Language of document : ECLI:EU:T:2016:36





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Jannar 2016 – Zafeiropoulos vs Cedefop

(Kawża T‑537/12)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi mediċi għall-persunal taċ-Cedefop – Caħda tal-offerta ta’ offerent u għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Rifjut li jingħata aċċess għal ċerti dokumenti dwar offerenti oħrajn li pparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali u tar-reputazzjoni – Protezzjoni tad-data personali – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

1.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002) (ara l-punti 36, 63)

2.                     Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ talba inizjali għal aċċess ta’ dokumenti ta’ istituzzjoni – Esklużjoni (Artikolu 263 TFUE ; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(1)) (ara l-punt 84)

3.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Assenza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punt 90)

4.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali – Oneru tal-prova – Ħsara li tirriżulta minn telf tar-reputazzjoni u tal-kredibbiltà ta’ offerent eskluż minn proċedura illegali ta’ għoti ta’ kuntratt – Talba għall-kumpens mhux issostanzjata minn spjegazzjoni jew provi – Assenza ta’ ħsara reali (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punti 91, 94)

5.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali – Kunċett – Telf ta’ opportunità ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku – Inklużjoni – Kundizzjonijiet (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punti 96, 97)

6.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti – Obbligu ta’ awtorità kontraenti li twassal sal-aħħar proċedura ta’ sejħa għal offerti – Assenza (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 101; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(1) (ara l-punt 99)

Suġġett

L-ewwel nett, talba għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni taċ-Cedefop tat-8 ta’ Ottubru 2012 li ċaħdet l-offerta ppreżentata mir-rikorrent fil-kuntest ta’ avviż ta’ kuntratt tad-19 ta’ Ġunju 2012, ippubblikat fis-suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012/S 115-189528), dwar il-provvista ta’ servizzi mediċi lill-persunal taċ-Cedefop f’Tessaloniki (il-Greċja), u tad-deċiżjoni taċ-Cedefop tad-9 ta’ Ottubru 2012 li tagħti l-kuntratt finali fl-imsemmi avviż lil offerent ieħor u mhux lir-rikorrent u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni taċ-Cedefop li ċaħdet it-talba tar-rikorrent għal aċċess għal ċerti dokumenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ avviż ta’ kuntratt, kif ukoll, it-tieni nett, talba għad-danni għall-ħsara li r-rikorrent sofra bħala konsegwenza tal-ksur allegatament imwettaq miċ-Cedefop.

Dispożittiv

1)

Id-deċiżjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) tat-8 ta’ Ottubru 2012 li ċaħdet l-offerta magħmula minn Panteleïmon Zafeiropoulos fil-kuntest tal-avviż ta’ kuntratt tad-19 ta’ Ġunju 2012 dwar il-provvista ta’ servizzi mediċi lill-persunal taċ-Cedefop f’Tessaloniki (il-Greċja), u d-deċiżjoni taċ-Cedefop tad-9 ta’ Ottubru 2012 li tagħti l-kuntratt finali fl-imsemmi avviż lil offerent ieħor u mhux lil P.Zafeiropoulos, huma annullati.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Iċ-Cedefop għandha tbati l-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż ta’ P. Zafeiropoulos.

4)

P. Zafeiropoulos għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu.