Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Jannar 2010 - Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill

(Kawża T-18/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Inuit Tapiriit Kanatami (Ottawa, il-Kanada), Nattivak Hunters & Trappers Association (Qikiqtarjuaq, il-Kanada) Pangnirtung Hunters' and Trappers' Organisation (Pangnirtung, il-Kanada), Jaypootie Moesesie (Qikiqtarjuaq, il-Kanada), Allen Kooneeliusie (Qikiqtarjuaq, il-Kanada), Toomasie Newkingnak (Qikiqtarjuaq, il-Kanada), David Kuptana (Ulukhaktok, il-Kanada), Karliin Aariak (Iqaluit, il-Kanada), Efstathios Andreas Agathos (Ateni, il-Greċja), Canadian Seal Marketing Group (Quebec, il-Kanada), Ta Ma Su Seal Products (Cap-aux-Meules, il-Kanada), Fur Institute of Canada (Ottowa, il-Kanada), NuTan Furs, Inc (Catalina, il-Kanada), Inuit Circumpolar Conference Greenland (ICC) (Nuuk, il-Kanada), Johannes Egede (Nuuk, il-Kanada), Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK) (Nuuk, il-Kanada) (rappreżentanti: J. Bouckaert, M. van der Woude and H. Viaene, avukati)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;

tannulla r-Regolament Nru 1007/2009, skont l-Artikolu 263 TFUE;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż tagħhom.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti, kaċċaturi u nassaba tal-foki Inuit, individwi involuti f'xi attivitajiet li jinvolvu l-prodotti mill-foki, organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw l-interessi tal-Inuit kif ukoll persuni jew kumpanniji attivi fl-ipproċessar tal-prodotti mill-foki, qed jitolbu l-annullament tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1007/2009, tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki1, li jipprovdi xi restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mill-foki fuq is-suq tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi insostenn tat-talbiet tagħhom.

L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Parlament u l-Kunsill wettqu żball ta' liġi billi użaw l-Artikolu 95 KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE) bħala bażi legali għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti jsostnu f'dan ir-rigward li l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-miżuri previsti fl-Artikolu 95 KE għandhom ikollhom bħala għan effettiv it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' stabbiliment u ta' funzjonament tas-suq intern u li s-sempliċi fatt li dawn għandhom impatt fuq l-istabbiliment tiegħu mhuwiex suffiċjenti sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 95 KE. Skont ir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat ma jirriżultax fit-titjib meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda, b'mod kuntrarju, jelemina effetiviament kull possibbiltà li jinħoloq suq intern f'dak li jirrigwarda l-prodotti mill-foki koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuti wettqu żball ta' liġi billi kisru l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 TUE u ddettaljati fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità. Huma jaffermaw li l-konvenuti ma wrewx kif l-intervent tagħhom fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea kien neċessarju. Ir-rikorrenti jsostnu li huma biss żewġ Stati Membri li diġà introduċew projbizzjoni fuq il-prodotti mill-foki. Barra minn hekk, huma jallegaw li, anki jekk l-azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea hija intiża sabiex tissodisfa r-rekwiżiti marbuta mas-sussidjarjetà, miżuri inqas stretti kienu jkunu suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mir-regolament. Ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-konvenuti għażlu projbizzjoni kważi totali tal-kummerċ tal-prodotti mill-foki pjuttost minn soluzzjoni oħra inqas restrittiva bħal rekwiżiti fir-rgward tal-ittikettjar.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat jillimita inġustament il-possibbiltajiet ta' sussistenza tagħhom, billi jikklassifika l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom fil-livell ta' metodi tradizzjonali ta' kaċċa u ta' sussistenza. Huma jaffermaw li, minkejja dan l-indħil dirett fil-ħajja ta' kuljum tagħhom, huma qatt ma nstemgħu mill-Kunsill jew mill-Parlament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament u l-Kunsill qatt ma wettqu bilanċ bejn l-interess tal-komunità Inuit ta' sussistenza fl-Artiku mat-twemmin morali ta' ċerti ċittadini tal-Unjoni u konsegwentement kisru l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Artikolu 8 tal-KEDB moqri fid-dawl tal-Artikoli 9 u 10 tal-KEDB u kif spjegati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll id-dritt fundamentali tagħhom li jinstemgħu.

____________

1 - ĠU L 286, p. 36.