Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2024 – Rotenberg vs Il-Kunsill

(Kawża T-268/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Igor Rotenberg (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: D. Rovetta, M. Campa, M. Moretto u V. Villante, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/847 tat-12 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Marzu 2024;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/849 tat-12 ta’ Marzu 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Marzu 2024;

kollettivament imsejħa l-“atti kkontestati”, sa fejn l-atti kkontestati jinkludu lir-rikorrent fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni – ksur tal-oneru tal-prova – ksur tal-kriterji ta’ inklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 1(1) (b) u (d) u fl-Artikolu 2(1)(d) u (f) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 u fl-Artikolu 3(1)(d) u (f) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014, li t-tnejn jikkonċernaw miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jimminaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 277 TFUE.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, kif ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għall-proprjetà u għal-libertà ta’ intrapriża u ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

____________