Language of document : ECLI:EU:F:2013:134

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

12 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑78/13 R

Stéphane De Loecker

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju – Assenjazzjoni mill-ġdid – Proċedura għal miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Urġenza – Assenza”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 EA, kif ukoll skont l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu S. De Loecker jitlob is-sospensjoni, sal‑15 ta’ Novembru 2013, tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2013 li permezz tagħha l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tas- Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ipproċediet, fl-interess tad-dipartiment, għat-trasferiment tal-pożizzjoni tiegħu f’Bujumbura (il-Burundi) għal pożizzjoni fi Brussell (il-Belġju), kif ukoll is-sospensjoni immedjata ta’ din id-deċiżjoni fl-istennija ta’ deċiżjoni tad-digriet li għandha ttemm il-proċedura għal miżuri provviżorji.

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji ta’ S. De Loecker hija miċħuda. L-ispejjeż huma riżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – “Fumus boni juris” – Urġenza – Natura kumulattiva – Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni

(Artikolu 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Oneru tal-prova – Dannu morali li ma jistax jiġi rrimedjat fi proċeduri għal miżuri provviżorji u lanqas fil-kawża prinċipali – Assenza ta’ urġenza

(Artikolu 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Rikors – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw, prima facie, l-għoti tal-miżuri mitluba

(Artikolu 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 35(1)(d) u 102(2) u (3))

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom b’mod partikolari jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-għoti tal-miżuri mitluba minnhom.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-apparenza ġġustifikata tat-talba (fumus boni juris) huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta. L-imħallef għal miżuri provviżorji xorta għandu jipproċedi, jekk ikun il-każ, bl-ibbilanċjar tal-interessi involuti.

(ara l-punti 17 u 18)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 3 ta’ Lulju 2008, Plasa vs Il‑Kummissjoni, F‑52/08 R, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Frar 2011, de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il‑Kummissjoni, F‑104/10 R, punt 16

2.      L-għan tal-proċedura għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi kkumpensat dannu, iżda li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, hemm bżonn li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn ikunu evidenti u li joħolqu l-effetti tagħhom minn qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

Barra minn hekk, hija l-parti li titlob l-għoti tal-miżuri provviżorji li għandha tippreżenta l-prova li hija ma tistax tistenna l-konklużjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali, mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip.

Għalhekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ineffettiva meta l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba ma jistax jirrimedja għad-dannu morali allegat iktar milli jagħmel annullament eventwali tad-deċiżjoni kontenzjuża fi tmiem il-kawża prinċipali.

(ara l-punti 20 u 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, C‑65/99 P(R), punt 62

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, punt 25; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch‑Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, punt 27; 25 ta’ Novembru 2003, Clotuche vs Il‑Kummissjoni, T‑339/03 R, punt 24

3.      Hekk kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 35(1)(d) u tal-Artikolu 102(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, talba għal miżuri provviżorji għandha tippermetti, minnha nnifisha, lill-konvenut jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn, peress li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom din hija bbażata għandhom jirriżultaw mit-test stess tat-talba għal miżuri provviżorji.

(ara l-punt 32)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 27 ta’ April 2010, Il‑Parlament vs U, T‑103/10 P(R), punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata