Language of document : ECLI:EU:T:2014:983

Kawża T‑450/09

Simba Toys GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja tridimensjonali — Kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Assenza ta’ sinjal kompost esklużivament mill-forma ta’ prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku — Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009] — Assenza ta’ sinjal kompost esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott — Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 207/2009] — Assenza ta’ sinjal kompost esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott — Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009] — Karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009) — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009) — Karattru distintiv miksub bl-użu — Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009) — Obbligu ta’ motivazzjoni — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-25 ta’ Novembru 2014

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Kunċett — Interpretazzjoni fid-dawl tal-interess ġenerali relatat miegħu

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta' riżultat tekniku — Identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali li huma komposti esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(iii))

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv — Trade marks tridimensjonali li huma komposti mill-forma tal-prodott — Karattru distintiv — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

6.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv — Trade marks tridimensjonali li huma komposti mill-forma tal-prodott — Kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

7.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(ċ))

8.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Trade mark tridimensjonali — Kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(ċ))

9.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 ‑ Portata identika għal dik tal-Artikolu 253 KE
(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

1.      Kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tkun interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tiegħu. L-interess ġenerali li huwa l-bażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament huwa li jkun evitat li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew fuq il-karatteristiċi utilitarji ta’ prodott.

Ir-regoli ffissati mil-leġiżlatur jirriflettu, f’dan ir-rigward, il-bilanċ ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet li t-tnejn li huma jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ sistema ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u leali.

Minn naħa, l-introduzzjoni fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 tal-projbizzjoni li jkun irreġistrat bħala trade mark kull sinjal li huwa kompost mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku tiżgura li impriżi ma jistgħux jużaw id-dritt tat-trade marks sabiex iwettqu, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet esklużivi li jirrigwardaw soluzzjonijiet tekniċi.

Fil-fatt, meta l-forma ta’ prodott kull ma tagħmel huwa li tinkorpora s-soluzzjoni teknika implementata mill-manifattur ta’ dan il-prodott u privattivata fuq l‑applikazzjoni tiegħu, protezzjoni ta’ din il-forma bħala trade mark wara l‑iskadenza tal-privattiva tnaqqas kunsiderevolment u perpetwalment il-possibbiltà għall-impriżi l-oħra li jużaw din is-soluzzjoni teknika. Issa, fis-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif żviluppata fl-Unjoni, is-soluzzjonijiet tekniċi biss jistgħu jkollhom protezzjoni għal tul limitat, b’mod li huma jistgħu jkunu użati liberament sussegwentement mill-operaturi ekonomiċi kollha.

Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ forma esklużivament funzjonali ta’ prodott bħala trade mark tista’ tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark li jipprojbixxi lill-impriżi l-oħra mhux biss l-użu tal-istess forma, iżda wkoll l-użu ta’ forom li jixxiebhu.

Minn naħa, billi llimita r-raġuni għal rifjut li jinsab fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għas-sinjali komposti “esklu[ż]ivament” mill-forma tal-prodott “neċessarja” għall-kisba ta’ riżultat tekniku, il-leġiżlatur debitament ikkunsidra li kull forma tal-prodott hija, sa ċertu punt, funzjonali u li konsegwentement ma jkunx xieraq li tkun irrifjutata r-reġistrazzjoni bħala trade mark forma ta’ prodott għas-sempliċi raġuni li hija tippreżenta karatteristiċi utilitarji. Permezz tat-termini “esklu[ż]ivament” u “neċessarja”, din id‑dispożizzjoni tiżgura li l-forom ta’ prodott li jinkorporaw soluzzjoni teknika biss u li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark toħloq għalhekk realment l-użu ta’ din is-soluzzjoni teknika permezz ta’ impriżi oħra li jkunu miċħuda r‑reġistrazzjoni.

(ara l-punti 32-37)

2.      L-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni huma debitament identifikati mill-awtorità li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark. L-espressjoni “karatteristiċi essenzjali” għandha tinftiehem li hija tfisser l-elementi l-iktar sinjifikattivi tas-sinjal.

L-identifikazzjoni tal-imsemmija karatteristiċi essenzjali għandha ssir każ b’każ, mingħajr ma teżisti ebda ġerarkija sistematika bejn it-tipi ta’ elementi differenti li sinjal jista’ jkollu. Fir-riċerka tagħha tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ kemm tibbaża ruħha direttament fuq l-impressjoni globali mogħtija mis-sinjal, jew tipproċedi, l-ewwel nett, għal eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tas-sinjal.

B’mod partikolari, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali fir-rigward ta’ eventwali applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ diffikultà tagħha, isseħħ permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva ta’ dan is-sinjal jew, bil-kontra, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal stħarriġ u perizji, jew ukoll data dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

Ladarba l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma identifikati, huwa mill-ġdid l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) li għandu jivverifika jekk dawn il-karatteristiċi kollha jissodisfawx il-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax japplika meta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tirrigwarda forma ta’ prodott li fih element li mhux funzjonali, bħal element ornamentali jew imaġinattiv, igawdi minn rwol importanti. F’dan il-każ, l-impriżi kompetituri għandhom faċilment aċċess għal forom alternattivi ta’ funzjonalità ekwivalenti, b’mod li ma jeżistix riskju li d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika tkun milquta. Din tal-aħħar tista’, f’din l-ipoteżi, tkun inkorporata mingħajr diffikultà mill-kompetituri tal-proprjetarju tat-trade mark fil-forom ta’ prodott li ma għandhomx l-istess element mhux funzjonali li għandha l-forma tal-prodott ta’ dan il-proprjetarju u li, fir-rigward tagħha, għalhekk ma humiex la identiċi u lanqas jixxiebhu

(ara l-punti 38-41)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 44-77)

4.      Skont l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, “[m]a jistgħux jiġu rreġistrati […] [s]injali li jikkonsistu esklussivament [...] [f’]forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom”. Sabiex din ir-raġuni għal rifjut tintlaqa’, jeħtieġ li s-sinjal ikkonċernat ikun kompost esklużivament minn forma u li l-karatteristiċi estetiċi tagħha, jiġifieri d-dehra esterna tagħha, jiddeterminaw sa ċertu punt l-għażla tal-konsumatur u, għalhekk, il-valur kummerċjali tal-prodott inkwistjoni. Meta l-forma tagħti għalhekk valur sostanzjali lill-prodott inkwistjoni, huwa irrilevanti li karatteristiċi oħrajn ta’ dan il-prodott, bħall-kwalitajiet tekniċi tiegħu, jistgħu wkoll jagħtuh valur sinjifikattiv.

(ara l-punti 86, 87)

5.      Skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, ma jistgħux jiġu rreġistrati t‑“trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”. Il-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u b’hekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra. Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal‑prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l‑oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ dan il-karattru distintiv.

Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali komposta mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks.

Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f’dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f’dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva.

Barra minn hekk, iktar mal-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun relatata mal-forma li x’aktarx jieħu l-prodott inkwistjoni, iktar ikun probabbli li l-imsemmija forma ma hijiex ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f’dan, tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha tal-oriġini li ma hijiex ta’ karattru distintiv fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

Fl-aħħar nett, sabiex ikun evalwat jekk forma komposta minn diversi elementi tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tiġi analizzata l-impressjoni ġenerali li l-prodott jagħti b’din il-kompożizzjoni, li ma jkunx inkompatibbli ma’ eżami suċċessiv tal-elementi differenti tal-preżentazzjoni użati.

(ara l-punti 92-94, 96-99)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 103, 104, 106-110)

7.      L-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jipprojbixxi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jaqgħu taħtu jkunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni ssegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati liberament minn kullħadd. Dawn is-sinjali u l-indikazzjonijiet huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, sabiex jindikaw sew direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, il-prodotti jew is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita bl-imsemmija dispożizzjoni, huwa għandu jkollu rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni b’mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr riflessjoni ulterjuri, deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti u dawn is-servizzi jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’riferiment għal dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, il-karattru deskrittiv ta’ trade mark jista’ jiġi evalwat b’riferiment għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark u fid-dawl tal-perċezzjoni preżunta ta’ konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

(ara l-punti 116-120)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 123-125)

9.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandhom ikunu motivati. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħala dak stabbilit bl-Artikolu 253 KE.

L-obbligu li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet individwali għandu żewġ għanijiet, li jippermetti, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet għat-teħid tad-deċiżjoni sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni.

Il-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux jinħtieġu li jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdet id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet adottata u lill-qorti kompetenti li jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 135-137)