Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2024 – Gutseriev vs Il-Kunsill

(Kawża T-233/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Mikail Safarbekovich Gutseriev (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: B. Kennelly, Senior Counsel, J. Pobjoy, Barrister-at-Law, u D. Anderson, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

skont l-Artikolu 263 TFUE, tannulla (i) id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/769 tas-26 ta’ Frar 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna 1 u (ii) ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/768 tas-26 ta’ Frar 2024 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna 2 , sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrent (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti kkontestati tal-2024”)

skont l-Artikolu 277 TFUE, tiddikjara li l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 (kif emendata) u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 (kif emendat) huma inapplikabbli, sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrent, minħabba illegalità, u konsegwentement tannulla, sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrent, l-Atti kkontestati tal-2024;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li kien hemm bażi fattwali suffiċjenti li tiġġustifika li isem ir-rikorrent jiġi inkluż fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterji previsti fl-Atti kkontestati tal-2024.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 296 TFUE minħabba li l-Atti kkontestati tal-2024 huma vvizzjati minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-drittijiet għall-ħajja privata, għall-proprjetà u għal-libertà ta’ intrapriża.

____________

1 ĠU L, 2024/769

1 ĠU L, 2024/768