Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2024 – Il-Kummissjoni vs KEPD

(Kawża T-262/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouchagiar u H. Kranenborg, aġenti)

Konvenut: Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2024 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-investigazzjoni tiegħu dwar l-użu ta’ Microsoft 365 mill-Kummissjoni Ewropea fil-Każ 2021-0518; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tlettax-il motiv.

L-ewwel motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 4(1)(b), 6 u 9 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (l-“EUDPR”), billi tiddeduċi obbligu tal-Kummissjoni Ewropea li tiddefinixxi b’mod eżawrjenti t-“tipi” ta’ data personali li għandhom jiġu pproċessati.

It-tieni motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 29(3)(a) tal-EUDPR meta ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma ddeterminatx fil-Ftehim ta’ Lliċenzjar Interistituzzjonali tal-2021 liema tipi ta’ data personali għandha tiġi pproċessata u għal liema għanijiet.

It-tieni motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9 EUDPR billi tqis applikabbli għal dan il-każ u, fi kwalunkwe każ, billi qed jiġi applikat b’mod żbaljat.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 29(3)(a) tal-EUDPR meta ġie kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi struzzjonijiet iddokumentati ċari biżżejjed.

Il-ħames motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 4(2) u 26(1) flimkien mal-Artikolu 30 tal-EUDPR billi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli tiżgura li Microsoft tipproċessa d-data personali biex tipprovdi s-servizzi tagħha biss fuq struzzjonijiet iddokumentati mill-Kummissjoni.

Is-sitt motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 29(3) tal-EUDPR fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata, tal-Artikoli 4(2), 46 u 48 tal-EUDPR biex jinstabu nuqqasijiet fl-immappjar tat-trasferimenti.

It-tmien motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ fatt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikoli 4(2), 46 u 48 tal-EUDPR.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 4(2), 46, 48(1) u (3)(a) tal-EUDPR billi qed jiġi preżunt li seħħew trasferimenti diretti ta’ data personali bejn il-Kummissjoni u Microsoft Corporation fl-Istati Uniti.

L-għaxar motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 47 tal-EUDPR.

Il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ fatt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikoli 4(1)(f), 29(3)(a), 33(1) u (2) u 36 tal-EUDPR.

It-tnax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE, in-nuqqas ta’ kompetenza u l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 52(3) tal-EUDPR meta rrakkomanda lill-Kummissjoni li tikkunsidra l-Artikoli 1, 2 u 5 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

It-tlettax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jiġu ordnati l-miżuri korrettivi tad-deċiżjoni kkontestata.

____________