżjuda minni).


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punti 31 u 38).


37      Is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑104/06, EU:C:2007:40, punt 17). Enfasi miżjuda minni.


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1991, Roux (C‑363/89, EU:C:1991:41, punt 23) kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux (C‑151/04 u C‑152/04, EU:C:2005:775, punt 47).


39      Enfasi miżjuda minni.


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262).


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007).


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 44).


43      Ara l-punt 36 tat-talba għal domanda preliminari.


44      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 63 u d-dispożittiv).


45      Ara, a contrario, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punti 45 u 46).


46      Is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 25). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 49 tal-istess sentenza u s-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 63); tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis (C‑258/04, EU:C:2005:559, punt 22), kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 37).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 70); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras uKoupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 39), kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2012, Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 46).


48      Ara l-punt 76 ta’ din is-sentenza.


49      Ara l-punt 84 ta’ din is-sentenza.


50      Il-punt 83 ta’ din is-sentenza, enfasi miżjuda minni.